|
31.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 204/131 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW
tal-11 ta’ Lulju 2012
li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea
(2012/419/UE)
IL-KUNSILL EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 355(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Franċiża,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 355(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Kunsill Ewropew, fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru kkonċernat, li jadotta, b’unanimità u wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni, deċiżjoni li temenda l-istatus fir-rigward tal-Unjoni ta’ pajjiż jew territorju Daniż, Franċiż jew Olandiż imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu msemmi. |
|
(2) |
Permezz ta’ ittra tal-President tagħha bid-data tas-26 ta’ Ottubru 2011, ir-Repubblika Franċiża (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Franza”) talbet lill-Kunsill Ewropew biex jieħu deċiżjoni bħal din sabiex il-Majott, li attwalment għandha l-istatus ta’ pajjiż u territorju extra-Ewropew skont l-Artikolu 355(2) TFUE u li tidher hekk fl-Anness II tat-trattat imsemmi, ikollha l-istatus ta’ reġjun ultraperifiku, skont l-Artikolu 349 TFUE. |
|
(3) |
It-talba ta’ Franza ssegwi l-għażla tal-abitanti tal-Majott biex jersqu b’mod progressiv lejn il-metropoli, ikkonfermata permezz tar-referendum tad-29 ta’ Marzu 2009 li approva b’maġġoranza ta’ 95,2 % tal-voti l-proposta tat-trasformazzjoni tal-Majott f’dipartiment. Mill-31 ta’ Marzu 2011, il-Majott tikkostitwixxi għalhekk il-mitt dipartiment Franċiż u wieħed u l-ħames dipartiment Franċiż extra-Ewropew. |
|
(4) |
Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali strutturali u s-sitwazzjoni ġeografika tal-Majott għandhom il-karatteristiċi kollha, imsemmija fl-Artikolu 349 TFUE, ta’ reġjun ultraperifiku skont din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, għandha tiddaħħal referenza għall-Majott fl-Artikolu msemmi sabiex huwa jsir applikabbli globalment, kif ukoll fl-Artikolu 355(1) TFUE. |
|
(5) |
Il-bidla fl-istatus tal-Unjoni fir-rigward tal-Majott, li twieġeb għat-talba espressa demokratikament, għandha tikkostitwixxi pass koerenti lejn l-aċċess tal-Majott għal status qrib dak tal-metropoli, |
ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Mill-1 ta’ Jannar 2014, il-Majott ma tibqax pajjiż u territorju extra-Ewropew, li japplikaw għalih id-dispożizzjonijiet tar-raba’ parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (TFUE) u ssir reġjun ultraperiferiku skont l-Artikolu 349 TFUE.
Artikolu 2
It-TFUE huwa emendat kif ġej:
|
1. |
Fl-Artikolu 349, l-ewwel subparagrafu, it-terminu “tal-Majott” għandu jiddaħħal wara t-terminu “tal-Martinique”. |
|
2. |
Fl-Artikolu 355(1), it-terminu “għall-Majott” għandu jiddaħħal wara t-terminu “għall-Martinique”. |
|
3. |
Fl-Anness II, għandu jitħassar is-sitt punt. |
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kunsill Ewropew
Il-President
H. VAN ROMPUY