5.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 239/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-3 ta’ Settembru 2012
li temenda d-Deċiżjoni 2000/96/KE fir-rigward tal-enċefalite li tinġarr mill-qurdien u l-kategorija ta’ mard li jittieħed trasmess mill-insetti
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 3241)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/492/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-istabbiliment ta’ network għas-sorveljanza epidemoloġika u kontroll ta’ mard li jinxtered fil-Komunità (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 3(a) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/96/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b’mod progressiv fin-netwerk tal-Komunità skont id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), telenka ċertu mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b’sorveljanza epidemjoloġika fin-netwerk Komunitarju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE. |
(2) |
L-Anness tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE jsemmi b’mod speċifiku ‘Mard trasmess mill-insetti” bħala kategorija ta’ mard li jittieħed li trid tintgħażel sabiex tinkiseb informazzjoni uniformi għal finijiet ta’ rappurtar. |
(3) |
L-enċefalite (TBE) li tinġarr mill-qurdien hija marda fil-bniedem li tinġarr mill-qurdien li tikkawża diżabilitajiet newroloġiċi fit-tul u riżultati fatali sa 1,4 %. Il-marda tista’ tiġi pprevenuta permezz tat-tilqim u matul dawn l-aħħar snin l-inċidenza tagħha żdiedet u nfirxet lejn żoni ġeografiċi ġodda fl-Ewropa. Dawn l-iżviluppi x’aktarx li ġejjin minn kawżi differenti, inklużi l-bidla fil-klima u t-tibdil fl-ambjent fejn jgħix il-qurdien. |
(4) |
Għaldaqstant it-TBE tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2000/96/KE għall-għażla ta’ mard li jittieħed li jrid jiġi kopert b’sorveljanza epidemjoloġika ġewwa n-netwerk tal-Komunità li ġie stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, u huwa xieraq li tiżdied mal-lista ta’ mard li jittieħed li jrid jiġi kopert b’din is-sorveljanza epidemjoloġika fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/96/KE. |
(5) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf bid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/96/KE hu emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Settembru 2012.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1.
ANNESS
Fil-punt 2.5 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/96/KE jiżdied il-punt 2.5.5 li ġej:
“2.5.5 Mard li jiġi trasmess mill-insetti
Enċefalite li tinġarr mill-qurdien (TBE)”