22.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Awwissu 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2002/994/KE dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-prodotti li ġejjin mill-annimali importati miċ-Ċina

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 5753)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/482/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/994/KE tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar xi miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali impurtati miċ-Ċina tapplika għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina (2) u intenzjonati għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali.

(2)

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fil-Parti II tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li jkollhom magħhom dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti Ċiniża li tistqarr li kull konsenja, qabel ma ntbagħtet, sarilha test kimiku biex ikun żgurat li l-prodotti kkonċernati ma jippreżentawx xi periklu għal saħħet il-bniedem. Dan it-test għandu jitwettaq, b’mod partikolari, bil-ħsieb li tinstab il-preżenza tal-kloramfenikol u n-nitrofuran u l-metaboliti tiegħu.

(3)

L-awtorità kompetenti Ċiniża pprovdiet il-pjan ta’ monitoraġġ tar-residwi xieraq għall-għasel intenzjonat għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Dak il-pjan ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE tas-16 ta’ Marzu 2011 dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet sottomessi mill-pajjiżi terzi skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (3).

(4)

L-għasel u l-ġelli rjali bħalissa huma inklużi fil-lista stabbilita fil-Parti II tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE. Il-propoli u l-polline tan-naħal huma prodotti li joriġinaw ukoll mill-apikultura u, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-proċess ta’ produzzjoni ta’ dawk il-prodotti li ġejjin mill-annimali, ir-riskji għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali ppreżentat minnhom huwa minimu. Barra minn hekk, il-pjan għall-monitoraġġ tar-residwi fl-għasel maħsub għall-esportazzjoni mressaq miċ-Ċina u approvat bid-Deċiżjoni 2011/163/UE jipprovdi garanziji xierqa ta’ sikurezza għal dawk il-prodotti. Il-propoli u l-polline tan-naħal għandhom għalhekk jiġu inklużi fil-lista tal-prodotti stabbilita fil-Parti II tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE u din id-Deċiżjoni għandha tiġi emendata skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-Parti II tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994/KE, jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

il-propoli u l-polline tan-naħal”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)  ĠU L 348, 21.12.2002, p. 154.

(3)  ĠU L 70, 17.3.2011, p. 40.