29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/344/PESK

tat-23 ta’ Marzu 2012

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Albanija f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 218(5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-RGħ”),

Billi:

(1)

Il-kondizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibbli fil-ġejjieni, pjuttost milli dawk il-kondizzjonijiet jiġu definiti skont il-każ għal kull operazzjoni konċernata.

(2)

Wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fis-26 ta’ April 2010 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, ġie nnegozjat, mir-RGħ, ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Albanija f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet (“il-Ftehim”).

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Albanija fl-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 16(1) tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON