14.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/36


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Lulju 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2009/12/KE li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fid-Danimarka

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 4712)

(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

(2012/385/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 43(m), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/12/KE (2), ġie awtorizzat l-użu ta’ sitt metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fid-Danimarka.

(2)

Id-Danimarka stqarret li l-iżvilupp tat-tagħmir awtomatiku, AutoFom, f’verżjoni msejħa “verżjoni III” jiffavorixxi l-użu u l-kalibrazzjoni tiegħu mmirati lejn il-biċċeriji Daniżi. Għaldaqstant jinħtieġ li tinkiseb il-formula għal dan il-metodu ġdid.

(3)

Id-Danimarka talbet lill-Kummissjoni biex tawtorizza dan il-metodu ġdid għal klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fit-territorju tagħha u ppreżentat deskrizzjoni dettaljata tal-prova tad-dissezzjoni li tindika l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan il-metodu, tar-riżultati tal-prova tad-dissezzjoni u l-ekwazzjonijiet użati biex issir stima tal-perċentwal tal-laħam dgħif fil-Protokoll previst fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/2008 tal-10 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-iskali Komunitarji għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal, u tal-laħam tan-nagħaġ u r-rapportar tal-prezzjijiet tagħhom (3).

(4)

Eżami ta’ dik it-talba żvela li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ dawk il-metodi ta’ klassifikazzjoni huma ssodisfati. Dak il-metodu ta’ klassifikazzjoni għandu għaldaqstant jiġi awtorizzat fid-Danimarka.

(5)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2009/12/KE għandha tiġi emendata kif xieraq.

(6)

Il-modifiki tal-apparat jew il-metodi ta’ klassifikazzjoni ma għandhomx jiġu permessi, sakemm ma jkunux awtorizzati espliċitament bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2009/12/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1 jiżdied il-punt (g) li ġej:

“(g)

L-apparat “Automatic ultrasound instrument (AutofomIII)” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 7 tal-Anness.”

(2)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 6, 10.1.2009, p. 83.

(3)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 3.


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/12/KE, għandha tiżdied il-Parti 7 li ġejja:

Parti 7

STRUMENT TAL-ULTRASOUND AWTOMATIKU (AutoFOM III)

1.

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz ta’ apparat magħruf bħala “AutoFOM III”.

2.

L-apparat għandu jkun mgħammar b’sittax-il transdjuser ultrasoniku ta’ 2 MHz (Carometec A/S), b’distanza operattiva bejn it-transdjusers ta’ 25 mm. Id-dejta ultrasonika għandha tinkludi l-kejl tal-ħxuna tax-xaħam tad-dahar, il-ħxuna tal-muskolu u l-parametri relatati. Ir-riżultati tal-kejl jinqalbu fi stimi tal-perċentwali tal-laħam dgħif bl-użu tal-kompjuter.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Ŷ = 72,05017 – (1,31831 × R2P5) – (0,37231 × R2P10) – (0,36672 × R2P11) + (0,03146 × R3P3) + (0,05058 × R3P5) – (0,02641 × R4P8) – (0,06667 × R4P10) – (0,27698 × R4P11)

fejn:

Ŷ= il-perċentwali tal-laħam dgħif stmat f’karkassa,

R2p5, r2p10, r2p11, r3p3, r3p5, r4p8, r4p10 u r4p11 — huma ċ-ċifri varjabbli mkejla bl-AutoFOM III.

4.

Il-punti tal-kejl huma deskritti fil-Parti II tal-protokoll ippreżentat lill-Kummissjoni mid-Danimarka skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/2008 (*).

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 50 u 110 kg.