|
10.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 213/2 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Lulju 2012
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa fir-rigward tar-Regolament abbozzat dwar Sistemi ta’ Twissija ta’ Ħruġ mil-Lejns u tar-Regolament abbozzat dwar Sistemi Avvanzati ta’ Bbrejkjar b’Emerġenza
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/469/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE (1), il-Komunità aderixxiet mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (“UNECE”) dwar l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, għat-tagħmir u l-partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jiġu użati fuq vetturi bir-roti u għall-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim tal-1958 Rivedut”). |
|
(2) |
Ir-rekwiżiti armonizzati tal-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tas-Sistema ta’ Twissija ta’ Ħruġ mil-Lejns (2) u l-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar Sistemi Avvanzati ta’ Bbrejkjar b’Emerġenza (3) (“ir-Regolamenti abbozzati tal-UNECE”) huma maħsuba biex ineħħu l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u biex jiżguraw li dawn il-vetturi joffru livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (4) jordna l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ twissija ta’ ħruġ mil-lejns u sistemi avvanzati ta’ bbrejkjar b’emerġenza f’ċerti vetturi tal-kategoriji M2, N2, M3 u N3. |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv tal-Ftehim tal-1958 Rivedut dwar l-adozzjoni tar-Regolamenti abbozzati tal-UNECE, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv tal-Ftehim tal-1958 Rivedut għandha tkun li tivvota favur ir-Regolament abbozzat tal-UNECE dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tas-Sistema ta’ Twissija ta’ Ħruġ mil-Lejns, kif jinsabu fid-dokumenti ECE/TRANS/WP.29/2011/78, ECE/TRANS/WP.29/2011/89 u ECE/TRANS/WP.29/2011/91.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv tal-Ftehim tal-1958 Rivedut għandha tkun li tivvota favur ir-Regolament abbozzat tal-UNECE dwar is-Sistemi Avvanzati ta’ Bbrejkjar b’Emerġenza, kif jinsabu fid-dokumenti ECE/TRANS/WP.29/2011/92 u ECE/TRANS/WP.29/2011/93 flimkien mal-emendi tagħhom.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
A. D. MAVROYIANNIS
(1) ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.
(2) Dokumenti UNECE ECE/TRANS/WP.29/2011/78, ECE/TRANS/WP.29/2011/89 u ECE/TRANS/WP.29/2011/91.
(3) Dokumenti UNECE ECE/TRANS/WP.29/2011/92, ECE/TRANS/WP.29/2011/92/Amend.1, ECE/TRANS/WP.29/2011/93 u ECE TRANS/WP.29/2011/93/Amend.1.