10.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Awwissu 2012

li testendi l-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE u tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/148/KE

(2012/470/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u rivedut l-aħħar f’Ouagadougou, Burkina Faso, fit-23 ta’ Ġunju 2010 (2), minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou”, u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2002/148/KE (4), ngħalqu l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Cotonou u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni. Minn dak iż-żmien dawn il-miżuri ġew adattati u l-perijodu tal-applikazzjoni tagħhom ġie estiż kull sena.

(2)

Bid-Deċiżjoni 2012/96/UE (5) il-miżuri xierqa ġew adattati u l-perijodu tal-applikazzjoni tagħhom ġie estiż b’sitt xhur sal-20 ta’ Awwissu 2012.

(3)

L-Unjoni tirrikonoxxi l-ħolqien tal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali fiż-Żimbabwe bħala opportunità biex tiġi ristabbilita relazzjoni kostruttiva bejn l-Unjoni u ż-Żimbabwe u biex tiġi sostnuta l-implimentazzjoni tal-programm ta’ riformi taż-Żimbabwe.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/97/PESK tas-17 ta’ Frar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (6), l-Unjoni ħadet deċiżjoni importanti billi llaxkat sanzjonijiet paralleli tal-PESK fuq individwi bil-ħsieb li tħeġġeġ iktar progress u b’hekk uriet l-impenn qawwi tagħha favur il-proċess ta’ Ftehim Politiku Globali. Il-konsultazzjonijiet ta’ livell għoli li saru fi Brussell mal-iskwadra Ministerjali ta’ re-impenn taż-Żimbabwe f’Mejju 2012 jikkostitwixxu pass importanti ‘l quddiem f’dan il-proċess ta’ re-impenn.

(5)

L-Unjoni tkompli tappoġġa l-isforzi kontinwi tal-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Globali, u tilqa’ l-progress li sar fiż-Żimbabwe biex tiġi stabbilizzata l-ekonomija u jiġu restawrati s-servizzi soċjali. L-Unjoni tkompli wkoll tappoġġa l-isforzi ta’ faċilitazzjoni mmexxija mill-Afrika t’Isfel f’isem il-Komunità tal-Afrika t’Isfel għall-Iżvilupp.

(6)

Biex jintwera l-impenn kontinwu tal-Unjoni favur il-proċess tal-Ftehim Politiku Globali, huwa xieraq li tiġi estiża l-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE, filwaqt, madankollu li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa li jillimitaw il-koperazzjoni taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou għal perijodu ta’ 12-il xahar.

(7)

Jekk ikun hemm deterjorament tal-istat tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fiż-Żimbabawe, l-Unjoni tista’ timponi mill-ġdid dawn il-miżuri xierqa u/jew miżuri oħra fi kwalunkwe mument,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-validità tad-Deċiżjoni 2012/96/UE u tal-miżuri xierqa tagħha huma b’dan estiżi sal-20 ta’ Awwissu 2013. Madankollu, l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa hija b’dan sospiża.

Il-miżuri xierqa għandhom jinżammu taħt reviżjoni kostanti u għandhom jiġu applikati mill-ġdid jekk is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe tiddeterjora b’mod serju. Dawn il-miżuri għandhom fi kwalunkwe każ jiġu riveduti sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deiċżjoni.

L-ittra annessa ma’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lill-President taż-Żimbabwe, is-Sur Mugabe, u kopji tagħha jintbagħtu lill-Prim Ministru, is-Sur Tsvangirai, u lis-Sur Welshman Ncube.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002 li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (ĠU L 50, 21.2.2002, p. 64).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2012 dwar l-adattament u estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri xierqa stabbiliti għall-ewwel darba mid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (ĠU L 47, 18.2.2012, p. 47).

(6)  ĠU L 47, 18.2.2012, p. 50.


ANNESS

ITTRA LILL-PRESIDENT TAŻ-ŻIMBABWE

F’ittra ddatata 19 ta’ Frar 2002, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou u li tieħu miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 96(2)(c) ta’ dak il-Ftehim. F’ittra ddatata 23 ta’ Frar 2012, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjoni tagħha li tkompli testendi l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri sal-20 ta’ Awwissu 2012.

L-Unjoni Ewropea tqis bħala inkoraġġanti l-progress li qed isir fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Globali mill-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali fiż-Żimbabwe. L-Unjoni Ewropea ttenni l-importanza kbira li tagħti lid-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou u li, fuq talba tal-Gvern taż-Żimbabwe, ġie uffiċjalment varat waqt it-Trojka Ministerjali UE-Żimbabwe f’Ġunju 2009 fi Brussell. Kif miftiehem bejn iż-żewġ partijiet, l-objettiv ewlieni tad-djalogu taħt l-Artikolu 8 huwa li r-relazzjonijiet bejn l-UE u ż-Żimbabwe jiġu normalizzati flimkien mal-implimentazzjoni tar-riformi previsti fil-Ftehim Politiku Globali u li titwitta t-triq lejn elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli.

L-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon id-djalogu kostruttiv li ġie stabbilit fil-proċess ta’ re-impenn tal-UE mal-partijiet kollha tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali, anke permezz tal-laqgħa f’Mejju ta’ din is-sena bejn ir-Rappreżentant Għoli Ashton u l-membri tal-Kumitat Ministerjali ta’ Re-impenn taż-Żimbabwe. L-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn kontinwat tal-SADC b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Globali, kif espress fis-Summit straordinarju reċenti tal-SADC f’Luwanda.

Il-passi meħuda mill-Gvern ta’ Unità Nazzjonali biex itejjeb il-ħelsien u l-prosperità tal-poplu taż-Żimbabwe jiġġustifikaw is-sospensjoni minnufih tal-miżuri applikati sa issa taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou. Dan ser jippermetti lill-Unjoni Ewropea biex taħdem direttament mal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali u biex tiżviluppa programmi ġodda ta’ assistenza għall-benefiċċju tal-poplu taż-Żimbabwe taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp li jmiss. F’dan il-kuntest, u f’konformità mal-isforzi għal re-impenn taż-Żimbabwe mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-iffirmar tal-Ftehim interim ta’ Sħubija Ekonomika, il-Bank Ewropew tal-Investiment jipprevedi wkoll il-varar mill-ġdid tal-attivitajiet ta’ żvilupp mas-settur privat fiż-Żimbabwe.

L-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon iż-żjara reċenti fiż-Żimbabwe tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU wara stedina tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali. L-Unjoni Ewropea tagħti l-akbar importanza lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou, billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt jikkostitiwixxi l-bażi essenzjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ż-Żimbabwe u l-Unjoni Ewropea ser tkompli ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe. Hija tirrikonoxxi t-titjib li nkiseb fil-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem għalkemm għad fadal xi oqsma sinifikanti ta’ tħassib.

Kif indikat fi Frar ta’ din is-sena u b’mod konsistenti mal-approċċ inkrementali tagħha, l-Unjoni Ewropea ser tkompli taġġusta l-politika tagħha biex tirrikonoxxi l-progress hekk kif ikun qed isir mill-partijiet fiż-Żimbabwe tul il-pjan direzzjonali tal-SADC.

L-Unjoni Ewropea tirriafferma s-sħubija tagħha mal-poplu taż-Żimbabwe. Id-Deċiżjoni attwali tal-Unjoni Ewropea li tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa u li timpenja ruħha mill-ġdid f’aktar djalogu u kooperazzjoni mal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali hija maħsuba biex tipprovdi impetu addizzjonali fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ż-Żimbabwe, bl-għan li jiġu normalizzati r-relazzjonijiet bilaterali. L-Unjoni Ewropea tappella lill-partijiet kollha biex japprofittaw mir-ritmu tal-progress u jikkonkludu l-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Globali.

Għoddni dejjem tiegħek,

Għall-Kunsill

C. ASHTON

Ghall-Kummissjoni

A. PIEBALGS