15.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/17


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Awwissu 2012

dwar l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni għall-użin ta’ prodotti tas-sajd skont l-Artikolu 60(1) u 60(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u tal-pjanijiet ta’ kontroll għall-użin ta’ prodotti tas-sajd skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 5568)

(It-testi bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bil-Litwan, bl-Olandiż, bil-Pollakk u bl-Isvediż biss huma awtentiċi)

(2012/474/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 60(1) u (3) u l-Artikolu 61(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat is-sottomissjoni tal-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni u l-pjanijiet ta’ kontroll mill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 Stat Membru għandu jiżgura li l-prodotti kollha tas-sajd jintiżnu mal-ħatt l-art qabel mal-prodotti tas-sajd jinħażnu, jiġu trasportati jew jinbiegħu, fuq sistemi approvati mill-awtoritajiet ta’ kontroll sakemm ma jkunx adotta pjan tat-teħid ta’ kampjuni approvat mill-Kummissjoni u bbażat fuq il-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju stabbilita fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (2) flimkien mal-Anness XIX tal-istess Regolament.

(2)

Skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 l-Istati Membri jistgħu jippermettu li prodotti tas-sajd jintiżnu abbord il-bastiment tas-sajd, b’deroga mill-obbligu ġenerali ta’ wżin stabbilit fl-Artikolu 60(1) u sakemm l-Istat Membru jkun adotta pjan tat-teħid ta’ kampjuni kif imsemmi fl-Artikolu 60(1) approvat mill-Kummissjoni u bbażat fuq il-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju stabbilita fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 flimkien mal-Anness XX tal-istess Regolament.

(3)

Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 l-Istati Membri jistgħu jippermettu li prodotti tas-sajd jintiżnu wara t-trasport mill-post tal-ħatt l-art sakemm jigu trasportati għal destinazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li dan l-Istat Membru jkun adotta pjan ta’ kontroll approvat mill-Kummissjoni u bbażat fuq il-metodoloġija bbażata fuq ir-riskju stabbilita fl-Artikolu 77(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 flimkien mal-Anness XXI tal-istess Regolament.

(4)

Il-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni tal-Ġermanja (l-14 ta’ Novembru 2011), l-Irlanda (is-7 ta’ Novembru 2011), il-Litwanja (il-11 ta’ Jannar 2012), il-Pajjiżi l-Baxxi (it-18 ta’ Jannar 2012), il-Polonja (il-5 ta’ Marzu 2012), il-Finlandja (is-7 ta’ Novembru 2011) u r-Renju Unit (il-15 ta’ Diċembru 2011) u l-pjanijiet ta’ kontroll tal-Ġermanja (l-14 ta’ Novembru 2011), l-Estonja (il-15 ta’ Diċembru 2011), l-Irlanda (is-7 ta’ Novembru 2011), il-Polonja (il-5 ta’ Marzu 2012), il-Finlandja (is-7 ta’ Novembru 2011) u r-Renju Unit (il-15 ta’ Diċembru 2011) intbagħtu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Dawn huma skont il-metodoloġiji rilevanti bbażati fuq ir-riskju. Għalhekk, dawn għandhom jiġu approvati.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 60(1) u (3) u l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(6)

Il-Kummissjoni teħtieġ timmonitorja l-applikazzjoni tal-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni u l-pjanijiet ta’ kontroll fir-rigward tal-operat effettiv tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-analiżi regolari tagħhom mill-Istati Membri kkonċernati. Għal dik ir-raġuni l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 tal-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u r-Renju Unit għall-użin ta’ prodotti tas-sajd huma approvati.

2.   Il-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni skont l-Artikolu 60(3) flimkien mal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 tal-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit għall-użin ta’ prodotti tas-sajd abbord il-bastiment tas-sajd huma approvati.

3.   Il-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 tal-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Polonja, il-Finlandja u r-Renju Unit għall-użin ta’ prodotti tas-sajd wara t-trasport għal destinazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat huma approvati.

Artikolu 2

L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jittrażmettu rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-pjanijiet tat-teħid ta’ kampjuni u l-pjanijiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 1 qabel l-1 ta’ April 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lill-Irlanda, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1.