1.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ April 2012

dwar l-għajnuna mill-istat SA.25051 (C 19/10) (ex NN 23/10) mogħti mill-Ġermanja lil Zweckverband Tierkörperbeseitigung f'Rhineland-Palatinate, Saarland, Rheingau-Taunus-Kreis u Landkreis Limburg-Weilburg

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 2557)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/485/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u partikolarment l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu (1),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont l-Artikolu ċitat hawn fuq (2), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fi lment ippreżentat minn Saria Bio-Industries AG & Co KG (“il-kwerelant”) fit-23 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni kienet infurmata li l-Ġermanja tagħti kontributi annwali lil Zweckverband Tierkörperbeseitigung (assoċjazzjoni b'għan speċjali għar-rimi tal-karkassi tal-annimali) f'Rhineland-Palatinate, Saarland, Rheingau-Taunus-Kreis u Landkreis Limburg-Weilburg (“ZT”).

(2)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2010 li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-miżura (“deċiżjoni tal-ftuħ”) Mal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-26 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura (3).

(3)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-kwerelant fil-25 ta’ Novembru 2010. Skont it-talbiet approvati għall-estensjoni tad-data tal-iskadenza tal-20 ta’ Awwissu 2010 u t-18 ta’ Novembru 2011, il-Ġermanja ppreżentat il-kummenti tagħha dwar id-deċizjoni tal-ftuħ u dwar il-kummenti tal-kwerelant f'bosta partijiet fit-3 ta’ Marzu 2011, l-1 ta’ April 2011, l-4 ta’ April 2011, is-16 ta’ Mejju 2011, il-15 ta’ Lulju 2011, u t-18 ta’ Novembru 2011.

(4)

ZT bagħtet kummenti bil-miktub lill-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2011. Skont l-Artikolu 20(1) flimkien mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (4), il-partijiet konċernati huma meħtieġa li jippreżentaw il-kummenti tagħhom sa mhux iktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, iżda ZT ippreżentat il-kummenti tagħha biss wara erba' xhur. Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra kummenti li huma ppreżentati tard minn partijiet għal proċeduri iss f'każijiet individwali ġustifikati (5). Il-Kummissjoni ma tarax ġustifikazzjoni ta’ dan it-tip fl-ittra ta’ ZT jew fi kwalunkwe ċirkostanza oħra. Il-Kummissjoni għalhekk infurmat lil ZT f'ittra tat-18 ta’ April 2011 li kieku tikkunsidra l-kummenti tagħha fil-proċedura formali ta’ eżaminazzjoni, dan ikun kontra r-regoli ta’ proċedura u jwassal għal trattament inugwali mhux ġustifikabbli tal-partijiet fil-proċeduri. Madankollu hija ħadet l-informazzjoni kollha li kien hemm fil-kummenti bħala bażi għal din id-deċiżjoni.

(5)

B'mod parallel mal-proċedura formali ta’ eżaminazzjoni, il-kwerelant kien segwa proċeduri legali nazzjonali fil-Ġermanja u kien beda azzjoni kontra ZT quddiem il-Verwaltungsgericht Trier (il-Qorti Amministrattiva ta’ Trier). Fit-2 ta’ Diċembru 2008 il-Qorti sostniet li l-kontribuzzjonijiet annwali kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Fir-rigward tal-ħlas lura tal-għajnuna illegali, il-Qorti ddeċidiet li ZT ma kellhiex tħallas lura l-ammont li rċeviet bejn l-2005 u l-2008 peress illi kien hemm ċirkostanzi speċjali li ġiegħlu l-ħlas lura jidher sproporzjonat.

(6)

Kemm il-kwerelant kif ukoll ZT appellaw kontra s-sentenza tal-Verwaltungsgericht Trier lill-Oberverwaltungsgericht Koblenz (Il-Qorti Amministrattiva Għolja ta’ Koblenz). Fl-24 ta’ Novembru 2009 l-Oberverwaltungsgericht ikkonfermat is-sentenza tal-Verwaltungsgericht Trier.

(7)

Il-kwerelant u ZT appellaw lill-Bundesverwaltungsgericht (“il-BverwG” — il-Qorti Amministrattiva Federali) kontra d-deċiżjoni tal-Oberverwaltungsgericht Koblenz. F'sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010 (6) il-Bundesverwaltungsgericht irrifjutat l-appell tal-kwerelant, emendat id-deċiżjoni tal-Oberverwaltungsgericht Koblenz, u rrifjutat l-applikazzjoni kollha, billi kkunsidrat li l-ilment kien inammissibbli fir-rigward tas-snin 2005 sa 2009 u li l-kontribut annwali għall-2010 ma rrapreżentax għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   Sfond legali

2.1.1.   Leġiżlazzjoni Ewropea

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (7) jirregola l-ġbir, it-trasport, il-ħażna, it-trattament, l-ipproċessar u l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali sabiex dawn il-prodotti ma jkunux ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali. Il-leġiżlazzjoni hi maħsuba biex fost l-oħrajn tipprevjeni tifqigħat tal-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSE) u mard tal-annimali trasmissibbli ieħor bħad-deni tal-ħnieżer klassiku (CSF) jew il-marda tal-ilsien u d-dwiefer (FMD).

(9)

Is-sezzjoni 4 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tagħmel distinzjoni bejn tliet kategoriji differentI ta’ prodotti sekondarji tal-annimali skont ir-riskji speċifiċi għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem:

(a)

Materjal tal-kategorija 1 hu ta’ riskju sostanzjali assoċjat partikolarment mat-TSE u l-eżistenza ta’ ċerti sustanzi pprojbiti u kontaminanti ambjentali. Materjal f'din il-kategorija jikkonsisti, fost affarijiet oħra, minn partijiet mill-iġsma tal-annimali sospettati li huma infettati bit-TSE jew annimali li fihom il-preżenza tat-TSE kienet ikkonfermata, u taħlitiet ta’ materjal tal-kategorija 1 ma’ materjal tal-kategorija 2 jew tal-kategorija 3. Tali materjali għandhom jinqerdu permezz ta’ inċinerazzjoni jew proċessar u m'għandhomx ikunu inklużi f'għalf għal annimali tat-trobbija jew fi prodotti tekniċi.

(b)

Materjal tal-kategorija 2 ukoll hu ta’ riskju konsiderevoli peress illi jikkonsisti f'annimali mejta jew materjali oħra li jinkludu ċerti sustanzi jew kontaminanti pprojbiti. Materjal ta’ din il-kategorija għandu jinqered permezz tal-inċinerazzjoni jew proċessar u m'għandux ikun inkluż f'għalf għal annimali tat-trobbija. F'ċerti każijiet madankollu, jista' jintuża bħala fertilizzant jew għal skopijiet tekniċi.

(c)

Materjal tal-katergorija 3 jinkludi, fost affarijiet oħra, partijiet minn annimali maqtula li, għalkemm ikunu ġew irrifjutati bħala mhux tajba għall-konsum mill-bniedem, ma jkunu affettwati bl-ebda sinjal ta’ mard li jista' jittieħed mill-bniedem jew mill-annimali kif ukoll materjali li joriġinaw minn annimali li huma tajba għall-konsum mill-bniedem iżda li għal raġunijiet ekonomiċi jintużaw għal skopijiet oħra, bħal għalf għal annimali tat-trobbija.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 hu essenzjalment ekwivalenti għall-predeċessur tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u jinkludi dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ materjali tal-kategoriji 1 u 2 u li jeħtieġu li l-impjanti għar-rimi tagħhom ikunu approvati mill-awtoritajiet kompetenti li għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, imbagħad, jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għar-rimi ta’ materjali tal-kategoriji 1 u 2. Madankollu, minbarra dan ma hemm l-ebda rekwiżiti taħt ir-Regolament fir-rigward tal-mod kif ir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 għandu jkun organizzat f'termini ekonomiċi. Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 ma jirrikjedix li rimi f'żona partikolari jsir minn impriża unika waħedha, kif inhu l-każ fil-Ġermanja.

2.1.2.   Leġiżlazzjoni nazzjonali

(11)

Taħt § 3 tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li timplimenta d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar l-ipproċessar u r-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem (9) (“TierNebG”), distretti rurali (Landkreise) u distretti urbani (kreisfreie Städte) huma obbligati jieħdu ħsieb ir-rimi u l-ipproċessar ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 — imsejħa “prodotti kkontrollati”. Dan ix-xogħol jista' jitwettaq minnhom stess jew inkella jistgħu jikkuntrattaw partijiet terzi biex jagħmluh.

(12)

Ir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 3 — imsejħa “prodotti mhux ikkontrollati” — jista' jsir minn kwalunkwe impriża ta’ pproċessar sakemm ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

2.2.   Zweckverband Tierkörperbeseitigung

(13)

ZT hija entità tad-dritt pubbliku mwaqqfa fl-1979 taħt §§ 1 u 2 tar-Rhineland-Palatinate Landesgesetz zur Ausführung des TierNebG (10) (“TierNebGAG RP” — il-Liġi tal-Istat Rhineland-Palatinate li timplimenta l-Att dwar il-Prodotti Sekondarji tal-Annimali). Sadanittant id-distretti rurali kollha u distretti urbani akbar f'Rhineland-Palatinate u Saarland u żewġ distretti rurali f'Hessen — Rheingau-Taunus-Kreis u Landkreis Limburg-Weilburg — saru membri ta’ ZT (ara § 1 Verbandsordnung ta’ ZT (artikoli ta’ assoċjazzjoni)).

(14)

Taħt § 2 tal-Verbandsordnung tagħha, ZT hija awtorizzata mill-membri tagħha biex tassumi d-drittijiet u l-obbligi kollha tad-distretti rurali u d-distretti urbani fil-kapaċità tagħhom bħala entitajiet responsabbli għar-rimi taħt § 3 tat-TierNebG flimkien mal-liġijiet tal-istati Ġermaniżi individwali.

(15)

Taħt il-liġi Ġermaniża, assoċjazzjoni b'għan speċjali ma tistax tkun is-suggett ta’ proċeduri ta’ falliment minħabba n-natura legali tagħha bħala entità tad-dritt pubbliku. Madankollu, il-membri tagħha jistgħu jiddeċiedu li jxoljuha.

2.3.   Rimi ta’ bhejjem mejta u skart mill-biċċeriji

2.3.1.   L-attivitajiet ta’ ZT

(16)

ZT mhux biss twettaq il-kompiti assenjati lilha skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha, jiġifieri li tarmi materjal tal-kategoriji 1 u 2 miż-żona li tkopri (“materjal intern”), iżda wkoll tarmi materjal tal-kategoriji 1 u 2 mill-istati Ġermaniżi viċini ta’ Baden-Württemberg u Hessen (ara d-deskrizzjoni dettaljata f'paragrafi 20 u wara) kif ukoll materjal mhux ikkontrollat tal-kategorija 3 (flimkien imsejħa “materjal estern”).

(17)

Kif jidher mit-tabella hawn taħt, ZT ipproċessat kwantitajiet kbar ta’ materjal estern fil-passat. Bħala medja kważi nofs il-kwantità pproċessata fis-snin reċenti kienet tikkonsisti f'materjal estern.

Tabella 1

Kwantitajiet proċessati minn ZT fis-snin 1998–2009

 

Materjal intern

Materjal estern

 

 

Baden-Württemberg

Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali

Prodotti kontrollati tal-kategoriji 1 u 2

Prodotti mhux kontrollati tal-kategorija 3

Prodotti kkontrollati tal-kategoriji 1 u 2

Prodotti kkontrollati tal-kategoriji 1 u 2

Total

1998

Tunnellati

38 055

[…] (*)

0

0

(…)

%

(…)

(…)

0  %

0  %

100  %

1999

Tunnellati

41 081

(…)

0

0

(…)

%

(…)

(…)

0  %

0  %

100  %

2000

Tunnellati

44 929

(…)

1 114

0

(…)

%

(…)

(…)

(…)

0  %

100  %

2001

Tunnellati

57 110

(…)

14 079

0

(…)

%

(…)

(…)

(…)

0  %

100  %

2002

Tunnellati

58 316

(…)

14 803

0

(…)

%

(…)

(…)

(…)

0  %

100  %

2003

Tunnellati

54 325

(…)

16 067

0

(…)

%

(…)

(…)

(…)

0  %

100  %

2004

Tunnellati

52 562

(…)

13 228

0

(…)

%

(…)

(…)

(…)

0  %

100  %

2005

Tunnellati

48 944

(…)

11 658

0

(…)

%

(…)

(…)

(…)

0  %

100  %

2006

Tunnellati

45 988

(…)

11 389

0

(…)

%

(…)

(…)

(…)

0  %

100  %

2007

Tunnellati

44 544

(…)

6 797

0

(…)

%

(…)

(…)

(…)

0  %

100  %

2008

Tunnellati

41 838

(…)

7 046

0

(…)

%

(…)

(…)

(…)

0  %

100  %

2009

Tunnellati

36 863

(…)

8 569

23 312

(…)

%

(…)

(…)

(…)

(…)

100  %

Medja

Tunnellati

47 046

(…)

8 729

1 943

(…)

mill-1998 sal-2009

%

(…)

(…)

(…)

(…)

100  %

(18)

Materjal intern jikkonsisti f'bhejjem mejta u skart mill-biċċeriji. ZT tagħmel kemm il-ġbir kif ukoll l-ipproċessar (minn hawn 'il quddiem imsemmija flimkien bħala “rimi”) Sabiex tkopri l-kostijiet involuti, ZT tapplika imposti. Skali differenti ta’ imposti huma applikati għal bhejjem mejta u skart mill-biċċeriji.

(19)

Peress illi materjal tal-kategorija 3 jinbiegħ fuq is-suq ħieles, ZT tistabbilixxi l-imposti għar-rimi taħt id-dritt privat. Waqt li l-parti l-kbira mill-impjanti privati għar-rimi jarmu materjal tal-kategorija 3 separatament sabiex jiksbu dħul ogħla mill-bejgħ billi jipproċessawh — pereżempju f'ikel għall-annimali — ZT tipproċessa materjal tal-kategorija 3 flimkien ma’ prodotti kkontrollati, għax din m'għandhiex impjant separat. Bħala riżultat ta’ dan jistgħu jinkisbu biss prodotti finali ta’ valur baxx — bħal żejt u xaħam — minn prodotti kkontrollati pproċessati.

(20)

Sa mill-2000, ZT ipproċessat ukoll skart mill-biċċeriji tal-kategoriji 1 u 2 minn Baden-Württemberg. Għal dan il-għan ġie konkluż ftehim bi skop speċjali taħt id-dritt pubbliku bejn ZT u Zweckverband Neckar-Franken. Skont il-ftehim, il-ġbir sar lokalment minn Zweckverband Neckar-Franken u l-materjal imbagħad intbagħat lil ZT għall-ipproċessar.

(21)

Fl-2007 ZT għamlet ukoll offerta biex tarmi l-prodotti kkontrollati fid-distretti rurali ta’ Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali taħt sejħa għall-offerti u ngħatat il-kuntratt. Qabel ma ZT ħadet f'idejha l-kompitu tar-rimi fl-1 ta’ April 2009, ir-rimi kien isir minn waħda mill-kumpaniji fil-grupp tal-kwerelant.

(22)

Għaldaqstant ZT fittxet li timmasimizza l-użu tal-kapaċità tal-impjant tagħha mhux biss billi tipproċessa materjal estern, iżda wkoll billi involviet ruħha b'mod pjuttost qawwi, barra mill-kompitu formali tagħha, kemm fl-iipproċessar ta’ materjal tal-kategorija 3, li jinbiegħ liberament, u kemm materjal tal-kategoriji 1 u 2 minn barra ż-żona koperta mill-assoċjazzjoni. Bejn l-2002 u l-2008 minn 54 % sa 58 % biss tal-kwantitajiet ipproċessati minn ZT kienu materjal intern. Fl-2009 - parzjalment minħabba l-inklużjoni ta’ materjal minn Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali — dan il-proporzjon waqa' b'mod konsiderevoli għal 39 % biss, li jammonta għal inqas minn nofs l-ammont totali pproċessat minn ZT.

2.3.2.   Il-kapaċità tal-impjant ta’ ZT

(23)

ZT għandha żewġ impjanti tar-rimi, f'Rivenich u Sandersmühle. Waqt operazzjoni normali iż-żewġ impjant jagħmlu medja ta’ żewġ xiftijiet f'ħamest ijiem ta’ matul il-ġimgħa (operazzjoni ta’ ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet). F'dan iż-żmien jista' jkun ipproċessat massimu ta’ 2 160 tunnellata kull ġimgħa. Din il-kapaċità ta’ operazzjoni normali kienet, fuq livell medju, biżżejjed biex jiġu pproċessati t-88 000 tunnellata li jirriżultaw kull sena f'dawn l-aħħar snin, li jammontaw għal 1 700 tunnellata fil-ġimgħa.

(24)

Bħal kumpaniji tar-rimi oħra, ZT għandha kapaċità operazzjonali żejda fil-forma ta’ xiftijiet mhux użati li jseħħu waqt operazzjoni normali fost il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa. Din il-kapaċità operazzjonali żejda tista' tintuża għall-ipproċessar ta’ karkassi addizzjonali fil-każ ta’ epidemija.

2.3.2.1.   Kapaċità operazzjonali żejda għal żmien qasir

(25)

Skont l-informazzjoni provduta minn ZT, l-impjanti jistgħu jkunu operati fuq tliet xiftijiet kull jum tal-ġimgħa (operazzjoni ta’ sebat ijiem bi tliet xiftijiet) għal perjodu qasir ta’ bejn 6 ġimgħat u 12-il ġimgħa. Dan ifisser li għal perjodi qosra tkun possibbli kapaċità ta’ kull ġimgħa sa 4 536 tunnellata. Madankollu, ma tistax tinżamm operazzjoni kontinwa ta’ tliet xiftijiet fuq sebat ijiem minħabba l-użu u l-għejja tal-persunal.

(26)

Għaldaqstant għal żmien qasir - għal perjodu ta’ mhux iktar minn 12-il ġimgħa - ZT għadha kapaċità operazzjonali, aktar miċ-ċifra normali, ta’ 2 376 tunnellata fil-ġimgħa disponibbli għall-ipproċessar fil-każ ta’ epidemija (ara wkoll it-Tabella 3 fis-sezzjoni 9.3.1).

2.3.2.2.   Kapaċità operazzjonali żejda għal żmien twil

(27)

Fuq perjodu ta’ żmien itwal l-impjanti jistgħu, madakollu, jintużaw għal massimu ta’ tliet xiftijiet għal ħamest ijiem matul il-ġimgħa (operazzjoni ta’ ħamest ijiem bi tliet xiftijiet) biex jipproċessaw materjal addizzjonali dovut għal epidemija, peress illi jkun hemm bżonn li matul tmiem il-ġimgħa jsir xogħol ta’ manutenzjoni fil-każ ta’ użu ogħla għal perjodu kemmxejn twil. F'dan il-każ jistgħu jkunu pproċessati sa 3 240 tunnellata fil-ġimgħa.

(28)

Għalhekk fuq perjodu itwal — fuq perjodu ta’ iktar minn 12-il ġimgħa - ZT għandha l-kapaċità operazzjonali ta’ 1 080 tunnellata fil-ġimgħa, apparti l-figura normali, għall-ipproċessar fil-każ ta’ epidemija (ara wkoll it-Tabella 3 fit-Sezzjoni 9.3.1).

2.4.   Kontribut annwali u kompitu pubbliku

(29)

Il-kontributi annwali li tirċievi ZT mill-membri tagħha (distretti rurali u urbani) għandhom il-bażi legali tagħhom fil-Verbandsordnung ta’ ZT. L-għan tal-kontribut annwali hu li jkun hemm kumpens għall-kostijiet li mhumiex koperti minn dħul (ara § 9(1) tal-Verbandsordnung).

(30)

L-ammont tal-kontribut annwali hu stabbilit skont l-istatut tal-baġit annwali, li l-ewwel għandu jkun approvat matul il-laqgħa ġenerali tal-membri. Malli l-istatut tal-baġit jiġi adottat, ZT tkun intitolata li titlob il-ħlas tal-kontribut annwali permezz ta’ att amministrattiv.

(31)

Fi Frar 2010 il-Verbandsordnung ta’ ZT kien emendat b'effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2009. Sa dan iż-żmien il-Verbandsordnung ma kellux regoli rigward l-użu u l-kalkolazzjoni tal-kontributi annwali barra mid-dispożizzjonijiet ta’ § 9(1), imma fi Frar 2010 d-dispożizzjonijiet ġodda segwenti kienu introdotti.

(32)

Skont § 9(2) tal-Verbandsordnung il-kontribut annwali issa għandu jkun iffissat minn qabel. Ir-regoli jispeċifikaw ukoll li l-kontribut annwali jista' jkun impost biss bħala kumpens għall-kostijiet li jkun hemm bħala riżultat tal-obbligu trasferit lilha għar-rimi tal-materjal tal-kategoriji 1 u 2 u biex iżżomm riżerva fil-kapaċita tagħha biex tkun tista' tlaħħaq ma’ epidemiji.

(33)

Skont § 10(2) tal-Verbandsordnung il-kapaċità ta’ riżerva għall-epidemiji li kellha tkun ipprovduta għal kull sena għas-snin 2009 u 2010 kienet stabbilita għal 7 110 tunnellata, li kellhom ikunu pproċessati fi żmien sitt ġimgħat (ekwivalenti għal sitt darbiet 1 185 tunnellata fil-ġimgħa). Meta kien qed ikun iffissat id-daqs tar-riżerva għall-empidemiji, kien ikkunsidrat il-fatt li, apparti l-kapaċità ta’ ZT stess, kienu disponibbli 5 000 tunnellata oħra ta’ kapaċità ta’ rimi alternattiva kull sena fil-każ ta’ epidemija. IL-Kostijiet tar-riżerva tal-epidemiji għandhom ikunu stabbiliti minn qabel fil-pjan tan-negozju relevanti, u l-uniċi kostijiet li jistgħu jkunu kkunsidrati huma l-proporzjon adegwat tal-kostijeit fissi (deprezzament, taxxi, assigurazzjoni, imgħax fuq is-self), il-kostijiet tal-kuntratti ta’ manutenzjoni barranin, u l-proporzjon ta’ kostijiet għall-persunal meħtieġ biex ikun hemm preparazzjoni operazzjonali kostanti. Il-kostijiet tar-riżerva għall-epidemiji għandhom jitniżżlu f'kontijiet speċifiċi, separatament minn kostijiet oħra tal-impriża u huma allokati skont is-sehem relevant tal-kapaċità.

(34)

Mit-twaqqif tagħha fl-1979 sal-2011, ZT irċeviet kontributi annwali li laħqu EUR 66 493 680. Iċ-ċifri annwali mill-1998 kienu s-segwenti:

1998

:

EUR 2 114 192 (DM 4 135 000)

1999

:

EUR 2 432 216 (DM 4 575 000)

2000 u 2001

:

EUR 2 249 684 (DM 4 400 000) kull sena

2002 sa 2008

:

EUR 2 250 000 kull sena

2009

:

EUR 1 961 515

2010

:

EUR 2 212 392

2011

:

EUR 1 962 515

(35)

Il-kontributi annwali mill-1998 sal-2011 jammontaw għal total ta’ EUR 30 932 198,

(36)

Skont ir-rapporti tal-introjtu ippreżentati, ZT għamlet telf aggregat ta’ EUR 4 562 795 bejn l-1998 u l-2009 wara l-inklużjoni tal-kontributi annwali. Jekk jitħallew barra l-kontributi, li ammontaw għal EUR 26 757 292, it-telf aggregat bejn l-1998 u l-2009 hu ta’ EUR 31 320 678. Għaldaqstant il-kontributi annwali ma kinux biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għat-telf kollu.

2.5.   Għajnuna mill-Istat approvata inkonnessjoni mat-testijiet għat-TSE, bhejjem mejta u skart mill-biċċeriji

(37)

Il-prinċipju “min iniġġes iħallas” skont l-Artikolu 191(2) tat-TFUE japplika b'mod ġenerali għar-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali. Għaldaqstant hi primarjament ir-responsabbiltà tal-produtturi li jieħdu ħsieb ir-rimi tal-bhejjem maqtula u l-iskart mill-biċċeriji u li jħallsu l-kostijiet involuti (11).

(38)

Madankollu, minħabba l-kriżi tat-TSE, kien hemm bżonn li jkun żgurat trattament tajjeb tal-bhejjem mejta u tal-iskart mill-biċċeriji li huma materjali tal-kategoriji 1 u 2 u li jiġu appoġġjati l-bdiewa permezz ta’ għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni Ewropea għamlet arranġamenti korrispondenti fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tat-testijiet għat-TSE, bhejjem mejta u skart mill-biċċeriji tal-24 ta’ Diċembru 2002 (12) (“il-linji gwida tal-Komunità dwar it-TSE”). Dawn l-arranġamenti kienu inkorporati u nfurzati fis-Sezzjoni V.B.4 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura u l-forestrija mill-2007 sal-2013 (13) (“il-linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007-2013”).

(39)

Skont il-linji gwida tal-Komunità dwar it-TSE u l-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna agrikola 2007-2013, min iniġġes għandu jħallas għar-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali (14). F'ċerti ċirkostanzi limitati ħafna, però, l-għajnuna hi permessa għal testijiet tat-TSE u għar-rimi ta’ bhejjem maqtula (15). L-ebda għajnuna ma tista' tingħata għar-rimi ta’ skart mill-biċċeriji (16). Barra minn hekk l-għajnuna hi kompatibbli mas-suq intern biss jekk jista' jintwera li l-għajnuna tingħata biss lil bdiewa u mhux lill-impriżi tal-produzzjoni iktar 'l isfel fil-katina ta’ attivitajiet (bħal biċċeriji jew impjanti għar-rimi tal-annimali) (17).

2.5.1.   Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2004 fil-każ dwar l-għajnuna NN 33/03

(40)

Fl-2004 il-Kummissjoni approvat skema tal-għajnuna mill-Istat biex tiġġieled kontra t-TSE fir-Rhineland-Palatinate li kienet notifikata mill-Ġermanja taħt l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-linji gwida Komunitarji dwar it-TSE, u l-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur agrikolu tat-12 ta’ Awwissu 2000 (18). L-għan tal-iskema kien il-prevenzjoni tat-tifrix tal-BSE, billi, fost affarijiet oħra, jingħata rimbors lill-bdiewa għall-kostijiet addizzjonali li jkunu ġarrbu għar-rimi xieraq ta’ materjal riskjuż wara l-introduzzjoni tal-projbizzjoni li l-baqar jingħataw għalf li jkun fih laħam u għadam.

(41)

Flimkien ma’ miżuri oħra, il-Kummissjoni approvat għajnuna ta’ darba ta’ 100 % tal-kostijiet għar-rimi ta’ skart mill-biċċeriji riskjuż speċifikat li kien akkumula bejn Ottubru 2000 u Settembru 2001 bħala riżultat tal-projbizzjoni fuq l-għalf magħmul minn laħam u għadam. Madankollu, il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna kienu kkunsidrati bħala biċċeriji u mhux ZT.

2.5.2.   Deċizjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Lulju 2004 fil-każ dwar l-għajnuna N-15/04

(42)

Skont it-tieni skema tal-għajnuna li kienet awtorizzata wkoll fl-2004, il-bdiewa f'Rhineland-Palatinate kellhom jirċievu kumpens għall-kostijiet tal-ġbir u l-ipproċessar ta’ bhejjem mejta li għalihom kienu ħallsu kontributi lit-Tierseuchenkasse (19) (fond għall-annimali morda). Il-ħlasijiet applikati minn ZT għall-ġbir u l-ipproċessar tal-bhejjem mejta interni huma mħallsa f'partijiet ugwali mill-istati Ġermaniżi (Rhineland-Palatinate, Hessen, Saarland), il-membri tal-assoċjazzjoni, u t-Tierseuchenkasse tal-istati rispettivi. Madankollu, fil-każ tal-kostijiet tal-ipproċessar, is-sidien tal-annimali tat-trobbija jridu jagħmlu kontribut ta’ 25 fil-mija.

(43)

L-għajnuna, imħallsa direttament lil ZT, kienet approvata għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2013. Din kienet soġġetta għall-kundizzjoni li tingħata esklussivament lill-bdiewa u li magħha ma tingħatax għajnuna oħra.

(44)

Peress illi l-għajnuna ikkumpensat għal proporzjon mill-ħlasijiet stabbiliti minn qabel (100 % għall-ġbir u 75 % għall-ipproċessar), il-Kummissjoni kkonkludiet li din ingħatat esklussivament lill-bdiewa u li ma ħolqitx vantaġġ ekonomiku għal ZT.

2.5.3.   Relazzjoni bejn l-iskemi tal-għajnuna approvati NN 33/03 u N 15/04 u l-kontributi annwali

(45)

Iż-żewġ skemi ta’ għajnuna (“l-għajnuna agrikola”) huma mniżżla bħala introjtu fil-kotba ta’ ZT. Bħala riżultat ta’ dan it-telf li jidher fil-premessa 36 diġà jikkonsidra l-fatt li ZT irċeviet għajnuna agrikola bħala introjtu.

(46)

Fi kliem ieħor, ZT irċeviet il-kontributi annwali kif ukoll l-għajnuna agrikola biex tiffinanzja t-telf li kien fadal.

3.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA

(47)

Il-kwerelant isostni li ZT ma setgħetx tkompli topera ekonomikament kieku l-membri tagħha ma koprewx it-telf annwali li sar minħabba r-rimi ta’ materjal intern u estern bil-ħlas ta’ kontributi annwali. ZT, b'monopolju għar-rimi ta’ materjal intern u għaldaqstant mingħajr ebda kompetizzjoni, toffri prezzijiet iktar baxxi minn dawk tas-suq għal materjal estern. Il-politika tal-prezzijiet ta’ ZT hi mmirata lejn il-massimizzazzjoni tal-użu tal-impjanti tagħha, li għandhom kapaċità żejda għolja.

(48)

Il-kwerelant jara ħafna tipi ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-ħlasijiet tal-kontributi annwali. B'mod partikolari, ikkritika l-ipprezzar ta’ ZT fil-każ ta’ materjal ħieles tal-kategorija 3 u fil-każ tal-istedina għall-offerti għall-kuntratt tar-rimi f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali:

(a)

ZT offriet li tarmi l-iskart mill-biċċeriji bi prezzijiet li ma kinux jiddependu fuq il-kwantità pproċessata iżda li kienu fissi għal kull annimal. Dan hu attraenti għal biċċeriji iżgħar, għax is-separazzjoni ta’ prodotti kontrollati u dawk mhux kontrollati tinvolvi kostijiet ogħla milli għal biċċeriji li huma ikbar u attrezzati aħjar, biex jaqbżu l-proċess ta’ separazzjoni u biex jgħaddu materjal tal-kategorija 3 lil ZT flimkien ma’ skart mill-biċċeriji tal-kategoriji 1 u 2. Għaldaqstant ZT toffri li tarmi l-iskart mill-biċċeriji bi prezzijiet li ma jkoprux il-kostijiet tagħha għax fil-prezzijiet tagħha ma tinkludix il-kostijiet addizzjonali li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ materjal tal-kategorija 3 fl-istess ħin.

(b)

Fil-proċedura tal-offerti għar-rimi tal-prodotti kontrollati f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali, ZT irnexxielha tirbaħ il-kuntratt biss għaliex il-kostijiet fissi tagħha biex iżomm il-kapaċità ta’ riżerva kienu diġà koperti mill-kontribut annwali u għaldaqstant setgħet toffri prezzijiet iktar baxxi.

(49)

Il-Ġermanja ssostni, min-naħa l-oħra, li l-kontribut annwali kien neċessarju biex ikunu koperti l-kostijiet ta’ ZT li jirriżultaw mill-obbligazzjoni tagħha li tipprovdi kapaċità ta’ riżerva biex tlaħħaq mal-epidemiji. Bħala prova, il-Ġermanja pprovdiet studju espert mill-Istitut Fraunhofer li sar f'Marzu 2007 (20) (“l-istudju Fraunhofer”) biex turi li l-kost għal riżerva għall-epidemiji jammonta għal 50 % tal-kostijiet totali tal-kapaċità. Barra minn hekk, ġie ppreżentat l-argument li l-kontribut annwali kien ukoll neċessarju biex ikopri l-kostijiet għat-tindif tas-siti kontaminati.

(50)

Fl-eżaminazzjoni proviżorja tagħha, il-Kummissjoni inizjalment stabbiliet illi l-kontributi annwali jipprovdu vantaġġ ekonomiku għal ZT, peress illi jnaqqsu n-nefqa kurrenti tagħha, u li l-kriterji l-oħra għall-eżistenza tal-għajnuna kienu sodisfatti.

(51)

Il-Kummissjoni sostniet li din it-tip ta’ għajnuna hi ġeneralment projbita. Hi esprimiet ukoll id-dubji tagħha fir-rigward ta’ jekk il-kontribut annwali setax ikun ġustifikat bħala kumpens għaż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji. Il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha fuq eżaminazzjoni ta’ erba' kriterji mniżżla fis-sentenza Altmark (21):

(a)

L-impriża benefiċjarja jrid attwalment ikollha obbligi ta’ servizz pubbliku li trid taqdi, u l-obbligi għandhom ikunu definiti sew;

(b)

Il-parametri fuq liema bażi hu kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu mniżżla b'mod oġġettiv u trasparenti minn qabel;

(c)

Il-kumpens m'għandux jeċċedi dak li għandu jkopri, totalment jew parzjalment, il-kostijiet biex ikunu sodisfatti l-obbligi tas-servizz pubbliku, b'kunsiderazzjoni għall-introjtu miksub u profitt xieraq mill-qadi ta’ dawn l-obbligi;

(d)

Fejn l-impriża li għandha taqdi l-obbligi tas-servizz pubbliku ma tkunx magħżula fi proċedura ta’ akkwist pubbliku li tippermetti selezzjoni ta’ offerta kapaċi li tipprovdi dawk is-serviżżi bl-inqas kost għall-komunità, il-livell ta’ kumpens meħtieġ għandu jkun determinat skont analiżi tal-kostijiet li impriża tipika mmexxija sew għandha tagħmel biex twettaq dawk l-obbligi.

(52)

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk hemmx interess pubbliku fil-provvista ta’ riżerva għall-epidemiji peress li, skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, il-bdiewa huma obbligati li jarmu bhejjem mejta u skart mill-biċċeriji u huma appoġġjati mill-għajnuna msemmija hawn fuq li hi approvata mill-Kummissjoni taħt il-linji gwida Komunitarji dwar it-TSE. Wieħed għandu jistaqsi wkoll jekk il-kontribut annwali huwiex neċessarju peress illi l-prattika ta’ stati Ġermaniżi oħra turi li l-impjanti ta’ operaturi privati għandhom biżżejjed kapaċità żejda biex ilaħħqu ma’ epidemiji tal-annimali mingħajr ma jirċievu pagament ta’ kumpens addizzjonali talli jipprovduha.

(53)

Il-Kummissjoni wkoll iddubitat jekk il-Verbandsordnung li jirregola ZT iwettaqx ir-rekwiżiti għal att ta’ affidament trasparenti peress illi, qabel l-2010, il-provvista ta’ riżerva għall-epidemiji ma kinitx imfissra bħala obbligu ta’ interess pubbliku li għandu jkun provudt minn ZT u għaliex ma dan ma stabbiliex il-parametri neċessarji biex ikun kkalkolat il-kost.

(54)

Fir-rigward tal-bżonn għal pagament ta’ kumpens, il-Kummissjoni staqsiet jekk il-kontributi annwali, fil-fatt, jiffinanzjawx it-telf li jirriżulta minn kapaċità żejda li ma tagħmilx profitt. Wieħed għandu jistaqsi jekk hux meħtieġ kontribut annwali addizzjonali meta fi stati Ġermaniżi oħra l-kostijiet huma koperti minn imposti mħallsa minn min iniġġes.

(55)

Peress illi ZT ma ntagħżlitx permezz ta’ sejħa pubblika għall-offeri, hemm dubju kemm ZT hija impriża tipika mmexxija tajjeb.

(56)

Għaldaqstant il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni proviżorja li hemm bżonn ta’ eżaminazzjoni dettaljata biex ikun hemm konferma dwar jekk il-kontribut annwali lil ZT huwiex neċessarju biex tkun żgurata riżerva għall-epidemiji jew jekk is-suq innifshu jistax jipprovdi kapaċità ta’ impjant b'xejn suffiċjenti fil-każ ta’ epidemija.

(57)

Fl-aħħar kien hemm dubji dwar l-argument tal-Ġermanja li l-kontributi annwali setgħu jkunu ġustifikati bħala kumpens għall-kostijiet għat-tindif tas-siti kontaminati. Skont il-paragrafu 132 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali tal-1 ta’ April 2008 (22) (“il-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali”), din l-għajnuna tista' tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq intern biss jekk il-benefiċjarju ma jistax ikun responsabbli taħt il-liġi nazzjonali, li mid-dehra mhuwiex il-każ f'din iċ-ċirkostanza.

4.   PROĊEDIMENTI TAL-QORTI NAZZJONALI

(58)

Fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2010 l-ogħla qorti amministrattiva Ġermaniża, il-BVerwG sostniet lil l-kontributi tal-2010 ma kinux għajnuna mill-istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, peress illi l-kriterji tal-Altmark kienu sodisfatti. Il-BVerwG m'għamlet l-ebda pronunzja dwar kontributi ta’ qabel għax qieset illi l-appell ma kienx ammissibbli fir-rigward tal-kontributi magħmula qabel l-2010.

4.1.   L-ewwel kriterju ta’ Altmark

(59)

Il-BVerwG sostniet li r-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali skont ir-Regolament tal-prodotti sekondarji tal-annimali u § 3(1) tat-TierNebG jikkostitwixxi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u jinkludi l-provvista ta’ kapaċità ta’ riżerva fil-każ ta’ epidemiji.

(60)

Il-BVerwG iddistingwiet bejn il-kapaċità li hi wżata f'operazzjonijiet normali, inkluża kapaċità operazzjonali żejda, u kapaċità wieqfa li normalment mhux użata. Kieku l-kontributi annwali koprew il-kost tal-kapaċità normali, inkluża ir-riżerva essenzjali għall-epidemiji, il-BVerwG kienet taqbel li l-kontributi annwali kienu għajnuna mill-Istat minħabba l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

(61)

Madankollu jekk il-kontributi annwali koprew biss il-kostijiet tal-kapaċità żejda li hi miżmuma biss fil-każ ta’ tifqigħa ta’ epidemiji, dawn ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Mhuwiex rilevanti li l-kapaċità żejda tista' tkun ogħla minn dik dettata mir-rekwiżiti operazzjonali peress illi, skont in-natura tagħha stess, mhix qed tintuża normalment. Biss jekk kien hemm indikazzjonijiet li l-kapaċità żejda kienet intużat għal operazzjonijiet normali (eż. għar-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3) kien ikun hemm konklużjoni differenti. Madankollu, peress illi dan ma kienx jidher li hu l-każ, il-kontributi annwali kienu qed jikkumpensaw biss għall-kostijiet li jirriżultaw mill-obbligu tas-servizz pubbliku biex tiġi pprovduta riżerva għall-epidemiji.

4.2.   It-tieni kriterju ta’ Altmark

(62)

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ trasparenza, il-BVerwG innotat li l- Verbandsordnung kien modifikat fit-2 ta’ Frar 2010, immedjatament wara li kienu ġew stabbiliti l-kontributi tal-2010. Il-BVerwG sostniet li § 9 tal-Verbandsordnung tal-2010 kien għamilha ċara li l-kontributi annwali kkumpensaw biss għall-kost tal-provvista ta’ kapaċità riżerva fil-każ ta’ epidemiji.

4.3.   It-tielet kriterju ta’ Altmark

(63)

Fil-Verbandsordnung kif emendat § 9 żgura li l-kontributi annwali kkumpensaw biss għall-kost tal-provvista ta’ riżerva għall-epidemiji.

(64)

Barra minn dan, il-BVerwG innotat li d-deċiżjoni dwar id-daqs tar-riżerva ma kinitx deċiżjoni tan-negozju li kellha tittieħed abbażi tal-kost-effettività ekonomika tagħha. Permezz tan-natura tagħha stess, iż-żamma ta’ kapaċità ta’ riżerva għat-tifqigħa ta’ epidemija mhix ekonomika minħabba li l-kost ta’ din ir-riżerva huwa sproporzjonat mal-probabbiltà ta’ tifqigħat fuq skala kbira ta’ mard tal-annimali.

4.4.   Ir-raba' kriterju ta’ Altmark

(65)

Il-BVerwG sostniet li ma kienx possibbli li jkun applikat ir-raba' kriterju ta’ Altmark f'dan il-każ peress illi r-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 isir separatament mir-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3. Ma hemmx koinċidenza bejn is-servizzi pubbliċi u kummerċjali li tipprovdi ZT waqt li, fil-każ Altmark, kumpanija privata tax-xarabanks kienet soġġetta għal numru kbir ta’ rekwiżiti tas-servizz pubbliku (eż. dwar in-numru ta’ waqfiet u l-iskeda) li biddlet sostanzjalment il-mod kif kien isir is-servizz tat-trasport eżistenti. Il-kontributi annwali lil ZT għaldaqstant servew biex jikkumpensaw għall-kost tal-provvista ta’ servizz pubbliku lil hinn mis-suq.

(66)

Il-BVerwG sostniet ukoll li entità pubblika tista' twettaq kompiti ta’ interess pubbliku waħedha mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għall-fornituri ta’ servizz privat. Fir-rigward tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-akkwist pubbliku, il-BVerwG sostniet li entità pubblika kienet libera li tagħżel jekk ikollhiex servizz intern jew jekk takkwistahx mis-suq (23).

5.   KUMMENTI MILL-KWERELANT

5.1.   L-ewwel kriterju ta’ Altmark

(67)

Il-kwerelant jargumenta li l-proviżjoni ta’ riżerva għall-epidemiji mhix servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI) skont id-definizzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE minħabba fil-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

(68)

Bdiewa u biċċeriji jistgħu faċilment ikunu identifikati bħala min iniġġes. Il-bdiewa jibbenefikaw mill-immaniġġjar effettiv ta’ epidemiji tal-annimali, peress illi dawn jistgħu jkunu ta’ riskju fuq il-qatgħat tagħhom u għaldaqstant fuq l-assi tagħhom. U l-immaniġġar rapidu u effettiv tal-epidemiji jippermetti lill-biċċeriji li jkomplu n-negozju tagħhom fuq il-livell normali.

(69)

Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” hu rikonoxxut ukoll fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, fejn il-bdiewa u l-biċċeriji huma msemmija regolarment bħala niġġiesa li għandhom ikopru l-kostijiet tar-rimi (24).

5.2.   It-tieni kriterju ta’ Altmark

(70)

Il-kwerelant isostni li ZT bdiet tiddikjara li minn dejjem kienet fdata bil-kompitu li tipprovdi kapaċità ta’ riżerva biss wara li bdew l-investigazzjonijiet nazzjonali u tal-Kummissjoni. Sakemm ma kien emendat il-Verbandsordnung fl-2010 ma kien hemm l-ebda att ta’ affidament espliċitu li jikkonċerna l-provvista ta’ kapaċità ta’ riżerva u lanqas ma kienu definiti minn qabel il-parametri għall-kalkolazzjoni tal-kumpens.

5.3.   It-tielet kriterju ta’ Altmark

(71)

Il-kwerelant isostni li r-rekwiżit li tinżamm riżerva għall-epidemiji ma jirrikjedix kostijiet netti għall-impjanti tar-rimi tal-annimali.

5.3.1.   Ir-riżerva ekonomika koperta mill-kapaċità żejda operazzjonali

(72)

Impjanti Ġermaniżi għar-rimi tal-annimali ġeneralment jaħdmu żewġ xiftijiet fuq ħames jew sitt ijiem ta’ matul il-ġimgħa b'varjazzjonijiet ta’ +/– 5 % fis-sigħat ta’ operazzjoni. Varjazzjonijiet staġjonali fid-domanda huma ttrattati permezz ta’ tlett xiftijiet fi żmien ta’ domanda qawwija jew tnaqqis għal operazzjonijiet ta’ ħamest ijiem u żewġ xiftijiet meta d-domanda tkun baxxa. L-istudju Böckenhoff (25) ikkonferma li t-tielet xift fost il-ġimgħa u xiftijiet oħra fi tmiem il-ġimgħa jipprovdu biżżejjed riżerva għall-epidemiji biex ilaħħqu maż-żieda fl-ammont ta’ materjal fil-każ ta’ epidemiji.

(73)

Għaldaqstant ir-riżerva għall-epidemiji neċessarja tista' tkun koperta mill-kapaċità żejda disponibbli fl-operazzjoni normali tal-impjanti tar-rimi. Il-kwerelant jenfasizza li qatt ma kellu bżonn jagħmel investimenti addizzjonali sabiex jipprovdi livell suffiċjenti ta’ riżerva għall-epidemiji.

(74)

Il-kwerelant isostni wkoll li l-kapaċitajiet tal-Länder ġirien għandhom ikunu kkunsidrati waqt l-ippjanar tal-kapaċità ta’ impjant tar-rimi. Fil-każ ta’ tifqigħa kbira ta’ mard, il-kapaċitajiet ta’ Länder oħra jistgħu jintużaw biex ilaħħqu maż-żieda fil-kapaċità fuq żmien qasir. M'hemmx dispożizzjonijiet legali li jipprojbixxu t-trasport ta’ materjali tal-kategoriji 1 u 2. Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża relevanti (26) tqis ir-rikors għall-kapaċitajiet ta’ regjuni viċini bħala mod ovvju għat-trattament ta’ ostakoli fil-kapaċità tal-ipproċessar fil-każ ta’ epidemija.

5.3.2.   Kostijiet totali ffinanzjati minn dħul normali tal-miżati

(75)

Skont il-kwerelant, il-kostijiet kollha tal-kapaċità huma normalment iffinanzjati mid-dħul li tkun għamlet il-kumpanija li għandha l-kompitu li tarmi materjal tal-kategoriji 1 u 2 meta din titħallas għall-operazzjonijiet normali tagħha. Peress illi l-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzajonali huma parti integrali mill-kostijiet fissi tal-impjant, dawn jistgħu jkunu inklużi fil-kalkolazzjoni tal-miżata mitluba lill-utenti. Fost affarijiet oħrajn, il-kwerelant iċċita sentenza tal-BVerwG (27) li ċċarat li l-kost għal riżervi ta’ kapaċità li huma ġustifikati oġġettivament setgħu jiġu inklużi matul il-kalkolazzjoni tal-imposti.

(76)

F'10 mis-16-il Länder, impriżi privati biss huma fdati bir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 (Berlin, Brandenburg, Bremen, Hamburg, Mecklenburg-Vorpommern, Niedersachsen, it-Tramuntana ta’ Rhine-Westphalia, Sachsen-Anhalt, Schleswig-Holstein, u Thüringen). Fi wħud minn dawn il-Länder hemm reġjuni b'numri partikolarment kbar ta’ bhejjem, bħal fin-Niedersachsen, it-Tramuntana ta’ Rhine-Westphalia u Schleswig-Holstein. Fil-Bavaria u Hessen, ir-rimi tal-annimali hu provdut parzjalment minn impriżi privati.

(77)

F'dawk il-Länder fejn il-kwerelant jew impriżi affiljati huma fdati bir-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, jiġifieri Mecklenburg-Vorpommern, Sachsen-Anhalt u Thüringen, l-awtorità pubblika u l-impriża fdata jaqblu fuq il-kapaċita annwali massima li għandu jipprovdi l-impjant tar-rimi. Dawk il-kapaċitajiet huma kkunsidrati suffiċjenti biex ilaħħqu mad-domanda iktar għolja fil-każ ta’ epidemija. Il-kwerelant jaf li f'ċerti proċeduri ta’ akkwisti pubbliku fit-Tramuntana ta’ Rhine-Westphalia il-livell tal-kapaċità ta’ riżerva hi diġà ffissata. L-eżempju ċitat hu Kreis-Steinfurt, fejn ir-riżerva hi ffissata bħala 5 % tal-għadd tal-irjus tal-bhejjem tas-sena preċedenti. L-imposti tar-rimi huma kkalkolati sabiex il-ikostijiet fissi kollha tal-impjanti tar-rimi jkunu kompletament iffinanzjati mill-ġdid mill-miżati tar-rimi li jitħallsu mill-bdiewa u l-biċċeriji.

(78)

Konsegwentement, il-prattika f'Länder oħra turi li l-kostijiet totali tal-impjant tar-rimi — inklużi kwalunkwe kostijiet għal riżerva għall-epidemiji — jistgħu jkunu finanzjati kompletament mid-dħul mill-miżati u li mhux meħtieġ kumpens addizzjonali mill-baġit pubbliku.

5.3.3.   L-użu reali tal-kontributi annwali minn ZT

(79)

Il-kwerelant jargumenta li ZT tuża l-kontributi annwali biex tiffinanzja t-telf mhux biss mill-operazzjonijiet normali iżda wkoll minħabba ż-żamma ta’ kapaċità żejda li iktar tard tista' tintuża għal skopijiet esterni.

5.3.3.1.   L-Użu tal-allegata rizerva għall-epidemiji għall-għanijiet tal-kompitu pubbliku fdat lilu f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali

(80)

Paragun bejn l-ammont ta’ kapaċità żejda li ZT indikat fl-offerta tagħha fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku fit-Tramuntana ta’ Hessen fl-2009 u l-ammont ta’ kapaċità żejda deskritta fl-istudju Fraunhofer (28) juru tnaqqis sostanzjali fil-kapaċità żejda ta’ ZT fuq medda ta’ żmien. Waqt li l-kapaċità żejda, u għalhekk ir-riżerva għall-epidemiji allegatament neċessarja, xorta waħda ammontaw għal madwar 50 % tal-kapaċità totali fl-2005 skont l-istudju Fraunhofer, sal-2009 dinn kienet naqset għal biss 35 %, kif jidher mill-offerta ta’ ZT fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku f'Hessen tat-Tramuntana.

(81)

Jekk wieħed jassumi li ZT kienet fil-fatt fdata bil-kompitu li żżomm riżerva għall-epidemiji u li 50 % tal-kapaċità medja ta’ ZT kienet riżerva adegwata (kif ikkonkluda l-istudju Fraunhofer), ZT ma kinitx tkun kapaċi tipparteċipa fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku fit-Tramuntana ta’ Hessen jew li tassumi obbligi oħra ta’ rimi f'Baden-Württemberg.

(82)

Madankollu, peress illi ZT fil-fatt rebħet il-kuntratt taħt il-proċedura ta’ akkwist pubbliku fit-Tramuntana ta’ Hessen u ħadet fuqha nnifisha l-provvista ta’ servizzi addizzjonali ta’ rimi, allura din bil-fors li użat parti mir-riżerva għall-epidemiji li allegatament hemm bżonnha għall-operazzjonijiet normali. Għaldaqstant hu evidenti li l-kontributi annwali ffinanzjaw il-kostijeit tal-kapaċità żejda li ma kinitx meħtieġa bħala riżerva għall-epidemiji.

5.3.3.2.   Il-Finanzjament ta’ kapaċità żejda mhux neċessarja

(83)

Il-kwerelant qabbel il-livell tar-riżerva għall-epidemiji ta’ ZT mal-kapaċità żejda disponibbli f'Länder oħra u wasal għall-konklużjoni li r-riżerva għall-epidemiji ta’ ZT kienet erba' jew ħames darbiet ogħla mill-kapaċità żejda disponibbli bħala riżerva għall-epidemiji f'Länder oħra, b'kunsiderazzjoni għad-differenzi fin-numri tal-bhejjem. Il-kontributi annwali kienu għalhekk qed jiffinanzjaw il-kapaċità żejda b'eċċess sostanzjali tar-riżerva għall-epidemiji neċessarja meta wieħed jagħmel paragun mal-prattiki f'Länder oħra. Din il-kapaċità żejda kienet imbagħad disponibbli biex tintuża iktar tard għal għanijiet kummerċjali — bħal biex tieħu sehem fil-proċedura ta’ offerti f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali.

5.4.   Ir-raba' kriterju ta’ Altmark

(84)

Il-kwerelant jinnota li ZT ma ngħatatx il-kuntratt permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, mentri fil-maġġoranza ta’ Länder oħra tintuża proċedura ta’ sejħa għall-offerti pubblika biex jintagħżel il-fornitur l-iktar effiċjenti. Barra minn dan, ma saritx analiżi tal-kostijiet biex jitqabblu l-kostijiet ta’ ZT ma’ dawk ta’ intrapriża tipika mmexxija tajjeb.

(85)

Fil-fehma tal-kwerelant, ma kienx hemm ostakoli legali li jipprevjenu proċedura pubblika ta’ offerti fir-Rhineland-Palatinate.

5.5.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq swieq esterni

5.5.1.   Offerta minn ZT għal inqas mill-kost fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti pubblika f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali

(86)

Il-kwerelant isostni li l-effett ta’ distorsjoni tal-pagamenti ta’ kontributi annwali jistgħu jintwerew bil-mod kif is-sejħa għall-offerti pubblika mxiet fit-Tramuntana ta’ Hessen.

(87)

Qabel il-proċedura ta’ sejħa għall-offerti Tierbeseitigungsanlage Schäfer GmbH (“TBA Schäfer”), affiljat tal-kwerelant, kien fdat bir-rimi tal-materjali tal-kategoriji 1 u 2. Madankollu, TBA Schäfer ma kienx kapaċi jikkompeti b'suċċess ma’ ZT fil-proċedura għall-offerti tal-2009. Waqt li l-offerta ta’ TBA Schäfer kellha tkun ibbażata fuq l-kostijiet totali, ZT setgħet toffri miżati irħas mill-kostijiet minħabba li parti mill-kostijiet fissi kienu diġà ffinanzjati mill-kontributi annwali.

(88)

Evidenza ulterjuri li ZT għamlet offerta bi prezz iktar baxx mill-kost fl-offerta għal Hessen tat-Tramuntana tirriżulta minn tqabbil mal-imposti li ZT tapplika fit-territorju tagħha. Hemmhekk l-imposta hi ta’ EUR 328 għal kull tunnellata, waqt li l-offerta ta’ ZT fl-offerta għat-tramuntana ta’ Hessen kienet biss EUR 208 għal kull tunnellata. Peress li m'hemmx differenzi sinifikanti fil-kostijiet ta’ ġbir bejn iż-żewġ reġjuni, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif ZT setgħet tagħmel offerta fejn tiċċarġja madwar terz inqas fit-Tramuntana ta’ Hessen milli fit-territorju tagħha għal eżattament l-istess servizz.

(89)

Peress li l-bażi tal-kost ta’ TBA Schäfer kienet magħrufa pubblikament minħabba offerti preċedenti, kien faċli għal ZT li tagħmel offerta ta’ EUR 208 għal kull tunnellata, EUR 4 biss inqas mill-offerta ta’ TBA ta’ EUR 212 għal kull tunnellata, u għaldaqstant li tirbaħ il-kuntratt.

5.5.2.   Miżati iktar baxxi mill-kost iċċarġjati minn ZT għar-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3

(90)

Il-kwerelant jenfasizza li l-inċentiv għall-biċċeriji biex jisseparaw materjal tal-kategorija 3 minn materjal tal-kategoriji 1 u 2 hu mgħawweġ fir-Rhineland-Palatinate minħabba l-politika ta’ ZT ta’ pprezzar ta’ somma waħda. Konsegwentement, kwantità sostanzjali ta’ materjal tal-kategorija 3 li kieku setgħet tkun ipproċessata f'ikel għall-annimali domestiċi tintrema flimkien ma’ materjal inferjuri tal-kategoriji 1 u 2 (29).

(91)

barra minn hekk, l-ammont ta’ materjal tal-kategorija 3 imneħħi mis-suq minħabba l-politika tal-ipprezzar ta’ ZT kien ogħla minn dak assunt mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha tas-suq. Il-paragrafu 33 tad-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura jgħid li materjali tal-kategorija 3 kienu separati f'72 % tal-qatliet kollha fir-Rhineland-Palatinate. Madankollu din il-figura hi bbażata biss fuq in-numru ta’ qatliet. Kieku wieħed kellu jikkunsidra l-fatt li l-qtil ta’ baqra jipproduċi ammont ferm ogħla ta’ materjal tal-kategorija 3 milli l-qtil ta’ majjal, ir-riżultat ikun li 45 % biss tal-materjal tal-kategorija 3 ikun isseparat. Konsegwentement, id-dsitorsjoni tas-suq dovut għall-politika tal-ipprezzar ta’ ZT ikun ferm aktar ikbar minn dak li kien mistenni preċedentement.

6.   KUMMENTI MINN ZT

(92)

Il-kummenti ta’ ZT jikkoinċidu fil-punti relevanti ma’ dawk magħmula mill-Ġermanja, li huma deskritti fis-Sezzjoni segwenti. Għaldaqstant il-kummenti ta’ ZT mhumiex imniżżla separatament sabiex tiġi evitata repetizzjoni mhux meħtieġa.

7.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA

(93)

Il-Ġermanja ċaħdet li l-kontribut annwali impost taħt il-Verbandsordnung taż-ZT jikkostitwixxi għajnuna illegali peress illi l-kriterji ta’ Altmark huma sodisfatti. Il-Ġermanja targumenta wkoll li l-għajnuna hi kompatibbli mas-suq intern peress li l-kontribut annwali ma jaqbiżx il-kost biex tinżamm riżerva għall-epidemiji u l-kostijiet tat-tindif ta’ siti li kienu jintużaw qabel.

7.1.   L-ewwel kriterju ta’ Altmark

(94)

L-ewwelnett il-Ġermanja ssostni li l-proviżjoni ta’ riżerva għall-epidemiji hi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, billi targumenta li r-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 hu obbligu statutorju fuq l-awtoritajiet lokali.

(95)

L-awtoritajiet lokali kienu fdaw it-twettiq ta’ dan l-obbligu statutorju liż-ZT, entità taħt il-liġi pubblika b'kapaċità legali. L-interess ekonomiku ġenerali jikkonsisti fil-fatt li r-rimi xieraq ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 iservi biex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem. Dan japplika l-iktar fil-każ ta’ epidemija.

(96)

Kellu jkun ikkunsidrat il-fatt li l-finanzjament hu anke possibbli taħt il-linji gwida Komunitarji dwar it-TSE u l-linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007-2013 ma setgħux jinżammu kontra ż-ZT. Il-linji gwida jirregolaw biss il-finanzjament tal-kostijiet tar-rimi ta’ karkassi tal-annimali (bhejjem mejta), iżda mhux speċifikament il-kostijiet għaż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji. Għaldaqstant il-kontribut annwali ma jingħaddx flimkien mal-għajnuna approvata għat-TSE.

(97)

Addizzjonalment, meta wieħed jiġi għar-rimi ta’ bhejjem mejta, il-bdiewa jistgħu jkunu identifikati bħala niġġiesa, mentri fil-każ tal-kostijiet tar-riżerva għall-epidemiji, in-niġġiesa ma jistgħux ikunu identifikati faċilment.

7.2.   It-tieni kriterju ta’ Altmark

(98)

Iż-ZT kienet fdata bil-kompitu tar-rimi ta’ prodotti sekondarji ta’ annimali mit-TierNebGAG RP mill-1979.

(99)

Id-daqs tar-riżerva neċessarja għall-epidemiji u l-parametri għall-kalkolazzjoni tal-kostijeit netti kienu mniżżla fil-Verbandsordnung emendat taż-ZT tal-1 ta’ Frar 2010. Dawn kienu bbażati fuq l-istudju Fraunhofer.

(100)

Il-Ġermanja tenfasizza li anke qabel ma kien emendat il-Verbandsordnung fl-2010, il-kontributi annwali imposti miż-ZT fuq il-membri tiegħu kienu ffissati b'mod oġġettiv u trasparenti. B'mod partikolari, il-pjan tan-negozju għal kull sena kien adottat mill-assemblea ġenerali taż-ZT f'proċedura pubblika, approvata mill-awtorità ta’ sorveljanza, u ppublikat fil-gazzetti uffiċjali ta’ Rhineland-Palatinate, Hessen, u Saarland.

7.3.   It-tielet kriterju ta’ Altmark

(101)

Fl-opinjoni tal-Ġermanja, ir-riżerva miżmuma biex tlaħħaq mal-epidemiji hi neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-każ ta’ epidemija.

7.3.1.   Studju fuq il-livell tar-riżerva tal-epidemiji

(102)

Skont il-Ġermanja d-daqs tar-riżerva għall-epidemiji mniżżla fil-Verbandsordnung emendat tat-2 ta’ Frar 2010 kienet ibbażata fuq l-istudju Fraunhofer. Wara l-bidu tal-proċedura, il-Ġermanja kellha studju ieħor (30) magħmul mill-Institut für Strukturforschung und Planung in agrarischen Intensivgebieten (“l-istudju ISPA-RP”).

(103)

L-istudju Fraunhofer stima l-ammont antiċipat tal-materjal f'diversi sitwazzjonijiet, b'konsiderazzjoni tal-probabbiltà tagħhom. L-istudju ISPA-RP isegwi approċċ iddettaljat metodiku biex jagħmel mudell tas-sitwazzjonijiet diversi tal-epidemiji fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-ilsien u d-dwiefer (FMD) u d-deni tal-ħnieżer klassiku (CSF).

(104)

Iż-żewġ studji waslu għall-konklużjoni li l-kapaċita totali disponibbli taż-ZT kienet biżżejjed għall-ipproċessar tal-kwantitajiet li jirriżultaw minn epidemiji kemm ta’ terminu qasir kif ukoll dawk li jdumu iktar flimkien ma’ kwantitajiet normali ta’ materjal intern u estern, li jammontaw għal madwar 1 700 tunnellata fil-ġimgħa.

7.3.1.1.   Epidemiji fuq medda qasira ta’ żmien

(105)

L-istudju ISPA juri li fil-każ ta’ epidemiji fuq medda qasira ta’ żmien, u jekk wieħed jassumi li jinvolvu materjal addizzjonali ta’ madwar 200 tunnellata kull fi żmien jumejn sa ħamest ijiem, il-materjal żejjed jista' jkun ipproċessat faċilment flimkien mal-kwantità normali fl-użu tal-kapaċità żejda ta’ kull ġimgħa sa 1 523 tunnellata f'operazzjoni ta’ tliet xiftijiet fuq ħamest ijiem, mingħajr il-bżonn li jirrikorru għax-xiftijiet addizzjonali fi tmiem il-ġimgħa.

(106)

Anke fil-każ ta’ epidemiji li jaffettwaw partijiet relattivament kbar taż-żona koperta mill-assoċjazzjoni, il-kwantitajiet addizzjonali ta’ bejn 1 300 u 1 800 tunnellata li jirriżultaw fuq medda ta’ tmien ġimgħat jistgħu jkunu pproċessati kieku x-xiftijiet ta’ tmiem il-ġimgħa kienu maħduma sabiex il-kapaċità żejda tal-medda qasira taż-żmien sa 2 819-il tunnellata fil-ġimgħa kienet disponibbli (ara Tabella 3 fis-sezzjoni 9.3.1).

7.3.1.2.   Epidemiji fit-tul

(107)

Dan ix-xenarju assuma tifqigħa ta’ FMD madwar iż-żona koperta mill-assoċjazzjoni b'rata ta’ qatliet tal-għaxra fil-mija, kif ġara fil-Brittanja fl-2001. F'dak il-każ it-throughput ikun ta’ madwar 1 300 tunnellat fil-ġimgħa fuq perjodu ta’ 18-il ġimgħa. L-istudju ISPA-RP wera li b'operazzjoni ta’ tliet xiftijiet fuq ħamest ijiem, l-impjanti ta’ ZT setgħu wkoll jipproċessaw dawk il-kwantitajiet minbarra l-kwantità normali (ara Tabella 3 fis-sezzjoni 9.3.1).

7.3.1.3.   Konklużjonijiet li rriżultaw mill-istudji ppreżentati

(108)

L-istudji ppreżentati wrew li l-kapaċità totali disponibbli b'operazzjoni ta’ ħamest ijiem fuq tliet xiftijiet hi biżżejjed biex tipproċessa kwantitajiet addizzjonali li jirriżultaw minn epidemiji fuq żmien qasir u anke epidemiji li jdumu iktar flimkien mal-kwantitajiet normali. F'ħafna mix-xenarji ma jkunx hemm bżonn għar-rikors għax-xiftijiet addizzjonali disponibbli fil-weekends taħt operazzjoni ta’ kapaċità totalli għal sitt ġimgħat sa 12-il ġimgħa.

(109)

L-istudji juru li l-konklużjoni li ZT għandha biżżejjed kapaċità totali b'operazzjoni ta’ tliet xiftijiet fuq ħamest ijiem għall-ipproċessar tal-kwantitajiet normali li jirriżultaw u l-materjal antiċipat minn epidemiji li jdumu iktar. Għaldaqstant il-kapaċità totali li hi disponibbli attwalment hi kkunsidrata xierqa għall-bżonnijiet iktar milli eċċessiva.

7.3.2.   Il-Kost tar-riżerva għall-epidemiji

(110)

Il-kalkolazzjonijiet ippreżentati mill-Ġermanja għall-kost tar-riżerva għall-epidemiji jsegwu l-approċċ tal-istudju Fraunhofer. It-tqassim tal-kostijiet tal-kapaċità bejn operazzjonijiet normali u r-riżerva għall-epidemiji kien determinat skont l-utilizzazzjoni medja tal-kapaċità totali disponibbli f'operazzjoni ta’ ħamest ijiem bi tliet xiftijiet. Bħala medja ħarġet li ZT tuża madwar 50 % tal-kapaċità totali disponibbli f'operazzjoni ta’ tliet xiftijiet fuq ħamest ijiem.

(111)

Abbażi ta’ dan il-livell ta’ utilizzazzjoni, madwar 50 % tal-kostijet tal-kapaċità kienu allokati lill kull operazzjoni normali u r-riżerva għall-epidemiji kemm għall-ġbir kif ukoll għall-ipproċessar (31). Il-kost li jirriżulta tar-riżerva għall-epidemiji hu kif ġej:

Tabella 2

Il-kost għar-riżerva għall-epidemiji skont il-Ġermanja għall-perjodu 2000-2009

(f'EUR)

 

Kost tar-riżerva għall-epidemiji

2000

2 250 106

2001

2 608 383

2002

3 163 429

2003

3 121 934

2004

3 133 539

2005

2 986 695

2006

2 793 466

2007

2 606 508

2008

2 507 167

2009

1 961 515

Medja

2 784 282

(112)

Għandu jkun notat li madwar 45 % biss tal-kostijeit tal-kapaċità kienu allokati għar-riżerva għall-epidemiji fl-2000 u l-2001, u fl-2009 inklużjoni tal-kuntratt mit-Tramuntana u ċ-Ċentru ta’ Hessen naqqas ir-riżerva għall-epidemiji b'madwar wieħed minn kull ħamsa. L-ebda kalkolu tal-kost tar-riżerva ghall-epidemiji mhu disponibbli għall-1998 u l-1999.

7.3.3.   Il-finanzjament tal-kost tar-riżerva għall-epidemiji permezz ta’ kontributi annwali

(113)

Fis-snin murija, apparti fl-2009, il-kontributi annwali mħallsa lil ZT mill-membri tagħha kienu iktar baxxi mill-kostijeit tar-riżerva għall-epidemiji murija fit-Tabella 2. Fl-2009 il-kontribut annwali finali kien għoli daqs il-kostijiet tar-riżerva.

(114)

Il-Ġermanja tinnota li l-kost għal forniment ta’ riżerva għall-epidemiji ma kinux inklużi fil-kalkolu tal-imposta għall-użu għax dan ma kienx legalment possibbli. Għalkemm l-awtoritajiet lokali jistgħu jimponu imposti għal-użu ta’ faċilitajiet u impjanti pubbliċi sabiex ikopru l-kostijiet tagħhom taħt § 7 tal-Kommunalabgabengesetz Rhineland-Palatinate (KAG RP: L-Att dwar l-Imposti tal-Awtorità Lokali tar-Rhineland-Palatinate), ma jridx ikun hemm disparità ovvja bejn il-produzzjoni tal-faċilità jew l-impjant u l-imposta. Skont § 8 tal-KAG RP il-kostijiet li fuqhom huma bbażati l-imposti għall-użu għandhom ikunu determinati skont il-prinċipji tan-negozju tal–kontabbiltà abbażi tal-kost. Madankollu, skont il-Ġermanja, ir-rimi tal-materjal tal-kategoriji 1 u 2 biss jifforma l-bażi għall-imposti, mhux il-provvediment tal-kapaċità għall-epidemiji. Dan tal-aħħar mhux provdut bħala servizz għall-persuni taxxabbli individwali, iżda biex imur kontra l-perikli futuri għall-pubbliku ġenerali.

7.3.4.   Finanzjament fi stati Ġermaniżi oħra

(115)

Fuq talba mill-Kummissjoni l-Ġermanja għamlet stħarriġ nazzjonali dwar il-prattiki segwiti biex tiġi determinata u ffinanzjata r-riżerva għall-epidemiji.

(116)

Fl-istati kollha tal-Ġermanja — ħlief fiż-żona koperta minn ZT — ir-riżerva għall-epidemiji hi koperta mill-kapaċità żejda operazzjonali disponibbli matul il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa. Abbażi tal-istudju Böckenhoff dwar il-ġlieda kontra l-epidemiji, normalment m'hemmx investiment addizzjonali fil-kapaċità. Il-kapaċità żejda disponibbli bħala t-tielet xift fost il-ġimgħa u fix-xiftijiet ta’ tmiem il-ġimgħa hija biżżejjed għar-riżerva għall-epidemiji. Fil-frattempt metodi ta’ kalkolu alternattivi qed ikunu applikati wara studji esperti, bħall-istudju ISPA għan-Niedersachsen (32) (“l-istudju ISPA-NS”), jew permezz ta’ ftehim mal-gruppi interessati kkonċernati. Madankollu, il-konklużjoni fundamentali tal-istudju Böckenhoff għadha treġi, jiġifieri li l-investiment żejjed fil-kapaċità żejda mhux neċessarja.

(117)

Il-kost tal-kapaċità żejda operatzzjonali hi ffinanzjata permezz ta’ drittijiet jew imposti (skont il-forma legali tal-operatur). Hemm arranġamenti differenti, skont taħt liema mudell jinqasam il-kost tal-kapaċità żejda operazzjonali bejn ir-rimi tal-bhejjem mejta u l-iskart tal-biċċeriji.

(118)

Fir-rigward tal-għajnuna lill-bdiewa għar-rimi tal-bhejjem mejta skont il-linji gwida tal-għajnuna agrikola 2007–2013, l-assistenza mogħtija mill-Istat f'ħafna mill-Länder l-oħra hi bejn 67 % u 75 % tal-ispiża għar-rimi tal-bhejjem mejta.

(a)

Baden-Württemberg u Rhine-Westphalia ta’ fuq: Is-sidien tal-annimali jħallsu 25 % tal-ikost tal-ipproċessar, filwaqt li 100 % tal-kost għall-ġbir u il-75 % li jifdal tal-kostijiet għall-ipproċessar huma ffinanzjati mill-karus pubbliku (distretti rurali u Länder);

(b)

Sachsen-Anhalt, Thüringen u Brandenburg: Is-sidien tal-annimali jħallsu 25 % tal-ispejjeż għall-ġbir u 33 % tal-ispejjeż għall-ipproċessar. Ir-rimanenti tal-ispejjeż tal-ġbir u pproċessar (75 % jew 67 %) huma mħallsa mill-fondi pubbliċi;

(c)

Il-Bavarja, ir-Rhineland-Palatinate u s-Saarland: Terz tal-kostijet għall-ġbir huma mħallsa mill-istat, it-Tierseuchenkasse, u l-Land, waqt li 66 % tal-kostijiet għall-ipproċessar huma ffinanzjati mill-fondi pubbliċi, 25 % mis-sidien tal-annimali u 8 % mit-Tierseuchenkasse;

(d)

Fis-Sassonja 25 % tal-kostijiet tal-ġbir u l-ipproċessar huma ffinanzjati mis-sidien tal-annimali, 8 % mit-Tierseuchenkasse, u 66 % mill-karus pubbliku;

(e)

Fin-Niedersachsen 60 % tal-kostijiet tal-ġbir u l-ipproċessar huma ffinanzjati mit-Tierseuchenkasse u 40 % mill-fondi pubbliċi. It-Tierseuchenkasse imbagħad jiċċarġja 25 % tal-kostijiet tal-ipproċessar lis-sidien tal-annimali;

(f)

Fis-Schleswig-Holstein 100 % tal-kostijiet tal-ġbir u l-ipproċessar huma mħallsa mit-Tierseuchenkasse;

(g)

F'Mecklenburg-Vorpommern 100 % tal-kostijiet tal-ġbir u l-ipproċessar huma mħallsa mis-sidien tal-annimali.

(119)

Skont il-Ġermanja, din il-ħarsa ġenerali turi li relattivament mhux importanti jekk il-kostijiet ta’ riżerva għall-epidemiji hux inkluż fil-kalkolu tad-drittijiet u l-imposti u jekk humiex iffinanzjati permezz ta’ kontribut annwali bħal fir-Rhineland-Palatinate. Li jimporta hu min attwalment iġarrab il-kostijiet. Fl-aħħar nett, proporzjoni kbir tal-kapaċità żejda hi ffinanzjata pubblikament ukoll permezz ta’ għajnuna skont il-linji gwida Komunitarji dwar it-TSE jew il-linji gwida dwar l-għajnuna agrikola tal-2007-2013.

7.4.   Ir-raba' kriterju ta’ Altmark

(120)

Il-Ġermanja temmen li ma hemm l-ebda rekwiżit taħt il-liġi Ewropea biex jinfetaħ suq għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Dan kien ikkonfermat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja (33).

7.5.   L-ebda distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-swieq esterni

(121)

Il-Ġermanja ssostni li ma hemm l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq esterni f'dan il-każ.

7.5.1.   Rimi ta’ prodotti mhux kontrollati minn ZT mingħajr sussidju inkroċat

(122)

Il-Ġermanja ssostni li ma kien hemm l-ebda distorsjoni ta’ kompetizzjoni fil-każ ta’ materjal tal-kategorika 3 bħala riżultat tal-kontribut annwali impost minn ZT, peress li ma kienx hemm sussidju inkroċat.

(a)

Il-kontijiet annwali juru ċarament li ZT kienet qiegħda tikseb marġini konsiderevoli ta’ kontributi għal snin fl-ipproċessar ta’ materjal tal-kategorija 3 isseparat, li jeskludi s-sussidju inkroċat.

(b)

Jekk materjal tal-kategorija 3 hu fornut flimkien ma’ materjal ikkontrollat, it-taħlitiet (bil-piż) kienu diġà inklużi fil-kalkolu tal-kostijiet għar-rimi ta’ materja prima tal-kategoriji 1 u 2. Dan ifisser li l-livell ta’ imposti fl-iskeda tal-iimposti diġà jinkludi l-kwantitajiet ta’ materjal imħallat f'dik il-kategorija li huma kkalkolati minn qabel.

(123)

M'hemm l-ebda bażi għal dak li qiegħed jgħid il-kwerelant, i.e. li minħabba l-politika tal-ipprezzar ta ZT, 45 % biss tal-materjal tal-kategorija 3 hu separat. Tali kwantitajiet għolja ta’ materjal tal-kategorija 3 qatt ma kienu pproċessati minn ZT, kif jidher minn ħarsa lejn l-istatistika relevanti. Ir-rata ta’ separazzjoni ta’ 72 % għall-2009 ċitata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura tista' tkun ikkonfermata.

(124)

Għandu jkun innotat ukoll li fiż-żona koperta mill-assoċjazzjoni 85 % tal-qatliet isiru f'sitt impjanti fejn issir is-separazzjoni fis-sens l-iktar ampju. Il-kwerelant hu attiv f'dawn l-impjanti u jikseb materjal tal-kategorija 3 separat minnhom. Għaldaqstant il-kwerelant għandu aċċess għas-swieq tal-kategorija 3 u għandu sehem konsiderevoli ta’ dawn is-swieq.

7.5.2.   Sejħa għall-offerti fit-Tramuntana u ċ-Ċentru ta’ Hessen

(125)

Il-fatt li ZT tapplika imposti differenti fit-Tramuntana u ċ-Ċentru ta’ Hessen minn dawk fiż-żona koperta mill-assoċjazzjoni ma jippruvax l-eżistenza ta’ kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni Id-differenzi fil-finanzjament huma dovuti għal rekwiżiti legali differenti fir-rigward tal-kalkoli tagħhom. Skont is-Sezzjoni 3(1) tat-TierNebG, ir-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji 1 u 2 fil-Ġermanji hu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti taħt il-liġi tal-istat. Konsegwentement il-finanzjament jista' jkun irregolat b'mod differenti skont id-dispożizzjonijiet relevanti fuq livell ta’ Land u lokali.

(126)

Jekk ir-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali ma jsirx minn dawk responsabbli għar-rimi u l-kompitu hu fdat lill-partijiet terzi - bħat-Tramuntana u ċ-Ċentru ta’ Hessen — ir-regoli ta’ kalkolazzjoni huma ggvernati mhux mill-Att dwar l-Imposti tal-Awtoritajiet Lokali in kwistjoni, iżda mill-Leitsätze für die Preisermittlung aufgrund von Selbstkosten [LSP — Linji gwida biex ikunu determinati l-prezzijiet ta’ kemm jiswa l-oġett/servizz (cost price)] (34).

(127)

Hemm differenzi kbar bejn il-KAG RP u l-LSP, speċjalment fir-rigward tal-ammont tal-kostijiet tal-imgħax li jistgħu jkunu inklużi fl-imposti/fil-miżati, u dawn id-differenzi huma sinifikanti għal ZT, peress li ffinanzjat l-investimenti tagħha konsiderevolment permezz ta’ self u ħallset ammont sostanzjali ta’ imgħax fuqhom kull sena.

(128)

Waqt li ZT setgħet tinkludi dawn l-interessi fil-kalkolu tal-imposti taħt § 8 KAG RP, l-LSP ippermetta biss l-imposti f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali biex ikunu bbażati fuq imgħax ikkalkolat relattiv għall-medja tal-kapital operatorju neċessarju. Għaldaqstant kien impossibbli li titrasferixxi l-kost totali tal-pagamenti attwali tal-imgħax.

(129)

Dak li l-kwerelant sostna, i.e. li t-TBA Schäfer ma rebaħx il-proċedura ta’ selezzjoni f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali minħabba sussidju inkroċat permezz tal-kontributi annwali hu wkoll mingħajr ebda bażi. L-offerta iktar għolja magħmula mit-TBA Schäfer kienet dovuta għall-fatt li l-istima tat-TBA Schäfer tal-introjtu mill-produzzjoni kienet baxxa wisq u hu kellu wkoll iħallas kostijiet amministrattivi u kontributi tal-grupp ogħla. Min-naħa l-oħra ZT kienet stmat id-dħul mill-produzzjoni kif support u, peress li ma kinitx parti minn grupp, ma kellhiex bżonn tagħmel kontributi tal-grupp.

7.6.   Tindif ta’ siti kontaminati

(130)

Il-Ġermanja ssostni li parti mill-kontribut annwali impost minn ZT iservi biex jiffinanzja l-kostijiet għat-tindif ta’ żewġ siti kontaminati, Sohrschied u Sprendlingen-Gensingen.

(131)

Kontaminazzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art kienet inġemgħet fiż-żewġ siti kontaminati permezz tal-użu ta’ idrokarburi mis-sidien jew operaturi preċedenti. Iż-żewġ proprjetajiet saru ta’ ZT meta twaqqfet fl-1979.

(132)

Taħt id-deċiżjonijiet dwar it-tindif meħuda mill-gvern tad-distrett ta’ Koblenz tal-21 ta’ April 1997 u l-31 ta’ Marzu 1998, ZT kienet obbligata tneħħi l-kontaminazzjoni. Kundizzjonijiet ulterjuri kienu mposti fir-rigward tat-tindif tas-sit ta’ Sprendlingen-Gensingen f'deċiżjoni supplimentari tat-13 ta’ Lulju 2001. Il-kostijiet tat-tindif għall-perjodu relevanti mill-1998 sal-2010 ammontaw għal total ta’ EUR 2 413 049,36 għaż-żewġ siti.

7.6.1.   Is-sit ta’ Sprendlingen-Gensingen

(133)

Il-Ġermanja tirrikonoxxi li ZT hi responsabbli għall-kostijiet tat-tindif fis-sit ta’ Sprendlingen-Gensingen skont id-deċiżjoni dwar it-tindif tal-31 ta’ Marzu 1998. Madankollu, tikkonsidra li mill-perspettiva tal-liġi dwar l-għajnuna mhux ġust għal ZT li tkun kompletament responsabbli għall-kostijiet tat-tindif peress li responsabbiltà bla limitu twassal għal trattament inugwali mqabbel ma’ impriżi privati skont każistika Ġermaniża iktar reċenti.

(134)

Wara d-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht [Qorti Kostituzzjonali Federali] tas-16 ta’ Diċembru 2000 (35), impriża privata tkun responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biss sal-limitu ta’ dak li hu raġonevoli. Skont il-Bundesverfassungsgericht dan il-limitu jista' jintlaħaq biss jekk ir-responsabbiltà taqbeż il-valur tal-proprjetà. Lil hinn minn dan il-limitu, ir-responsabbiltà ma tistax iktar titqies bħala dispożizzjoni proporzjonata sostantiva u li tillimita għall-għanijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetà garantita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(2) tal- Grundgesetz [Liġi Bażika] Ġermaniża. Madankollu, peress li ZT, bħala persuna ġuridika taħt il-liġi pubblika, ma tistax tinvoka d-drittjijet mogħtija lill-persuni privati taħt il-Ligi Bażika Ġermaniża, din il-limitazzjoni tar-responsabbilità ma tapplikax għal ZT.

(135)

Skont il-Ġermanja, is-sit ta’ Sprendlingen-Gensingen għandu valur tas-suq negattiv peress li l-valur stmat fuq il-kotba fuq il-karta tal-bilanċ fil-31 ta’ Diċembru 2009 kien EUR 128 500,00, waqt li l-kostijiet għat-tindif fil-frattempt għolew sa total ta’ EUR 1 542 315,85. Dan imur lil hinn mil-limitu ta’ responsabbilità deskritt hawn fuq.

(136)

Il-finanzjament ta’ kostijiet tat-tindif lil hinn mil-limitu ta’ responsabbilità permezz tal-kontribut annwali għandu jitqies bħala għajnuna kompatibbli taħt il-paragrafu 132 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali, peress illi individwi privati jkollhom iħallsu biss il-kostijiet tat-tindif sal-valur fuq is-suq tal-proprjetà.

7.6.2.   Is-sit ta’ Sohrschied

(137)

Għalkemm ZT kienet miżmuma responsabbli bħala n-niġġies taħt id-deċiżjoni dwar it-tindif tal-21 ta’ April 1997, il-Ġermanja tiddubita jekk ZT kinitx verament obbligata skont il-liġi Ġermaniża li tħallas għat-tindif minħabba l-ħsara magħmula mis-sid jew operatur preċedenti. Madankollu peress li l-fatti seħħew iktar minn 30 sena ilu, il-mistoqsija dwar ir-responsabbiltà ma tistax iktar tkun iċċarata.

(138)

Il-Ġermanja tikkunsidra li l-kontribut annwali, sakemm jikkontribwixxi lejn il-kostijiet tat-tindif għas-sit Sohrschied, jirrapreżentaw għajnuna kompatibblu taħt il-linji gwida tal-għajnuna ambjentali peress li ZT ma kellhiex tkun obbligata li tagħmel it-tindif.

(139)

Il-Ġermanja targumenta ulterjorment li l-valur tas-suq tas-sit Sohrschied hu wkoll negattiv u li l-limitu tar-responsabbiltà kien miksur anke f'dan il-każ.

8.   VALUTAZZJONI TAL-PREŻENZA TA' GĦAJNUNA TAĦT L-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE (MINGĦAJR REFERENZA GĦALL-KRITERJI TA' ALTMARK)

(140)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li ttoħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti mhix kompatibbli mas-suq intern minħabba li taffettwa jew thedded li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

8.1.   Kontribut annwali ffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat

(141)

Il-Ġermanja ma tikkontestax li l-kontributi annwali mill-membri taż-Zweckverband huma riżorsi tal-Istat. Il-membri ta’ ZT huma distretti rurali u urbani fir-Rhineland-Palatina, is-Saarland, u Hessen. Peress li ZT qiegħda timponi kontribut annwali mill-membri tagħha permezz ta’ att amministrattiv, din il-miżura tinvolvi trasferiment dirett ta’ riżorsi tal-Istat. U peress li huma involuti atti amministrattivi, kontributi annwali jistgħu jkunu attribwiti lill-Istat.

8.2.   Vantaġġ ekonomiku għal ZT

(142)

L-ewwelnett il-benefiċjarju għandu jkun impriża. L-idea ta’ impriża tinkludi kwalunkwe entità li tagħmel attività ekonomika irrispettivament mill-istat ġuridiku tagħha u l-mod kif inhi ffinanzjata. Dan japplika mhux biss għall-impriżi privati iżda wkoll dawk pubbliċi (36). Kwalunkwe attività li tinvolvi offerta ta’ prodotti jew servizzi fuq suq speċifiku hi attività ekonomika (37). Peress li ZT toffri servizzi għar-rimi ta’ ċertu prodotti sekondarji tal-annimali bi tpattija għal konsiderazzjoni, ZT hi impriża.

(143)

Essenzjalment il-kontributi annwali jagħtu lil ZT vantaġġ ekonomiku peress li jnaqqsu n-nefqa kurrenti u mhumiex imqabbla ma’ twettiq xieraq. Madankollu, il-Ġermanja ssostni li l-kontributi kkompensaw lil ZT biss għall-kostijiet li kellha tagħmel minħabba l-obbligu li żżomm riżerva għall-epidemiji u li għalhekk ma kisbet l-ebda vantaġġ ekonomiku.

(144)

Fis-sentenza tagħha fil-każ ta’ Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kumpens għat-twettiq ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku mhux għajnuna mill-Istat, i.e. ma jipprovdix il-benefiċjarju b'vantaġġ, sakemm ċerti kriterji huma sodisfatti b'mod kumulattiv (38).

(145)

Minħabba l-importanza tas-sentenza ta’ Altmark fil-każ preżenti, l-allegazzjoni tal-Ġermanja li l-kriterji ta’ Altmark huma sodisfatti ser tkun eżaminata fid-dettal separatament fis-sezzjoni 9.

8.3.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u dannu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri

(146)

Il-Ġermanja tħoss li s-suq għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 miż-żona koperta mill-assoċjazzjoni mhux miftuħ għall-kompetizzjoni u li għaldaqstant kemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kif ukoll l-effett fuq in-negozju bejn l-Istati Membri jistgħu jiġu esklużi.

(147)

Bħala bidu, il-Kummissjoni tinnota li hemm monopolji reġjonali għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2. Madankolli, ħafna mill-awtoritajiet kompetenti reġjonali u lokali jagħtu dawn il-monopolji permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku. Għaldaqstant hemm kompetizzjoni fuq is-suq. F'dan il-każ dan hu kkonfermat permezz tal-proċedura għall-akkwist pubbliku fit-Tramuntana u ċ-Ċentru ta’ Hessen.

(148)

Skont id-deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja C58/06 (ex NN 98/05) għal Bahnen der Stadt Monheim (BSM) u Rheinische Bahngesellschaft (RBM) im Verkehrsverband Rhein-Ruhr (39), il-Kummissjoni għaldaqstant tikkunsidra li s-suq għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 hu miftuħ għall-kompetizzjoni. Kemm il-liġi tal-Unjoni kif ukoll dik nazzjonali jħallu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fdati bir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 liberi biex jagħżlu jew li jsibu fornitur mis-suq u jafdawh b'kompitu permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku jew li jagħmlu r-rimi huma nnifishom permezz ta’ soluzzjoni interna (40). Minkejja dak li tgħid il-Ġermanja li ZT tikkonforma mal-kriterji għal għotja interna (41), il-kontributi annwali jsaħħu l-pożizzjoni finanzjarja ta’ ZT vis-à-vis fornituri potenzjali oħra. Peress li fornituri mill-Istati Membri kollha jistgħu jieħdu sehem fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, il-kontribuzzjoni tista' wkoll taffettwa n-negozju bejn l-Istati Membri.

(149)

Il-vantaġġi ekonomiċi mill-kontributi annwali huma wkoll mistennija jsaħħu l-pożizzjoni ta’ ZT fuq is-swieq fejn hemm kompetizzjoni diretta ma’ fornituri oħra (rimi ta’ materjal tal-kategorija 3, proċedura għall-akkwist pubbliku għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 fit-Tramuntana u ċ-Ċentru ta’ Hessen).

8.4.   Konklużjoni proviżorja dwar l-eżistenza ta’ għajnuna

(150)

Il-kontributi annwali jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżistenza tal-għajnuna skont id-definizzjoni fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Is-sezzjoni li jmiss ser teżamina fid-dettal il-pretensjoni tal-Ġermanja li l-erba' kundizzjonijiet tas-sentenza ta’ Altmark huma sodisfatti.

9.   VALUTAZZJONI TAL-KRITERJI TA' ALTMARK FIL-KUNTEST TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE

9.1.   L-ewwel kriterju ta’ Altmark

(151)

L-ewwel kriterju ta’ Altmark jgħid li l-impriża benefiċjarja għandha jkollha obbligi ta’ servizz pubbliku biex twettaq, u li l-obbligi għandom ikunu definiti b'mod ċar.

(152)

L-ewwelnett għandu jkun notat li għandha ssir distinzjoni bejn il-perjodu mill-1979 sal-2008 u l-perjodu mill-2009 sal-2011.

(153)

Qabel ma kien emendat il-Verbandsordnung fit-2 ta’ Frar 2010 b'effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2009 ZT kien fdat ġeneralment biss bir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2. Il-Verbandsordnung qadim ma speċifikax l-ebda obbligu li jżomm riżerva għall-epidemiji. Għaldaqstant ma kien hemm l-ebda obbligu definit b'mod ċar li tinżamm riżerva għall-epidemiji fid-definizzjoni tal-ewwel kriterju ta’ Altmark.

(154)

Bil-Verbandsordnung emendat apparti l-obbligu li jintrema materjal tal-kategoriji 1 u 2 hemm issa ukoll obbligu espliċitu biex ZT iżżomm riżerva għall-epidemiji.

(155)

Fdan li ġej il-Kummissjoni turi li la l-obbligu ta’ ZT li jarmi materjal tal-kategoriji 1 u 2 u lanqas l-obbligu tiegħu li jżomm riżerva għall-epidemiji ma’ jistgħu jiġġustifikaw il-kontributi annwali bħala pagamenti ta’ kumpens mill-Istat skont id-definizzjoni tal-ewwel kriterju ta’ Altmark.

9.1.1.   Obbligu għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2

9.1.1.1.   Mhux servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali

(156)

Il-BVerwG sostna li skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u § 3(1) TierNebG ir-rimi ta’ materjal tal-kategorija 1 u 2 hu obbligu tas-servizz pubbliku u għaldaqstant servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Il-BVerwG ta importanza partikolari għall-fatt li skont il-liġi Ġermaniża r-rimi ta’ materjali hu kompitu pubbliku obbligatorju, u pproċeda mis-suppożizzjoni li sa dak il-punt ZT qed jeżerċiza poteri pubbliċi. Il-BVerwG sostna li l-obbligu tas-servizz pubbliku inkluda wkoll l-proviżjoni ta’ riżerva għall-epidemiji (42).

(157)

Il-Ġermanja tikkondividi din l-opinjoni u targumenta wkoll li r-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 u l-proviżjoni ta’ riżerva għall-epidemiji jservu biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem.

(158)

Peress li r-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 huwa obbligu tas-servizz pubbliku, il-BVerwG u l-Ġermanja kkunsidraw il-kontributi annwali ġustifikati peress li rrapreżentaw kumpens mill-Istat għall-kostijiet imġarrba minn ZT bħala riżultat ta’ dan l-obbligu.

(159)

Kif spjegat fil-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat li hi mogħtija bħala kumpens għat-twettiq ta’ servizzi pubbliċi (43) (“linji gwida tal-Unjoni dwar is-SIEĠ”), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b'mod konsistentii li l-Istati Membri għandhom marġini wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tan-natura ta’ servizzi li jistgħu jkunu klassifikati bħala ta’ interess ekonomiku ġenerali, ħlief fis-setturi fejn hemm regoli tal-Unjoni speċifiċi li jirregolaw dan.

(160)

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li attività hi ta’ interess ekonomiku ġenerali biss jekk għandha karatteristiċi speċjali meta mqabbla ma’ interess ekonomiku ġenerali ta’ attivitajiet ekonomiċi oħra (44).

(161)

Fil-GEMO il-Qorti tal-Ġustizzja imbagħad kellha tittratta l-mistoqsija ta’ jekk il-bdiewa u l-biċċeriji għandhomx iħallsu kompletament il-kostijiet tar-rimi ta’ bhejjem mejta u skart tal-biċċeriji jew hekk l-Istat għandux iħallas il-kost abbażi li dan kien servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Fid-deċiżjoni tagħha il-Qorti sostniet li l-bdiewa u l-biżżeriji għandhom ikopru l-kostijiet kollha (45).

(162)

Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-piż finanzjarju li jkun hemm minħabba r-rimi ta’ bhejjem mejta u skart tal-biċċeriji hu element ta’ kost li hu inevitabbilment marbut mal-attività ekonomika tal-bdiewa u l-biċċeriji. L-attivitajiet tagħhom jiġġeneraw prodotti u residwi li ma jistgħux jintużaw u fuq kollox huma ħżiena għall-ambjent, u r-rimi hu dmir tan-niġġiesa.

(163)

Intervent mill-korpi tal-Istat bil-għan li jirrilaxxaw il-bdiewa u biċċeriji minn dan il-piż joħloq vantaġġ ekonomiku li jista' jgħawweġ il-kompetizzjoni. Anke jekk l-Istat kien qed isegwi oġġettiv ta’ politika dwar is-saħħa billi jieħu r-responsabbiltà għall-kostijiet tar-rimi, dan ma jbiddilx il-fatt li kien jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għall-bdiewa u l-biċċeriji, minħabba li hi każistika stabbilita li l-Artikolu 107(1) tat-TFUE ma jagħmilx distinzjonijiet skont ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-miżuri ta’ intervent mill-Istat iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (46).

(164)

Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tat-testijiet tat-TSE, bhejjem mejta u skart tal-biċċeriji (2002/C324/02) (sal-2006), paragrafi 27 u 37, u l-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007-2013 (2006/C319/01), sezzjoni V.B.4, ukoll jikkonfermaw li s-sidien jew produtturi tal-prodotti sekondarji tal-annimali huma responsabbli għar-rimi xieraq u għaldaqstant għandhom iħallsu l-kostijiet skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Skont dawn il-linji gwida għajnuna mill-Istat hi eċċezzjoni għar-regola li hi permissibbli biss f'sitwazzjonijiet speċjali (speċjalment għal bhejjem mejta).

(165)

Il-fatt li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” japplika ġeneralment hu kkonfermat ukoll mill-liġi tar-Rhineland-Palatinate, fejn § 4(1) tat-TierNebGAG jgħid li l-kostijiet tar-rimi u proċessi relatati jistgħu jkunu imposti fuq is-sidien.

(166)

F'dan il-każ il-konklużjonijiet segwenti joħorġu mill-każistika tal-Qorti, ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, il-linji gwida TSE u l-linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007–2013.

(167)

L-ewwel nett sabiex ikun hemm servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali mhux deċiżiv jekk l-Istati Membri jiddefinixxux is-servizz inkwistjoni bħala obbligu komunali. Id-definizzjoni ta’ servizz bħala obbligu komunali hija ekwivalenti għall-għotja ta’ dritt esklussiv. Kieku l-BVerwG kellu jkun korrett fl-opinjoni tiegħu, Stat Membri seta' jiddikjara kwalunkwe servizz bħala obbligu komunali, u b'hekk jagħmlu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Madankollu, din l-interpretazzjoni kienet iċċaħħad l-Artikolu 106 tat-TFUE minn kwalunkwe effikaċja: l-għan tiegħu hu preċiżament biex jiżgura li l-pagamenti ta’ kumpens jingħataw biss fejn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jirrikjedih.

(168)

Il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li għandha ssir distinzjoni bejn l-għotja ta’ dritt esklussiv u l-ikklassifikar ta’ servizz bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(169)

Għotja ta’ dritt esklussiv għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 jista' jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà għall-provvediment ta’ servizzi taħt l-Artikolu 56 tat-TFUE. Skont l-Artikolu 52 flimkien mal-Artikolu 62 tat-TFUE jista' jkun ġustifikat abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Meta l-Ġermanja u r-Rhineland-Palatinate jsostnu li impriża waħda biss hi responsabbli għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 f'ċertu reġjun, qed ifittxu li jiżguraw li l-impriża hi soġġetta għal superviżjoni intensivq ħafna, b'hekk jiggarantixxu l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(170)

Madankollu, miżura mmirata biex tipproteġi s-saħħa pubblika ma tikkostitwixxix awtomatikament servizz ta’ interess pubbliku ġenerali — kuntrarjament għall-opinjoni tal-Ġermanja u l-BVerwG.

(171)

Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tikkontestax li r-rimi tal-materjal tal-kategoriji 1 u 2 jinvolvi r-rimi tal-iskart li, minn natura tiegħu, hu ta’ theddida partikolari għas-saħħa. Hu għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jipprovdi għal sistema stretta ta’ kontrolli għall-istabbilimenti li jarmu dan l-iskart. Dawn id-dispożizzjonijiet ċertament jinvolvu kostijiet żejda għall-impriżi tar-rimi, iżda dawn il-kostijiet għandhom ikunu inklużi fit-tariffi u l-imposti.

(172)

F'dan ir-rispett ir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 mhux differenti mir-rimi ta’ skart ieħor li, minn natura tiegħu, hu theddida partikolari għas-saħħa. Il-kost għar-rimi ta’ tali skart normalment għandu jitħallas minn min ikkaġunah u mhux mill-pubbliku.

(173)

F'dan il-każ is-servizz jinkludi r-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2. Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha teżamina jekk dan is-servizz hux speċjalment differenti fl-essenza tiegħu mill-attivitajiet ekonomiċi oħra sabiex ikun fl-interess ġenerali, u mhux biss fl-interess tal-operaturi ekonomiċi li jipprofittaw minnu.

(174)

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni ir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 mhux differenti fundamentalment fir-rigward ta’ kontenut minn attivitajiet ekonomiċi oħra. Għal din ir-raġuni ma jistax ikun klassifikat bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(175)

Kontrarju għall-opinjoni tal-BVerwG, il-kontroll riġidu preskritt mir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 ma jfissirx li r-rimi ta’ materjal tal-kateogriji 1 u 2 għandu jitqies bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(176)

Barra minn hekk, is-settur inkwistjoni hu regolat minn dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, dawk id-dispożizzjonijiet jirrikjedu li n-niġġies iħallas għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2. Għaldaqstant ma hemm l-ebda skop biex il-karus pubbliku jħallas parti mill-kost, kif sabet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-GEMO (47). Minħabba dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi tal-Unjoni m'hemmx iktar spazju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jfittxu li jikklassifikaw r-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jitbiegħdu mil-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant il-klassifikazzjoni tiegħu bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali hi eskluża.

(177)

L-aħħar nett fir-rigward tal-pretensjoni li r-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 iservi biex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-GEMO, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 107(1) tat-TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri ta’ intervent mill-Istat b'referenza għall-kawżi jew l-għanijiet tagħhom iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom.

(178)

Għalhekk isegwi li fil-prinċipju, operator ekonomiku għandu jħallas il-kostijiet dovuti għad-dispożizzjonijiet regolatorji li jirregolaw it-twettiq tal-attività tiegħu bħar-regoli stretti dwar ir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 f'dan il-każ. L-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem hu kkunsidrat fil-ġustifikazzjoni tal-għotja ta’ dritt esklussiv fir-rigward tal-libertà tal-provvediment ta’ servizzi u fuq il-livell ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna għall-bdiewa fuq is-suq intern.

(179)

Għal dawn ir-raġunijiet il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 ma jistax ikun klassifikat mill-Ġermanja bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

9.1.1.2.   Sussidjarjament: pagamenti ta’ kumpens mhumiex rekwiżiti fi kwalunkwe każ

(180)

Alternattivament il-Kummissjoni tinnota li l-ewwel kriterju ta’ Altmark jimplika wkoll il-valutazzjoni ta’ jekk il-pagamenti tal-kumpens humiex neċessarji għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għaldaqstant anke jekk ir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 kellu jikkostitwixxi servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-bżonn ta’ pagament ta’ kumpens għandu jkun eżaminat.

(181)

L-argumenti tal-Ġermanja u l-BVerwG ma jikkunsidrawx il-fatt li fis-sentenza tal-GEMO il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-obbligi li l-impriżi fdati bir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 aċċettaw ma jiġġustifikawx il-kumpens mill-Istat għall-kostijiet involuti minħabba dawn l-obbligi. Il-Kostijiet kollha tar-rimi tal-materjal tal-kategoriji 1 u 2 għandhom jitħallsu minn dawk responsabbli għall-produzzjoni tagħhom, għax huma kost inerenti tal-attivitajiet ekonomiċi tal-bdiewa u l-biċċeriji.

(182)

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kumpens tal-Istat għall-kostijiet li jirriżultaw minn dan l-obbligu mhumiex ġustifikati, peress li l-ispejjeż għandhom jitħallsu minn dawk responsabbli.

(183)

Kontrarju għall-opinjoni tal-BVerwG, il-kontroll riġidu preskritt mir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 ma jimplikax li l-kost tar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 jista' jsir minn pagamenti ta’ kumpens mill-Istat.

(184)

Fi kliem ieħor is-sempliċi eżistenza ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku ma jimplikax neċessarjament li kumpens mill-Istat għall-kostijiet li jirriżultaw minn dan l-obbligu huma ġustifikati.

(185)

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni il-Ġermanja ma tistax tiġġustifika l-kontributi annwali bħala kumpens mill-Istat għall-kost lil ZT li jirriżulta mill-obbligu tar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2, peress li skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” il-kost kollu għandu jkun kopert mit-tariffi li ZT jimponi fuq dawk responsabbli għall-produzzjoni ta’ dak il-materjal.

9.1.2.   Iż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji

(186)

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kapaċità ta’ riżerva, ikkunsidrata separatament, tistax tkun ikklassifikata bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-punti segwenti għandhom ikunu nnotati: Skont il-liġi Ġermaniża, impriża li għandha monopolju reġjonali għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 għandha tiżgura li tista' tlaħħaq ma’ kwantità ogħla ta’ materjal fil-każ ta’ tifqigħa ta’ mard. Kif jidher mill-paragun bejn is-16-il Länder ippreżentat lill-gvern Ġermaniż, kullimkien ħlief fiż-żona ta’ ZT l-impriżi li jħaddmu l-impjanti tagħhom fi tlett xiftijiet iwettqu dan billi jħaddmuhom fil-weekend ukoll u, jekk neċessarju, billi jitrasferixxu materjal lil-Länder oħra. Fi kliem ieħor, l-obbligu li tinżamm riżerva għall-epidemiji ma toħloqx kostijiet żejda, għax ir-riżerva għall-epidemiji tista' tkun koperta bil-kapaċità żejda li hi disponibbli operazzjonalment.

(187)

Anke kieku kellu jkun hemm kostijiet żejda, kien ikollhom ikunu trasferiti lill-bdiewa u biċċeriji. Li jlaħħqu mal-użu ogħla ta’ materjal f'epidemija hu parti mill-kost inerenti fl-operazzjoni ta’ impjant għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2.

(188)

Il-fatt li s-sidien, i.e. l-awtoritajiet reġjonali u lokali, iġiegħlu l-impriżi tagħhom li jżommu riżerva għall-epidemiji b'att uffiċjali hu irrilevanti. Iż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji ma tistax tkun ikkunsidrata bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għal żewġ raġunijiet.

(189)

Jekk il-kapaċità żejda li hi disponibbli operazzjonalment — mingħajr kost żejjed — mhix biżżejjed biex tkopri r-riżerva għall-epidemiji preskritta biex b'hekk l-obbligu li tinżamm riżerva għall-epidemiji toħloq kostijiet addizzjonali ta’ investiment, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jirrikjedi li dawn il-kostijiet ikunu koperti mit-tariffi imposti. Dan mhux differenti mill-argumenti preċedenti fir-rigward tar-rimi ta’ skart ieħor (ara paragrafi (156) sa (185) fuq għad-dettal).

(190)

Jekk il-kapaċità żejda miżmuma hi ogħla minn dik attwalment rikjesta fil-każ ta’ epidemiji, m'hemmx interess pubbliku fiż-żamma ta’ dik il-kapaċità żejda.

(191)

F'din il-konnessjoni il-BVerwG sostna li għar-raġunijiet ta’ ikklassifikar tal-provvediment ta’ kapaċità ta’ riżerva huwa irrilevanti jekk ZT żammx kapaċità żejda li kienet pjuttost mhux bżonnjuża. L-awtoritajiet reġjonali u lokali waħedhom għandhom jiddeċiedu għandhomx jiffinanzjaw il-kapaċità żejda jew jinsistux li titnaqqas. Din kienet kwistjoni tar-responsabbiltà politika tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u mhux kwistjoni ta’ liġi dwar l-għajnuna (48). Dan l-argument ma jistax ikun aċċettat, peress li kapaċità pjuttost mhux neċessarja mhix probabbli li sservi l-interess pubbliku.

(192)

Kif eżaminat f'iktar dettal fis-sezzjoni 9.3, fil-każ ta’ ZT ir-riżerva preskritta għall-epidemiji tista' tkun koperta mill-kapaċità żejda li hi disponibbli operazzjonalment u pagamenti ta’ kumpents ma jistgħux ikunu ġustifikati bl-ebda mod.

(193)

Għal dawn ir-raġunijiet il-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligu li tinżamm riżerva għall-epidemiji ma jistax ikun ikkunsidrat servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Alternattivament, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma tipprovdix ġustifikazzjoni għall-kontributi annwali bħala kumpens mill-Istat.

9.1.3.   Rimi ta’ materjal tal-kategorija 3

(194)

Peress li ZT mhix fdata bir-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3, ma tistax tkun ikklassifikata bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għal din ir-raġuni biss. Fi kwalunkwe każ ma tistax tkun ikklassifikata hekk għar-raġunijiet imniżżla fis-sezzjoni 9.1.1.

9.1.4.   Sommarju

(195)

Għaldaqstant l-ewwel kriterju ta’ Altmark mhux sodisfatt f'dan il-każ.

(196)

Għaldaqstant il-konsiderazzjonijiet segwenti fir-rigward tat-tieni sar-raba' kriterji ta’ Altmark huma sempliċiment imniżżla b'mod sussidjarju.

9.2.   It-tieni kriterju ta’ Altmark

(197)

It-tieni kriterju ta’ Altmark jirrikjedi li l-parametri abbażi ta’ liema hu kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu mniżżla oġġettivament u b'mod trasparenti minn qabel. Għaldaqstant jekk Stat Membru jikkompensa impriża għat-telf mingħajr ma jniżżel il-parametri minn qabel, dan jikkostitwixxi vantaġġ skont it-tifsira fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE,

(198)

F'dan il-każ trid issir distinzjoni bejn il-perjodu mill-1979 sa 2008 u l-perjodu mill-2009 sal-2012.

9.2.1.   Perjodu mill-1979 sal-2008

(199)

Il-Verbandsordnung adottat fit-28 ta’ Ottubru 1994 ippermetta lil ZT li jkopri t-telf kollu magħmul fis-sena finanzjarja bil-kontribut annwali. Madankollu, kif qalet il-Ġermanja, il-kontributi annwali kienu maħsuba biex jiffinanzjaw il-kostijiet li għamlet ZT biex iżżomm ir-riżerva għall-epidemiji.

(200)

Madankollu, fil-Verbandsordnung tal-1994 m'hemmx indikazzjonijiet fir-rigward tad-daqs tar-riżerva għall-epidemiji li ZT kellu jżomm jew fir-rigward tal-parametri għall-kalkolazzjoni tar-riżerva. It-telf magħmul mhux indikatur oġġettiv tal-kost tar-riżerva għall-epidemiji, peress li d-daqs tat-telf jiddependi fuq għadd kbir ta’ fatturi li m'ghandhomx x'jaqsmu mal-kost tar-riżerva għall-epidemiji.

(201)

Għaldaqstant l-ebda metodu oġġettiv u trasparenti ma kien imniżżel minn qabel li seta' jagħmel possibbli l-kalkolu tal-kost għar-riżerva għall-epidemiji. Għaldaqstant it-tieni kriterju ta’ Altmark mhux sodisfatt għall-perjodu mill-1979 sal-2008.

9.2.2.   Perjodu mill-2009 sal-2012

(202)

Il-Verbandsordnung kien emendat fit-2 ta’ Frar 2010 b'effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2009. F'§ 10(2) id-daqs tar-riżerva għall-epidemiji li għandha tinżamm hu mniżżel espliċitament. Skont § 9(2) u § 10(4) il-kostijiet għar-riżerva għall-epidemiji u għaldaqstant id-daqs tal-kontribut annwali għandu jitniżżel qabel il-bidu tas-sena finanzjarja permezz tal-istatut dwar il-baġit.

(203)

F'§ 10(5) tal-Verbandsordnung ġdid kienu introdotti regoli għall-kalkolu tal-kost tar-riżerva għall-epidemiji. Skont l-istudju Fraunhofer, proporzjon tal-kostijiet totali tal-kapaċità huma allokati lir-riżerva preskritta għall-epidemiji. Il-Verbandsordnung u l-istatuti tal-baġit annwali jniżżlu l-parametri bżonnjużi għall-kalkolu tal-kostijiet. Il-Kummissjoni ivverifikat li l-parametri huma oġġettivi u raġonevoli u li l-metodu ta’ kalkolu hu mniżżel b'mod mhux ekwivoku u trasparenti. Għaldaqstant għas-snin mill-2010 il-kontributi annwali huma ddeterminati minn qabel abbażi ta’ parametri oġġettivi u trasparenti.

(204)

Għalhekk ir-rekwiżit ta’ trasparenza tat-tieni kriterju ta’ Altmark huma sodisfatti għas-snin 2010 sal-2012. Madanakollu, fl-istess ħin, għandu jkun notat li għalkemm il-Kummissjoni taċċetta li l-kalkoli għandhom isiru minn qabel u b'mod trasparenti, tikkonsidra li l-formola tal-kalkolu użata mhix kapaċi tipprevjeni kumpens żejjed skont it-tifsira tat-tielet kriterju ta’ Altmark.

(205)

Għas-sena 2009, min-naħa l-oħra, ir-regoli għall-kalkolu tal-kost, tal-istatut tal-baġit u tad-daqs tal-kontribut annwali huma ffissati retroattivament u mhux minn qabel. Għaldaqstant it-tieni kriterju ta’ Altmark mhux sodisfatt għas-sena 2009.

9.3.   It-tielet kriterju ta’ Altmark

(206)

It-tielet kriterju ta’ Altmark jirrikjedi li l-kumpens m'għandux jeċċedi dak li hu neċessarju għall-kopertura, totali jew parzjali, tal-kostijiet għas-sodisfazzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku li jikkunsidraw l-introjtu miksub u profitt adegwat meta jkunu sodisfatti dawn l-obbligi.

(207)

Fil-kalkolu tal-kost biex ikunu sodisfatt l-obbligu tas-servizz pubbliku, il-Kummissjoni tapplika l-metodu ta’ kostijiet-netti-evitati(net-avoided-cost) (49). Il-kostijiet netti li huma neċessarji jew għandhom ikunu neċessarji għat-twettiq tal-obbligu tal-proviżjoni ta’ servizzi pubbliċi huma kkalkolati bħala d-differenza bejn il-kostijiet netti tal-fornitur tas-servizz li jirriżultaw milli jkun issodisfatt l-obbligu tas-servizz pubbliku u l-kostijiet netti tal-fornitur tas-servizz mingħajr dak l-obbligu. Attenzjoni partikolari għandha tingħata biex tiżgura li kostijiet jew dħul li l-fornitur tas-servizz ma kienx iħallas jew jagħmel kieku ma kienx hemm obbligu ta’ servizz pubbliku huma evalwati b'mod korrett. Fil-kalkolu tal-kostijiet netti, il-vantaġġ lill-fornitur tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għandu jkun eżaminat, jekk possibbli inklużi l-vantaġġi immaterjali (50).

(208)

Skont § 10(2) tal-Verbandsordnung tat-2 ta’ Frar 2010 id-daqs tar-riżerva għall-epidemiji li għandha tinżamm mill-2009 għandha tkun 7 110 tunnellata, li huma pproċessati f'perjodu ta’ sitt ġimgħat. Fir-rigward tat-tunnellata fil-ġimgħa, ZT ħadet passi biex tiżgura li fil-każ ta’ epidemija 1 185 tunnellata fil-ġimgħa iktar mill-kwantitajiet normali jistgħu jkunu pproċessati fuq perjodu ta’ sitt ġimgħat (51).

(209)

Il-Ġermanja targumenta li l-kontributi annwali jikkompensaw għall-kostijiet netti li tagħmel ZT biex iżżomm ir-riżerva għall-epidemiji. Għalkemm il-Verbandsordnung kellu biss obbligu espliċitu għaż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji mindu kien emendat fit-2 ta’ Frar 2010, ZT żammet riżerva għall-epidemiji qabel dan u kellha ġġarrab il-kostijiet li rriżultaw minn dan. B'mod partikolari, skont ir-regoli dwar l-imposti fir-Rhineland-Palatinate, ZT ma kinitx tista' tinkludi dawn il-kostijiet fl-imposti għar-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2.

(210)

Abbażi tal-istudju Fraunhofer, il-Ġermanja tikkalkola l-kostijiet tar-riżerva għall-epidemiji bħala madwar nofs l-kostijiet kollha tal-faċilitajiet, peress li r-rata tal-utilizzazjoni tal-kapaċità li hi teknikament possibbli matul il-ġimgħa - i.e. f'operazzjoni b'ħamest ijiem bi tliet xiftijiet — hi inqas minn 50 %.

(211)

Il-Kummissjoni ser turi fil-paragrafi li jmiss li kontrarju għall-kalkoli tal-Ġermanja, ZT ma ġarbitx kostijetr netti bħala rizultat taż-zamma ta’ riżerva għall-epidemiji tad-daqs preskritt. Il-kostijiet ċitati mill-Ġermanja jinkludi l-kost għall-kapaċità żejda li hi disponibbli operazzjonalment, li għandu jkun kopert minn imposti, u l-kost tal-kapaċità żejda li tirriżulta minn nuqqas ta’ utilizzazzjoni tal-impjanti.

9.3.1.   Kopertura tar-riżerva preskritta għall-epidemiji mill-kapaċità operazzjonali ta’ ZT li mhix użata

(212)

Ir-rapport Böckenhoff tal-1991 eżamina għall-ewwel darba jekk kienx hemm il-bżonn li jinbena impjant ikbar għar-rimi sabiex tkun żgurata biżżejjed kapaċità fil-każ ta’ epidemija. Wasal għall-konklużjoni kontrarja, minħabba li fl-operazzjoni normali l-impjant tar-rimi jaħdem għal ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet u l-kapaċità żejda operazzjonali għat-tielet xift kienet ikkunsidrat bħala riżerva għall-epidemiji adegwata.

(213)

Matul iż-żmien ħafna mill-impriżi tar-rimi mxew għall-użu parzjali tat-tielet xift, anke fl-operazzjoni normali, jew għal żewġ xiftijiet is-Sibtijiet f'ħinijiet meta hemm qċaċet fil-kwantitajiet għar-rimi. Dan ifisser li hemm utilizzazzjoni aħjar tal-kapaċità fl-operazzjoni normali u ser ikollu jsir iktar użu mill-kapaċità żejda disponibbli fi tmiem il-ġimgħa fil-każ ta’ epidemija.

(214)

Madankollu, kalkoli ddettaljati għal xenarji varji fil-letteratura teknika iktar reċenti (52) kkonfermaw is-sejbiet bażiċi tar-rapport Böckenhoff li ma kienx hemm bżonn investiment addizzjonali fil-kapaċità żejda għall-ġlieda kontra l-epidmiji, iżda minflok il-kapaċità żejda disponibbli bħala t-tielet xift fost il-ġimgħa u xiftijiet fi tmiem il-ġimgħa huma biżżejjed għar-rimi ta’ karkassi żejda tal-annimal li jirriżultaw minn epidemija. Hawn issir kunsiderazzjoni għall-utilizzazzjoni ogħla tal-kapaċità f'operazzjoni normali. Il-każijiet ta’ epidemija kkunsidrati huma l-iktar limitati lokalment u tifqigħat fil-qosor tal-marda tad-deni tal-ħnieżer klassika (CSF) jew il-marda tal-ilsien u d-dwiefer (FMD).

(215)

Ir-riżerva għall-epidemiji mniżżla fil-Verbandsordnung tat-2 ta’ Frar 2010, li tammonta għal 1 185 tunnellata fil-ġimgħa li ZT għandha tagħmel disponibbli matul perjodu ta’ sitt ġimgħat fil-każ ta’ epidemija hi mmirata lejn tifqigħat limitati lokalment ta’ CSF u FMD. Id-daqs tar-riżerva għall-epidemiji hu bbażat fuq l-istudju tal-ISPA-RP, li juri li l-kwantitajiet żejda tal-karkassi tal-annimali li għandhom ikunu mistennija fil-każ ta’ epidemiji ta’ żmien qasir f'żona koperta mill-assoċjazzjoni jaqgħu f'din l-ordni ta’ kobor.

(216)

Ir-riżerva għall-epidemiji speċifikata ta’ 1 185 t/ġimgħa toqgħod flimkien mal-kapaċità mhux użata ta’ 2 819 t/ġimgħa disponibbli għall-perjodu rekwiżit ta’ sitt ġimgħat. Il-kapaċità mhux użata li hi verament disponibbli hi konsiderevolment iktar minn darbtejn id-daqs li hemm bżonn. Kif jidher mit-tabella segwenti, ZT tista' tkopri r-riżerva preskritta għall-epidemiji b'kapaċità żejda operazzjoanli disponibbli fuq żmien qasir bil-lejl u fi tmiem il-ġimgħa — bħal f'Länder oħra. Il-kapaċità żejda operazzjonali ta’ 2 376 tunnellata fil-ġimgħa disponibbli f'operazzjoni ta’ tliet xiftijiet fuq sebat ijiem għal tul ta’ sitt ġimgħat hi madwar id-doppju tar-riżerva preskritta għall-epidemiji ta’ 1 185 tunnellata fil-ġimgħa.

(217)

Anke jekk wieħed jassumi li l-kapaċità tal-impjant mhix utilizzata kompletament fl-operazzjoni ta’ tliet xiftijiet fuq sebat ijiem jew mhux użata kontinwament għal sebat ijiem, kapaċità żejda operazzjonali suffiċjenti hi disponibbli biex tiżgura r-riżerva għall-epidemiji li hemm bżonn. Ladarba skont il-paragun tar-riżerva preskritta għall-epidemiji ta’ 1 185 tunnellata fil-ġimgħa mal-kapaċità żejda disponibbli fl-impjanti ta’ ZT skont l-istudju ISPA-RP (53), ZT għandu kapaċità żejda operazzjonali suffiċjenti bil-lejl u fi tmiem il-ġimgħa:

Tabella 3

Il-kapaċità żejda operazzjonali mqabbla mar-riżerva preskritta għall-epidemiji (ibbażata fuq utilizzazzjoni ta’ kapaċità medja mill-1998 sal-2009)

Tip ta' operazzjoni

Kapaċità totali

Kapaċità żejda disponibbli

Riżerva għallepidemija skont il-Verbandsordnun g

Kapaċità żejda wara li titnaqqas ir-riżerva għallepidemiji

 

 

Minħabba l-livell ta' utilizzazzjoni

Minħabba fatturi operazzjonali

Total

 

Total

Żewġ xiftijiet fuq ħamest ijiem kapaċità massima

2 160

443

 

443

 

 

Tliet xiftijiet fuq ħamest ijiem kapaċità massima

3 240

443

1 080

1 523

1 185

338

Tliet xiftijiet fuq sebat ijiem kapaċità normali

3 864

443

1 704

2 147

962

Tliet xiftijiet fuq sebat ijiem kapaċità massima

4 536

443

2 376

2 819

1 634

(218)

Dan, għalhekk, jikkonferma li ZT — bħal impriżi fil-Länder l-oħra — għandha kapaċità żejda operazzjonali suffiċjenti għar-riżerva għall-epidemiji. Għalhekk ZT qatt ma kellha bżonn tibni kapaċità addizzjonali biex tipprovdi riżerva għall-epidemiji. Għaldaqstant ZT ma ġarbitx xi kostijiet netti mill-obbligu.

(219)

Madankollu, ZT targumenta li skont il-liġi, ZT ma tistax tinkludi taħt il-kostijiet għar-rimi, il-kostijiet għall-kapaċità żejda li hi wżata biss fil-każ ta’ epidemiji, peress li din ir-riżerva tal-epidemiji tkun ta’ benefiċċju pubbliku.

(220)

Madanakollu, ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Länder u l-kuntratti tal-kwerelanti li kienu ppreżentati juru, li irrispettivament mill-forma legali tal-impriża tar-rimi jew tar-regola tal-kalkolu li għandha tkun applikata, il-kostijiet kollha tal-kapaċità huma ffinanzjati minn dħul operatorju mingħajr eċċezzjoni. Dan jidher ukoll b'mod ċar mill-§ 8 KAG RP, li jgħid li “il-kostijiet sottostanti l-imposti għall-użu u kontributi rikorrenti għandhom ikunu determinati skont il-prinċipji tan-negozju tal–kontabbiltà abbażi tal-kost”. Fi kliem ieħor il-kost tal-kapaċità żejda operazzjonali għandu jkun inkluż fl-imposti b'mod proporzjonali, peress li hemm konnessjoni kawżali mar-rimi ta’ materjal intern u estern f'operazzjoni normali.

(221)

Il-BVerwG ukoll sab b'mod korrett fis-sentenza tiegħu li l-kost għall-kapaċità żejda operazzjonali għandu jkun iffinanzjat mir-rimi ta’ materjal intern u estern (54). Għalhekk jekk - bħal fil-każ ta’ ZT — ir-riżerva preskritta għall-epidemiji tista' tkun ipprovduta mill-kapaċità żejda operazzjoanli, ma hemmx bżonn ta’ kontribut annwali.

(222)

Finalment il-Ġermanja targumenta b'ġustifikazzjoni għall-kontribut annwali li l-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali fit-tielet xift matul il-ġimgħa huma riżultat tal-obbligu taż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji. Mingħajr dan l-obbligu, ZT tkun tista' tagħmel użu totali tal-kapaċità massima teknika tagħha f'operazzjoni ta’ ħamest ijiem bi tliet xiftijiet.

(223)

Madankollu, il-Ġermanja ma ġabet l-ebda evidenza li turi li ma jkunx hemm iktar kapaċità żejda operazzjonali fost il-ġimgħa kieku ma kienx hemm obbligu li tinżamm riżerva għall-epidemiji. Minflok jidher — per eżempju mill-istudju ISPA-NS — li anke impriżi li jarmu biss materjal tal-kategorija 3 u li għalhekk m'għandhom l-ebda obbligu li jżommu riżerva għall-epidemiji, għandhom kapaċità żejda konsiderevoli u jiffinanzjaw il-kostijiet kollha tagħhom tal-kapaċità permezz tal-imposti tagħhom.

9.3.2.   Kapaċità żejda disponibbli li taqbeż ir-riżerva preskritta għall-epidemiji

(224)

Kif tindika t-Tabella 3, ZT għandha ferm iktar kapaċità żejda milli hemm bżonn biex tipprovdi r-riżerva preskritta għall-epidemiji. Il-kapaċità żejda disponibbli f'terminu qasir hi iktar mid-doppju li hemm bżonn fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda. Il-Figura 2 turi li f'xi snin sa 25 % tal-kapaċità normali biss baqgħet ma ntużatx f'operazzjoni ta’ ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet. Il-kost tal kapaċità żejda li ma hemmx bżonn għar-riżerva preskritta għall-epidemiji ma jistax ikun inkluż fil-kostijiet netti. Għalhekk il-kalkolu tal-kostijiet netti ppreżentati mill-Ġermanja għandu jiġi miċħud, għaliex jattribwixxu b'mod żbaljat il-kost tal-kapaċità żejda kollha lir-riżerva għall-epidemiji.

(225)

L-istudji ISPA-RP u Fraunhofer juru li l-kapaċità żejda disponibbli ta’ ZT kienet biżżejjed biex tlaħħaq ma’ tifqigħa tal-FMD madwar il-Land għal tliet xhur. Madankollu ZT qatt ma kellha bżonn iżomm riżerva għall-epidemiji għal perjodu itwal minn sitt ġimgħat. Fi kliem ieħor il-membri tal-assoċjazzjoni qatt ma obbligaw lil ZT li jkollha riżerva fit-tul għall-epidemiji disponibbli għal iktar minn sitt ġimgħat sabiex ZT tkun tista' tlaħħaq ma’ tifqigħa fit-tul tal-marda madwar il-Land. Il-paragun mal-kapaċità li hemm bżonn biex tlaħħaq ma’ tifqigħa tal-FMD madwar il-Land kollu huwa irrilevanti (55).

(226)

Il-fatt li l-kapaċità tal-impjant ta’ ZT hi sostanzjalment ogħla minn dik rikjesta mill-Verbandsordnung hi korroborata mis-segwenti: ZT hi obbligata mill-Verbandsordnung li tipproċessa materjal intern tal-Kategoriji 1 u 2 li jammonta għal madwar 900 tunnellata fil-ġimgħa (56). Jekk ir-riżerva preskritta għall-epidemiji ta’ 1 185 tunnellata fil-ġimgħa tkun miżjuda wkoll, ZT jkollu bżonn impjant b'kapaċità ta’ 2 085 tunnellata fil-ġimgħa b'operazzjoni ta’ tliet xiftijiet fuq sebat ijiem sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-Verbandsordnung.

(227)

Fil-fatt però, l-impjanti ta’ ZT għandhom kapaċità possibbli massima ta’ 4 536 tunnellata fil-ġimgħa. ZT imbagħad, jopera impjant bid-doppju tal-kapaċità li hemm bżonn għall-kompiti mniżżla fil-Verbandsordnung. Peress li ZT għandha kapaċità ferm ikbar milli hemm bżonn biex twettaq il-kompiti pubbliċi tagħha, ma tistax tkun ġarbet kostijiet netti minħabba l-obbligu li żżom riżerva għall-epidemiji.

9.3.3.   Sommarju

(228)

Bħala konklużjoni jista' jingħad li l-Ġermanja ma kinitx kapaċi turi li ZT ġarbet kostijiet netti mill-obbligu li jżżomm riżerva għall-epidemiji. Eżami wera li l-kontributi annwali jiffinanzjaw il-kost għall-kapaċità żejda li hi disponibbli operazzjonalment f'operazzjoni normali (u li għalhekk għandha tkun iffinanzjata minn miżati u imposti għal dawn is-servizzi) jew li hi disponibbli għax sar użu insuffiċjenti fl-impjanti ta’ ZT.

9.4.   Ir-Raba' kriterju ta’ Altmark

(229)

Ir-raba' kriterju ta’ Altmark jgħid li, fejn impriża li għandha tissodisfa obbligu ta’ servizz pubbliku mhix magħżula fi proċedura ta’ akkwist pubbliku li jippermetti selezzjoni ta’ min qed jagħmel l-offerta li hu kapaċi li jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas kost għall-komunità, il-livell ta’ kumpens li hemm bżonn għandu jkun determinat abbażi tal-analiżi tal-kostijiet li impriża tipika u mmexxija tajjeb kienet iġġarrab biex twettaq dak l-obbligu, waqt li jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profit raġonevoli għat-twettiq tal-obbligi.

(230)

L-erba' kriterji ta’ Altmark huma eċċezzjoni għall-prinċipju li l-pagamenti ta’ kumpens jikkostitwixxu vantaġġ. Għaldaqstant huma l-Istati Membri li jridu jippruvaw li dawn intlaħqu.

(231)

ZT ma kinitx magħżula permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, u l-Ġermanja lanqas ma pproduċiet evidenza li ZT kienet impriża tipika u mmexxija tajjeb. Għaldaqstant il-Ġermanja naqset milli turi li r-raba' kriterju ta’ Altmark intlaħaq. L-imposti għoljin għar-rimi ta’ karkassi tal-annimali fir-Rhineland-Palatinate u l-bżonn għall-iffinanzjar permezz ta’ kontribut annwali li ma jeżistix fl-ebda Land ieħor, ukoll jissuġġerixxu li ZT mhix impriża tipika u mmexxija sew.

(232)

Għaldaqstant ir-raba' kriterju ta’ Altmark mhux sodisfatt.

(233)

Il-BVerwG sostna li r-raba' kriterju ta’ Altmark ma applikax għal ZT peress li l-kontribut annwali ma kienx bħala kumpens għalih għall-kostijiet żejda mġarba minħabba l-obbligu ta’ servizz pubbliku f'kuntest ta’ attività li hi fi kwalunkwe sens ieħor kummerċjali, iżda biex jiffinanzjaw twettiq uffiċjali ta’ kompitu pubbliku lil hinn mis-suq. In-natura uffiċjali tat-twettiq ta’ dan il-kompitu tirriżulta, fl-opinjoni tal-BVerwG, minn deċiżjoni politika tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li huma membri tal-assoċjazzjoni biex jagħtu internament ir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2. Il-BVerwG ibbaża l-interpretazzjoni tiegħu fuq is-senstenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-Stadtreinigung Hamburg (57).

(234)

Fl-opinjoni tal-BVerwG ir-raba' kriterju ta’ Altmark jippresupponi li l-obbligu tas-servizz pubbliku għandu jitwettaq minn impriża privata. Peress li dan ma kienx il-każ għax l-għotja hija interna, ir-raba' kriterju ta’ Altmark ma japplikax għal impriża fdata permezz tal-għotja interna (58).

(235)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-opinjoni tal-BVerwG. L-ewwel nett ma hemm l-ebda indikazzjoni li r-raba' kriterju ta’ Altmark kif kien formulat mill-Qorti tal-Ġustizzja mhux applikabbli fil-każ ta’ għotja interna. Kontrarjament: billi tat żewġ alternattivi (jew proċedura ta’ akkwist pubbliku jew analiża tal-kostijiet li jkollha impriża tipika mmexxija tajjeb) il-Qorti tal-Ġustizzja wriet li r-raba' kriterju ta’ Altmark japplika anke jekk ma saritx l-ebda proċedura ta’ akkwist pubbliku, u għaldaqstant speċjalment fil-każ ta’ għotja interna.

(236)

Is-sentenza f'Stadtreinigung Hamburg ikkonċernat biss fejn jeżisti obbligu għall-għotja u fejn le. Assolutament l-ebda konklużjoni ma tista' ssir fir-rigward tal-liġi dwar l-għajnuna. Kontrarjament: it-tieni alternattiva tar-raba' kriterju ta’ Altmark tikkonċerna preċiżament il-każ fejn ma hemm l-ebda obbligu biex issir proċedura ta’ akkwist pubbliku.

(237)

Barra minn hekk, il-BVerwG jitlaq mill-assunzjoni li l-monopolju reġjonali ta’ ZT fisser li ma kienx hemm kompetizzjoni ma’ impriżi oħra u li jista' ma jkun hemm l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, hi element kostitwenti separat tal-kunċett ta’ għajnuna li hu distint mill-element ta’ vantaġġ ekonomiku (il-kuntest li fih l-erba' kriterji ta’ Altmark kienu żviluppati). L-element kostitwenti tad-distorsjoni ta’ kompetizzjoni jintlaħaq f'dan il-każ (ara s-Sezzjoni 8.3). Il-Kummissjoni ukoll ikkonfermat espliċitament fil-paragrafu 37 tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-Unjoni Ewropea dwar il-kumpens għat-twettiq ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (il-komunikazzjoni dwar is-SGEI) (59) li għotja interna ma teskludix id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(238)

Finalment, l-enfasi magħmul mill-BVerwG fuq in-natura uffiċjali tal-attività ta’ ZT toħloq il-kwistjoni ta’ jekk il-BVerwG ċaħadx impliċitament l-applikabilità tar-raba' kriterju ta’ Altmark peress li assuma li ZT ma kinitx qed twettaq attività ekonomika. Dan, ukoll, hu żbaljat: ZT toffri servizz għal ħlas, u għaldaqstant, qiegħda twettaq attività ekonomika (ara s-Sezzjoni 8.2). Il-Kummissjoni wkoll ikkonfermat dan espliċitament fil-paragrafu 13 tal-komunikazzjoni dwar is-SGEI.

9.5.   Konklużjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġi ekonomiċi għal ZT

(239)

Kuntrarjament għas-sentenza tal-BVerwG u l-argument tal-Ġermanja, il-kriterji tas-sentenza ta’ Altmark mhumiex sodisfatti. L-ewwel nett, il-kontributi annwali ma jistgħux ikunu ġustifikat fl-essenza tagħhom bħala pagamenti ta’ kumpens mill-Istat għal obbligi ta’ ZT, peress li l-kostijiet kollha assoċjati ma’ dawn l-obbligi għandhom ikunu koperti minn introjtu minn imposti. It-tieni nett, ġie muri li kontrarjament għal dak li ssostni l-Ġermanja, ZT ma soffritx kostijiet netti bħala riżultat tal-obbligu li jżżomm riżerva għall-epidemiji. Il-kostijiet ċitati mill-Ġermanja jirrelataw jew mal-kapaċità operazzjonali żejda, li għandhom ikunu koperti mid-dħul mill-imposti u mill-profitti, jew mal-kapaċità żejda li tmur lil hinn mir-riżerva preskritta għall-epidemiji. It-tilet ħaġa, sal-2010 il-parametri għall-kalkolu tal-kontributi annwali ma kinux iffissati minn qabel u bit-trasparenza neċessarja. Finalment, il-Ġermanja ma wrietx li ZT hi impriża tipika u mmexxija tajjeb.

(240)

Għaldaqstant il-kontributi annwali taw vantaġġ ekonomiku lil ZT.

(241)

Jekk il-kost tar-riżerva għall-epidemiji, ikkalkolata b'mod żbaljat mill-Ġermanja, huwa allokat korrettament skont l-għan għas-servizzi differenti pprovduti — ir-rimi tal-materjal tal-kategoriji 1 u 2, ir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 minn Baden-Württemberg u Hessen, u r-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3 — il-vantaġġi ekonomiċi li kisbet ZT fuq is-swieq varji mill-kontributi annwali fuq is-swieq varji jsiru aħtar viżibbli.

(242)

Is-Sezzjonijiet segwenti ser juru li l-kontributi annwali fil-fatt ma kkumpensawx għat-telf dovut għall-fatturi segwenti:

(a)

kwalità baxxa tal-ipproċessar ta’ materjal tal-kategorija 3;

(b)

kapaċità mhux utilizzata biżżejjed;

(c)

imposti iktar baxxi mill-kost għar-rimi f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali;

(d)

imposti iktar baxxi mill-kost għar-rimi ta’ materjal intern.

9.5.1.   Telf minn rimi ta’ materjal intern u estern meta l-kostijiet tar-riżerva għall-epidemiji kkalkolati b'mod żbaljat huma allokati skont l-għan

(243)

Abbażi tal-kontijiet ta’ profitt u telf ta’ ZT li kienu ppreżentati għas-snin mill-2002 sal-2009, il-kostijiet allegati kollha tar-riżerva għall-epidemiji kienu allokati skont l-għan skont l-operazzjoni tal-impjant fuq bażi ta’ ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet.

(244)

L-ewwel nett, għandu jkun notat li raġuni ewlenija għall-kostijiet għolja tal-kapaċità żejda hi l-utilizzazzjoni baxxa tal-impjant ta’ ZT. Għaldaqstant dawn il-kostijiet tal kapaċità żejda dovuti għal nuqqas ta’ utilizzazzjoni tagħha waqt operazzjoni normali għandhom jitneħħew.

(245)

Kif jidher mill-istatistika dwar l-utilizzazzjoni fit-Tabella 3 (il-kolonna “kapaċità zejda dovuta għar-rata ta’ utilizzazzjoni”) ZT qatt ma użat l-kapaċità teknika disponibbli fl-operazzjoni ta’ ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet. Speċjalment mill-2002, ir-rata ta’ utilizzazzjoni waqgħet bil-kbir bħala riżultat ta’ tnaqqis kbir fil-materjal intern. Il-kejl użat għal-livell ta’ utilizzazzjoni baxxa hi l-kapaċità żejda fl-operazzjoni ta’ ħamest ijiem bi tliet xiftijiet. Il-punt ta’ referenza użat għall-kalkolu tal-utilizzazzjoni baxxa kien l-ogħla livell ta’ utilizzazzjoni miksub fl-operazzjoni ta’ ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet, li kien 101 855 tunnellata fl-2002. Bħala medja din hi utilizzazzjoni baxxa ta’ 13 fil-mija.

(246)

Kif jidher mill-kolonna korrispondenti (“kapaċità żejda dovuta għar-rata ta’ utilizzazzjoni”) fit-Tabella 4, il-kost medju ta’ utilizzazzjoni baxxa f'operazzjoni normali jammonta għal EUR 434 304. ZT għandha tieħu r-responsabbiltà kummerċjali għal dan il-kost, għaliex hu r-riżultat tal-operazzjoni ta’ impjant li mhux utilizzat kompletament waqt operazzjoni normali.

(247)

Il-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali huma mqassma skont il-proporzjon tal-użu fl-operazzjoni ta’ ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet. Għaldaqstant il-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali huma mqassma proporzjonalment bejn is-servizzi interni u dawk esterni. Fl-istess ħin issir distinzjoni fit-Tabella 4 hawn isfel bejn il-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali tal-ġbir u tal-ipproċessar.

(248)

Bħala medja matul il-perjodu mill-2002 sal-2009 ZT ma kinitx kapaċi tkopri l-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali mill-fatturat fuq is-servizzi tagħha interni jew esterni. Il-kolonna “marġini tal-kontribut II” turi telf annwali medju ta’ EUR 1 198 257 fuq servizzi esterni u ta’ EUR 1 140 898 fuq servizzi interni.

Tabella 4

Rapport tal-profitti u t-telf

(f'EUR)

 

 

 

Bhejjem mejta

Skart tal-biċċeriji

Materjal Intern

Kol. 1 + 2

Materjal tal-kategorija 3

BW u Hessen

Utilizzazzjoni baxxa

Materjal estern

Kol. 4 + 5 + 6

Total

Kol. 3 + 7

(1)

 

Fatturat

3 624 234

5 130 693

8 754 926

 

[…]

 

[…]

[…]

(2)

 

Kostijiet mogħtija minn ZT

3 624 234

3 877 155

7 501 388

[…]

[…]

 

[…]

[…]

(3)

 

Fatturat

3 624 234

5 130 693

8 754 926

[…]

[…]

 

[…]

[…]

(4)

Kostijiet ikkoreġuti

3 624 234

5 077 019

8 701 252

[…]

[…]

 

[…]

[…]

(5)

 

Kontribut li jkopri I

 

53 674

53 674

[…]

[…]

 

[…]

[…]

(6)

Kapaċità żejda (KŻ) dovuta għar‐rata ta' utilizzazzjoni

 

 

 

 

 

[…]

[…]

[…]

(7)

Ġbir tal‐KŻ operazzjonali

70 077

236 780

306 857

[…]

 

[…]

[…]

[…]

(8)

Proċessar tal‐KŻ operazzjonali

201 993

685 722

887 715

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

(9)

 

Kontribut li jkopri II

– 272 071

– 868 828

–1 140 898

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

(10)

Kostijiet fissi mhux allokati

 

 

 

 

 

 

 

[…]

(11)

 

Kontribut li jkopri III

 

 

 

 

 

 

 

[…]

(12)

+

Kontribut annwali

 

 

 

 

 

 

 

[…]

(13)

 

Profitt jew telf

 

 

 

 

 

 

 

[…]

Ringieli 1 u 2: Informazzjoni provduta minn ZT

ZT ma tirrekordjax id-dħul mir-rimi tal-materjal tal-kategorija 3 separatament fil-kontabbiltà abbażi tal-kost; minflok, bħal ma tagħmel b'introjtu ieħor mill-prodotti (eż. minn xaħmijiet u żjut) tnaqqashom mill-kostijiet totali, li imbagħad huma allokati bejn skart intern mill-biċċeriji, materjal tal-kategorija 3 u materjal minn Baden-Württemberg u Hessen. Madankollu peress li jinħoloq kont separat għall-materjal tal-kategorija 3 f'dak li jsegwi, l-introjtu mir-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3 għandu jitneħħa mill-kostijiet totali.

Ringieli 3 sa 5: Kalkolu tal-marġini ta’ kontribut I

Biex jintlaħaq il-kost ikkorreġut, l-introjtu mill-ipproċessar ta’ materjal tal-kategorija 3 li hu mnaqqas mill-kostijiet hu allokat proporzjonalment bejn il-kost tal-iskart tal-biċċeriji intern, materjal tal-kategorija 3 u materjal minn Baden-Württemberg u Hessen. Għaldaqstant id-differenża fil-kostijiet totali bejn ringiela (2) u ringiela (4) tikkorrispondi għad-dħul mir-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3 fir-ringiela (3).

Peress li d-dejta ma kinitx disponibbli, il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika jekk ZT allokatx il-kostijiet totali fir-ringieli (2) sa (3) korrettement bejn is-servizzi differenti. B'mod partikolari għandu jkun notat li r-rimi ta’ karkassi tal-annimali jammonta għal proporzjoni eċċessivament kbira tal-kostijiet tal-kapaċità. Għaldaqstant il-kontribut li jkopri I għall-iskart tal-biċċeriji intern, materjal tal-kategorija 3 u materjal minn Baden-Württemberg u Hessen jista' jkun li tqiegħed għoli wisq.

Ringieli 6 sa 9: Kalkolu tal-marġini ta’ kontribut II

L-ewwel nett mill-kost tal-riżerva għall-epidemiji l-utilizzazzjoni baxxa fl-operazzjoni ta’ ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet hi kkalkolata (= kapaċità żejda dovuta għar-rata ta’ utilizzazzjoni). Il-kostijiet l-oħra tar-riżerva għall-epidemiji imbagħad huma mqassma proporzjonalment skont il-kwantitajiet involuti u l-utilizzazzjoni baxxa kkalkolata. Peress li m'hemmx ġbir għal Baden-Württemberg, il-kostijiet tal-ġbir u l-ipproċessar huma ttrattati separatament. Peress li kostijiet diretti ta’ kapaċità żejda kienu diġà miżjuda fl-2009 għall-kompitu f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali, l-ebda kostijiet ulterjuri ma huma miżjuda.

9.5.2.   Kontributi annwali jiffinanzjaw it-telf mir-rimi ta’ materjal estern

(249)

Fis-swieq esterni ZT għandha kompetituri li jridu jiffinanzjaw il-kostijiet kollha tal-impjanti totalment mill-fatturat tagħhom. La negozju li jikkompeti ma’ ZT għal materjal tal-kategorija 3 u lanqas l-operatur preċedenti fit-Tramuntana u Ċentru ta’ Hessen ma jistgħu jistrieħu fuq rifinanzjament mill-Istat ta’ kapaċità zejda dovuta għal fatturi operazzjonali jew utilizzazzjoni baxxa dovuta għal-livell ta’ domanda.

9.5.2.1.   Telf fuq ir-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3

(250)

Bħall kull impriża oħra li tarmi materjal tal-kategorija 3 mingħajr ma hi fdata b'kompitu pubbliku, ZT għandha tħallas il-kostijiet kollha assoċjati u tieħu r-riski kollħa assoċjati.

(251)

ZT tarmi materjal tal-kategorija 3 flimkien ma’ materjal tal-kategoriji 1 u 2 u għalhekk ma tistax tikseb l-istess introjtu mill-prodott daqs li kieku kieku tikseb jekk materjal tal-kategorija 3 kellu jintrema separatament mill materjal tal-kategoriji 1 u 2. minħabba d-domanda ikbar għal materjal tal-kategorija 3 pur, il-prezzijiet li ZT tista' tikseb minn biċċeriji waqgħu. Kif spjega l-kwerelant, l-impriżi tar-rimi anke jħallsu primjums lill-biċċeriji għal xi materjali tal-kategorija 3.

(252)

Din it-tendenza hi evidenti ħafna fir-rendiment għal kull tunnellata pproċessata ta’ materjal tal-kategorija 3. fejn ZT xorta kiseb EUR […] għal kull tunnellata fl-2002, wara tnaqqis stabbli r-rendiment fl-2009 kien biss EUR […]. Dan hu tnaqqis fir-rendiment għal kull tunnellata ta’ kważi 70 % f'seba' snin.

Figura 1

Marġini ta’ kontribut għal materjal tal-katergorija 3 mill-2000 sal-2009 (f'EUR)

(…)

(253)

Għaldaqstant f'dawn l-aħħar snin l-ipproċessar ta’ materjal tal-kategorija 3 sar dejjem mingħajr profitt għal ZT. Fejn sal-2004 ZT kienet għadha kapaċi tkopri l-kostijiet diretti, ir-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3 fis-snin sussegwenti m'għadux jagħmel kontribut pożittiv biex ikopri l-kostijiet ta’ kapaċità żejda.

(254)

Il-kalkolu magħmul mill-Ġermanja, li juri l-introjtu li jista' jagħmel ZT mir-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3 hu ikbar mill-kostijiet diretti, mhux korrett. Il-Ġermanja tibbaża l-kalkolu tagħha fuq kostijiet li minnhom l-introjtu kien diġà mnaqqas (ara ringiela (2) tat-Tabella 4) minflok li tuża l-kostijiet verament imġarrba, li jkun korrett (ara l-kostijiet ikkoreġuti fir-ringiela (4) tat-Tabella 4).

(255)

ZT hi apparentament ippreparata li tittolera l-kostijiet kostanti dovuti għar-rimi ta’ kwalità baxxa ta’ materjal tal-kategorija 3 biex isostni l-utilizzazzjoni tal-impjanti tiegħu.

9.5.2.2.   Telf mill-utilizzazzjoni baxxa

(256)

Raġuni ewlenija oħra għat-telf ta’ ZT hu li l-impjant kien utilizzat ftit wisq għal ħafna snin. F'xi snin, l-utilizzazzjoni baxxa fl-operazzjoni ta’ ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet telgħet għal iktar minn 25 % meta mqabbla mal-aħjar rata ta’ utilizzazzjoni fl-2001. Fl-2001 u l-2002 biss kien hemm rata aħjar ta’ utilizzazzjoni li ntlaħqet minħabba l-kriżi tat-TSE għalkemm anke f'dak iż-żmien ma kienx hemm bżonn ta’ rikors għall-kapaċità żejda operazzjonali bil-lejl jew fi tmiem il-ġimgħa.

Figura 2

Utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità normali ta’ ZT f'operazzjoni ta’ ħamest ijiem b'żewġ xiftijiet mill-1998 sal-2009

Image 1

Ultilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità ta' ZT

(meta mqabbla mar-rata ta' utilizzazzjoni ta' 103 000 tunnellata fl-2001)

(257)

Ir-raġuni għall-utilizzazzjoni baxxa notevoli wara l-2002 kienet it-tnaqqis tal-hażniet tal-annimali u għalhekk fil-kwantità tal-materjal intern, li waqa' b'iktar minn 35 fil-mija bejn l-2002 u l-2009. ZT ipprova jutilizza l-kapaċità li lliberat ruħha billi ħa ammonti ikbar ta’ materjal estern. Madankollu, kien wara li rebaħ il-proċedura ta’ offerti f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali li seta' jġib ir-rata ta’ utilizzazjoni lura għal madwar il-livell tal-2002/2003.

9.5.2.3.   Telf mill-proċedura ta’ offerti f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali

(258)

Peress li ZT ilu jwettaq ir-rimi f'Hessen tat-Tramuntana u Ċentrali biss mill-2009, hemm verament ftit dejta dwar ir-riżultati miksuba minn din l-attività. Il–kontabbiltà abbażi tal-kost tal-2009 li kienu ppreżentati juru li l-affidament ġdid irriżulta f'marġini ta’ kontribut pożittiv wara li tnaqqsu l-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali ta’ madwar EUR 200 000.

(259)

Madankollu, id-dokumenti tal-offerta jissuġerixxu li ZT għamlet offerta li kienet iktar baxxa mill-kostijiet attwali tagħha. Kif qalet il-Ġermanja stess, l-imgħax li jħallas ZT fuq is-self bankarju tiegħu hu iktar għoli mill-imgħax ikkalkolat li ZT iffissa skont ir-regoli tal-kalkolu għall-proċedura ta’ offerti. Fi kliem ieħor ZT ma jippretendix li jkun kapaċi li jkopri l-kostijiet tal-imgħax kollha fuq is-self li ħa jew li jakkwista ritorn raġonevoli fuq il-kapital tiegħu stess.

(260)

L-imgħax totali ta’ ZT fuq il-kapital misluf jammonta għal EUR 1,07 miljun fis-sena. Jekk wieħed jassumi li madwar kwart tal-kost tas-self jista' jkun attribwit għall-attività tagħha fit-Tramuntana u fiċ-Ċentru ta’ Hessen, abbażi tal-proporzjon ta’ kapaċità totali li tirriżulta mill-kwantità għar-rimi li tiġi mit-Tramuntana u Ċentru ta’ Hessen, is-sehem tal-kostijiet hu EUR 0,26 miljun meta mqabbel mal-EUR 0,16 miljun li ZT niżżel fil-kalkolu tiegħu tal-imposti għat-Tramuntata u ċ-Ċentru ta’ Hessen. Apparti l-EUR 0,10 miljun f'imgħax fuq self li mhumiex koperti annwalment hemm ukoll l-imgħax fuq kapital li mhux kopert.

(261)

Negozju li jaġixxi b'mod razzjonali ma kienx jippreżenta offerta li ma tkopriex il-kostijiet kapitali antiċipati. Ir-riferenza ripetuta tal-Ġermanja għar-rekwiżiti allegati tar-regoli dwar il-kalkolu tal-imposti, li ma ppermettewx li l-kostijiet kollha jkunu trasferiti, bl-ebda mod ma tbiddel dan il-fatt. L-ebda operatur privat tan-negozju ma jista' jkun sforzat jew ser ikun lest joffri servizzi għal prezzijiet li bihom ma jkoprix il-kostijiet tiegħu u jagħmel profitt raġonevoli.

(262)

Anke jekk wieħed jibda mill-kontabbiltà abbażi tal-kost ippreżentati għall-2009, li tagħti marġini ta’ kontribut pożittiv ta’ madwar EUR 200 000, il-marġini antiċipati ta’ kontributi matul it-terminu ta’ 10 snin tal-kuntratt ma jistgħux jikkumpensaw għat-telf dovut għall-utilizzazzjoni baxxa, li bħala medja tammonta għal madwar EUR 700 000 annwalment għas-snin mill-2002 'il quddiem. Għaldaqstant, ditta li topera skont il-kundizzjonijiet tas-suq ma żżomx kapaċità b'utilizzazzjoni baxxa għal perjodu daqshekk twil.

(263)

Fil-każ ta’ materjal estern hu evidenti li grazzi għall-kontributi annwali ZT kien qed jirreklama kapaċità bi prezzijiet iktar baxxi mill-kostijiet u kien qed iżomm kapaċità b'utilizzazzjoni baxxa għal snin mingħajr ma seta' jikkumpensa permezz ta’ qligħ future it-telf dovut għall-utilizzazzjoni baxxa fis-snin preċedenti. Għalhekk hu ċar li ZT żammet kapaċità fuq is-suq li impriża razzjonali tar-rimi ma setgħetx taffordja.

9.5.3.   Kontributi annwali jiffinanzjaw telf mir-rimi ta’ materjal intern

(264)

Il-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali ikkawżati minħabba r-rimi ta’ materjal intern għandhom ikunu koperti minn imposti. ZT, bħall-impriżi l-oħra kollha fdati bir-rimi ta’ materjal ikkontrollat, għandhom jiżguraw ir-responsabbiltà li jwettqu dan il-kompitu b'mod ekonomiku billi jagħmlu n-negozju tagħhom b'mod xieraq. Pagament addizzjonal ta’ kumpens jirrilaxxaha minn din ir-responsabbiltà ekonomika.

(265)

Għaldaqstant il-kostijiet għall-kapaċità żejda dovuta għal fatturi operazzjonali għandhom ikunu allokati bejn ir-rimi ta’ bhejjem mejta u skart tal-biċċeriji. Hemm approċċi varji fil-Länder għall-allokazzjoni tal-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali bejn ir-rimi ta’ skart tal-biċċeriji u karkassi tal-annimali. F'ċerti Länder bhejjem mejta huma allokati proporzjon ikbar mill-kostijiet tal-kapaċità żejda mill-iskart tal-biċċeriji. Peress li la r-regoli dwar l-imposti u lanqas il-Verbandsordnung ma jindikaw skala għall-allokazzjoni, il-kostijiet tal-kapaċità żejda għandhom ikunu allokati proporzjonalment.

9.5.3.1.   Prezzijiet li huma iktar baxxi mill-kost għar-rimi ta’ skart tal-biċċeriji

(266)

Bħalma qalet il-Ġermanja stess, ZT tikkompeti ma’ impriżi oħra tar-rimi għar-rimi ta’ skart tal-biċċeriji Id-daqs tal-imposti għar-rimi tal-iskart tal-biċċeriji intern jaffettwa l-kwota tas-separazzjoni tal-biċċeriji u għalhekk kemm hemm materjal pur tal-kategorija 3 għal impriżi oħra tar-rimi.

(267)

Fejn bħala medja ir-rekavat bil-kemm ikopru l-kostijiet diretti, matul iż-żmien l-istess tip ta’ stampa toħroġ bħal tal-marġini ta’ kontributi għal materjal tal-kategorija 3: Sal-2004 r-rikavat jaqbeż il-kostijiet diretti. Però bl-iskala ġdida tal-imposti mill-2005, li wasslet għal tnaqqis fil-medja tar-rikavat għal kull tunnellata minn EUR 160 sa EUR 116 — fi kliem ieħor tnaqqis ta’ 27,5 fil-mija — lanqas il-kostijiet diretti ma jistgħu jkunu koperti fis-snin ta’ wara u għalhekk l-ebda kontribut ma jista' jinkiseb biex jilħaq mal-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali. Ma kienx qabel l-2009 li kien hemm ritorn għal marġini pożittiva ta’ kontribut (ara it-Tabella 4).

(268)

Mingħar il-kontribut annwali ZT ovvjament ma setgħetx iżomm din il-politika tal-ipprezzar. Bħal fil-każ tal-iskart tal-kategorija 3 tal-biċċeriji, mill-2005 ZT aċċettat prezzijiet li lanqas biss koprew il-kostijiet diretti tagħha sabiex tkompli tutilizza il-kapaċità tal-impjant tagħha. Inġenerali għall-materjali interni hemm marġini negattiva ta’ kontribut II ċara — wara li jitnaqqsu l-kostijiet tal-kapaċità żejda operazzjonali - li jammontaw għal 13 fil-mija tal-fatturat (ara it-Tabella 4).

9.5.3.2.   Pożizzjoni ta’ monopolju fiż-żona koperta mill-assoċjazzjoni konsolidata mill-kontributi annwali diretti

(269)

Il-Ġermanja ssostni li ZT ma kellha l-ebda vantaġġ ekonomiku mill-kontributi annwali, għaliex hu irrilevanti jekk l-Istat jagħtix kumpens għaż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji direttament lill-impriża tar-rimi jew jekk tiffinanzjahiex indirettament permezz ta’ għajnuna għat-TSE lil dawk li jipproduċu l-materjal. Fil-każ tal-aħħar il-kost għar-riżerva għall-epidemiji jkun inkluż fil-imposti, iżda fl-istess ħin dawk responsabbli biex jipproduċu l-materjal ikollhom sostenn permezz ta’ għajnuna ogħla. Fiż-żewġ każijiet il-karus pubbliku fil-fatt ikun qed iġorr patri kbira mill-piż, u dan hu dak li primarjament jikkonċerna lir-reviżjoni fid-dawl tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

(270)

L-ewwel nett għandu jerġa jkun notat (ara s-sezzjoni 2.5.3) li ZT tirċievi l-kontribut annwali flimkien mal-għajnuna dwar it-TSE li tmur lill-bdiewa. barar minn hekk, ZT jirċievi iktar assistenza mill-għajnuna dwar it-TSE fir-Rhineland-Palatinate milli fit-Tramuntana u ċ-Ċentru ta’ Hessen, peress li l-prezz għal kull tunnellata (EUR 212) — u għaldaqstant il-bażi għall-għajnuna tat-TSE — hi konsiderevolment iktar baxxa mill-prezz għal kull tunnellata fir-Rhineland-Palatinate (EUR 390). Dan ċarament mhux il-każ li bdiewa f'din iż-żona koperti mill-assoċjazzjoni jibbenefikaw minn ħlasijiet iktar baxxi grazzi għall-kontributi annwali.

(271)

Barra minn dan, il-linji gwida Komunitarji dwar it-TSE jirrikjedu espliċitament evidenza li l-għajnuna ma tibbenefikax lil impriżi tal-produzzjoni iktar 'l isfel (60). Iżda kif jidher mis-sezzjonijiet 9.5.2 u 9.5.3, ZT verament tuża l-kontribut annwali biex tiffinanzja t-telf dovut għall-politika tagħha tal-ipprezzar, il-kapaċità b'utilizzazzjoni baxxa jew ineffiċjenzi oħra fl-operazzjonijiet tan-negozju tagħha.

(272)

Għaldaqstant il-Ġermanja ċarament mhix kapaċi turi li l-kontribut annwali jibbenefika lill-bdiewa bħala kumpens għall-kost tar-rimi ta’ bhejjem mejta. Kuntrarjament, il-mistoqsija dwar jekk il-bdiewa ma jibbenefikawx minn prezzijiet iktar baxxi mingħajr il-kontribut annwali għadha mingħajr tweġiba, għax ZT imbagħad kienet tkun soġġetta għal pressjoni ekonomika ikbar biex taġġusta l-kapaċità u l-prattiki tan-negozju tagħha skont il-kundizzjonijiet tas-suq, fi stadju iktar bikri.

9.5.4.   Sommarju

(273)

Il-Ġermanja ma kinitx kapaċi turi li l-kontributi annwali lil ZT huma ġustifikati bħala kumpens mill-Istat għall-obbligi riżultanti mill-Verbandsordnung. Il-kriterji ta’ Altmark mhumiex sodisfatti.

(274)

Reviżjoni dettaljata tal–kontabbiltà abbażi tal-introjtu u tal-kost ta’ ZT turi minflok li l-kontributi annwali jagħtu lil ZT vantaġġi ekonomiċi fir-rigward tar-rimi ta’ materjal intern u estern.

(275)

Għaldaqstant il-kontributi annwali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

10.   VALUTAZZJONI TAL-ILLEGALITÀ SKONT L-ARTIKOLU 108(3) TAT-TFUE

(276)

Il-kontributi annwali li rċieva ZT mill-1979 ma kinux notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Għaldaqstant il-kontributi annwali jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(277)

Ma jistax ikun hemm eżenzjoni mill-obbligu li tagħti notifika skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens tas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi fdati bl-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (61) (“Deċiżjoni SGEI 2005”) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens mis-servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi fdati bl-operazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (62) (“Deċiżjoni SGEI 2011”), peress, kif jidher mis-sezzjoni 9, ZT mhux fdat b'servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, peress li r-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2, il-proviżjoni ta’ riżerva għall-epidemiji, u r-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3 mhumiex servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Apparti dan, it-tieni kriterju ta’ Altmark mhux sodisfatt għall-perjodu mill-1979 sal-2010, u t-tielet kriterju ta’ Altmark mhux sodisfatt għall-perjodu kollu mill-1979 'l quddiem. Bħala riżultat ta’ dan, l-Artikoli 4 u 5 tad-deċiżjonijiet tas-SGEI 2005 u 2012 dwar l-eżenzjonijiet mhumiex sodisfatti.

11.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBILITÀ SKONT L-ARTIKOLU 106(2) TAT-TFUE

(278)

Skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-TFUE japplikaw għal impriżi li huma fdati b'servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew li għandhom il-karattru ta’ monopolju li jipproduċi dħul. Madankollu l-Artikolu 106(2) tat-TFUE jipprovdi eċċezzjoni għar-regoli tat-TFUE jekk l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tostakola t-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, ta’ kompiti partikolari assenjati lilhom. Din id-dispożizzjoni ta’ eżenzjoni tista' tkun applikata biss jekk l-iżvilupp tan-negozju mhux affettwat sa punt kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

(279)

Skont il-paragrafu 69 tal-linji gwida tas-SGEI tal-Unjoni, il-Kummissjoni tapplika l-prinċipji tal-linji gwida tal-Unjoni għal kull għajnuna illegali li tiddeċiedi fuqha wara l-31 ta’ Jannar 2012, anke jekk l-għajnuna kienet mogħtija wara din id-data. Peress li l-kontributi annwali jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat, il-linji gwida tas-SGEI tal-Unjoni għandhom ikunu applikati.

(280)

Kif hu mniżżel f'8.1, ZT mhux fdata b'servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, għax ir-rimi ta’ materjal tal-kategoriji 1 u 2, iż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji, u r-rimi ta’ materjal tal-kategorija 3 ma jikkostitwixxux servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għal din ir-raġuni biss, il-kontributi annwali mhumiex kompatibblu mal-Artikolu 106(2) TFUR u l-linji gwida SGEI tal-Unjoni.

(281)

Skont it-tieni u t-tielet kriterji ta’ Altmark, għajnuna skont il-linji gwida SGEI tal-Unjoni tista' titqies bħala kompatibbli mal-Artikolu 106(2) tat-TFUE biss jekk hemm att ta’ affidament li jisrtabbilixxi l-metdoi għall-kalkolu tal-kumpens (sezzjoni 2.3) u jekk id-daqs tal-għajnuna ma jaqbiżx il-kostijiet netti tal-obbligu tas-servizz pubbliku (sezzjoni 2.8).

(282)

Kif muri fid-dettal fis-sezzjoni 9.2, it-tieni kriterju ta’ Altmark mhux sodisfatt għal perjodu 1979 sa 2009, u t-tielet kriterju ta’ Altmark mhux sodisfatt għall-perjodu kollu. Għaldaqstant is-sezzjoni 2.3 tal-linji gwida SGEI tal-Unjoni (għall-perjodu 1979 sa 2009) u s-sezzjoni 2.8 (għall-perjodu kollu) mhumiex sodisfatti.

(283)

Għalhekk il-kontributi annwali ma jistgħux ikunu ġustifikati skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE u l-linji gwida tas-SGEI tal-Unjoni bħala għajnuna għaż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji fiż-żona koperta mill-assoċjazzjoni.

12.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBILITÀ BĦALA GĦAJNUNA GĦALL-FINANZJAMENT TAL-KOSTIJIET TAR-RIMI TAL-KARKASSI TAL-ANNIMALI U L-ISKART TAL-BIĊĊERIJI SKONT L-ARTIKOLU 107(3)(c) TAT-TFUE

(284)

Il-kontributi annwali jikkostitwixxu għajnuna għall-operazzjoni li hi ġeneralment ipprojbita (63). Għaldaqstant l-oneru tal-prova għall-kompatibilità ta’ tali għajnuna hu tal-Istat Membru.

(285)

Il-linji gwida Komunitarji dwar it-TSE u l-linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007-2013 jipprojbixxu kull għajnuna għall-kostijiet tar-rimi ta’ skart tal-biċċeriji u jippermettu għajnuna għall-kostijiet għar-rimi ta’ bhejjem mejta jekk dawn jibbenefikaw biss lill-bdiewa. Impriżi iktar 'l isfel — bħal biċċeriji jew impriżi għar-rimi — taħt l-ebda ċirkostanzi ma jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna (64).

(286)

Għar-raġunijiet ta’ simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni, għajnuna agrikola għall-kostijiet tar-rimi ta’ bhejjem mejta jistgħu jitħallsu direttament lill-impriżi tar-rimi, iżda għandu jkun demostrat li l-għajnuna kollha tmur lill-bdiewa (65).

(287)

Kif muri fis-sezzjoni 9, il-kontributi annwali jagħtu lil ZT vantaġġ ekonomiku u ma jibbenefikawx lill-bdiewa fiż-żona koperta mill-assoċjazzjoni, peress li saħansitra għandhom iħallsu prezzijiet ogħla għar-rimi ta’ bhejjem mejta milli fit-Tramuntana u ċ-Ċentru ta’ Hessen, pereżempju. Il-Ġermanja ma kinitx kapaċi turi li l-kontributi annwali huma ttrasferiti kompletament lill-bdiewa.

(288)

Addizzjonalment id-deċiżjoni N 15/04 tas-6 ta’ Lulju 2004 li tapprova l-iskema tal-għajnuna li tikkumpensal-bdiewa fiż-żona koperta minn ZT għall-kostijiet tal-bhejjem mejta għall-perjodu mill-1998 sal-2013 tispeċifika li l-għajnuna agrikola approvata m'għandhiex tkun akkumulata ma għajnuna oħra.

(289)

Għal għajnuna illegali mogħtija qabel l-1 ta’ Jannar 2003, is-sezzjoni VI tal-linji gwida Komuntarji dwar it-TSE jipprovdu għall-eċċezzjonijiet.

(a)

Għajnuna tista' tkun approvata għall-kost tar-rimi ta’ bhejjem mejta, anke jekk mogħtija fuq il-livell ta’ produzzjoni, ipproċessar u rreklamar, sa 100 %;

(b)

Barr aminn hekk, f'każi eċċezzjonali għajnuna għar-rimi ta’ skart tal-biċċeriji tista' tkun kompatibbli mas-suq intern jekk ikun ikkunsidrat it-terminu qasir u l-bżonn li jkun żgurat li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” hu osservat fit-tul.

(290)

Dawn eċċezzjonijiet mhumiex applikabbli lanqas. Il-kontributi annwali mhumiex limitati għall-kostijiet tar-rimi ta’ bhejjem mejta, li kienu fi kwalunkwe każ iffinanzjati għall-parti l-kbira skont l-arranġamenti tal-għajnuna agrikola, lanqas ma huma miżura fir-terminu l-qasir ta’ durata limitat fir-rispett ta’ skart tal-biċċeriji.

(291)

L-aħħar nett għandu jkun enfasizzat li l-Ġermanja nnifisha m'għamlitx argumenti konvinċenti dwar il-kontributi annwali skont il-linji gwida Komunitarji dwar it-TSE u l-linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007-2013.

(292)

Peress li l-kontributi annwali jibbenefikaw lil ZT, ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala għajnuna li hi kompaibbli mas-suq intern skont it-tifsira fil-linji gwida Komunitarji dwar it-TSE u l-linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007-2013 skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

13.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBILITÀ TAL-KONTRIBUT ANNWALI BĦALA GĦAJNUNA AMBJENTALI SKONT L-ARTIKOLU 107(3)(c) TAT-TFUE

(293)

Il-kontributi annwali jikkostitwixxu għajnuna operatorja, li hi ġeneralment ipprojbita (66). Għalhekk l-oneru tal-prova għall-kompatibilità ta’ tali għajnuna hu tal-Istat Membru. Il-Ġermanja sostniet li l-kontributi annwali huma għajnuna ambjentali.

(294)

Skont il-paragrafu 132 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali, għajnuna ta’ investiment lill-impriżi li qed isewwu l-ħsara billi jirrijabilitaw siti kontaminati hi meqjusa kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE sakemm din twassal għal titjib fil-protezzjoni ambjentali. Madankollu, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” imniżżel fl-Artikolu 191(2) TFUE u l-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali għandhom ikunu osservati. Skont il-paragrafu 132 tal-linji gwida dwar l-għajnuna ambjentali in-niġġies għandu jiffinanzja r-rijabilitazzjoni mingħajr għajnuna mill-Istat. Il-persuna li għandha tkun meqjusa bħala n-niġġies hi determinata skont min hu responsabbli skont il-liġi nazzjonali.

(295)

Il-mument relevanti għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni skont il-liġi nazzjonali dwar ir-responsabilità jiddependi fuq il-poizzjoni legali fil-ħin meta saret id-deċiżjoni uffiċjali.

(296)

Il-Ġermanja ma tiċħadx li skont l-ordnijiet tat-tindif tal-21 ta’ April 1997 għas-sit Sohrschied u tal-31 ta’ Marzu 1998 għas-sit Sprendlingen-Gensingen, ZT ingħatat l-obbligu totali bħala niġġies li jnaddaf iż-żewġ siti skont il-liġi nazzjonali applikabbli dak iż-żmien. Għaldaqstant ZT hi responsabbli skont il-liġi Ġermaniża bħala n-niġġies għall-kost biex tirruimedja għall-kontaminazzjoni tal-ħamrija fiż-żewġ siti. Il-Ġermanja targumenta li skont sentenza tal-Bundesverfassungsgericht mogħtija fis-16 ta’ Frar 2000 (67), il-finanzjament tal-kostijiet tat-tindif lil hinn mil-limitu tar-responsabbiltà jfisser li l-kontributi annwali għandhom jitqiesu bħala għajnuna kompatibbli, peress li r-responsabbiltà ta’ persuni privati kienet limitata permezz ta’ din is-sentenza għall-valuri tas-suq tal-art.

(297)

Madankollu, l-argument tal-Ġermanja mhux rilevanti. L-ewwel nett, id-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht tapplika biss inter partes, jiġifieri bejn il-partijiet fil-kawża. Madankollu, fuq kollox, bidla fil-każistika tal-ogħla qorti ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali u għalhekk mhix raġuni għal reviżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1)(1) tal-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva fir-rigward tal-atti amministrattivi li kienu saru vinkolanti.

(298)

Skont il-ġurisprudenza Ġermaniża s-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht ma tbiddilx il-fatt li f'dak iż-żmien tal-ordni tat-tindif in-niġġiesa kollha kienu responsabbli għall-kostijiet kollha tat-tindif. Wara s-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht tas-16 ta’ Frar 2000 l-ebda niġġiesa ma setgħu jevitaw ir-responsabbiltà totali fir-rigward ta’ ordni preċedenti li kienet saret vinkolanti.

(299)

Għaldaqstant ZT hi responsabbli anke meta tkun ikkunsidrata s-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht tas-16 ta’ Frar 2000 fil-każ tas-siti ta’ Sprendlingen-Gensingen u ta’ Sohrschied li kienet ċitata mill-Ġermanja.

(300)

Peress li ZT ma appellatx kontra l-ordinijiet tat-tindif, huma akkwistaw effett vinkolanti u huma finali. Biex il-Ġermanja issa, wara l-avveniment, tinnega l-essenza tar-responsabbiltà ta’ ZT għas-sit ta’ Sohrschied hu argument li ma jistax ikun aċċettat. ZT setgħet tappella kontra l-ordni tat-tindif tal-21 ta’ April 1997 u ma ħallithiex issir obbligatorja. Mhux ix-xogħol tal-Kummissjoni li tirrevedi deċiżjoni vinkolanti minn awtorità nazzjonali fir-rigward ta’ sitwazzjoni nazzjonali dwar ir-responsabbiltà fid-dawl tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

(301)

Barra minn hekk, il-Ġermanja nnifisha tirrikonoxxi li d-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht tas-16 ta’ Frar 2000 tapplika biss għall-individwi privati, u mhux għal persuni ġuridiċi skont il-liġi pubblika. Dan hu għaliex il-bażi legali biex tillimita r-responsabbiltà hi l-liġi tal-proprjetà, li persuni ġuridiċi skont il-liġi publika ma jistgħux jinvokaw. Għaldaqstant ma jistax ikun ikkontestat li skont il-liġi nazzjonali, ZT hi responsabbli kompletament għas-siti kontaminati.

(302)

Trattament li hu potenzjalment inugwali bejn persuni ġuridiċi skont il-liġi privata u persuni ġuridiċi skont il-liġi pubblika fis-sistema legali tal-Istat Membru ma tistax tkun invokata skont il-linji gwida tal-għajnuna ambjentali. Dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà għal siti kontaminati, huma jiddikjaraw li l-liġi nazzjonali biss tapplika.

(303)

Peress li ZT hi responsabbli skont il-liġi Ġermaniża għall-kostijiet kollha tat-tindif taż-żewġ siti, il-kontribut annwali ma jistax ikun kunsidrat kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-linji gwida dwar għajnuna tal-Istat fuq protezzjoni ambjentali skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

14.   KONKLUŻJONIJIET

(304)

Il-kontributi annwali mogħtija lil ZT mill-1979 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artiolu 107(1) tat-TFUE. Il-Ġermanja tat il-kontributi annwali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(305)

Ma jistgħux ikunu dikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE jew l-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE.

(306)

Skont l-Artikolu 1(b)(iv) flimkien mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 għajnuna għal liema l-limitu taż-żmien ta’ rkupru spiċċa hi kunsidrata bħala għajnuna eżistenti. Skont l-Artikolu 15 il-poter tal-Kummissjoni li tirkupra għajnuna tapplika għal perjodu ta’ għaxar snin. Il-limitu taż-żmien ta’ rkupru jibda jgħodd mill-ġurnata fejn ingħatat l-għajnuna illegali lill-benefiċjarju u hu sospiż b'kull miżura li tieħu l-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna illegali. Il-limitu taż-żmien ikompli wara kull interruzzjoni.

(307)

Il-Qrati tal-Unjoni sostnew li mhux biss iż-żmien għall-irkupru ma jistax ikun interrot permezz ta’ proċedura formali iżda wkoll li rikjesta għal informazzjoni tikkostitwixxi att li jista' jinterrompi l-limitu ta’ żmien (68).

(308)

Il-kwerelant sfida l-kontribut annwali lil ZT f'Jannar 2008 u fis-26 ta’ Mejju 2008 il-Ġermanja ntbagħtet talba għal informazzjoni. Din it-talba għal informazzjoni interrompiet il-limitu taż-żmien għall-irkupru. Bħala riżultat il-kontributi annwali kollha li rċeviet ZT qabel is-26 ta’ Mejju 1998 huma kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti. Min-naħa l-oħra il-kontributi annwali kollha li rċeviet ZT wara s-26 ta’ Mejju 1998 jikkostitwixxu għajnuna ġdida.

(309)

Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni m'għandhiex tirrikjedi l-irkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kontra l-prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. Fil-każ preżenti, hemm il-mistoqsija dwar jekk is-sentenza tal-BverwG tas-16 ta’ Diċembru 2010 setgħetx toħloq aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarju li l-miżura taħt valutazzjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

(310)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel nett tosserva li s-sentenza tikkonċerna biss pagamenti magħmula għas-sena 2010. Jekk xejn, setgħet allura toħloq biss aspettattivi leġittimi għal dik is-sena (u s-snin ta’ wara, sakemm il-mekkaniżmu jibqa' l-istess).

(311)

Iżda anke għas-sena 2010 (u s-snin ta’ wara), is-sentenza mhux kapaċi toħloq aspettattivi leġittimi. Skont il-każistika stabbilita, il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal individwu f'sitwazzjoni fejn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, billi tagħti lil dik il-pesuna assigurazzjonijiet preċiżi, wasslitha għal aspettattivi fondati sew (69). Tali assigurazzjonijiet, fi kwalunkwe forma li jingħataw, jikkostitwixxu informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti (70).

(312)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma tatx lil ZT assigurazzjonijiet preċiżi ta’ dan it-tip, kuntrarjament: Fetħet il-proċedura formali ta’ investigazzjoni fl-20 ta’ Lulju 2010.

(313)

Il-BverwG mhix istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea. Skont il-każistika stabbiliat, fir-rigward tas-superviżjoni tal-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 107 tal-KE u 108 tal-KE, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni jissodisfaw rwoli kumplimentari u separati (71). Filwaqt li l-kompatibilità ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni, soġġetta għar-reviżjoni mill-Qrati tal-Unjoni, huma l-qrati nazzjonali li jridu jiżguraw li d-drittijiet tal-individwi huma mħarsa fejn l-obbligu li tagħti notifika minn qabel tal-għajnuna tal-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat hu miksur (72).

(314)

F'dan il-każ, il-BverwG ta sentenza dwar miżura li fuqha l-Kummissjoni kienet diġà fetħet proċedura formali ta’ investigazzjoni. Skont il-każistika tal-Qorti, din id-deċiżjoni għandha twassal lill-Istati Membri biex jissospendu l-pagament taħt din il-miżura (73). Barra minn hekk, il-BverwG ta is-sentenza tiegħu (billi ġġustifikaha fost l-oħrajn b'allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ applikabbiltà tar-raba' kriterju ta’ Altmark) mingħajr ma rrefera l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà fetħet proċedura formali ta’ investigazzjoni.

(315)

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza tal-BverwG ma tistax tikkostitwixxi informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti.

(316)

Għaldaqstant, l-irkupru mhux kuntrarju għall-prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi -

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontributi annwali mogħtija mill-Ġermanja liil Zweckverband Tierkörperbeseitigung fir-Rhineland-Palatinate, Saarland, Rheingau-Taunus-Kreis u Landkreis Limburg-Weilburg (“il-benefiċjarju”) mill-1 ta’ Jannar 1979 bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u huma inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Il-Ġermanja għandha tieħu lura immedjatament mill-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 li tħallset mis-26 ta’ Mejju 1998.

2.   Fuq is-somom li għandhom ikunu rkuprati għandu jitħallas imgħax mid-data ta’ meta l-pagamenti tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 saru disponibbli lill-benefiċjarju sal-irkupru tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jkun ikkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (74).

4.   Il-Ġermanja għandha twaqqaf il-pagamenti tal-għajnuna kollha pendenti taħt l-iskema msemmija fil-paragrafu 1 b'effett immedjat mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-Ġermanja għandha tiżgura li l-għajnuna imsemmija fl-Artikolu 2(1) hi mħallsa lura fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Il-Ġermanja għandha tagħti lill-Kummissjoni l-informazzjoni segwenti fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

l-ammont totali (prinċipali u interessi) li għandu jkun irkuprat mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda jew ippjanati sabiex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju kien ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Ġermanja ser iżżomm lill-Kummissjoni infurmata rigward il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm ikun lest l-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 2(1). Għandha tippreżenta immedjatament, fuq sempliċi rikjesta mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda jew ippjanati sabiex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata fir-rigward tal-ammonti tal-għajnuna u imgħax diġà rkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 86, 87 u 88 tat-Trattat KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 106, 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). It-tliet Artikoli huma essenzjalment l-istess. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni referenzi għall-Artikoli 106, 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli tal-Kummissjoni 86, 87 u 88 KE fejn xieraq. It-TFUE ukoll introduċa diversi bidliet fit-terminoloġija, pereżempju bis-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b'“Unjoni” u “suq komuni” b'“suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE tintuża f'din id-Deċiżjoni kollha.

(2)   ĠU C 289, 26.10.2010, p. 8.

(3)  Ara n-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna.

(4)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(5)  Il-Kawża T-366/00 Scott v Commission Ġabra [2007] II-797.

(6)  BverwG, 3 C 44.09 tas-16.12.2010, http://www.bundesverwaltungsgericht.de

(7)   ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(8)   ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

(9)  Ippubblikata fil-25 ta’ Jannar 2004 (BGBI. I p. 82), emendata l-aħħar fid-9 ta’ Diċembru 2010 (BGBl. I p. 1934).

(10)  GVBl. Rhineland-Palatinate 2010, p. 367.

(11)  Il-Kawża C-126/01, Ministère de l'Économie, des Finances et de l'Industrie v GEMO Ġabra [2003] I-13769, paragrafi 31 u 32.

(12)   ĠU C 324, 24.12.2002, p. 2.

(13)   ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

(14)  Linji gwida Komunitarji dwar it-TSE, paragrafi 27 and 37; linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007–2013, paragrafi 132(g) u 132(h).

(15)  Linji gwida Komunitarji dwar it-TSE, is-Sezzjonijiet III.C u IV.C; linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007-2013, paragrafu 134.

(16)  Linji gwida Komunitarji dwar it-TSE, is-Sezzjoni V.C; linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007-2013, paragrafu 135(b).

(17)  Linji gwida Komunitarji dwar it-TSE, paragrafi 32 u 33; linji gwida dwar l-għajnuna agrikola 2007-2013, paragrafu 135(a).

(18)   ĠU C 232, 12.8.2000, p. 17.

(19)  It-Tierseuchenkassen, li jeżistu fil-Länder kollha, huma entitajiet ta’ liġi pubblika li għandhom il-kompitu li jħallsu kumpens lis-sidien ta’ annimali għal annimali li jmutu minħabba ċertu mard notifikabbli jew li jinqatlu skont ordni veterinarja. It-Tierseuchenkasse huma ffinanzjati minn kontributi mis-sidien tal-annimali u għotjiet mil-Länder.

(20)  Fraunhofer Institut, Untersuchung von Verarbeitungskapazität und Seuchenreserve der Tierkörperbeseitigung in Rheinland-Pfalz (Studju dwar il-kapaċità ta’ pproċessar u r-riżerva għall-epidemiji għar-rimi ta’ karkassi tal-annimali fir-Rhineland-Palatinate), Marzu 2007.

(21)  Il-Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH Ġabra [2003] I-7747.

(22)   ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(23)   Stadtreinigung Hamburg, Kawża C-480/06 il-Kummissjoni v il-Ġermanja Ġabra [2009] I-4747, paragrafu 45.

(24)  § 4(1) TierNebGAG RP.

(25)  E. Böckenhoff, Voruntersuchung über die Verwertung von ungenießbaren Schlachtabfällen im Gebiet der ehemaligen Deutschen Demokratischen Republik (Studju preliminari dwar l-ipproċessar tal-iskart tal-biċċeriji li mhux tajjeb għall-konsum fit-territorju tal-ex-GDR), Awwissu 1991.

(26)  Ara § 3(3) tat-TierNebG u § 3(2) tat-TierNebGAG RP.

(27)  BverwG, 9 BN 3.03 tas-27.5.2003, http://www.bundesverwaltungsgericht.de.

(28)  Ara paragrafu (49).

(29)  Ara wkoll il-paragrafu (48).

(30)  Institut für Strukturforschung und Planung in agrarischen Intensivgebieten (ISPA), Gutachten zur Kapazitätsermittlung der Verarbeitungsbetriebe Tierische Nebenprodukte (VTN) im Verbandsgebiet des Zweckverbands TKB unter Berücksichtigung von Tierbestand und Schlachtzahlen vor dem Hintergrund des Ausbruchs hochkontagiöser Tierseuchen, April 2011 (Istitut għar-Riċerka u Ippjanar Strutturali fl-Oqsma ta’ Agrikoltura Intensiva, Studju biex tkun determinata l-kapaċità ta’ stabbilimenti għall-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fiż-żoni koperti miż-Zweckverband TKB, li jqis l-għadd ta’ annimali u qatliet fi sfond ta’ tifqigħa ta’ mard tal-annimali li jittieħed ħafna).

(31)  Għaldaqstant mhux biss il-kostijiet tad-deprezzament tal-impjanti tal-ipproċessar iżda wkoll id-deprezzament tal-flotta tat-trasport hi allokata bejn l-operazzjonijiet normali u r-riżerva għall-epidemiji.

(32)  Institut für Strukturforschung und Planung in agrarischen Intensivgebieten (ISPA), Gutachten zur Kapazitätsermittlung der Verarbeitungsbetriebe Tierische Nebenprodukte (VTN) in Niedersachsen unter Berücksichtigung von Tierbestand und Schlachtzahlen vor dem Hintergrund des Ausbruchs hochkontagiöser Tierseuchen, April 2011. (Institut für Strukturforschung und Planung in agrarischen Intensivgebieten (ISPA), Gutachten zur Kapazitätsermittlung der Verarbeitungsbetriebe Tierische Nebenprodukte (VTN) im Verbandsgebiet des Zweckverbands TKB unter Berücksichtigung von Tierbestand und Schlachtzahlen vor dem Hintergrund des Ausbruchs hochkontagiöser Tierseuchen, April 2011 (Studju biex tkun determinata l-kapaċità ta’ stabbilimenti għall-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fin-Niedersachsen, tenut kont tan-numri ta’ annimali u qatliet fi sfond ta’ tifqigħa ta’ mard tal-annimali li jittieħed ħafna).

(33)  Kawża C-480/06 Stadtreinigung Hamburg Ġabra [2009] I-4747.

(34)  Anness tar-Regolament [Ġermaniż] PR Nru 30/53 über die Preise bei öffentlichen Aufträgen (dwar l-ipprezzar tal-kuntratti pubbliċi) tal-21 ta’ Novembru 1953 (Banz. 1953 Nru 244), kif emendat l-aħħar permezz tal-Artikolu 289 tar-Regolament tal-25 ta’ Novembru 2003 (BGBI. I p. 2304).

(35)  Deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht tas-16 ta’ Frar 2000 — 1 BvR 242-91.

(36)  Kawża 118/85 Commission/Italian Republic Ġabra [1987] 02599.

(37)  Kawża C-35/96 Commission/Italian Republic Ġabra [1998] I-3851; Kawżi Konġunti C-180/98 sa C-184/98 Pavel Pavlov and Others/Stichting Pensionfonds Medische Specialisten Ġabra [2000] I-6451.

(38)  Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH and Regierungspräsidium Magdebur v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH Ġabra [2003] I-7747. Is-sentenza ta’ Altmark, ċitata hawn fuq.

(39)   ĠJ L 210, 17.8.2011, p. 1, paragrafu 208.

(40)  Awtorità pubblika għandha l-għażla li twettaq kompiti ta’ interess pubbliku konferiti lilha billi tuża r-riżorsi tagħha mingħajr ma tkun obbligata li ssejjaħ entitajiet barranin li ma jifformawx parti mid-dipartimenti tagħha. Fil-każ ta’ għotja interna, l-awtorità pubblika twettaq is-servizz hi stess, però għal dan il-għan tirrikorri għal persuna oħra li hi legalment indipendenti. Fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Novembru 1999, f'Teckal (C-107/98, Ġabra [1999] I-8121), il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet il-kundizzjonijiet segwenti għall-applikazzjoni ta’ għotja interna: il-kontroll li l-awtorità lokali, waħedha jew flimkien ma’ awtoritajiet oħra teżerċita fuq il-persuna li hi legalment indipendenti għandu jkun simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess; (ii) dik il-persuna indipendenti għandha twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet lokali ta’ kontroll.

(41)  Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li teżamina l-aspetti tal-akkwist pubbliku ta’ dan il-każ fi stadju iktar tard.

(42)  BVerwG 3 C 44.09, ċitat hawn fuq, paragrafi 26 sa 31.

(43)   ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15.

(44)  Kawża C-179/90 Merci convenzionali porto di Genova SpA v Siderurgica Gabrielli SpA Ġabra.[1991] I-5889, paragrafu 27; Kawża C-242/95 GT-Link v De Danske Statsbaner Ġabra [1997] I-4449, paragrafu 53.

(45)  GEMO, ċitat hawn fuq, paragrafi 30 sa 34.

(46)  Kawża C-241/94 France v Commission Ġabra [1996] I-4551, paragrafu 20; Kawża C-382/99 Netherlands v Commission Ġabra [2002] I-5163), paragrafu 61.

(47)  Dan ma jeskludix il-possibbiltà li f'każijiet eċċezzjonali, il-bdiewa jistgħu jirċievu għajnuna għar-rimi ta’ bhejjem mejta.

(48)  BVerwG 3 C 44.09, paragrafi 37 sa 39.

(49)  Linji gwida SGEI tal-Unjoni, paragrafu 27.

(50)  Linji gwida SGEI tal-Unjoni, paragrafu 25.

(51)  F'dak li jmiss, issir referenza għar-riżerva għall-epidemiji ffissata mill-2010 'il quddiem, peress li ż-ZT ma kienx obbligat iżomm riżerva għall-epidemiji għas-snin preċedenti.

(52)  Ara l-istudji ISPA-NS u ISPA-RP.

(53)  L-istudju ISPA-NP għan-Niedersachsen jassumi li fuq medja, 86 % tal-kapaċità massima teknika tista' tintuża għal operazzjoni normali. Fil-każ ta’ epidemija l-istudji ISPA-NP u Fraunhofer jassumu li fit-terminu qasir, jista' jsir użu mill-kapaċità teknika kollha. L-istudju ISPA-RP jassumi, billi jiċċita l-informazzjoni mogħtija minn ZT, li anke fit-terminu qasir l-istess rata fis-siegħa tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità biss hi possibbli bħal waqt l-operazzjoni normali.

(54)  BVerwG 3 C 44.09, paragrafu 31.

(55)  L-istudju ISPA-NS jinnota wkoll li ż-żamma ta’ riżerva għall-epidemiji biex tlaħħaq ma’ tifqigħa ta’ FMD madwar il-Land fi 3 xhur qatt ma kienet prevista fl-ippjanar magħmul mill-awtoritajiet kompetenti u mhix kunsidrata bħala fattibbli ekonomikament (studju ISPA-NS, pp. 109 u 129).

(56)  Dan jirrapreżenta bejn 39 % u 58 % tal-kwantitajiet medji li ZT pproċessat fil-perjodu mill-1998 sal-2009 (ara Tabella 1).

(57)  Stadtreinigung Hamburg, ċitat hawn fuq, paragrafu 44 f.

(58)  BVerwG 3 C 44.09, ċitat hawn fuq, paragrafi 38 sa 39.

(59)   ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.

(60)  Ara paragrafu (39).

(61)   ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.

(62)   ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3.

(63)  Kawża C-156/98 il-Kummissjoni v il-Ġermanja Ġabra [2000] I-6857.

(64)  Ara l-paragrafu (39).

(65)   Ara n-nota 16 f'qiegħ il-paġna.

(66)  Kawża C-156/98 il-Kummissjoni v il-Ġermanja ċitat hawn fuq.

(67)  Ara l-paragrafu (134).

(68)  Kawża T-366/00 Scott SA v Commission Ġabra [2003] II-1763; Kawża C-276/03 P Scott SA v Commission Ġabra [2005] II-8437.

(69)  Kawża C-537/08 P Kahla v il-Kummissjoni mhux ippubblikat fil-Ġabra, paragrafu 63; Kawża C-506/03 il-Ġermanja v il-Kummissjoni, li għadu mhux ippubblikat fil-Ġabra, paragrafu 58; Kawża C-213/06 P EAR v Karatzoglou [2007] Ġabra I-6733, paragrafu 33.

(70)  Kawża C-537/08 P Kahla v il-Kummissjoni, mhux ippubblikat fil-Ġabra, paragrafu 63; C-47/07 P Masdar (UK) v Commission [2008] Ġabra I-9761, paragrafi 34 and 81.

(71)  Kawża C-39/94 SFEI u Oħrajn [1996] Ġabra I-3547, paragrafu 41; Kawżi Konġunti C-261/01 and C-262/01 van Calster u Oħrajn [2003] Ġabra I-12249, paragrafu 74.

(72)  Kawżi Konġunti C-261/01 u C-262/01 van Calster u Oħrajn [2003] Ġabra I-12249, paragrafu 75.

(73)  Kawża C-400/99, l-Italja v il-Kummissjoni (“Tirrenia”) [2001] Ġabra I- 7303, paragrafu 59.

(74)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.