7.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Awwissu 2012

li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda biex tiġi miġġielda l-influwenza avjarja fl-Italja fl-2011

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 5265)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(2012/459/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, qabel ma jittieħed impenn ta’ nfiq mill-baġit tal-Unjoni għandha tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u li tiġi adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet b’setgħat li ġew delegati lilhom mill-istituzzjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistabbilixxi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Sabiex tgħin biex tinqered l-influwenza avjarja malajr kemm jista’ jkun, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għal nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istati Membri. L-Artikolu 4(3), l-ewwel u t-tieni inċiżi, ta’ dik id-Deċiżjoni jistabbilixxi r-regoli dwar il-perċentwal li jrid jiġi applikat għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.

(3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2), jistabbilixxi regoli dwar in-nefqa eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/132/UE tal-15 ta’ Frar 2012 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fil-Ġermanja, l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi fl-2011 (3), ikkonċediet kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fl-Italja fl-2011. Fil-11 ta’ April 2012, ġiet ippreżentata talba uffiċjali għar-rimborż mill-Italja, kif stipulat fl-Artikoli 7(1) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(5)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandu jiġi soġġett għall-kundizzjoni li l-attivitajiet ippjanati kienu fil-fatt implimentati u li l-awtoritajiet ipprovdew it-tagħrif kollu meħtieġ fiż-żmien stipulat.

(6)

B’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u mingħajr dewmien, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri li ġew applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-notifika u l-qerda u r-riżultati tagħhom. Skont kif jitlob l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005, it-talba għar-rimborż tressqet flimkien ma’ rapport finanzjarju, dokumenti ta’ sostenn, rapport epidemjoloġiku dwar kull stabbiliment fejn l-annimali nqatlu jew inqerdu u r-riżultati tal-awditjar rispettiv.

(7)

L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-metodu għall-kalkolu tan-nefqa eliġibbli u l-konklużjonijiet finali ġew ikkomunikati lill-Italja fit-2 ta’ Mejju 2012. L-Italja qablet permezz ta’ e-Mail bid-data tat-2 ta’ Mejju 2012.

(8)

Konsegwentement, l-ammont totali tal-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli mġarrba b’rabta mal-qerda tal-influwenza avjarja fl-Italjafl-2011, issa jista’ jiġi stabbilit.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa marbuta mal-qerda tal-influwenza avjarja fl-Italja fl-2011 hija stabbilita għal EUR 133 190,48.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju, hija indirizzata lir-Repubblika tal-Italja.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 59, 1.3.2012, p. 34.