|
31.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 204/18 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Diċembru 2011
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra
(2012/418/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 79(3), l-Artikoli 91 u 100, l-Artikolu 192(1), l-Artikoli 194, 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-23 ta’ Marzu 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta’ Kummerċ u Koperazzjoni mar-Repubblika tal-Iraq. |
|
(2) |
Fis-27 ta' Ottubru 2009, il-Kunsill awtorizza modifiki għad-direttivi ta' negozjar, fuq proposta mill-Kummissjoni, biex b'hekk jittejjeb l-istatus tal-Ftehim billi jinbidel it-terminu "Kummerċ" bit-terminu "Sħubija" fit-titlu u billi jiġi stabbilit Kunsill ta' Koperazzjoni fuq livell ministerjali. |
|
(3) |
Il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jiġi ffirmat. Ċerti partijiet tal-Ftehim għandhom jiġu applikati provviżorjament, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu. |
|
(4) |
Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jaqgħu fl-ambitu tal-Parti Tlieta, Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala partijiet tal-Unjoni Ewropea, sakemm l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jinnotifikawx b'mod konġunt lill-Iraq li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda jintrabtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21, l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda għandhom jinfurmaw minnufih lill-Iraq bi kwalunkwe bidla fil-pożizzjoni tagħhom, li f'dan il-każ ikunu ser jibqgħu marbutin bid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim f'isimhom stess. L-istess japplika għad-Danimarka, f'konformità mal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness ma' dawk it-Trattati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna/persuni bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, l-Artikolu 2, u t-Titoli II, III, u V tal-Ftehim għandhom jiġu applikati provviżorjament, f'konformità mal-Artikolu 117 tal-Ftehim sal-punt biss fejn jikkonċerna kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Unjoni, mill-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-data li fiha l-Unjoni u l-Iraq ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri neċessarji għall-applikazzjoni provviżorja.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
M. DOWGIELEWICZ