24.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/67


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/422/PESK

tat-23 ta' Lulju 2012

li tappoġġa proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28 u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà;

Billi:

(1)

L-Unjoni qed timplimenta b'mod attiv l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ADM) tat-12 ta' Diċembru 2012 u tagħti effett għall-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, bħal pereżempju li tagħmel il-multilateraliżmu aktar effettiv u li tippromwovi ambjent internazzjonali u reġjonali stabbli.

(2)

L-Unjoni hija impenjata lejn is-sistema multilaterali tat-trattati, li tipprovdi l-bażi legali u normattiva għall-isforzi kollha ta' non-proliferazzjoni. Il-politika tal-Unjoni hija li twettaq l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tan-normi eżistenti tan-non-proliferazzjoni u d-diżarm. L-Unjoni tassisti lill-pajjiżi terzi fit-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt konvenzjonijiet u reġimi multilaterali.

(3)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta’ Pariġi għall-Mediterran tat-13 ta’ Lulju 2008, li stabbilixxiet l-Unjoni għall-Mediterran affermat mill-ġdid l-aspirazzjoni komuni biex jinkisbu l-paċi kif ukoll is-sigurtà reġjonali kif ġie stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja tas-27-28 ta’ Novembru 1995, li, fost l-oħrajn, tippromwovi s-sigurtà reġjonali billi taġixxi favur in-non-proliferazzjoni nukleari, kimika u bijoloġika permezz ta' aderenza u osservanza ma' kombinazzjoni ta' reġimi internazzjonali u reġjonali favur in-non-proliferazzjoni u ftehimiet għall-kontroll tal-armi u d-diżarm bħat-Trattat dwar in-Non-proliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi, il-Konvenzjoni Komprensiva ta’ Projbizzjoni ta’ Testijiet Nukleari u/jew arranġamenti reġjonali bħal żoni ħielsa mill-armi nukleari, inklużi r-reġimi tagħhom ta' verifika, kif ukoll billi jiġu rispettati b'rieda tajba l-impenji tagħhom taħt konvenzjonijiet għall-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-non-proliferazzjoni.

(4)

Il-Partijiet għall-Unjoni għall-Mediterran ser jaħdmu għal Żona tal-Lvant Nofsani reċiprokament u effettivament verifikabbli ħielsa mill-ADM — nukleari, kimiċi u bijoloġiċi — u s-sistemi tat-twassil tagħhom. Barra minn hekk, il-partijiet ser jikkunsidraw passi prattiċi, fost l-oħrajn, għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta' armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi kif ukoll l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' armi konvenzjonali;

(5)

Fid-19-20 ta' Ġunju 2008, l-Unjoni Ewropea organizzat seminar f'Pariġi dwar ‘Is-sigurtà fil-Lvant Nofsani, in-Non-proliferazzjoni tal-ADM u d-Diżarm’, li laqqgħet flimkien rappreżentanti tal-Istati tar-Reġjun u tal-Istati Membri kif ukoll akkademiċi u aġenziji nazzjonali għall-enerġija nukleari. Il-parteċipanti ħeġġew lill-Unjoni biex tippromwovi t-tkomplija tad-dibattitu f'diversi fora, u biex gradwalment tgħaddi għal format aktar formali li jinkludi diskussjonijiet fost uffiċjali tal-Gvern, abbażi tal-Qafas ta' Barċellona, iżda li tagħmel dan f'format ġeografikament aktar inklużiv.

(6)

Il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010 enfasizzat l-importanza ta' proċess li jwassal għall-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tagħha tal-1995 dwar il-Lvant Nofsani (ir-Riżoluzzjoni tal-1995). Għal dak il-għan, il-Konferenza approvat passi prattiċi, inter alia, il-konsiderazzjoni tal-offerti kollha immirati lejn l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995, inkluż l-offerta tal-UE biex tospita seminar ta' segwitu relatat ma’ dak organizzat f'Ġunju 2008.

(7)

Il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010 għarfet ukoll ir-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili fil-kontribut għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995 u ħeġġet l-isforzi kollha f'dan ir-rigward.

(8)

Fis-6-7 ta' Lulju 2011, l-Unjoni organizzat seminar fi Brussell għall-’promozzjoni tat-tisħiħ tal-fiduċja u b'appoġġ għal proċess immirat biex jistabbilixxi żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani’, li ġabar flimkien rappreżentanti għolja ta' Stati tar-reġjun, it-tliet Stati despositarji tat-TNP, l-Istati Membri tal-Unjoni, Stati oħra interessati, kif ukoll akkademiċi u rappreżentanti uffiċjali tal-akbar organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali. Il-parteċipanti inkoraġġixxew bil-kbir lill-Unjoni biex tkompli tiffaċilita l-proċess lejn l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-ADM fil-Lvant Nofsani, inkluż permezz ta' aktar inizjattivi simili qabel il-Konferenza tal-2012 li għandha titlaqqa' mis-SĠNU u l-ko-sponsors tar-Riżoluzzjoni tal-1995.

(9)

Fl-14 ta' Ottubru 2011, is-Segretarjat Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Gvernijiet tal-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bħala ko-sponsors tar-Riżoluzzjoni tat-TNP tal-1995 dwar il-Lvant Nofsani u l-Istati depositarji tat-Trattat, f'konsultazzjoni mal-Istati tar-reġjun, ħatru lis-Sottosegretarju tal-Istat Jaakko Laajava bħala Faċilitatur, u għażlu lill-Finlandja bħala Gvern ospitanti għall-Konferenza tal-2012 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani).

(10)

Minn Novembru 2011 l-Unjoni kienet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Faċilitatur, u t-tim tiegħu sabiex tipprovdi aktar appoġġ għall-proċess immirat li jistabbilixxi żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Sabiex jingħata segwitu lis-seminar tal-2011 għall-’promozzjoni tat-tisħiħ tal-fiduċja u b'appoġġ għal proċess immirat biex jistabbilixxi żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani’, l-Unjoni għandha tappoġġa attivitajiet biex tippromwovi l-objettivi segwenti:

(a)

jingħata appoġġ lill-ħidma tal-Faċilitatur għall-Konferenza tal-2012 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani;

(b)

tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-Unjoni bħala attriċi globali u fir-reġjun tal-qasam tan-non-proliferazzjoni;

(c)

jiġi inkoraġġit id-djalogu politiku reġjonali u dak relatat mas-sigurtà fis-soċjetajiet ċivili u l-gvernijiet, u b'mod partikolari bejn l-esperti, l-uffiċjali u l-akkademiċi;

(d)

jiġu identifikati miżuri konkreti ta' bini tal-findiċja li jistgħu jservu ta' passi prattiċi lejn il-prospett ta' żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom;

(e)

tiġi inkoraġġita diskussjoni dwar l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tat-trattati internazzjonali rilevanti u strumenti oħra biex ma jkunx hemm proliferazzjoni tal-ADM u tas-sistemi tat-twassil tagħhom;

(f)

jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari u l-kooperazzjoni reġjonali f'dan ir-rigward.

2.   F'dan il-kuntest, il-proġetti li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandhom ikopru l-attivitajiet speċifiċi segwenti:

(a)

il-provvediment ta' mezzi għall-organizzazzjoni ta' avveniment ta' segwitu relatat mas-seminars tal-Unjoni tal-2008 u tal-2011, li għandu jsir qabel il-Konforenza tal-2012 fil-forma ta' seminar track-2;

(b)

il-provvediment ta' mezzi għat-tħejjija ta' dokumenti ta' informazzjoni dwar suġġetti ttrattati mis-seminar ta' segwitu;

(c)

il-provvediment ta' mezzi għall-ħolqien ta' paġna ddedikata fuq il-websajt tal-Konsorzju tal-Gruppi ta' Riflessjoni tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni;

(d)

il-provvediment ta' mezzi għall-parteċipazzjoni ta' esperti mhux governattivi mill-Unjoni, meta meħtieġ u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew tal-Azzjoni Esterna (SEAE), għal inizjattivi uffiċjali, mhux governattivi u track-2, bħall-Qafas Amman.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni, li għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti neċessarji mal-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 352 000.

2.   In-nefqa iffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni. Il-ftehim għandu jistipula li l-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni għandu jiżgura viżibbiltà tal-kontribut tal-Unjoni, xierqa għad-daqs tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjijin mill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż sa dakinhar.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


ANNESS

Proġetti li jappoġġaw proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani

1.   OBJETTIVI

Fid-Dikjarazzjoni ta' Barċellona tal-1995, adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja tas-27-28 ta’ Novembru 1995, l-Unjoni u l-Imsieħba Mediterranji tagħha qablu li jaħdmu għal żona tal-Lvant Nofsani effettivament verifikabbli ħielsa mill-armi ta’ distruzzjoni massiva (ADM) u s-sistemi tat-twassil tagħhom. Fl-2008, id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta' Pariġi għall-Mediterran ikkonfermat li l-Unjoni hi lesta tikkunsidra u tħejji passi prattiċi biex twitti t-triq għal implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tal-1995, tal-Konferenza ta’ Reviżjoni tat-TNP, dwar il-Lvant Nofsani (ir-Riżoluzzjoni tal-1995) u l-ħolqien ta' tali żona. Dawn il-passi prattiċi ġew l-ewwel eżaminati waqt is-Seminar tal-UE dwar "Is-Sigurtà, in-Non-proliferazzjoni tal-ADM u d-Diżarm fil-Lvant Nofsani" li sar f'Pariġi f'Ġunju 2008, u kienu sussegwentament identifikati fis-Seminar tal-UE għall-’promozzjoni tat-tisħiħ tal-fiduċja u b'appoġġ għal proċess immirat biex jistabbilixxi żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani’, li sar fi Brussell f'Lulju 2011.

Fil-fehma tal-Unjoni, għandhom jittieħdu passi prattiċi li, inter alia, jippromwovu l-adeżjoni u l-konformità universali mal-ftehimiet multilaterali u l-istrumenti kollha fil-qasam tan-non-proliferazzjoni, kontroll tal-armi u d-diżarm, bħat-Trattat dwar in-Non-proliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi, il-Konvenzjoni Komprensiva ta’ Projbizzjoni ta’ Testijiet Nukleari u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni ta’ Missili Ballistiċi kif ukoll il-Ftehimiet Komprensivi ta' Salvagwardja tal-IAEA u tal-Protokoll Addizzjonali. Il-bidu tan-negozjati dwar Trattat dwar il-Waqfien ta’ Materjal Fissili ikun pass ieħor kruċjali f'dan il-kuntest. Passi bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu miżura reġjonali importanti għall-bini tal-fiduċja bil-ħsieb tal-istabbiliment ta' żona verifikabbli ħielsa mill-ADM u s-sistemi tat-twassil tagħhom.

L-Unjoni tixtieq li tkompli u tintensifika d-djalogu politiku u fil-qasam tas-sigurtà fost is-sħab rilevanti tal-Unjoni għall-Mediterran u l-pajjiżi l-oħra kollha fil-Lvant Nofsani dwar kwistjonijiet relatati mal-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-ADM. L-Unjoni Ewropea temmen li l-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti għall-bini tal-fiduċja jistgħu jiffaċilitaw il-progress lejn żona ħielsa mill-ADM.

F'dan l-isfond ta' interess dejjem jiżdied fl-iżvilupp tal-enerġija nukleari għal użu paċifiku fir-reġjun, għandhom ukoll isiru sforzi sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' użi paċifiċi jseħħ f'konformità mal-aqwa standards tas-sikurezza, is-sigurtà u n-non-proliferazzjoni. L-Unjoni tkompli tappoġġa d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjoni dwar il-Lvant Nofsani adottati fil-Konferenza ta' Reviżjoni u Estensjoni tat-TNP tal-1995 kif ukoll id-Dokumenti Finali tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2000 u tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010. Il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010 approvat diversi passi prattiċi, li jinkludu, inter alia, it-tlaqqigħ ta' Konferenza tal-2012 għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva kif ukoll konsiderazzjoni tal-isforzi kollha immirati lejn l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-1995.

Wara s-suċċess tas-seminar tal-UE ta' Lulju 2011, l-Unjoni temmen li dawn l-objettivi jistgħu jiġu promossi permezz ta' seminar ieħor b'appoġġ għall-Konferenza tal-2012.

L-Unjoni tixtieq tappoġġa l-objettivi msemmijin hawn fuq, kif ġej:

permezz tal-organizzazzjoni ta' seminar ta' segwitu li għandu jsir qabel il-Konferenza tal-2012;

permezz tal-provvediment ta' mezzi għat-tħejjija ta' dokumenti ta' informazzjoni politika kkummissjonati lil esperti mir-reġjun u lil hinn sabiex jingħata appoġġ lis-seminar ta' segwitu;

permezz tal-provvediment ta' mezzi għall-ħolqien ta' paġna ddedikata fuq il-websajt tal-EU Non Proliferation Consortium (www.non-proliferation.eu);

permezz tal-provvediment ta' mezzi għall-parteċipazzjoni ta' esperti mhux governattivi mill-Unjoni, meta meħtieġ u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-SEAE, għal inizjattivi uffiċjali, mhux governattivi u track-2, bħall-Qafas Amman.

2.   DESKRIZZJONI TAL-PROĠETTI

2.1.   Proġett 1: Seminar b'appaġġ għal proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani qabel il-Konferenza tal-2012.

2.1.1.   Għan tal-proġett

(a)

provvediment ta' avveniment ta' segwitu relatat mas-Seminar tal-EU għall-’promozzjoni ta' proċess immirat biex jistabbilixxi żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani’ li sar fi Brussell fis-6-7 ta' Lulju 2011 fil-forma ta' laqgħa track-2 ġenerali, qabel il-Konferenza tal-2012;

(b)

diskussjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà reġjonali fil-Lvant Nofsani, inkluża l-proliferazzjoni tal-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom u kwistjonijiet konvenzjonali;

(c)

esplorazzjoni ta' miżuri possibbli għall-bini tal-fiduċja biex jiffaċilitaw il-proċess lejn l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani;

(d)

diskussjoni dwar possibbiltajiet biex jiġu universalizzati u implimentati trattati internazzjonali dwar in-non-proliferazzjoni u strumenti oħra;

(e)

esplorazzjoni ta' perspettivi għal kooperazzjoni nukleari paċifika u attivitajiet relatati ta' assistenza.

2.1.2.   Riżultati mistennija tal-proġett

(a)

appoġġ għall-Faċilitatur tal-Konferenza tal-2012 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani fil-perijodu ta' qabel u fl-organizzazzjoni ta' dak l-avveniment;

(b)

approfondiment tad-djalogu u ġenerazzjoni tal-fiduċja fis-soċjetà ċivili u l-gvernijiet sabiex isir aktar progress b'appoġġ għal proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani;

(c)

żieda fil-fehim reċiproku dwar kwistjonijiet li jolqtu x-xenarju tas-sigurtà reġjonali, inkluża l-proliferazzjoni tal-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom u kwistjonijiet konvenzjonali;

(d)

żieda fis-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-intendiment tal-passi prattiċi meħtieġa għall-istabbiliment ta' żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom;

(e)

kontribut għall-isforzi biex jiġu universalizzati u implimentati trattati internazzjonali dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm u strumenti oħra;

(f)

faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari f'konformità mal-aqwa standards tas-sikurezza, is-sigurtà u n-non-proliferazzjoni nukleari.

2.1.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-proġett jipprevedi l-organizzazzjoni ta' seminar wieħed ta' jumejn, li ser isir preferibbilment fi Brussell jew fir-reġjun tal-Lvant Nofsani. Il-parteċipanti ser jinkludu rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet relevanti tal-Unjoni, tal-Istati Membri tal-Unjoni, tal-pajjiżi kollha fil-Lvant Nofsani, tal-istati li għandhom armi nukleari, tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u esperti akkademiċi. Hu mistenni li jipparteċipaw madwar 150 rappreżentant.

Id-diskussjonijiet ser jitmexxew minn esperti akkademiċi. Minħabba s-sensittività tas-suġġetti li għandhom jiġu ttrattati, id-diskussjonijiet ser isiru skont ir-Regola ta' Chatham House sabiex ikun jsita' jsir dibattitu aktar informali u miftuħ mingħajr ma jiġi identifikat is-sors tal-informazzjoni mogħtija fil-laqgħa.

Il-parteċipanti u l-kelliema mistednin (akkademiċi u uffiċjali mhux tal-Unjoni) ser ikollhom l-ispejjeż tagħhom koperti: vjaġġar, akkomodazzjoni u per diems. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tipprevedi wkoll mezzi finanzjarji li jkopru l-ispejjeż l-oħra kollha, li jinkludu l-faċilità għall-konferenza, it-tagħmir, l-ikliet ta' nofsinhar u ta' filgħaxija, il-waqfiet għall-kafè. Il-lingwa operattiva tas-seminar ser tkun l-Ingliż.

Il-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni, f'konsultazzjoni mill-qrib mar-rappreżentant tar-RGħ u l-Istati Membri tal-Unjoni, ser jistieden il-parteċipanti għas-seminar u jħejji l-aġenda għall-konferenza.

Ser jitħejja rapport dwar il-laqgħat mill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni u jintbagħat lir-rappreżentant tar-RGħ u l-Faċilitatur. Ir-rapport jista' jiġi kondiviż mal-korpi rilevanti fl-Unjoni, il-pajjiżi kollha fil-Lvant Nofsani, il-pajjiżi l-oħra interessati, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.

2.2.   Proġett 2: Dokumenti ta' informazzjoni

2.2.1.   Għan tal-proġett

(a)

li jipprovdi sa 20 dokument ta' informazzjoni dwar suġġetti koperti mis-seminar b'appoġġ għal proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani;

(b)

li jipprovdi għodda biex wieħed jifhem ix-xenarju tas-sigurtà reġjonali, inkluża l-proliferazzjoni tal-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom u kwistjonijiet konvenzjonali;

(c)

li jidentifika miżuri possibbli għall-bini tal-fiduċja li jistgħu jservu ta' passi prattiċi lejn il-prospett ta' żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom;

(d)

li jidentifika modi biex isir aktar progress fl-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tat-trattati internazzjonali dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarm u strumenti oħra;

(e)

jidentifika perspettivi għal kooperazzjoni nukleari paċifika fil-kuntest tal-politika u l-ħtiġijiet fil-qasam tal-enerġija tal-pajjiżi.

2.2.2.   Riżultati mistennija tal-proġett

(a)

jagħti ideat u suġġerimenti lis-seminar b'appoġġ għal proċess ta' bini tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani u jikkontribwixxi biex issir diskussjoni ffukata u strutturata dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha;

(b)

iżid is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-fehim fis-soċjetajiet ċivili u l-gvernijiet tal-kwistjonijiet relatati ma' żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom fil-Lvant Nofsani;

(c)

jagħti alternattivi politiċi u/jew ta' politika operattiva lill-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġi ffaċiltat il-proċess lejn l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-ADM u l-mezzi tat-twassil tagħhom u s-sigurtà reġjonali fil-Lvant Nofsani.

2.2.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-proġett jipprevedi t-tħejjija ta' mhux aktar minn għoxrin dokument ta' informazzjoni ta' ħames sa għaxar paġni kull wieħed. Id-dokumenti ta' informazzjoni ser jitħejjew jew jiġu kkummissjonati mill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni u ma jirrappreżentawx neċessarjament il-fehmiet tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jew u tal-Istati Membri. Sejħa għal dokumenti bl-għan li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta' esperti mir-reġjun ser tiġi organizzata mill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni.

Id-dokumenti ta' informazzjoni ser ikopru s-suġġetti diskussi mis-seminar b'appoġġ għal proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta’ distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani. Kull dokument ser jinkwadra alternattivi politiċi u/jew ta' politika operattiva.

Id-dokumenti ta' informazzjoni ser jiġu ppreżentati lill-parteċipanti tas-seminar, il-korpi rilevanti fl-Unjoni u l-Istati Membri, il-pajjiżi kollha tal-Lvant Nofsani, il-pajjiżi l-oħra interessati, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti. Id-dokumenti ta' informazzjoni jistgħu jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni.

Id-dokumenti ta' informazzjoni jistgħu jinġabru flimkien f'volum wieħed għal pubblikazzjoni unika wara s-seminar.

2.3   Proġett 3: Ħolqien ta' paġna ddedikata fuq il-websajt tal-Konsorzju tal-Gruppi ta' Riflessjoni tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni;

2.3.1.   Għan tal-proġett

(a)

li jiġu inkoraġġiti d-diskussjoni u l-interazzjoni bejn l-uffiċjali tal-Gvern u s-soċjetà ċivili, NGOs u l-akkademja;

(b)

li tiġi stabbilita paġna ddedikata fejn il-gruppi ta' riflessjoni dwar in-non-proliferazzjoni jistgħu jaqsmu l-fehmiet u l-analsi indipendeti tagħhom dwar suġġetti koperti mis-Seminar.

2.3.2.   Riżultati mistennija tal-proġett

Jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' fehmiet u jiżdied il-kontribut tas-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-akkademja fil-proċess tal-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-ADM fil-Lvant Nofsani

2.3.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-proġett jipprevedi t-tħejjija ta' paġna ddedikata għal-laqgħa fil-websajt tal-Konsorzju tal-Gruppi ta' Riflessjoni tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni. Il-paġna ddedikata ser tippermetti t-tniżżil b'xejn tad-dokumenti rilevanti kollha, inklużi dokumenti mħejjija u ppubblikati għas-seminar u minn gruppi ta' riflessjoni independenti li għandhom imnejn jixtiequ jaqsmu r-riżultati ta' riċerka tagħhom dwar is-suġġetti koperti mis-seminar.

2.4   Proġett 4: Parteċipazzjoni ta' esperti mhux governattivi mill-Unjoni, meta meħtieġ u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-SEAE, f'inizjattivi uffiċjali, mhux governattivi u track-2, bħall-Qafas Amman. Finanzjament ta' inizjattiva tematika ad hoc rilevanti

2.4.1.   Għan tal-proġett

Li jiġu ggarantiti parteċipazzjoni adegwata u rappreżentazzjoni sħiħa tal-esperti tal-UE, inkluż permezz ta' finanzjament ta' inizjattivi tematiċi, f'inizjattivi uffiċjali, mhux governattivi u track-2, internazzjoni jew reġjonali fl-ambitu diġà mnedija (Qafas Amman), jew li għandhom jitnedew fil-futur qrib, bl-għan li jiġu megħjun il-proċess lejn l-sitabbiliment ta' żona ħielsa mill-ADM fil-Lvant Nofsani.

2.4.2.   Riżultati mistennital-proġett

Li jinġabru informazzjoni u pubblikazzjonijiet tematiċi, li jinżamm netwerk utli u li jiġi influwenzat pożittivament il-proċess ġenerali lejn l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-ADM fil-Lvant Nofsani.

2.4.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Li tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni ta' esperti mhux governattivi mill-Unjoni meta uffiċjali tal-Unjoni ma jattendux għall-inizjattivi uffiċjali, mhux governattivi u track-2, internazzjonali jew reġjonali fl-ambitu.

3.   TUL TA' ŻMIEN

It-tul ta’ żmien totali stmat għall-implimentazzjoni tal-proġetti hu ta’ 18-il xahar.

4.   BENEFIĊJARJI

Il-benefiċjarji ta' dan il-proġett huma:

(a)

il-pajjiżi fil-Lvant Nofsani;

(b)

pajjiżi interessati oħrajn;

(c)

lorganizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti;

(d)

is-soċjetà ċivili.

5.   ASPETTI PROĊEDURALI, KOORDINAZZJONI U L-KUMITAT TA' TMEXXIJA

Il-Kumitat ta' Tmexxija ser ikun magħmul minn rappreżentanti tar-RGħ u rappreżentanti tal-Entità Implimentattiva għal kull proġett speċifiku. Il-Kumitat ta' Tmexxija ser jirrevedi l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill regolarment, mill-anqas darba kull sitt xhur, inkluż permezz tal-użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi.

6.   ENTITAJIET IMPLIMENTATTIVI

L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser tkun fdata lill-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni.

Il-Konsorzju tal-UE għan-Non-Proliferazzjoni ser iwettaq l-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, huwa ser jikkoopera mar-RGħ, l-Istati Membri tal-UE, l-istati l-oħra parteċipanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali kif ikun adatt.