18.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Lulju 2012

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta’ emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

(2012/401/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 189, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim taż-ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim taż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li, fost l-oħrajn, jemenda l-Protokoll 31 tiegħu.

(3)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet.

(4)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE sabiex tkopri r-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (3).

(5)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni li jinsab mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2012 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

ta’

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat permezz tal-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE ġie emendat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/… ta’… (1).

(2)

Sistema komprensiva ta’ monitoraġġ tad-dinja hija ta’ importanza ewlenija għall-ġestjoni sostenibbli tal-Ewropa tat-Tramuntana u tal-Arktiku.

(3)

In-Norveġja kkontribwixxiet għall-iżvilupp tal-programm Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Dinja (GMES), kemm fis-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) kif ukoll bħala membru tal-Aġenzija Spazjali Ewropea.

(4)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE sabiex tkopri r-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (2).

(5)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jippermetti din il-kooperazzjoni estiża anke wara l-1 ta’ Jannar 2012,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 6 huwa sostitwit minn dan li ġej:

“6.   L-evalwazzjoni u d-direzzjoni maġġura tal-attivitajiet fil-programmi qafas tal-attivitajiet tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku msemmija fil-paragrafi 5, 8a, 8c, 9 u 10 għandhom ikunu regolati bil-proċedura msemmija fl-Artikolu 79(3) tal-Ftehim.”.

(2)

Il-paragrafu li ġej huwa mdaħħal wara l-paragrafu 8b:

“8c.

(a)

L-Istati tal-EFTA għandhom, mill-1 ta’ Jannar 2012, jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill-att tal-Unjoni li ġej:

32010 R 0911: Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.).

(b)

L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarment għall-attivitajiet imsemmija taħt (a) b’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) tal-Ftehim u mal-Protokoll 32 tal-Ftehim.

(c)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ, mingħajr id-dritt ta’ vot, fil-kumitati kollha tal-Unjoni li jassistu l-Kummissjoni Ewropea fil-ġestjoni, żvilupp u implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija taħt (a), jiġifieri l-Kumitat GMES, il-Bord tas-Sigurtà u l-Forum tal-Utenti.

(d)

Dan il-paragrafu m’għandux japplika għal-Liechtenstein.

(e)

Fir-rigward tal-Islanda, dan il-paragrafu għandu jkun sospiż sakemm jiġi deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE (*).

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L …

(2)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1.

(*)  [M’hemm indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]