7.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Awwissu 2012

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ bażi ġdida taċ-chewing gum bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tirrevoka d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/882/UE

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 5406)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

(2012/461/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Ottubru 2007 l-kumpanija Revolymer Ltd. għamlet talba lill-awtoritajiet kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi biex tqiegħed bażi ġdida taċ-chewing gum fis-suq bħala ingredjent ġdid tal-ikel.

(2)

Fit-23 ta’ April 2009 l-entità kompetenti tal-valutazzjoni tal-ikel tal-Pajjiżi l-Baxxi ħarġet ir-rapport ta’ valutazzjoni inizjali tagħha. F’dan ir-rapport, din waslet għall-konklużjoni li l-bażi ġdida taċ-chewing gum tista’ tintuża b’mod sikur bħala ingredjent għall-ikel.

(3)

Il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport ta’ valutazzjoni inizjali lill-Istati Membri kollha fit-30 ta’ April 2009.

(4)

Fi żmien il-perjodu ta’ 60 jum stipulat fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, tqajmu oġġezzjonijiet motivati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott skont dik id-dispożizzjoni.

(5)

Għalhekk l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) ġiet ikkonsultata fit-2 ta’ Lulju 2010.

(6)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, fis-“Scientific Opinion on the safety of a ‘novel chewing gum base (REV-7)’ as a novel food ingredient” (Opinjoni Xjentifika dwar is-sikurezza ta’ ‘bażi ġdida taċ-chewing gum (REV-7)’ bħala ingredjent ġdid tal-ikel) (2) l-EFSA waslet għall-konklużjoni li l-bażi ġdida taċ-chewing gum, skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu u l-livelli proposti ta’ konsum, kienet sikura.

(7)

Il-bażi ġdida taċ-chewing gum tikkonforma mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 u għaldaqstant id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/882/UE tal-21 ta’ Diċembru 2011 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ bażi ġdida taċ-chewing gum bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet adottata.

(8)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/882/UE pprevediet li l-ispeċifikazzjoni tal-bażi ġdida taċ-chewing gum awtorizzata permezz tagħha fuq it-tikketta tal-ikel li fih minnha għandha tkun “bażi ta’ gomma (esteri ta’ omopolimeru ta’ 2-metil, 1,3-butadjen trattat b’maleat u ta’ polietilenglikol monometil-etere)”.

(9)

Madankollu, filwaqt li l-isem kimiku sħiħ jipprevedi deskrizzjoni ċara u mhux ambigwa tas-sustanza, it-tul tiegħu jista’ jiddomina t-tikketta tal-ikel li fih minnha. Peress li ċ-chewing gum ta’ sikwit jinbiegħ f’pakketti bi spazju limitat fil-wiċċ għat-tikketta, ikun xieraq li jkun hemm alternattiva iqsar għat-tikketta.

(10)

In-numri tar-reġistru (in-Nru CAS) tas-Servizz għall-Astratti Kimiċi (CAS) huma standard internazzjonali għad-deskrizzjoni tal-kimiċi, li jipprovdi informazzjoni ekwivalenti għal dak tal-isem kimiku f’dak li jikkonċerna n-natura tas-sustanza.

(11)

Għaldaqstant huwa xieraq li jitħalla jsir użu min-numru tar-reġistru CAS għad-deskrizzjoni tal-bażi taċ-chewing gum ġdida awtorizzat permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/882/UE fuq it-tabella tal-ikel li jkun fih minnha bħala alternattiva tal-isem kimiku sħiħ tiegħu.

(12)

L-Anness seta’ kkawża nuqqas ta’ ftehim peress li fit-titlu tiegħu hu pprovda biss parti mill-isem kimiku. Barra minn hekk, in-Numru CAS għandu jingħata fl-anness.

(13)

Għaldaqstant, jidher li hu xieraq li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/882/UE tiġi revokata u sostitwita b’Deċiżjoni ġdida bil-modifiki msemmija hawn fuq.

(14)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-bażi ġdida taċ-chewing gum, kif speċifikat fl-Anness, tista’ titqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala ingredjent ġdid tal-ikel biex tintuża fiċ-chewing gum sa massimu ta’ 8 %.

Artikolu 2

Id-deskrizzjoni tal-bażi ġdida taċ-chewing gum awtorizzata permezz ta’ din id-Deċiżjoni fuq it-tikketta tal-ikel li fih minnha għandha tkun “bażi ta’ gomma (li tinkludi esteri ta’ omopolimeru ta’ 2-metil, 1,3-butadjen trattat b’maleat u ta’ polietilenglikol monometil-etere)” jew “bażi ta’ gomma (inkluż in-Nru CAS: 1246080-53-4)”.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/882/UE hija b’dan irrevokata.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Revolymer Ltd., 1, NewTech Square, Deeside Industrial Park, Deeside, Flintshire, CH5 2NT, United Kingdom.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2011;9(4):2127.

(3)  ĠU L 343, 23.12.2011, p. 121.


ANNESS

Speċifikazzjonijiet tal-bażi ġdida taċ-chewing gum

Id-deskrizzjoni

L-ingredjent ġdid tal-ikel huwa polimeru sintetiku (In-numru tal-privattiva WO2006016179). Hu ta’ kulur abjad li jagħti fl-off-white.

Jikkonsisti f’polimeri bi friegħi ta’ glikol tal-monometossipolietilen (MPEG) ittrapjantanti fuq poliisopren-graft-anidrid malejku (PIG-g-MA), u ta’ MPEG li ma jkunx irreaġixxa (inqas minn 35 % f’dak li hu piż).

Nru tal-CAS 1246080-53-4

Struttura molekulari tal-PIP-g-MA ttrapjantat bl-MPEG

Image

Image

Karatteristiċi ta’ esteri ta’ omopolimeru ta’ 2-metil, 1,3-butadjen trattat b’maleat u ta’ polietilenglikol monometil-etere/Nru CAS: 1246080-53-4

Umdità

inqas minn 5 %

Aluminju

inqas minn 3 mg/kg

Litju

inqas minn 0,5 mg/kg

Nikel

inqas minn 0,5 kg/kg

Anidride residwali

inqas minn 15 μmol/g

Indiċi tal-polidispersità

inqas minn 1,4

Isoprene

inqas minn 0,05 mg/kg

Ossidu tal-etilen

inqas minn 0,2 mg/kg

Anidride malejka ħielsa

inqas minn 0,1 %

Total ta’ oligomeri (inqas minn 1 000 Dalton)

mhux iktar minn 50 mg/kg

Glikol etileniku

inqas minn 200 mg/kg

Glikol dietileniku

inqas minn 30 mg/kg

Monoetilen glikol metil etere

inqas minn 3 mg/kg

Dietilen glikol metil etere

inqas minn 4 mg/kg

Trietilen glikol metil etere

inqas minn 7 mg/kg

1,4-Dijoksan

inqas minn 2 mg/kg

Formaldeid

inqas minn 10 mg/kg