|
21.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 223/55 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ Awwissu 2012
li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta stampata
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 5364)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/481/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil dawk il-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprovdi li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu stabbiliti skont il-gruppi tal-prodotti. |
|
(3) |
Billi l-kimiki użati fil-prodotti tal-karta stampata jistgħu jxekklu r-riċiklabbiltà tal-prodotti tal-karta stampata, u jistgħu jkunu ta’ periklu għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, jixraq li jiġu stabbiliti kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti tal-“karta stampata”. |
|
(4) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-grupp ta’ prodotti ta’ “karta stampata” għandu jinkludi kull prodott tal-karta stampata li jikkonsisti, f’tal-anqas 90 % mill-piż tiegħu, minn karta, kartuna tal-karta jew sustrati bbażati fuq il-karta, għajr kotba, katalgi, pads, ktejbiet jew formoli, li għandhom jikkonsistu, f’tal-anqas 80 % mill-piż tagħhom, minn karta, kartuna tal-karta jew sustrati bbażati fuq il-karta. Il-partijiet miżjuda (inserts), il-qxur u kwalunkwe parti bil-karta stampata tal-karta stampata aħħarija għandhom jitqiesu bħala parti mill-prodott tal-karta stampata.
2. Il-partijiet miżjuda (inserts) li jiġu ffissati fuq il-prodott tal-karta stampata (u li mhux maħsub li jinqalgħu) għandhom jilħqu r-rekwiżiti tal-Anness għal din id-Deċiżjoni. Il-partijiet miżjuda li ma jkunux iffissati fuq il-karta stampata (ngħidu aħna, fuljetti jew stikers li jinqalgħu) iżda jinbiegħu jew jiġu pprovduti magħha, għandhom jilħqu r-rekwiżiti tal-Anness għal din id-Deċiżjoni biss jekk ikun maħsub li l-Ekotikketta tal-UE titqiegħed fuqhom.
3. Il-grupp ta’ prodotti ta’ “karta stampata” ma għandux jinkludi dawn li ġejjin:
|
(a) |
karta iġjenika stampata; |
|
(b) |
prodotti tal-karta stampata użati għall-ippakkjar u għat-tgeżwir; |
|
(c) |
fowlders/portafolli, envelopps, ring binders. |
Artikolu 2
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“Kotba” tfisser prodotti tal-karta stampata marbutin bl-ispaga jew imwaħħlin bil-kolla, bi qxur ibsin jew rotob, bħal kotba tal-iskola, kotba letterarji jew mhux letterarji, libretti għan-noti, pitazzi, pitazzi marbutin bl-ispiralli, rapporti, kalendarji bil-qxur, manwali u paperbacks. “Kotba” ma jinkludux ġurnali, fuljetti, rivisti, katalgi ppubblikati b’mod regolari, jew rapporti annwali; |
|
(2) |
“Oġġetti ta’ konsum” tfisser prodotti kimiċi użati waqt il-proċessi tal-istampar, il-kisi u t-tlestija, kapaċi li jiġu kkonsmati, meqruda, dissipati, moħlija jew użati. L-“oġġetti ta’ konsum” jinkludu prodotti bħal linek u koloranti tal-istampar, toners, verniċi għal fuq l-istampar u verniċi oħrajn, adeżivi, aġenti tal-ħasil, u soluzzjonijiet għall-umidifikazzjoni; |
|
(3) |
“Fowlder” tfisser kaxxa jew qoxra li tintlewa biex iżżomm karti sfużi. Il-“fowlders” jinkludu prodotti bħad-dividers bil-werrej, kartiera tad-dokumenti, fowlders maqtugħin f’forma ta’ kaxxa, suspension files, kaxex tal-kartun, u fowlders bi tliet flaps; |
|
(4) |
“Solvent aloġenat organiku” tfisser solvent organiku li jkollu fih minn tal-anqas atoma waħda ta’ bromin, klorin, fluworin jew jodju għal kull molekola; |
|
(5) |
“Parti miżjuda” jew “insert” tfisser folja jew sezzjoni żejda, stampata b’mod indipendenti mill-prodott tal-karta stampata, li titqiegħed qalb il-paġni ta’ prodott tal-karta stampata u tista’ tinqala’ (loose insert), jew inkella tiġi legata fil-paġni tal-prodott tal-karta stampata, u b’hekk tiġi tifforma parti integrali minnha (fixed insert). Il-“partiijet miżjuda” jew “inserts” jinkludu riklami ta’ iktar minn paġna, ktejbiet, fuljetti, kartolini ta’ tweġiba, jew materjal promozzjonali ieħor; |
|
(6) |
“Gazzetta” tfisser pubblikazzjoni li toħroġ kuljum jew kull ġimgħa, li fiha aħbarijiet u tkun stampata fuq grad ta’ karta tal-gazzetti, magħmul mill-polpa u/jew mill-karta rkuprata, b’piż ta’ bejn 40 u 65 g/m2; |
|
(7) |
“Komponenti mhux tal-karta” tfisser il-partijiet kollha ta’ prodott tal-karta stampata li ma jikkonsistux f’karta, f’kartuna tal-karta, jew sustrati bbażati fuq il-karta; |
|
(8) |
“Imballaġġ” tfisser il-prodotti kollha magħmula minn kwalunkwe materjal tkun xi tkun in-natura tiegħu, sabiex jintużaw għaż-żamma, il-protezzjoni, l-immaniġġjar, it-twassil u l-preżentazzjoni ta’ prodotti, minn materja prima sa prodotti pproċessati, mill-produttur sal-utent jew il-konsumatur; |
|
(9) |
“Prodott tal-karta stampata” tfisser il-prodott li jirriżulta mill-ipproċessar ta’ materjal stampat. L-ipproċessar jikkonsisti fl-istampar fuq karta. Minbarra l-istampar, l-ipproċessar jista’ jinkludi t-tlestija, pereżempju t-tiwi, l-ittimbrar, il-qtugħ u l-immuntar, bl-użu tal-kolla, tal-legatura jew tal-ispag. Il-“prodotti tal-karta stampata” jinkludu gazzetti, materjal ta’ riklamar u folji ta’ aħbarijiet, ġurnali, katalgi, kotba, volantuni, fuljetti, pads, kartelluni, folji sfużi, biljetti ta’ kuntatt, u tikketti; |
|
(10) |
“Stampar” (jew il-proċess tal-istampar) tfisser proċess li bih materjal ta’ stampar jiġi pproċessat fi prodott tal-karta stampata. L-“istampar” jinkludi l-operazzjonijiet ta’ pre-press, press, u post-press; |
|
(11) |
“Riċiklaġġ” tfisser kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru li biha l-materjali tal-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra. Dan jinkludi l-ipproċessar mill-ġdid ta’ materjal organiku iżda ma jinkludix l-irkupru ta’ enerġija, jew l-ipproċessar mill-ġdid f’materjali li għandhom jintużaw bħala fjuwils jew għal operazzjonijiet ta’ rdim mill-ġdid; |
|
(12) |
“VOC” (Komposti Organiċi Volatili) tfisser kull kompost organiku kif ukoll il-frazzjoni tal-krijożot, li f’temperatura ta’ 293,15 K ikollu pressjoni ta’ fwar ta’ 0,01 kPa jew aktar, jew li jkollu volatilità korrispondenti fil-kundizzjonijiet partikulari tal-użu tiegħu; |
|
(13) |
“Aġenti tal-ħasil” tfisser li ġej: (a) kimiċi likwidi li jintużaw għall-ħasil tal-forom tal-istampar, kemm separati (off-press) kif ukoll integrati (in-press), u pressi tal-istampar għat-tneħħija tal-linek tal-istampar, it-trab tal-karta u prodotti simili; (b) prodott tat-tindif għall-magni ta’ tlestija jew ta’ stampar, bħal prodotti li jneħħu l-adeżiv u r-residwi tal-verniċ; (c) prodotti li jneħħu l-linek tal-istampar, li jintużaw biex ilaħalħu l-linek tal-istampar li jkunu nixfu. L-“aġenti tal-ħasil” ma jinkludux l-aġenti tat-tindif għal partijiet oħra tal-magna tal-istampar jew għat-tindif ta’ magni li ma jkunux għall-istampar jew għat-tlestija; |
|
(14) |
“Karta skartata” tfisser karta li tiġi ġġenerata matul il-proċessi ta’ stampar u ta’ tlestija, jew waqt li l-karta tkun qiegħda titqaxxar jew tinqata’, jew waqt l-ewwel tiraturi fl-istamperija u fil-kamra tal-legatura, li ma jifformawx parti mill-prodott tal-karta stampata aħħari. |
Artikolu 3
Sabiex jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, oġġett ta’ karta stampata għandu jaqa’ fil-grupp tal-prodotti “Karta stampata” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, u għandu jkun konformi mal-kriterji kif ukoll mar-rekwiżiti relatati ta’ valutazzjoni u verifika stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Il-kriterji għall-grupp tal-prodotti “Karta stampata”, kif ukoll ir-rekwiżiti relatati ta’ valutazzjoni u verifika, għandhom ikunu validi għal tliet snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Għal skopijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-“karta stampata” għandu jkun “028”.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2012.
Għall-Kummissjoni
Janez POTOČNIK
Membru tal-Kummissjoni
ANNESS
QAFAS
Għanijiet tal-kriterji
L-għan tal-kriterji huwa b’mod partikulari li jippromwovu l-effiċjenza ambjentali tal-kapaċità ta’ tneħħija tal-linka (de-inkability) u ta’ riċiklagg għall-prodotti tal-karta stampata, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-VOC, it-tnaqqis jew il-prevenzjoni tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem marbutin mal-użu ta’ sustanzi perikolużi. Il-kriterji huma ffissati f’livelli li jippromwovu t-tikkettar tal-prodotti tal-karta stampata li għandhom impatt ambjentali baxx.
KRITERJI
Dawn il-kriterji huma stabbiliti għal kull wieħed mill-aspetti li ġejjin:
|
1. |
Sustrati |
|
2. |
Sustanzi u taħlitiet esklużi jew limitati |
|
3. |
Kapaċità ta’ riċiklaġġ |
|
4. |
Emissjonijiet |
|
5. |
Skart |
|
6. |
Enerġija |
|
7. |
Taħriġ |
|
8. |
Adegwatezza għall-użu |
|
9. |
Informazzjoni dwar il-prodott |
|
10. |
Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE |
Il-kriterji 1, 3, 8, 9 u 10 japplikaw għall-prodott tal-karta stampata aħħari.
Il-kriterju 2 japplika kemm għall-komponenti mhux tal-karta tal-prodott tal-karta stampata, kif ukoll għall-proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija tal-komponenti tal-karta.
Il-kriterji 4, 5, 6 u 7 japplikaw għall-proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija tal-komponenti tal-karta biss.
Dawn il-kriterji japplikaw għall-proċessi kollha ta’ dan it-tip, li jsiru fuq il-post jew fil-postijiet fejn jiġi mmanifatturat il-prodott tal-karta stampata. Jekk ikun hemm proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija li jintużaw esklussivament għall-prodotti bl-ekotikketta, il-kriterji 2, 4, 5, 6 u 7 għandhom japplikaw biss għal dawk il-proċessi.
Il-kriterji ekoloġiċi ma jkoprux it-trasport tal-materja prima, l-oġġetti ta’ konsum u l-prodotti aħħarija.
Rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika
Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifika huma indikati f’kull kriterju.
Kull stampar fuq il-prodott tal-karta stampata għandu jilħaq il-kriterji. Għaldaqstant, partijiet mill-prodott li jiġu stampati minn subkuntrattur għandhom jilħqu l-kriterji tal-istampar ukoll. L-applikazzjoni għandha tinkludi lista tal-istamperiji u s-subkuntratturi kollha involuti fil-produzzjoni tal-karta stampata, bil-postijiet ġeografiċi tagħhom.
L-applikant għandu jipprovdi lista tal-prodotti kimiċi użati fl-istamperija għall-produzzjoni tal-prodotti tal-karta stampata. Dan ir-rekwiżit japplika għall-oġġetti tal-konsum kollha użati matul il-proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija. Il-lista pprovduta mill-applikant għandha tinkludi l-ammont, il-funzjoni u l-fornitur ta’ kwalunkwe prodott kimiku li jintuża, flimkien mal-Folja dwar id-Dejta tas-Sikurezza, iddiżinjata skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/58/KE (1).
Fejn l-applikant ikun meħtieġ jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti ta’ testijiet, jew evidenza oħra li turi konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawk jistgħu joriġinaw mingħand l-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu, kif ikun xieraq.
Fejn ikun xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar differenti minn dawk indikati għal kull kriterju, jekk tiġi aċċettata l-ekwivalenza tagħhom mill-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni.
Fejn possibbli, l-ittestjar għandu jitwettaq minn laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali ta’ EN ISO 17025 jew l-ekwivalenti.
Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta’ appoġġ u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.
KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE
Kriterju 1 — Sustrati
|
(a) |
Il-prodott tal-karta stampata għandu jiġi stampat biss fuq karta li jkollha l-Ekotikketta tal-UE, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/333/UE (2). |
|
(b) |
Fejn tintuża karta tal-gazzetti, il-prodott tal-karta stampata għandu jiġi stampat biss fuq karta li jkollha l-Ekotikketta tal-UE, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/448/UE (3). |
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti tal-karta stampata kkonċernati, inklużi l-ismijiet kummerċjali, l-ammonti, u l-piż għal kull m2 tal-karta li tintuża. Il-lista għandha tinkludi wkoll l-ismijiet tal-fornituri tal-karti użati. L-applikant għandu jipprovdi kopja ta’ ċertifikat validu tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta li tintuża.
Kriterju 2 — Sustanzi jew taħlitiet esklużi jew limitati
(a) Sustanzi u taħlitiet perikolużi
L-oġġetti ta’ konsum li jistgħu jispiċċaw fil-prodott tal-karta stampata aħħari, u li fihom sustanzi u/jew taħlitiet li jilħqu l-kriterji għall-klassifikazzjoni mad-dikjarazzjonijiet ta’ periklu jew espressjonijiet ta’ riskju speċifikati iktar ’l isfel skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (5), jew sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ma għandhomx jintużaw għall-operazzjonijiet ta’ stampar, kisi jew tlestija tal-prodott tal-karta stampata aħħari.
Dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għat-toluwen li jintuża fil-proċessi ta’ stampar bir-rotogravur, fejn stallazzjoni magħluqa jew f’kapsula jew sistema ta’ rkupru, jew kwalunkwe sistema ekwivalenti, tkun lesta biex tikkontrolla u tissorvelja l-emissjonijiet maħruba, u fejn l-effiċjenza tal-irkupru tkun tal-anqas 92 %. Il-verniċ UV u l-linek UV ikklassifikati bħala H412/R52-53 huma wkoll eżenti minn dan ir-rekwiżit.
Il-komponenti mhux tal-karta (sa 20 % mill-piż tagħhom, kif speċifikat fl-Artikolu 1) li huma parti mill-prodott tal-karta aħħari ma għandux ikun fihom is-sustanzi msemmija iktar ’il fuq.
Lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ periklu u espressjonijiet ta’ riskju:
|
Dikjarazzjoni ta’ Periklu (7) |
Espressjoni ta’ Riskju (8) |
|
H300 Joqtol jekk jinbela’ |
R28 |
|
H301 Tossiku jekk jinbela’ |
R25 |
|
H304 Jista’ joqtol jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs |
R65 |
|
H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda |
R27 |
|
H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda |
R24 |
|
H330 Joqtol jekk jinġibed man-nifs |
R26 |
|
H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs |
R23 |
|
H340 Jista’ jwassal għal difetti ġenetiċi |
R46 |
|
H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi |
R68 |
|
H350 Jista’ jikkawża l-kanċer |
R45 |
|
H350i Jista’ jikkawża l-kanċer jekk jinġibed man-nifs |
R49 |
|
H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer |
R40 |
|
H360F Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità |
R60 |
|
H360D Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx |
R61 |
|
H360FD Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx |
R60; R61; R60-61 |
|
H360Fd Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx |
R60-R63 |
|
H360Df Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità |
R61-R62 |
|
H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità |
R62 |
|
H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx |
R63 |
|
H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx |
R62-63 |
|
H362 Jista’ jikkawża ħsara lit-trabi mreddgħa |
R64 |
|
H370 Jikkawża ħsara lill-organi |
R39/23; R39/24; R39/25; R39/26; R39/27; R39/28 |
|
H371 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi |
R68/20; R68/21; R68/22 |
|
H372 Jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew tul perjodu ta’ żmien |
R48/25; R48/24; R48/23 |
|
H373 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew tul perjodu ta’ żmien |
R48/20; R48/21; R48/22 |
|
H400 Tossiku ħafna għall-flora u l-fawna akkwatiċi |
R50 |
|
H410 Tossiku ħafna għall-flora u l-fawna akkwatiċi b’effetti fit-tul |
R50-53 |
|
H411 Tossiku għall-flora u l-fawna akkwatiċi b’effetti fit-tul |
R51-53 |
|
H412 Jagħmel ħsara lill-flora u l-fawna akkwatika b’effetti fit-tul |
R52-53 |
|
H413 Jista’ jkollu effetti ta’ ħsara fit-tul lill-flora u l-fawna akkwatika |
R53 |
|
EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu |
R59 |
|
EUH029 Jerħi gass tossiku kif imiss mal-ilma |
R29 |
|
EUH031 Jerħi gass tossiku kif imiss mal-aċtu |
R31 |
|
EUH032 Jerħi gass tossiku ħafna kif imiss mal-aċtu |
R32 |
|
EUH070 Tossiku jekk imiss l-għajnejn |
R39-41 |
Is-sustanzi jew taħlitiet li mal-ipproċessar jibdlu l-karatteristiċi tagħhom (eż. ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jgħaddu minn modifika kimika) b’mod li l-periklu identifikat ma japplikax aktar, huma eżentati mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.
Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi u taħlitiet li jistgħu jiġu assenjati jew li ġew assenjati d-dikjarazzjonijiet ta’ periklu jew il-frażijiet ta’ riskju elenkati hawn fuq, jew li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassijiet jew il-kategoriji ta’ periklu elenkati fit-tabella hawn fuq, u l-limiti ta’ konċentrazzjoni għas-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ma għandhomx jaqbżu l-limiti ġeneriċi jew speċifiċi ta’ konċentrazzjoni ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Fejn ikunu stabbiliti limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni, dawn għandhom jieħdu preċedenza fuq dawk ġeneriċi.
Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(d), (e) jew (f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandhomx jaqbżu 0,1 % piż skont il-piż.
Valutazzjoni u verifika: Għas-sustanzi li mhumiex diġà kklassifikati skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, l-applikant għandu jagħti prova tal-konformità tiegħu ma’ dawn il-kriterji, billi jipprovdi: (i) dikjarazzjoni li l-komponenti mhux tal-karta li huma parti mill-prodott aħħari ma fihomx is-sustanzi msemmija f’dawn il-kriterji f’xi konċentrazzjoni ’l fuq mil-limiti awtorizzati; (ii) dikjarazzjoni li l-oġġetti ta’ konsum li jistgħu jispiċċaw fil-prodott tal-karta stampata aħħari, u li jintużaw għall-proċessi ta’ stampar, kisi u tlestija, ma fihomx is-sustanzi msemmija f’dawn il-kriterji f’xi konċentrazzjoni ’l fuq mil-limiti awtorizzati; (iii) lista tal-oġġetti ta’ konsum kollha użati għall-istampar, għat-tlestija u għall-kisi tal-prodotti ta’ karta stampata. Din il-lista għandha tinkludi l-kwantità, il-funzjoni u l-fornituri tal-oġġetti ta’ konsum kollha użati fil-proċess tal-produzzjoni.
L-applikant għandu juri l-konformità tiegħu ma’ dan il-kriterju billi jipprovdi dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni ta’ kull sustanza fi kwalunkwe mill-klassijiet ta’ periklu marbutin mad-dikjarazzjonijiet ta’ periklu msemmija fil-lista ta’ hawn fuq skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, safejn dan jista’ jiġi ddeterminat, bħala minimu, mit-tagħrif li jilħaq ir-rekwiżiti elenkati fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi appoġġata minn tagħrif fil-qosor dwar il-karatteristiċi rilevanti marbutin mad-dikjarazzjonijiet ta’ periklu msemmija fil-lista ta’ hawn fuq, sal-livell ta’ dettall speċifikat fit-taqsimiet 10, 11 u 12 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (Rekwiżiti għall-Ikkompilar tal-Folji dwar id-Dejta tas-Sikurezza).
It-tagħrif dwar il-karatteristiċi intrinsiċi tas-sustanzi jista’ jiġi ġġenerat mod ieħor flok b’testijiet, ngħidu aħna bl-użu ta’ metodi alternattivi bħal in vitro, mudelli ta’ attività bi struttura kwantitattiva, jew bl-użu ta’ ggruppar jew read-across, skont l-Anness XI għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Il-qsim tad-dejta rilevanti jitħeġġeġ bil-qawwi.
It-tagħrif ipprovdut għandu jkun marbut mal-forom jew mal-istati fiżiċi tas-sustanza jew tat-taħlita kif tintuża fil-prodott aħħari.
Għas-sustanzi elenkati fl-Annessi IV u V tar-REACH, eżentati mill-obbligi ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikoli 2(7)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 REACH, stqarrija f’dan ir-rigward tkun biżżejjed biex tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ iktar ’il fuq.
L-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa dwar l-effiċjenza tal-irkupru tal-istallazzjoni magħluqa jew f’kapsula jew tas-sistema ta’ rkupru, jew kwalunkwe sistema ekwivalenti, li tkun ġiet implimentata għall-użu tat-toluwen fi proċessi ta’ stampar bir-rotogravur.
(b) Sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006
Ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-projbizzjoni stipulata fil-punt (a) tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 fir-rigward tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib kbir u inklużi fil-lista pprovduta għall-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, preżenti f’taħlitiet f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 %. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom japplikaw meta l-konċentrazzjoni tkun aktar baxxa minn 0,1 %.
Valutazzjoni u verifika: il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib kbir ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku (bl-Ingliż):
http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp
Għandha ssir referenza għal-lista fid-data tal-applikazzjoni.
L-applikant għandu jagħti prova tal-konformità ma’ dan il-kriterju billi jipprovdi dejta dwar l-ammont ta’ sustanzi użati għall-istampar tal-prodotti ta’ karta stampata, kif ukoll stqarrija li s-sustanzi msemmija f’dan il-kriterju ma jinżammux fil-prodott aħħari f’livell ogħla mil-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifikati. Il-konċentrazzjoni għandha tiġi speċifikata fil-Folja dwar id-Dejta tas-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.
(c) Bijoċidi
Il-bijoċidi, kemm bħala parti mill-formulazzjoni jew bħala parti minn taħlita inkluża fil-formulazzjoni, li jintużaw biex jippreservaw il-prodott u li huma kklassifikati H410/R50-53 jew H411/R51-53 skont id-Direttiva 67/548/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/45/KE (9) jew ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, huma permessi biss jekk il-potenzjali ta’ bijoakkumulazzjoni tagħhom huma kkaratterizzati minn log Pow (log ottanol/koeffiċjent tal-partizzjoni tal-ilma) < 3,0 jew fattur ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF) iddeterminat b’mod sperimentali ≤ 100.
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kopji tal-Folja dwar id-Dejta tas-Sikurezza tal-materjali għall-bijoċidi kollha użati tul l-istadji varji tal-produzzjoni, flimkien mad-dokumentazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-bijoċidi fil-prodott aħħari.
(d) Aġenti tal-ħasil
L-aġenti tal-ħasil li jintużaw għat-tindif waqt il-proċessi u/jew subproċessi ta’ stampar, li jkun fihom idrokarbonju aromatiku, għandhom jitħallew jintużaw biss jekk ikunu konformi mal-punt 2(b), u jekk tintlaħaq waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(i) |
L-ammont ta’ idrokarbonji aromatiċi fil-prodotti tal-aġent tal-ħasil użat ma jaqbiżx 0,1 % (w/w); |
|
(ii) |
L-ammont ta’ aġent tal-ħasil ibbażat fuq l-idrokarbonju aromatiku użat kull sena ma jaqbiżx 5 % mill-ammont totali tal-aġent tal-ħasil li jintuża f’sena kalendarja. |
Dan il-kriterju ma għandux japplika għat-toluwen li jintuża bħala aġent tal-ħasil fl-istampar bir-rotogravur.
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-Folja dwar id-Dejta tas-Sikurezza għal kull aġent tal-ħasil użat fi stamperija matul is-sena li għaliha jirreferi l-konsum annwali. Il-fornituri tal-aġent tal-ħasil għandhom jipprovdu dikjarazzjonijiet tal-kontenut ta’ idrokarbonju fl-aġenti tal-ħasil.
(e) Alkilfenoletossilati — Solventi aloġenati — Ftalati
Is-sustanzi jew preparazzjonijiet li ġejjin ma għandhomx jiżdiedu ma’ linek, koloranti, toners, adeżivi jew aġenti tal-ħasil jew kimiċi oħra għat-tindif użati għall-istampar tal-prodott ta’ karta stampata:
|
— |
L-alkilfenoletossilati u d-derivattivi tagħhom jistgħu jipproduċu alkilfenoli bid-degradazzjoni. |
|
— |
Is-solventi aloġenti li, fi żmien l-applikazzjoni, ikunu klassifikati fil-kategoriji ta’ periklu jew riskju elenkati fil-punt 2(a). |
|
— |
Il-ftalati li, fi żmien l-applikazzjoni, ikunu kklassifikati bl-espressjonijiet ta’ riskju H360F, H360D, H361f skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. |
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.
(f) Linek tal-istampar u oħrajn, toners, verniċ, pellikoli tal-aluminju, u laminati
Il-metalli tqal li ġejjin jew il-komposti tagħhom m’għandhomx jintużaw f’linek tal-istampar u oħrajn, toners, verniċ, pellikoli tal-aluminju jew laminati (la bħala sustanza u lanqas bħala parti minn kwalunkwe preparazzjoni użata): il-kadmju, ir-ram (għajr ir-ram-ftalosjanin), iċ-ċomb, in-nikil, il-kromu VI, il-merkurju, l-arseniku, il-barju solubbli, is-selenju, l-antimonju. Il-kobalt jista’ jintuża sa 0,1 % (w/w).
L-ingredjenti jista’ jkun fihom traċċi ta’ dawn il-metalli sa 0,01 % (w/w) li jiġu mill-impuritajiet fil-materja prima.
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, kif ukoll dikjarazzjonijiet mill-fornituri tal-ingredjenti.
Kriterju 3 — Riċiklabbiltà
Il-prodott tal-karta stampata għandu jkun riċiklabbli. Il-karta stampata għandha tkun b’mod li tkun tista’ tinqala’ minn fuqha l-linka, u l-komponenti mhux tal-karta tal-prodott ta’ karta stampata għandu jkun possibbli li jitneħħew faċilment, b’mod li jiżgura li tali komponenti ma jfixklux il-proċess ta’ riċiklaġġ.
|
(a) |
L-aġenti tar-reżistenza għall-ilma għandhom jintużaw biss jekk tista’ tiġi pprovata r-riċiklabbiltà tal-prodott lest. |
|
(b) |
L-adeżivi jistgħu jintużaw biss jekk tista’ tiġi pprovata l-kapaċità li jitneħħew. |
|
(c) |
Il-verniċi għall-kisi u l-laminazzjoni, inklużi l-politelene u/jew il-politelene/polipropilene, jistgħu jintużaw biss għall-qxur tal-kotba, għall-pads, għar-rivisti u l-katalgi, u għall-pitazzi. |
|
(d) |
Għandha tkun provata l-possibbiltà li tinqala’ l-linka minn fuq il-karta. |
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi r-riżultati tat-testijiet tar-riċiklabbiltà għall-aġenti tar-reżistenza għall-ilma, kif ukoll tal-kapaċità li jitneħħew l-adeżivi. Il-metodi ta’ ttestjar ta’ referenza huma l-metodu PTS-RH 021/97 (għall-aġenti tar-reżistenza għall-ilma), il-metodu INGEDE 12 (għat-tneħħija tal-adeżivi mhux solubbli), jew metodi ta’ ttestjar ekwivalenti. Il-kapaċità li tinqala’ l-linka għandha tkun provata bl-użu tad-“Deinking Scorecard” (10) tal-Kunsill Ewropew għall-Karta Rkuprata, jew metodi ta’ ttestjar ekwivalenti. L-ittestjar għandu jsir fuq tliet tipi ta’ karta: il-karta mhux miksija, il-karta miksija, u l-karta trattata fuq il-wiċċ. Jekk tip ta’ linka għall-istampar jinbiegħ biss għal tip speċifiku wieħed jew tnejn ta’ karta, ikun biżżejjed li jiġi/u ttestjat(i) tip(i) ta’ karta inkwistjoni. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li l-prodotti tal-karta stampata miksija u laminati huma konformi mal-punt 3(b). Fejn parti minn prodott tal-karta stampata tkun tista’ titneħħa faċilment (ngħidu aħna, qoxra tal-plastik jew qoxra ta’ pitazz li tista’ tintuża aktar minn darba), it-test tar-riċiklabbiltà jista’ jsir mingħajr dan il-komponent. Il-kapaċità li jitneħħew faċilment il-komponenti mhux tal-karta għandha tkun provata b’dikjarazzjoni mill-impriża tal-ġbir tal-karta, mill-impriża tar-riċiklaġġ jew minn organizzazzjoni ekwivalenti. Jistgħu jintużaw ukoll metodi ta’ ttestjar li juru riżultati ekwivalenti, imwettqa minn parti terza kompetenti u indipendenti.
Kriterju 4 — Emissjonijiet
(a) L-emissjonijiet fl-ilma
L-ilma għat-tlaħliħ li jkun fih il-fidda mill-ipproċessar tal-pellikoli, kif ukoll mill-produzzjoni tal-pjanċi, u l-fotokimiċi, ma għandhomx jiġu rrilaxxati f’impjant tat-trattament tad-drenaġġ.
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-ġestjoni fuq il-post tal-ilma tat-tlaħliħ li jkun fih fotokimiċi u l-fidda. Fejn l-ipproċessar tal-pellikoli u/jew il-produzzjoni tal-pjanċi jintbagħtu f’idejn ħaddieħor, is-sottokuntrattur għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-ġestjoni, fuq il-post tas-sottokuntrattur, tal-ilma tat-tlaħliħ li jkun fih fotokimiċi u l-fidda.
L-ammont ta’ Cr u Cu rrilaxxat f’impjant tat-trattament tad-drenaġġ ma għandux jaqbeż il-45 mg kull m2 u l-400 mg kull m2 rispettivament tas-superfiċje taċ-ċilindru tal-istampar imħaddem.
Valutazzjoni u verifika: Ir-rilaxx tas-Cr u tas-Cu fid-drenaġġ għandu jiġi vverifikat fl-impjanti tal-istampar bir-rotogravura, wara t-trattament u qabel ir-rilaxx stess. Kull xahar għandu jinġabar kampjun rappreżentattiv tar-rilaxxi tas-Cr u tas-Cu. Tal-anqas test analitiku wieħed għandu jsir kull sena minn laboratorju akkreditat, sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tas-Cr u tas-Cu f’sottokampjun rappreżentativ ta’ dawn il-kampjuni. Il-konformità ma’ dawn il-kriterji għandha tiġi vverifikata billi jiġi diviż il-kontenut tas-Cr u tas-Cu, kif iddeterminat minn dak it-test analitiku annwali, bis-superfiċje taċ-ċilindru mħaddem waqt l-istampar. Is-superifiċje taċ-ċilindru mħaddem waqt l-istampar tiġi kkalkulata billi tiġi mmultiplikata s-superfiċje taċ-ċilindru (= 2πrL, fejn r hija r-radju u L hija t-tul taċ-ċilindru) bl-għadd ta’ produzzjonijiet stampati matul sena (l-għadd ta’ kompiti differenti ta’ stampar).
(b) Emissjonijiet fl-arja
Komposti Organiċi Volatili (VOCs)
Għandu jintlaħaq il-kriterju li ġej:
(PVOC – RVOC)/Pkarta < 5 [kg/tunnellati]
Fejn:
|
PVOC |
= |
il-kilogrammi totali fis-sena ta’ VOCs inklużi fil-prodotti kimiċi mixtrija, użati għall-produzzjoni totali fis-sena ta’ prodotti stampati |
|
RVOC |
= |
il-kilogrammi totali fis-sena ta’ VOCs meqruda bit-taffija, irkuprati mill-proċess tal-istampar u mibjugħa jew użati mill-ġdid |
|
Pkarta |
= |
it-tunnellati ta’ karta kull sena mixtrija u użati għall-produzzjoni ta’ prodotti stampati. |
Meta stamperija tuża teknoloġiji differenti tal-istampar, dan il-kriterju għandu jintlaħaq għal kull waħda minnhom b’mod separat.
It-terminu PVOC għandu jiġi kkalkulat mill-informazzjoni SDS marbuta mal-kontenut ta’ VOCs, jew minn dikjarazzjoni simili pprovduta mill-fornitur tal-prodotti kimiċi.
It-terminu RVOC għandu jiġi kkalkulat mid-dikjarazzjoni dwar il-kontenut ta’ VOCs inklużi fil-prodotti kimiċi mibjugħa, jew mir-reġistru tal-għadd intern (jew kwalunkwe dokument ieħor ekwivalenti), li jirrapporta l-ammont annwali tal-VOCs irkuprati jew użati mill-ġdid fuq il-post.
Kundizzjonijiet speċifiċi għall-istampar heat-set (issettjar bis-sħana):
|
(i) |
Għall-istampar offset bl-issettjar bis-sħana (heat-set), b’unità integrata għal wara l-kombustjoni, għandu japplika l-metodu ta’ kalkolu li ġej:
|
|
(ii) |
Għall-istampar offset bl-issettjar bis-sħana (heat-set), mingħajr unità integrata għal wara l-kombustjoni, għandu japplika l-metodu ta’ kalkolu li ġej:
|
Għall-punti (i) u (ii), jistgħu jintużaw perċentwali proporzjonalment iktar baxxi minn 90 % u 85 % f’dan il-kalkolu, jekk jiġi demostrat li iktar minn 10 % jew 15 %, rispettivament, mill-kilogrammi totali annwali tal-VOCs inklużi fis-soluzzjonijiet għall-umidifikazzjoni jew fl-aġenti tal-ħasil użati għall-produzzjoni annwali tal-prodotti stampati, ġew imtaffija fis-sistema ta’ trattament għall-gassijiet ta’ kombustjoni mill-proċess tat-tnixxif.
Valutazzjoni u verifika: Għandha tiġi pprovduta, mill-fornitur tal-kimiki, dikjarazzjoni tal-kontenut ta’ VOCs fl-alkoħol, l-aġenti tal-ħasil, il-linek, is-soluzzjonijiet għall-umidifikazzjoni, jew prodotti kimiċi oħra korrispondenti. L-applikant għandu jipprovdi evidenza tal-kalkolu skont il-kriterji stipulati hawn fuq. Il-perjodu għall-kalkoli għandu jissejjes fuq il-produzzjoni ta’ matul 12-il xahar. Fil-każ ta’ impjant ġdid jew mibni mill-ġdid, il-kalkoli għandhom jissejsu fuq mill-inqas tliet xhur ta’ funzjonament rappreżentattiv tal-impjant.
(c) Emissjonijiet mill-istampar bir-rotogravura ta’ pubblikazzjonijiet
|
(i) |
L-emissjonijiet ta’ VOCs fl-arja mill-istampar bir-rotogravura ta’ pubblikazzjonijiet ma għandhomx jaqbżu l-50 mg C/Nm3;
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti li turi l-konformità ma’ dawn il-kriterji. |
|
(ii) |
Għandu jiġi installat tagħmir għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-Cr6 + fl-arja; |
|
(iii) |
L-emissjonijiet tas-Cr6 + fl-arja ma għandhomx jaqbżu l-15-il mg għal kull tunnellata karta.
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tas-sistema implimentata, flimkien ma’ dokumentazzjoni marbuta mal-kontroll u mal-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-Cr6+. Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi r-riżultati tal-ittestjar marbutin mat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja tas-Cr6+. |
(d) Proċessi tal-istampar fejn ma tapplika l-ebda miżura leġiżlattiva
Is-solventi volatili mill-proċess ta’ tnixxif tal-istampar offset bl-issettjar bis-sħana u bil-flessografija għandhom ikunu ġġestiti permezz tal-irkupru, tal-kombustjoni, jew ta’ kwalunkwe sistema ekwivalenti. Fil-każijiet kollha fejn ma tapplika l-ebda miżura leġiżlattiva, l-emissjonijiet fl-arja tal-VOCs ma għandhomx jaqbżu l-20 mg C/Nm3.
Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-ipprintjar bl-iskrin jew għall-ipprintjar diġitali. Barra minn hekk, ma japplikax għall-installazzjonijiet tal-issettjar bis-sħana jew tal-flessografija b’konsum tas-solventi ta’ inqas minn 15-il tunnellata fis-sena.
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tas-sistema implimentata, flimkien ma’ dokumentazzjoni u riżultati tal-ittestjar marbutin mal-kontroll u mal-monitoraġġ tal-emissjonijiet fl-arja.
Kriterju 5 — L-iskart
(a) Il-ġestjoni tal-iskart
Il-faċilità fejn isiru l-prodotti tal-karta stampata għandu jkollha implimentata sistema għall-ġestjoni tal-iskart, inklużi l-prodotti reżidwali mnisslin mill-produzzjoni ta’ prodotti tal-karta stampata, kif iddefinit mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti lokali u nazzjonali.
Is-sistema għandha tiġi ddokumentata jew spjegata, u għandha tinkludi informazzjoni tal-anqas dwar il-punti li ġejjin:
|
(i) |
il-proċeduri għall-manipulazzjoni, il-ġbir, is-separazzjoni u l-użu ta’ materjali riċiklabbli mill-fluss tal-iskart; |
|
(ii) |
il-proċeduri għall-irkupru minn qabel ta’ materjali għal użi oħra, bħall-inċinerazzjoni, sabiex jiġġeneraw fwar jew sħana għall-proċess, jew għal użu agrikolu; |
|
(iii) |
il-proċeduri għall-manipulazzjoni, il-ġbir, is-separazzjoni u r-rimi tal-iskart perikoluż, kif iddefinit mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti lokali u nazzjonali. |
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-proċeduri adottati għall-ġestjoni tal-iskart. Fejn xieraq, kull sena l-applikant għandu jipprovdi d-dikarazzjoni korrispondenti lill-awtorità lokali. Fejn il-ġestjoni tal-iskart tintbagħat f’idejn ħaddieħor, is-sottokuntrattur għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju wkoll.
(b) Karta għall-iskart
L-ammont “X” ta’ karta għall-iskart prodotta għandu jkun:
|
Metodu tal-istampar |
Massimu ta’ karta għall-iskart % |
|
Folja offset |
23 |
|
Coldset, gazzetti |
10 |
|
Coldset, stampar ta’ formoli |
18 |
|
Rotazzjoni coldset (għajr gazzetti u formoli) |
19 |
|
Rotazzjoni bl-issettjar bis-sħana (heat-set) |
21 |
|
Stampar bil-gravura |
15 |
|
Flessografija (għajr il-bord tal-fibri mmewweġ) |
11 |
|
Stampar diġitali |
10 |
|
Offset |
4 |
|
Flessografija, bord tal-fibri mmewweġ |
17 |
|
Stampar bl-iskrin |
23 |
fejn:
|
X |
= |
it-tunnellati annwali ta’ karta għall-iskart prodotta waqt l-istampar (inklużi l-proċessi ta’ tlestija) tal-prodott tal-karta stampata bl-Ekotikketta, diviżi bit-tunnellati annwali tal-karta mixtrija u użati għall-produzzjoni tal-prodott tal-karta stampata bl-Ekotikketta. |
Fejn l-istamperija twettaq proċessi ta’ tlestija f’isem stamperija oħra, l-ammont tal-karta għall-iskart prodotta f’dawk il-proċessi ma għandux jiġi inkluż fil-kalkolu ta’ “X”.
Fejn il-proċessi ta’ tlestija jintbagħtu f’idejn impriża oħra sottokuntrattata, l-ammont tal-karta għall-iskart li jirriżulta mix-xogħol sottokuntrattat għandu jiġi kkalkulat u ddikjarat fil-kalkolu ta’ “X”.
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi deskrizzjoni tal-kalkolu tal-ammont tal-karta għall-iskart, flimkien ma’ dikjarazzjoni mill-kuntrattur li jiġbor il-karta għall-iskart mill-istamperija. Għandhom jiġu pprovduti t-termini u l-kalkoli tas-sottokuntrattar fir-rigward tal-ammont tal-karta għall-iskart involut fil-proċessi ta’ tlestija. Il-perjodu għall-kalkoli għandu jissejjes fuq il-produzzjoni ta’ matul 12-il xahar. Fil-każ ta’ impjant ġdid jew mibni mill-ġdid, il-kalkoli għandhom jissejsu fuq mill-inqas tliet xhur ta’ funzjonament rappreżentattiv tal-impjant.
Kriterju 6 — Użu tal-enerġija
L-istamperija għandha tistabbilixxi reġistru tat-tagħmir kollu li jikkonsma l-enerġija (inklużi l-makkinerija, id-dawl, il-kundizzjonament tal-arja, u t-tiksiħ), kif ukoll programm li jikkonsisti f’miżuri għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi r-reġistru tat-tagħmir li jikkonsma l-enerġija flimkien mal-programm ta’ titjib.
Kriterju 7 — Taħriġ
Kull membru tal-persunal li jieħu sehem fl-operat ta’ kuljum għandu jingħata l-għarfien meħtieġ sabiex ikun żgurat li r-rekwiżiti tal-Ekotikketta jintlaħqu u jittejbu kontinwament.
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dettalji tal-programm ta’ taħriġ, il-kontenut tiegħu, u indikazzjoni dwar liema mill-persunal irċieva t-taħriġ, liema taħriġ u meta. L-applikant għandu jipprovdi wkoll kampjun tal-materjal tat-taħriġ lill-awtorità kompetenti.
Kriterju 8 — Adegwatezza għall-użu
Il-prodott għandu jkun adattat għall-iskop tiegħu.
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti li turi l-konformità ma’ dan il-kriterju. L-istandards nazzjonali jew kummerċjali, fejn rilevanti, jistgħu jintużaw mill-applikant biex juri l-adegwatezza għall-użu tal-prodotti tal-karta stampata.
Kriterju 9 — Informazzjoni fuq l-imballaġġ
L-informazzjoni li ġejja għandha tidher fuq l-imballaġġ tal-prodott:
“Jekk jogħġbok żomm il-karta użata għar-riċiklaġġ”.
Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-imballaġġ tal-prodott li jkollu l-informazzjoni meħtieġa.
Kriterju 10 — L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE
It-tikketta fakultattiva b’kaxxa testwali għandha tinkludi t-test li ġej:
|
— |
Dan il-prodott stampat huwa riċiklabbli; |
|
— |
Stampat fuq karta b’impatt ambjentali baxx; |
|
— |
Ġew limitati l-emissjonijiet ta’ kimiki fl-ajra u fl-ilma mill-produzzjoni tal-karta u mill-proċess tal-istampar. |
Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva bil-kaxxa testwali jistgħu jinstabu fil-“Linji gwida għall-użu tal-logo tal-Ekotikketta tal-UE” fuq is-sit elettroniku:
http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/promo/pdf/logo%20guidelines.pdf
Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-prodott tal-karta stampata li juri t-tikketta, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.
(1) ĠU L 212, 7.8.2001, p. 24.
(2) Id-Deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta għall-ikkupjar u l-karta grafika (ĠU L 149, 8.6.2011, p. 12).
(3) Id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta tal-gazzetti (ĠU L 202, 28.7.2012, p. 26).
(4) ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
(5) ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1.
(6) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(7) Kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
(8) Kif ipprovdut fid-Direttiva 67/548/KEE.
(9) ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.
(10) Assessment of Print Product Recyclability — Deinkability Score — User’s Manual, www.paperrecovery.org, “Publications”.