8.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Ġunju 2012

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

(2012/499/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(3), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Novembru 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mar-Repubblika tat-Turkija dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (“il-Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-21 ta’ Ġunju 2012.

(2)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(3)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(4)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta magħha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna/persuni mogħtija s-setgħa għall-firma tal-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN