13.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/37


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ġunju 2012

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

(2012/375/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fuq talba mill-Irlanda, il-Kunsill taha, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE (2), assistenza finanzjarja bħala appoġġ għall-programm qawwi ta’ riforma ekonomika u finanzjarja (“il-Programm”) bil-għan li tinkiseb il-fiduċja mill-ġdid, u b’hekk l-ekonomija tkun tista’ tirritorna għal tkabbir sostenibbli, u li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni.

(2)

B’konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u b’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għamlet is-sitt reviżjoni tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll dwar l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dawk il-miżuri.

(3)

F’Settembru 2011, l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw lill-Parlament leġiżlazzjoni li ssaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, kif previst taħt il-Programm. Xi elementi tar-riforma prevista ma kinux adottati mill-Parlament sa tmiem is-sitt reviżjoni trimestrali msemmija hawn fuq, partikolarment, fir-rigward tad-drittijiet pensjonistiċi għal min jidħol ġdid fis-servizz pubbliku, inkluża reviżjoni ta’ irtirar aċċellerat għal ċerti kategoriji ta’ uffiċjali pubbliċi u indiċjar tal-pensjonijiet fuq il-prezzijiet tal-konsumatur, u l-irbit tal-benefiċċji pensjonistiċi mal-qligħ medju mill-karriera u tal-età tal-irtirar mal-età tal-irtirar għall-pensjoni tal-Istat. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom li jiżguraw l-approvazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sa tmiem l-2012.

(4)

Fid-dawl tal-posponiment tal-eżerċizzju tat-test tal-istress fl-UE kollha, li sar taħt l-awspiċi tal-Awtorità Bankarja Ewropea għall-2013, huwa meqjus xieraq li t-test tal-istress li jmiss tal-banek Irlandiżi li huma proprjetà Irlandiża jiġi pospost għall-2013. Sadanittant, l-awtoritajiet identifikaw flussi ta’ xogħol preparatorji prinċipali, li ser jitlestew fl-2012.

(5)

L-awtoritajiet Irlandiżi identifikaw miżuri addizzjonali li se jwettqu fl-2012 biex inaqqsu l-qgħad u jsostnu l-kisba tal-għanijiet tal-programm. B’mod partikolari, huma se jieħdu passi biex tiżdied l-effikaċja tal-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhom u tal-politika ta’ taħriġ tagħhom u biex inaqqsu kwalunkwe potenzjal għal pagamenti soċjali li jipprovdu diżinċentivi għal nies li huma kapaċi jaħdmu filwaqt li jipproteġu lil dawk l-aktar vulnerabbli.

(6)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi u konsiderazzjonijiet, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 7, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sabiex tiżdied l-età tal-pensjoni tal-Istat għal 66 sena fl-2014, 67 fl-2021, u 68 fl-2028, bl-għan li tissaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.”;

(2)

fil-paragrafu 8, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(f)

it-tlestija tal-flussi ta’ xogħol li ġejjin f’banek Irlandiżi li huma proprjetà Irlandiża, li abbażi tar-riżultati tagħhom l-awtoritajiet Irlandiżi se jirrapportaw lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-FMI: (i) analiżi indipendenti tal-kwalità tal-assi li tevalwa l-kwalità ta’ portafolji ta’ self aggregat u individwali u l-proċessi użati għall-istabbiliment u l-monitoraġġ tal-kwalità tal-assi; (ii) analiżi ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu biex ikunu valutati l-kapaċità u l-effikaċja operattivi tal-ġestjoni ta’ portafolji diffikultużi ta’ self fil-banek inklużi l-ġestjoni ta’ arretrati u l-prattiċi operattivi biex jissaħħu selfiet mhux produttivi (NPLs) u jitnaqqas it-telf tas-self; (iii) eżerċizzju ta’ validazzjoni tal-integrità tad-dejta biex tkun valutata l-affidabbiltà tad-dejta tal-banek; u (iv) proġett ta’ rikonoxximent ta’ introjtu u re-ageing biex jiġu riveduti l-prattiċi eżistenti meta mqabbla ma’ standards internazzjonali ta’ rappurtar finanzjarju (IFRS) u gwida regolatorja rilevanti;

(g)

il-valutazzjoni tal-progress tal-banek fl-operazzjoni ta’ portafolji mhux produttivi tagħhom;

(h)

il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-FMI ta’ evalwazzjoni tal-azzjonijiet meħuda fir-rigward ta’ riċevituri ta’ pagamenti ta’ dawk li jfittxu x-xogħol li ma jattendux għal intervisti sabiex jibdew jaħdmu;

(i)

it-tlestija ta’ rapport interdipartimentali biex ikun esplorat il-kuntest ta’ tnaqqis ta’ kwalunkwe inċentiv negattiv tal-impjieg li jirriżulta mill-istruttura ta’ pagamenti soċjali;

(j)

l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirriforma d-drittijiet pensjonistiċi għal ħaddiema li jidħlu ġodda fis-servizz pubbliku. Dan għandhu jinkludi reviżjoni tal-irtirar aċċellerat għal ċerti kategoriji ta’ uffiċjali pubbliċi u indiċjar tal-pensjonijiet mal-prezzijiet għall-konsumatur. Il-pensjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq introjti medji matul il-karriera. L-età tal-irtirar għal impjegati ġodda għandha tkun marbuta mal-età tal-irtirar għall-pensjoni tal-Istat.”;

(3)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“10.   Fl-2013 u skont l-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta’ Qbil, l-Irlanda għandha tlesti t-testijiet tal-istress tal-banek li kienu inklużi fil-PCAR tal-2011. It-test tal-istress se jkun allinjat mal-eżerċizzju tal- tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), u se jibni fuq ir-riżultati tal-PCAR tal-2011 u l-Programm ta’ Miżuri Finanzjarji tal-2012. It-test tal-istress se jkun rigoruż u jkompli jkun ibbażat fuq previżjonijiet qawwija ta’ self bit-telf u livell għoli ta’trasparenza. Il-pubblikazzjoni tar-riżultati se tkun kontemporanja mal-eżerċiżżju li jmiss tal-ABE.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)   ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(2)   ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.