28.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 168/38 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-27 ta’ Ġunju 2012
li ttemm il-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
(2012/343/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. IL-PROĊEDURA
1. L-INIZJAZZJONI
(1) |
Fid-19 ta’ April 2011, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż li ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), (“avviż tal-bidu”), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-“RPĊ” jew il-“pajjiż ikkonċernat”). |
(2) |
Il-proċediment inbeda b’riżultat ta’ ilment ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2011 minn Solae Europe S.A. (“l-ilmentatur”) li jirrappreżenta biċċa kbira, f’dan il-każ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata (3). L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping tal-prodott imsemmi, kif ukoll ta’ ħsara materjali li tirriżulta minnu, u li tqieset biżżejjed sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment. |
2. IL-PARTIJIET IKKONĊERNATI MILL-PROĊEDIMENT
(3) |
Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bil-bidu tal-proċediment lill-ilmentatur, lill-produttur magħruf l-ieħor tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi u lir-rappreżentanti tar-RPĊ, lill-importaturi, lill-fornituri u lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet tagħhom. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jispjegaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika tal-bidu. |
(4) |
Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw smigħ. |
(5) |
Fejn kien xieraq ġew ikkunsidrati l-kummenti verbali u bil-miktub li ppreżentaw il-partijiet interessati. |
(6) |
Fid-dawl tal-għadd apparentament għoli ta’ produtturi esportaturi u importaturi mhux relatati tal-Unjoni, it-teħid ta’ kampjuni kien previst fin-notifika tal-bidu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ teħid ta’ kampjuni u, jekk ikun il-każ, biex tkun tista’ tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha u l-importaturi mhux relatati fl-Unjoni ntalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu, kif speċifikat fin-notifika ta’ bidu, tagħrif bażiku dwar l-attivitajiet tagħhom marbuta mal-prodott ikkonċernat fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2010 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-awtoritajiet tar-RPĊ ġew ikkonsultati wkoll fuq il-kampjun tal-produtturi esportaturi. |
2.1. IT-TEĦID TA’ KAMPJUN TAL-PRODUTTURI ESPORTATURI
(7) |
Għoxrin produttur esportatur taw l-informazzjoni mitluba fl-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjuni u offrew il-kooperazzjoni qabel l-iskadenzi. Il-volumi tal-bejgħ tal-UE rrapurtati minn dawn il-(gruppi ta’) produtturi esportaturi rrappreżentaw madwar 90 % tal-importazzjonijiet ikkonċernati fil-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-kooperazzjoni kienet meqjusa sostanzjali. |
(8) |
Minħabba l-għadd għoli ta’ (gruppi ta’) produtturi esportaturi li wrew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw, ġie deċiż li kien meħtieġ li jittieħed kampjun fir-rigward tal-produtturi esportaturi. |
(9) |
Il-Kummissjoni għażlet kampjun, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, ibbażat fuq l-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet li, b’mod raġonevoli, jista’ jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-kampjun magħżul inizjalment kien jikkonsisti f’żewġ gruppi ta’ kumpaniji relatati, li jirrappreżentaw inter alia ħames produtturi individwali u 40 % sa 50 % tal-volum tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-UE fil-perjodu tal-investigazzjoni. Wara li waslu indikazzjonijiet li aktarx dawn iż-żewġ gruppi se jkollhom jiġu ttrattati bħala entità waħda għall-għan tal-istabbiliment ta’ dazju anti-dumping (ara l-premessa 41), il-kampjun ġie estiż biex jinkludi t-tielet grupp ta’ produtturi esportaturi, sabiex b’hekk jirrappreżenta 45 % sa 60 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet Ċiniżi ġew ikkonsultati dwar l-għażla inizjali kif ukoll dwar l-espansjoni ta’ wara tal-kampjun. Żewġ produtturi esportaturi relatati oġġezzjonaw l-espansjoni tal-kampjun billi argumentaw li, jekk il-kampjun jiġi estiż, huma jkunu jikkwalifikaw aħjar bħala t-tielet grupp ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Għandu jkun enfasizzat li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-kampjun ġdid propost kien magħmul minn tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi bl-akbar volumi tal-bejgħ tal-UE tal-prodott ikkonċernat fil-PI. Barra minn hekk, il-volumi tal-bejgħ fl-UE tal-prodott ikkonċernat matul il-PI taż-żewġ produtturi relatati li saħqu li kellhom jintgħażlu bħala t-tielet grupp, kienu żgħar ħafna, u jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-volumi korrispondenti tat-tielet grupp magħżul. Għalhekk, ġie kkonfermat li r-rappreżentattività tal-kampjun estiż kienet moqdija l-aħjar bit-tliet gruppi proposti. Ma tqajmux iktar oġġezzjonijiet. |
2.2. TEĦID TA’ KAMPJUN TAL-IMPORTATURI
(10) |
Wara li ġiet eżaminata l-informazzjoni mressqa, u minћabba l-għadd kbir ta’ importaturi li indikaw li kienu lesti li jikkooperaw, ġie deċiż li kien meħtieġ kampjun fil-każ tal-importaturi mhux relatati. |
(11) |
Seba’ importaturi mhux relatati, li jirrappreżentaw 20 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni, qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Tliet importaturi, li jirrappreżentaw madwar 17 % tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ u kważi 90 % tal-importazzjonijiet tal-importaturi li kkooperaw, intgħażlu fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-għażla tal-kampjun. Ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni. Wieħed mill-importaturi fil-kampjun ma kompliex jikkoopera u ma pprovdiex tweġiba għall-kwestjonarju. |
2.3. IT-TWEĠIBIET TAL-KWESTJONARJU U L-VERIFIKI
(12) |
Sabiex il-gruppi fil-kampjun tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ jkunu jistgħu jitolbu trattament tal-ekonomija tas-suq (“TES”) jew trattament individwali (“TI”), f’każ li jkunu jixtiequ, il-Kummissjoni bagħtitilhom formoli ta’ applikazzjoni għal TES/IT. F’dan ir-rigward, iż-żewġ gruppi ta’ kumpaniji fil-kampjun talbu TES skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, filwaqt li l-grupp ta’ kumpaniji l-ieħor fil-kampjun talab TI skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. |
(13) |
Intbagħtu wkoll formoli għal TES/TI lill-(gruppi ta’) produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kienu ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jitolbu eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. |
(14) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kif ukoll lill-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kienu ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jitolbu eżami individwali, lill-ilmentatur u lill-produttur tal-Unjoni l-ieħor magħruf, lill-importaturi li kienu fil-kampjun, u lill-utenti kollha magħrufa. |
(15) |
Wara li talbet informazzjoni mingħand produtturi fil-pajjiżi analogi possibbli tal-Brażil, l-Iżrael u l-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”), il-kwestjonarji ntbagħtu wkoll lill-produtturi fil-Brażil u l-Iżrael li kienu offrew li jikkooperaw bl-iskop li jiġi stabbilit il-valur normali għall-kumpaniji li ma setgħux jingħataw TES (ara l-premessi 60 sa 64 hawn taħt). |
(16) |
Waslu tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju mit-tliet gruppi fil-kampjun tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ, minn produttur Brażiljan wieħed, produttur Iżraeljan wieħed, produttur wieħed tal-Unjoni (b’faċilità tal-produzzjoni waħda fil-Belġju u oħra fid-Danimarka), żewġ importaturi (minn tlieta) fil-kampjun u erba’ utenti fl-UE. Produttur Brażiljan ieħor bagħat tweġiba mhux kompluta. |
(17) |
Barra dan, waslu talbiet għal eżami individwali (“EI”) skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku mingħand produttur esportatur wieħed mhux fil-kampjun (“l-applikant A”) u grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi relatati mhux fil-kampjun (flimkien “applikant B”) (4). Wara li ġie analizzat it-tagħrif imressaq mill-partijiet fil-kampjun, kif ukoll dawn it-talbiet inklużi l-kwestjonarji mimlija kif suppost, ġie meqjus li l-għadd ta’ (gruppi ta’) produtturi esportaturi li kellu jiġi investigat fil-kampjun biss kien tant kbir li EI addizzjonali kienu jkunu ta’ piż mhux mistħoqq u kienu jipprevjenu t-tlestija tal-investigazzjoni fiż-żmien dovut. Għalhekk, l-applikanti ġew infurmati li t-talba tagħhom għal eżami individwali kienet miċħuda. |
(18) |
L-applikant B kkontesta din id-deċiżjoni li ma tiġix ikkunsidrata t-talba tiegħu għal EI. Fl-opinjoni tiegħu dan ir-rifjut ikun kontra l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim ta’ Anti-dumping (“ADA”), kif interpretat reċentement mill-Korp tar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fil-każ tal-qfieli (5). It-tieninett, dan ir-rifjut ikun kontra l-prinċipju fundamentali tal-proporzjonalità. |
(19) |
Fir-rigward tal-ewwel argument, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-Artikolu 6.10 tal-ADA jippermettu espliċitament li l-awtorità investigattiva ma tqisx it-talbiet għal EI jekk l-għadd ta’ esportaturi u/jew produtturi involuti ikun tant kbir li dan l-eżerċizzju ma jkunx prattikabbli. Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-każ tal-qfieli għamilha ċara li t-talbiet fil-ħin għal EI għandhom “bħala regola” jiġu aċċettati sakemm dan ma jkunx “ta’ piż mhux mistħoqq” (6). F’dan il-każ, il-verifika tar-risposti għall-kwestjonarju u t-tweġibiet għall-formoli tat-talba għal TES tal-applikanti għal EI tkun tinvolvi investigazzjonijiet fil-post f’kumpanija waħda (l-applikant A) u żewġ kumpaniji oħra (dawk li jiffurmaw parti mill-applikant B). Matul dawn l-investigazzjonijiet fil-post, għandha tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(c) kif ukoll ir-rapporti ta’ dawn l-entitajiet kollha dwar l-istruttura, l-ispejjeż (inklużi l-ispejjeż tal-produzzjoni u x-xiri), il-bejgħ u l-profitabilità. Minħabba l-għadd kbir ta’ entitajiet fil-kampjun li diġà ġew investigati, biex jiżdied applikant addizzjonali kien ikun tabilħaqq ta’ piż mhux mistħoqq u kien jipperikola serjament it-tlestija tal-investigazzjoni fiż-żmien dovut. Għalhekk, id-deċiżjoni biex dawn it-talbiet għal eżami individwali ma jiġux aċċettati hija ġġustifikata bil-liġi u ma tiksirx il-prinċipju tal-proporzjonalità. |
(20) |
Wara li ġie infurmat li EI ikun wisq tassattiv, l-applikant B aktar tard ippropona li jirtira t-talba tiegħu għal TES jekk minflok jiġi eżaminat għal TI. Minħabba li allega li għamel biss tranżazzjoni ta’ esportazzjoni waħda żgħira matul il-PI u li mhux se jitlob aktar TES, huwa argumenta li l-Kummissjoni mhux se jkollha għalfejn tagħmel verifika fuq il-post fir-RPĊ biex tiddeċiedi dwar id-dumping u li jkun biżżejjed li tivverifika dik it-transazzjoni ta’ esportazzjoni waħda waqt il-verifika tat-tweġiba għall-kwestjonarju tal-ilmentatur fl-UE. Fuq din il-bażi, l-esportatur argumenta illi l-għoti ta’ eżami individwali ma jkunx ta’ piż. |
(21) |
Madankollu, jekk tingħata EI, ikun jeħtieġ issir verifika fuq il-post tal-applikant B, billi mingħajr verifika fuq il-post fir-RPĊ taż-żewġ produtturi fil-grupp, l-eżistenza ta’ bejgħ ieħor lejn l-UE matul il-PI ma tistax tiġi eskluża. Din il-verifika kienet tkun ta’ piż mhux mistħoqq minħabba d-daqs tal-kampjun bi tliet gruppi kbar ta’ kumpaniji. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda. |
(22) |
Id-deċiżjoni li mhux se jiġu aċċettati t-talbiet għal trattament individwali nżammet. Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, ġie deċiż definittivament li t-talbiet għal eżami individwali ma kinux se jintlaqgħu peress li kieku l-investigazzjoni tkun ta’ piż ikbar milli hemm bżonn u jżommu l-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin. |
(23) |
Il-Kummissjoni talbet u vverifikat l-informazzjoni kollha li tqieset meħtieġa biex jiġi determinat id-dumping, il-ħsara li rriżultat jew it-theddida tal-ħsara, u l-interess tal-Unjoni. Saru żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:
|
3. IL-PERJODU TAL-INVESTIGAZZJONI
(24) |
L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-2007 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu meqjus”). |
4. IS-SEJBIET FL-ISTADJU INTERIM
(25) |
Fl-istadju interim tqies li l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji ma tkunx xierqa, b’mod partikolari minħabba l-bżonn li titkompla l-analiżi tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata mir-RPĊ u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. |
5. IL-PROĊEDURA SUSSEGWENTI
(26) |
Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jiġu imposti l-miżuri provviżorji (“l-iżvelar interim”), diversi partijiet interessati għamlu sottomissjonijiet bil-miktub sabiex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. |
(27) |
Il-Kummissjoni kompliet tfittex l-informazzjoni li kien jidhrilha meħtieġa għas-sejbiet finali tagħha. Minbarra l-verifiki msemmija fil-premessa 23 hawn fuq, saret verifika oħra fil-post ta’ Kerry fi Bristol, ir-Renju Unit, wieħed mill-importaturi u l-utenti tal-proteini tas-sojja li kkooperaw fl-investigazzjoni. |
B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
1. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT
(28) |
Il-prodott ikkonċernat ġie definit fl-avviż ta’ notifika bħala prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata, li 65 % jew aktar mill-piż tagħhom ikun proteini (N × 6,25), ikkalkulat fuq il-piż niexef bl-esklużjoni tal-vitamini, il-minerali, l-amino aċidi u l-addittivi tal-ikel miżjuda, li joriġinaw fir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat” jew “CCSPP”) u li bħalissa għandu l-kodiċi NM ex 2106 10 20, ex 2106 90 92, ex 2309 90 10, ex 2309 90 99 (ex 2309 90 96 mill-1 ta’ Jannar 2012) u ex 3504 00 90. |
(29) |
Fi ħdan l-ambitu tal-prodott ta’ hawn fuq, żewġ gruppi ewlenin ta’ prodotti jistgħu jiġu ddistingwiti: (i) konċentrati tal-proteina tas-sojja (“SPCs” jew “konċentrati” inklużi konċentrati sempliċi/bażiċi u konċentrati pproċessati ulterjorment), li jkollhom kontenut ta’ proteina ta’ aktar minn 65 % iżda inqas minn 90 %; u (ii) proteini tas-sojja iżolati (“ISPs” jew “iżolati”), li jkollhom kontenut ta’ proteina ta’ 90 % jew aktar. |
(30) |
Ġie stabbilit ukoll li filwaqt li l-konċentrat sempliċi huwa prodott pjuttost bażiku b’valur miżjud baxx, l-iżolati u l-konċentrati ipproċessati ulterjorment jeħtieġu sostanzjalment aktar ipproċessar u għalhekk huma prodotti b’valur miżjud ogħla. |
(31) |
L-ambitu tal-prodott kif deskritt hawn fuq jinkludi wkoll konċentrati sempliċi (mhux ipproċessati ulterjorment) għall-għalf tal-annimali. Dawn ġew prodotti fil-perjodu meqjus fl-UE minn impjant wieħed tal-ilmentatur li jinsab fi Franza u minn kumpanija oħra, ADM, ibbażata fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
(32) |
Wara l-iżvelar interim il-ilmentatur talab bidla fl-ambitu tal-prodott billi jiġu eliminati l-konċentrati użati għall-għalf tal-annimali. L-ilmentatur oppona l-approċċ propost fid-dokument interim u argumenta li l-esklużjoni tad-dejta mill-impjant Franċiż li għalaq fl-2009 (i.e. fin-nofs tal-perjodu meqjus) irriżultat f’inkonsistenza fid-dejta li jifdal (bid-dejta ta’ ADM inkluża). Konsegwentament, il-bejgħ u s-sehem tas-suq ta’ produtturi tal-UE tal-prodott taħt l-investigazzjoni kienu artifiċjalment minfuħa. |
(33) |
L-ilmentatur argumenta li minħabba d-domanda relattivament stabbli, xi wħud mill-provvisti mill-impjant Franċiż Solae sakemm għalaq fl-2009 kienu meħuda mill-kompetitur tagħhom fl-UE, ADM. Konsegwentement, l-esklużjoni tad-dejta tal-impjant Franċiż wasslet għal paragun qarrieqi tad-dejta tas-sena 2008, meta ADM kellha biss sehem iżgħar mis-suq tal-konċentrati tal-annimali, ma’ dik tal-PI, meta AMD kellha sehem ferm akbar minn dak is-suq. |
(34) |
B’mod partikolari, l-ilmentatur ipprovda informazzjoni dwar id-differenzi tekniċi u kimiċi bejn il-konċentrati għall-għalf tal-annimali fuq naħa waħda u iżolati u konċentrati oħrajn min-naħa l-oħra. Apparti dan, jintużaw kanali ta’ distribuzzjoni differenti għal dawn is-sottogruppi. Barra minn hekk, il-konċentrati għall-għalf tal-annimali għandhom kodiċi NM differenti minn konċentrati oħra (għall-ikel) u l-iżolati. |
(35) |
Wara s-sottomissjoni tal-ilmentatur, esportatur wieħed ma qabilx mat-talba li jiġi llimitat l-ambitu tal-prodott. Madankollu, dan l-esportatur ma fehemx it-talba u kien ħaseb li t-talba kienet li jiġu esklużi l-konċentrati tal-proteina tas-sojja kollha, filwaqt li, fil-fatt, din tirreferi biss għal SPC sempliċi għall-għalf tal-annimali. Barra minn hekk, l-esportatur ma tax raġunament fattwali għaliex it-talba ma kinitx tkun iġġustifikata. |
(36) |
Huwa nnota wkoll li, abbażi tal-informazzjoni miġbura fl-investigazzjoni, l-importazzjonijiet tal-konċentrati tal-proteina tas-sojja għall-għalf tal-annimali jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-importazzjonijiet totali Ċiniżi fl-Unjoni tal-prodott taħt l-investigazzjoni (kif definit oriġinarjament). |
(37) |
Minħabba dawn ta’ hawn fuq u, partikolarment, id-differenzi ċari — tekniċi, kimiċi u relatati mas-suq — huwa meqjus xieraq li l-ambitu tal-prodott jiġi limitat billi jiġu esklużi t-tipi ta’ konċentrati tal-proteina tas-sojja sempliċi użati fl-għalf tal-annimali. Konsegwentement, il-prodott ikkonċernat huwa l-prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata, esklużi dan it-tip ta’ prodotti użati fl-għalf ta’l-annimali, u li 65 % jew iktar mill-piż tagħhom ikun proteini (N × 6,25) ikkalkulat fuq il-piż niexef bl-esklużjoni tal-vitamini, il-minerali, l-amino aċidi u l-addittivi tal-ikel miżjuda, li joriġinaw fir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat” jew “CCSPP”) u li bħalissa għandu l-kodiċi NM ex 2106 10 20, ex 2106 90 92 u ex 3504 00 90. |
(38) |
Il-prodott ikkonċernat jintuża l-aktar fl-industrija tal-ikel fl-applikazzjonijiet tal-laħam u sostituti tal-laħam. Applikazzjonijiet oħra tal-laħam jinkludu taħlita għal fuq l-insalata, sopop, trabijiet tax-xorb, bars tal-enerġija, sostituti tal-ħalib, deżerti ffriżati, krema maħbuta, formoli tat-tfal, ħobż, ċereali għall-fatra, għaġin eċċ. Minħabba l-funzjonalitajiet tiegħu, il-prodott ikkonċernat għandu wkoll xi applikazzjonijiet speċifiċi inklużi l-adeżivi, asfalt, rażi, materjali tat-tindif, kożmetiċi, linka, ġilda, żebgħa, kisjiet tal-karti, pestiċidi/fungiċidi, plastik, poliesteri u fibri tat-tessuti. |
(39) |
Minkejja xi differenzi fl-applikazzjonijiet finali possibbli, it-tipi differenti tal-prodott ikkonċernat, konċentrati u iżolati, kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi. Għalhekk jitqiesu li jikkostitwixxu prodott wieħed u uniku. |
2. IL-PRODOTT SIMILI
(40) |
Il-prodott ikkonċernat u ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata, prodotti u mibjugħa fis-suq domestiku tar-RPĊ u fis-suq domestiku tal-Brażil, li serva b’mod provviżorju bħala pajjiż analogu, kif ukoll ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata, prodotti u mibjugħa fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, instabu li għandhom l-istess karatteristiċi u użi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi. Għalhekk, dawn il-prodotti jitqiesu simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
C. ID-DUMPING
1. IR-RELAZZJONI BEJN IL-GRUPP SINOGLORY U L-GRUPP GUSHEN
(41) |
Il-produtturi esportaturi fil-kampjun kienu Shandong Crown Soya Protein Co. Ltd. u l-kumpaniji relatati tagħha (“il-grupp Crown”), Gushen Biological Technology Group Co. Ltd u l-kumpaniji relatati tagħha (“il-grupp Gushen”) u Sinoglory Health Food Co. Ltd u l-kumpaniji relatati tagħha (“il-grupp Sinoglory”). Fi stadju bikri tal-investigazzjoni ġie kkunsidrat li kien hemm mnejn li l-grupp Gushen u l-grupp Sinoglory grupp jkollhom jiġu ttrattati bħala esportaturi relatati. Madankollu, wara l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-esportaturi kkonċernati, ġie deċiż finalment li l-grupp Gushen u l-grupp Sinoglory ikunu kkunsidrati bħala entitajiet separati għall-għanijiet ta’ din l-investigazzjoni. |
2. TRATTAMENT TA’ EKONOMIJA TAS-SUQ (“TES”)
(42) |
Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi minn 1 sa 6 tal-Artikolu msemmi għal dawk il-produtturi li nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. |
(43) |
Fil-qosor, u għall-faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji ġew stabbiliti fil-forma mqassra hawn taħt:
|
(44) |
It-TES ġie ddikjarat mill-grupp Crown u l-grupp Sinoglory. |
(45) |
Għaż-żewġ gruppi, Crown u Sinoglory, il-Kummissjoni talbet l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa u vverifikat l-informazzjoni mressqa fil-formoli ta’ talba għat-TES u kull informazzjoni oħra li qieset meħtieġa, fl-istabbilimenti tal-kumpaniji kkonċernati. |
(46) |
L-investigazzjoni stabbiliet li ż-żewġ gruppi ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku biex jingħataw TES. |
(47) |
Partikolarment, il-kumpaniji miż-żewġ gruppi naqsu milli jissodisfaw il-kriterji 1, 2, u 3. |
L-EWWEL GRUPP
(48) |
Fil-każ ta’ Grupp wieħed, wieħed mill-produtturi fil-grupp ma ssodisfax il-kriterju 1 minħabba l-eżistenza ta’ obbligu li jbigħ il-prodotti kollha tiegħu fis-suq internazzjonali. Għalkemm il-kumpanija saħqet li din id-dispożizzjoni ma kinitx vinkolanti, il-kumpanija effettivament qatt ma biegħet fis-suq domestiku (bl-eċċezzjoni ta’ bejgħ żgħir fl-2007). Rigward il-kriterju 2, instabu diversi problemi tal-kontabilità għaż-żewġ produtturi fil-grupp. Barra minn hekk, waħda mill-kumpaniji fil-grupp ma ssottomettietx il-formola tat-talba għal TES. Barra minn hekk, kumpanija waħda fil-grupp tikri parti mill-art tagħha mingħajr l-ebda reġistru tad-dħul mill-kera fil-kontijiet tagħha billi ma nħarġet l-ebda fattura jew prova tal-ħlas għal dawn il-ħlasijiet. Meta ttrasferiet għal sit tal-produzzjoni ġdid u parti mill-apparat tagħha sar inattiv, ma sar l-ebda test għall-ħsara. Fl-aħħarnett, meta waħda mill-kumpaniji fil-grupp xtraw biċċa art ġdida, hija rċeviet trasferiment mill-gvern biex jintuża bħala kumpens għan-nies tar-raħal li kellhom jiċċaqalqu. Madankollu, dan il-ħlas ma ntużax għal dak l-iskop imma biex jitnaqqas il-kost tad-dritt għall-użu tal-art. Rigward il-kriterju 3, iż-żewġ produtturi fil-grupp ipartu l-materja prima minn fornitur komuni mingħajr kwalunkwe dokumentazzjoni jew reġistri xierqa, fuq il-bażi ta’ arranġamenti informali ħafna mingħajr ebda aġġustamenti għad-differenzi fil-prezzijiet jew miżati: din hija forma ta’ kummerċ bit-tpartit. Barra minn hekk, produttur wieħed seta’ juża l-art li hija proprjetà tal-azzjonist maġġoritarju tagħha mingħajr kwalunkwe ħlas għal bosta snin. Skont dik il-kumpanija, dan kien possibbli minħabba li d-drittijiet tal-użu tal-art relatati kienu ġew akkwistati għal prezz baxx ħafna mill-kumpanija prinċipali fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tagħha. |
(49) |
Wara li ġew żvelati r-riżultati dettaljati tat-TES u l-iżvelar interim, il-grupp tenna l-istqarrijiet ta’ qabel li wieħed miż-żewġ produtturi ma għandux jitqies bħala marbut legalment mal-bqija tal-grupp. Madankollu, rigward din il-pretensjoni, instab li ż-żewġ produtturi kienu jsegwu strateġija kummerċjali u industrijali kkoordinata flimkien mal-bqija tal-grupp, inklużi prattiċi kummerċjali ta’ tpartit imsemmija fil-premessa 48 hawn fuq. Il-pretensjoni hija għalhekk miċħuda. |
(50) |
Il-grupp stqarr ukoll li r-restrizzjoni fuq il-bejgħ għal wieħed mill-produtturi tiegħu kienet imsemmija biss fl-Artikoli tal-Assoċjazzjoni, u mhux fil-liċenzja tan-negozju jew iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni. Skont il-kumpanija, ir-restrizzjoni għalhekk ma kinitx vinkolanti. Barra minn hekk, saħaq li l-kumpanija li ma kinitx bagħtet formola ta’ talba għat-TES ma kinitx kumpanija tal-produzzjoni jew tal-kummerċ iżda pjuttost aġent tal-ħlas u li dak il-grupp kien għamel mill-aħjar biex jipprovdi l-informazzjoni kollha disponibbli. |
(51) |
Madankollu, kif imsemmi hawn fuq, il-produttur ikkonċernat ikkonforma biċ-ċar mar-restrizzjoni fuq il-bejgħ. Barra minn hekk, l-Artikoli tal-Assoċjazzjoni huma parti mid-dokumenti li huma sottomessi għall-approvazzjoni lill-awtoritajiet meta titwaqqaf il-kumpanija u għalhekk huwa ċar li l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti jifforma l-bażi għal operazzjonijiet attwali tal-kumpanija. Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-kumpanija li ma ssottomettietx formola tat-talba għal TES, instab li din il-kumpanija kienet fil-fatt involuta f’ċerti aspetti marbuta mal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u, għalhekk, kien messha tressaq formola ta’ talba għal TES. Għalhekk, dawn iż-żewġ pretensjonijiet mhumiex aċċettati. |
IT-TIENI GRUPP
(52) |
Fil-każ tal-grupp l-ieħor, wieħed mill-produtturi esportaturi kien ukoll suġġett għal limitazzjoni tal-bejgħ tiegħu, fejn 70 % tal-produzzjoni tiegħu għandu jinbiegħ għall-esportazzjoni, u għalhekk ma kkonformax mal-kriterju 1. Rigward il-kriterju 2, instabu għadd ta’ problemi li jikkonċernaw id-deprezzament tal-assi u bidliet fil-politiki tal-kontabilità. Rigward il-kriterju 3, il-valur attribwit għal żewġ biċċiet ta’ art fil-kontijiet ta’ waħda mill-kumpaniji jvarja b’mod sinifikanti, u huwa meqjus li bl-akkwist ta’ biċċa art bi prezz li biċ-ċar huwa inqas mill-valur tas-suq, il-kumpanija rċeviet sussidju moħbi. Barra minn hekk, kumpanija oħra fil-grupp ibbenefikat minn kiri b’xejn ta’ biċċa art għal sena u akkwistat id-drittijiet tal-użu tal-art għal prezz aktar baxx mill-valur tas-suq. Finalment, kien hemm numru ta’ garanziji bejn il-grupp li ma ġewx żvelati fin-noti għall-kontijiet, bi ksur tal-IAS 24. |
(53) |
Wara li ġew żvelati r-riżultati dettaljati tat-TES u l-iżvelar interim, il-grupp saħaq li l-bejgħ de facto taż-żewġ produtturi ma kienx suġġett għal xi restrizzjoni fuq il-bejgħ. Skont il-kumpaniji, il-fatt li l-volumi tal-esportazzjoni rispettivi tagħhom kienu konformi mar-restrizzjonijiet fl-Artikoli tal-Assoċjazzjoni tagħhom kien biss minħabba l-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-proteina tas-sojja. Huma enfasizzaw li dawn id-disposizzjonijiet restrittivi kienu tneħħew minn dawn it-testi malajr wara l-PI. Barra minn hekk, rigward il-kriterju 2, il-grupp saħaq li apparti żbalji żgħar tal-kontabilità, huwa kien kompletament konformi mal-GAAP Ċiniż li huma għandhom jimplimentaw minflok l-IAS. Fir-rigward tad-drittijiet tal-użu tal-art, il-grupp saħaq li l-valur differenti ta’ dawn il-biċċtejn art kien minħabba l-ispejjeż ta’ livellar ta’ waħda minnhom. Fl-aħħar nett, ġie enfasizzat li l-kiri b’xejn ta’ biċċa art oħra kien minħabba dewmien amministrattiv qabel ma seta’ effettivament jiġi akkwistat id-dritt għall-użu tal-art u li, xorta waħda, il-valur tal-eżenzjoni kien biss wieħed żgħir jekk jiġi mqabbel mad-dħul operattiv tal-kumpanija. |
(54) |
Rigward il-kriterju 1, l-Artikoli tal-Assoċjazzjoni huma parti mid-dokumenti li huma sottomessi lill-awtoritajiet u approvati meta titwaqqaf il-kumpanija. Il-fatt li l-kumpanija kkonformat mar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ jitqies li hu minħabba rekwiżit biex din tagħmel hekk u huwa ċar li l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti jifforma l-bażi għall-operazzjonijiet attwali tal-kumpanija. Barra minn hekk, huwa enfasizzat li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet mill-Artikoli tal-Assoċjazzjoni seħħet wara l-IP u għalhekk mhijiex rilevanti għal din l-investigazzjoni. Rigward il-kriterju 2, kien ċar li l-preċiżjoni u l-affidabbiltà tar-reġistri ma setgħux jiġu kkonfermati. Barra minn hekk, ir-reġistri tal-kontabilità tal-kumpanija għandhom jiġu vverifikati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità li ma setgħux jiġu kkonfermati waqt il-verifika. Fir-rigward tal-kriterju 3, ma setgħetx tiġi sottomessa evidenza waqt il-verifika fuq il-post li tissostanzja l-ispejjeż għal-livellar tal-biċċa art ikkonċernata. Fl-aħħarnett, indipendentement mill-ispjegazzjonijiet mressqa, jibqa’ l-fatt li waħda mill-kumpaniji kriet l-art tagħha bla ħlas għal ċertu perjodu ta’ żmien u għalhekk gawdiet minn sussidju. Għalhekk, il-kummenti ma kinux tali li jbiddlu s-sejbiet tat-TES. Dawk is-sejbiet huma b’dan ikkonfermati. |
3. TRATTAMENT INDIVIDWALI (“TI”)
(55) |
Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, qiegħed jiġi stabbilit dazju għall-pajjiż kollu, jekk ikun il-każ, għal dawk il-pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, għajr f’dawk il-każijiet fejn il-kumpaniji jkunu kapaċi juru li huma jissodisfaw il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Fil-qosor, u għall-faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji huma stabbiliti hawn taħt:
|
(56) |
Il-grupp Gushen biss talab TI. Din it-talba ġiet eżaminata u ma nstab l-ebda element li jindika li l-kumpanija mhijiex konformi mal-kriterji msemmija hawn fuq. B’hekk, ġie konkluż li l-Grupp Gushen seta’ jingħata TI. |
(57) |
Saret ukoll valutazzjoni tal-grupp Crown u tal-grupp Sinoglory, billi ma ngħatax TES lil dawn il-kumpaniji. Fiż-żewġ każijiet, ma nstab l-ebda element li jindika li l-kumpaniji mhumiex konformi mal-kriterji msemmija hawn fuq. Għalhekk huwa konkluż li ż-żewġ gruppi ta’ kumpaniji setgħu jingħataw TI. |
(58) |
Wara l-iżvelar finali, l-ilmentatur esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-għoti ta’ TI lill-gruppi ta’ esportaturi fil-kampjun. Madankollu, minħabba li l-miżuri mhux se jiġu imposti, ma kienx hemm bżonn li din tiġi eżaminata iktar. |
4. IL-VALUR NORMALI
(59) |
Kif spjegat fil-premessa 46, ma ngħatax TES liż-żewġ gruppi fil-kampjun li kienu talbuha. It-tielet grupp fil-kampjun ma applikax għal TES. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-gruppi kollha ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew tal-valur mibni f’pajjiż analogu. |
(a) Il-pajjiż analogu
(60) |
Fl-avviż ta’ bidu, il-Kummissjoni wriet il-ħsieb tagħha li tuża lill-Istati Uniti bħala l-pajjiż analogu xieraq sabiex jiġi stabbilit il-valur normali għar-RPĊ u stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar dan. |
(61) |
Wasal għadd ta’ kummenti u ġew proposti pajjiżi oħrajn bħala alternattiva, partikolarment il-Brażil u l-Iżrael. L-argument ewlieni ppreżentat kontra l-Istati Uniti bħala pajjiż analogu kien li fl-Istati Uniti l-prodott ikkonċernat isir minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata, filwaqt li dan ma jiġrix fir-RPĊ. L-użu ta’ fażola tas-sojja ġenetikament modifikata (“ĠM”) jista’ potenzjalment iwassal biex il-prodott jintuża minn utenti u/jew industriji tal-ipproċessar differenti. Issemma wkoll minn produttur esportatur illi s-sussidjarja fl-Istati Uniti tal-ilmentatur ikollha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-Istati Uniti, u dan jirriżulta fi prezzijiet tal-bejgħ domestiku minfuħa. |
(62) |
Fid-dawl ta’ dawn il-kummenti rċevuti, il-Kummissjoni talbet il-kooperazzjoni tal-produtturi CCSPP magħrufa kollha fil-Brażil, l-Iżrael u l-Istati Uniti billi saqsithom għadd ta’ mistoqsijiet ewlenin dwar il-produzzjoni, il-bejgħ u s-swieq lokali tagħhom u saqsithom jekk humiex lesti jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar l-ispejjeż u l-prezzijiet tagħhom, f’każ li l-pajjiż tagħhom jintgħażel bħala l-pajjiż analogu. Produttur wieħed mill-Istati Uniti u żewġ produtturi Brażiljani biss wieġbu billi pprovdew l-informazzjoni mitluba u offrew aktar kooperazzjoni. Fi stadju aktar tard, produttur Iżraeljan ukoll bagħat risposta sħiħa għall-kwestjonarju. Il-Kummissjoni wkoll għamlet ħilitha biex tikseb informazzjoni dwar is-swieq imsemmija u swieq potenzjali oħra b’mezzi oħra. |
(63) |
L-informazzjoni miġbura b’dan il-mod ġiet analizzata bir-reqqa. Kien ikkonfermat li l-prodott tal-Istati Uniti kien fil-biċċa l-kbira magħmul minn fażola tas-sojja MĠ, għall-kuntrarju tas-CCSPP mir-RPĊ, il-Brażil jew l-Iżrael. Madankollu, ma seta’ jkun hemm l-ebda konklużjoni fir-rigward tal-impatt ta’ dik id-differenza fil-materji primi ewlenin fuq il-karatteristiċi, l-użi, l-ispejjeż jew il-prezz tal-prodott. Barra minn hekk, għalkemm is-suq Brażiljan kellu dazju tal-importazzjoni ta’ 14 %, kien hemm volumi sinifikanti ta’ CCSPP importat fil-Brażil li jikkompeti mal-prodott li jiġi prodott lokalment. Fil-fatt, iż-żewġ produtturi Brażiljani, li t-tnejn offrew li jikkooperaw, irrappreżentaw, bejn wieħed u ieħor, ¾ tal-konsum fil-Brażil, filwaqt li s-suq tal-Istati Uniti deher li kien iddominat biċ-ċar minn żewġ produtturi domestiċi kbar ħafna, li wieħed minnhom biss kien offra li jikkoopera. Għalhekk, għalkemm id-daqs totali tas-suq tal-Istati Uniti kien ikbar, deher li kien hemm kundizzjonijiet iktar qawwija ta’ kompetizzjoni fil-Brażil, b’żewġ produtturi domestiċi kbar u importazzjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, globalment, il-volumi ta’ bejgħ domestiku tal-produtturi Brażiljani li kkooperaw dehru li kienu tal-istess daqs bħall-volumi ta’ bejgħ lill-UE mill-produtturi Ċiniżi fil-kampjun, u l-firxiet tal-prodotti kienu komparabbli. Fl-aħħarnett, instab li s-suq domestiku Brażiljan kien akbar sewwa minn dak Iżraeljan. |
(64) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Brażil intgħażel bħala l-pajjiż analogu. Din l-għażla hija kkonfermata. |
(b) Id-determinazzjoni tal-valur normali
(65) |
Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi esportaturi ġie stabbilit fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata li ġiet ipprovduta mill-produtturi fil-pajjiż analogu. Fil-każijiet fejn it-tipi tal-prodott fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu ma jkunux saru fl-andament normali tal-kummerċ jew fejn ma kinux jinbiegħu tipi simili, il-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku. |
(66) |
Wara l-iżvelar interim, il-kalkoli ġew raffinati iktar sabiex iqisu wkoll il-kummenti sottomessi mill-partijiet. |
5. IL-PREZZ TAL-ESPORTAZZJONI
(67) |
Il-produtturi esportaturi għamlu bejgħ ta’ esportazzjoni lill-Unjoni, direttament lill-klijenti indipendenti jew permezz tal-kumpaniji tal-kummerċ relatati, li jinsabu fir-RPĊ. Għaldaqstant, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni effettivament imħallsa jew li jridu jiġu mħallsa. |
(68) |
Wara l-iżvelar interim, il-kalkoli ġew raffinati iktar sabiex iqisu wkoll il-kummenti sottomessi mill-partijiet. |
6. IT-TQABBIL
(69) |
Il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ex-works. Bil-għan li jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti xierqa għall-iskontijiet, it-trasport, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tat-tqandil u t-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, l-ippakkjar, il-kreditu, u t-tassazzjoni indiretta fil-każijiet kollha fejn instab li kienu raġonevoli, preċiżi u appoġġjati b’evidenza vverifikata. |
7. MARĠNIJIET TAD-DUMPING
(70) |
Il-marġnijiet tad-dumping definittivi ġew espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas. |
(71) |
Għal kull wieħed mit-tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw fil-kampjun, ġie stabbilit marġni tad-dumping fuq il-bażi ta’ paragun tal-medja ddifferenzjata tal-valur normali fil-pajjiż analogu mal-medja ddifferenzjata tal-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. |
(72) |
Għall-kumpaniji li kkooperaw u li ma kinux fil-kampjun, il-marġini tad-dumping ġie kkalkulat bħala l-medja tat-tliet gruppi ta’ kumpaniji fil-kampjun. |
(73) |
Minħabba l-livell għoli ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjoni, fejn il-kumpaniji li kkooperaw kienu jirrappreżentaw madwar 90 % tal-importazzjonijiet kollha mir-RPĊ fil-PI, għal kull kumpanija li ma kkooperatx ġie stabbilit marġni għall-pajjiż kollu bl-użu tal-ogħla wieħed mill-marġnijiet li nstabu għall-gruppi ta’ kumpaniji fil-kampjun. |
(74) |
Fuq din il-bażi l-livelli definittivi ta’ dumping huma kif ġej:
|
D. Il-ĦSARA
1. RIMARKI INTRODUTTORJI
(75) |
Wara r-reviżjoni tal-ambitu tal-prodott (l-esklużjoni tal-konċentrati għall-għalf tal-annimali), kumpanija waħda — ADM fil-Pajjiżi l-Baxxi, li l-produzzjoni tagħha hija limitata għal konċentrati għall-għalf tal-annimali — ma għadhiex meqjusa parti mill-industrija tal-Unjoni. Konsegwentement, l-ilmentatur (Solae) biss immanifattura l-prodott simili fl-Unjoni fil-perjodu tal-investigazzjoni. Solae bħalissa għandha żewġ siti tal-manifattura fl-UE — wieħed fil-Belġju li jipproduċi l-iżolati tal-proteina tas-sojja u ieħor fid-Danimarka li jipproduċi l-konċentrati tal-proteina tas-sojja (l-SPC bażiku u l-konċentrati pproċessati ulterjoment b’valur għoli li għalihom l-SPC bażiku jservi bħala prodott intermedju). Sit ieħor ta’ manifattura ta’ Solae f’Boudreaux, Franza, li mmanifattura u qiegħed fis-suq biss konċentrati sempliċi għall-għalf tal-annimali, għalaq fil-bidu tal-2009. |
(76) |
Safejn għandha x’taqsam il-produzzjoni fl-UE, l-investigazzjoni żvelat li l-proċess tal-manifattura ta’ Solae huwa bbażat esklussivament fuq ftehim ta’ tolling mal-kumpanija omm tagħha fl-Isvizzera, Solae Europe. Skont dan il-Ftehim Solae Belgium u Solae Denmark jipproċessaw il-materja prima pprovduta minn Solae Europe għal miżata għas-servizz. Matul il-proċess, Solae Europe tibqa’ l-uniku proprjetarju tal-materja prima, ta’ kull prodott intermedju u tal-prodott finali. |
(77) |
Billi s-sjieda tal-materja prima u tal-prodotti lesti tibqa’ tal-prinċipal, l-arranġamenti ta’ tolling huma legalment differenti minn arranġamenti oħrajn tal-produzzjoni possibbli. Madankollu, fil-każ attwali, il-valur miżjud minn dawk il-kumpaniji fl-UE jammonta għal madwar 50 % tal-ispiża tal-manifattura. Dan is-sehem mill-valur miżjud jirrifletti wkoll, l-investimenti teknoloġiċi u kapitali bbażati fl-Unjoni. Il-valur nett ta’ investimenti bħal dawn fl-UE huwa sinifikanti u l-industrija timpjega għadd kbir ta’ persuni fl-Unjoni. |
(78) |
Għandu jiġi nnutat ukoll li l-operazzjonijiet tat-tolling fl-UE jikkostitwixxu “l-aħħar trasformazzjoni sostanzjali” u għalhekk, jikkonferixxu lill-prodotti l-oriġini fl-UE. |
(79) |
Minħabba dak li ssemma hawn fuq, ġie konkluż li attività ekonomika bħal dik imwettqa minn Solae Belgium u Solae Denmark fl-UE tista’ tkun potenzjalment mhedda minn prattiċi ta’ dumping u għalhekk setgħet tiġġustifika protezzjoni irrispettivament min-natura legali ta’ tali attività (tolling jew arranġament ta’ produzzjoni differenti). Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li Solae Belgium u Solae Denmark jiġu kkunsidrati bħala produtturi tal-Unjoni li jiffurmaw parti mill-industrija tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. |
(80) |
Wara l-iżvelar interim, esportatur wieħed ikkummenta li l-kumpaniji tat-tolling ma jikkwalifikawx bħala produtturi tal-Unjoni u mhumiex relevanti għall-investigazzjonijiet anti-dumping. L-esportatur argumenta li billi s-sjieda tal-materja prima u l-prodotti lesti tibqa’ ta’ Solae Europe li hija rreġistrata fl-Isvizzera (jiġifieri barra l-UE), Solae Belgium u Solae Denmark ma setgħux jiġu meqjusa produtturi tal-Unjoni u ma kienx jistħoqqilhom protezzjoni minn prattiċi tad-dumping. |
(81) |
L-esportatur indikat li f’każijiet preċedenti, bħal waħda dwar l-importazzjonijiet ta’ xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fir-RPĊ (7), l-istituzzjonijiet iddeċidew li jeskludu żewġ kumpaniji Ċiniżi minn kampjun ta’ produtturi esportaturi għax ma kinux huma stess li pproduċew ammont kbir ta’ prodotti esportati ddikjarati, imma fil-fatt kienu pproċessawhom għal produtturi esportaturi oħrajn. |
(82) |
Ta’ min jinnota li l-qagħda fil-każ li semma l-esportatur mhuwiex komparabbli ma’ dik tal-każ preżenti. L-ewwel nett, il-kumpaniji Ċiniżi fil-każ tal-ixkejjer u l-basktijiet tal-plastik imsemmi hawn fuq kellhom il-produzzjoni (mhux tolled) tagħhom stess (iżda l-bejgħ tal-prodotti mmanifatturati minnhom kien żgħir wisq biex il-kumpaniji jiġu inklużi fil-kampjun), filwaqt li fis-sitwazzjoni preżenti Solae Belgium u Solae Denmark jaħdmu esklussivament bl-arranġament tat-tolling. |
(83) |
Barra minn hekk, filwaqt li Solae Belgium u Solae Denmark huma kompletament proprjetà ta’ Solae Europe, l-investigazzjoni tal-kumpaniji Ċiniżi esklużi mill-kampjun ma tistabbilixxix relazzjoni ta’ pussess ma’ produtturi esportaturi oħra li pproċessaw il-prodotti għalihom. |
(84) |
Fis-sottomissjoni tiegħu l-esportatur semma investigazzjoni oħra fil-passat, dik dwar l-importazzjonijiet tal-gliċina li joriġinaw fir-RPĊ (8), fejn il-Kummissjoni ttrattat xi kumpaniji Ċiniżi bħala negozjanti minflok produtturi, billi l-attività li wettqu nstabet li ma kinitx tikkwalifika bħala produzzjoni. |
(85) |
Ta’ min jinnota f’dan ir-rigward li l-każ tal-gliċina lanqas ma jsostni l-argument tal-esportatur, billi f’dak il-każ, il-kumpaniji esportaturi Ċiniżi sempliċiment wettqu xi operazzjonijiet ta’ pproċessar li ma kinux jibdlu l-kompożizzjoni kimika jew il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott ikkunsidrat. Din hija sitwazzjoni kompletament differenti minn din preżenti fejn l-operazzjonijiet immexxija mill-kumpaniji tal-UE jikkonvertu l-fażola tas-sojja jew il-flejks tas-sojja fi proteini tas-sojja u mhux biss ibiddlu l-kompożizzjoni kimika jew il-karatteristiċi fiżiċi tal-materjal iżda wkoll iżidu valur sinifikanti lill-prodott finali. |
(86) |
L-esportatur argumenta wkoll li ċ-ċentru tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-produzzjoni tat-tolling kollu fl-Unjoni jinsab esklużivament f’kumpanija barra l-UE u li d-destin kollu tal-kumpaniji tat-tolling huwa kompletament u esklussivament dipendenti fuq il-kumpanija omm Żvizzera tagħhom. L-esportatur żied jgħid li f’każ differenti, dwar l-importazzjonijiet tal-aċetat tal-vinil li joriġinaw fl-Istati Uniti (9), il-Kummissjoni eskludiet produttur tal-UE mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni minħabba r-relazzjoni tagħha ma’ kumpanija f’pajjiż fil-mira. |
(87) |
Parti oħra ssuġġerixxiet ukoll li fl-analiżi tal-kwistjoni ta’ arranġament tat-tolling u l-kwalifika tiegħu bħala produzzjoni, kwistjonijiet bħal fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali, iċ-ċentru tal-interess u l-impenn lejn is-suq tal-UE, għandhom jiġu analizzati b’mod simili għall-analiżi tal-kumpaniji relatati fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni. |
(88) |
Tabilħaqq, bħala grupp, Solae għandu rabtiet strutturali mal-kumpanija omm Svizzera tagħha u aktar rabtiet korporattivi ma’ kumpaniji Amerikani. Mhix xi ħaġa ġdida fi proċedimenti kontra d-dumping li l-kumpaniji bi preżenza qawwija fl-UE jkollhom tali rabtiet strutturali, kapitali jew korporattivi barra l-UE. Madankollu, dawn ir-rabtiet strutturali u korporattivi barra l-UE ma jistgħux idgħajfu l-konklużjoni li l-ilmentaturi jikkwalifikaw bħala produtturi tal-UE. |
(89) |
Ta’ min jinnota li dawn l-argumenti jkunu relevanti għall-għanijiet tal-Artikolu 4(1)a tar-Regolament bażiku u għad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni biss fil-każ li Solae Europe kienet kumpanija f’pajjiż fil-mira, jiġifieri r-RPĊ f’dan il-każ. Huwa evidenti li dan mhuwiex il-każ, u għalhekk l-argument tal-esportatur mhuwiex relevanti. |
(90) |
Barra minn hekk, huwa mtenni li s-sjieda tal-materjal użat u/jew tal-prodott lest mhuwiex il-kriterju deċiżiv għad-definizzjoni ta’ produttur tal-Unjoni. Filwaqt li t-tolling huwa legalment differenti minn arranġamenti tal-produzzjoni oħra, il-kumpaniji li jipproduċu t-tolling jistgħu jitqiesu produtturi tal-Unjoni. |
(91) |
Din l-istrateġija hija konsistenti mal-prattika preċedenti tal-istituzzjonijiet, bħal pereżempju reviżjoni tal-iskadenza għall-importazzjonijiet tal-alkoħol furfuriliku li joriġina fir-RPĊ (10). |
(92) |
Huwa mtenni li fil-każ attwali l-valur miżjud mill-kumpaniji fl-UE jammonta għal iktar minn 50 % tal-ispiża tal-manifattura. Dan is-sehem ta’ valur miżjud jirrifletti l-investimenti teknoloġiċi u kapitali bbażati fl-Unjoni. Il-valur nett ta’ investimenti bħal dawn fl-UE huwa sinifikanti u l-industrija timpjega għadd kbir ta’ persuni fl-Unjoni. |
(93) |
Bħala konklużjoni, Solae Belgium u Solae Denmark huma meqjusa produtturi tal-Unjoni li jiffurmaw parti mill-industrija tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku u minn hawn ‘il quddiem se jissejħu l-“industrija tal-Unjoni”. |
(94) |
Il-produzzjoni totali tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku ġie stabbilit fuq il-bażi tat-tweġiba għall-kwestjonarju tal-ilmentatur. |
(95) |
Billi l-industrija tal-Unjoni għandha biss produttur wieħed, id-dejta hawn taħt hija ppreżentata f’format indiċjati sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. |
2. IL-KONSUM TAL-UNJONI
(96) |
Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-volumi tal-bejgħ tal-produzzjoni tolled tal-industrija tal-Unjoni destinata għas-suq tal-Unjoni, il-volumi tal-importazzjoni fis-suq tal-Unjoni miksuba minn Eurostat, u l-istimi mill-ilmentatur. |
(97) |
Il-kodiċijiet tan-NM li jkopru ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata jkopru firxa usa’ ta’ prodotti, u mhux biss il-prodott li qed jiġi investigat. Abbażi ta’ riċerka estensiva u l-għarfien tas-suq, l-ilmentatur għamel stimi tal-valur u l-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat lejn l-Unjoni. Dawn l-istimi ġew eżaminati matul l-investigazzjoni u huma meqjusa bħala affidabbli. Is-servizzi tal-Kummissjoni ma rċevew l-ebda kumment bi proposta alternattiva li tista’ toħloq dubji dwar l-użu ta’ dawn l-istimi għall-iskop ta’ din l-investigazzjoni. |
(98) |
Parti waħda saħqet li l-metodoloġija tal-kalkolu tal-importazzjonijiet ma ġietx spjegata biżżejjed. Din il-kritika, madankollu, ma ġietx sostanzjata aktar. Il-parti kkritikat l-approċċ tal-Kummissjoni mingħajr, iżda, ma ssuġġeriet alternattiva aktar adattata jew aktar affidabbli. Il-kritika kienet marbuta prinċipalment mal-fatt li l-parti ma kinitx f’pożizzjoni li tikkummenta. Ta’ min ifakkar li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, li tistabbilixxi b’mod dettaljat il-metodoloġija tal-esklużjoni, kienet disponibbli fil-fajl mhux kunfidenzjali minn mindu tnediet il-proċedura. |
(99) |
Ta’ min ifakkar li s-servizzi tal-Kummissjoni vverifikaw id-dejta pprovduta fl-ilment u ma setgħu jistabbilixxu xejn li kien jimmina r-raġonevolezza tal-metodu magħżul. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-partijiet ma pproponewx metodu ta’ esklużjoni alternattiv, il-kummenti tagħhom tqiesu bħala li ma kinux sostanzjati. |
(100) |
Matul il-perjodu meqjus id-domanda fis-suq tal-Unjoni naqset bi 8 %. Aktar speċifikament, il-konsum tal-Unjoni baqa’ stabbli bejn l-2007 u l-2008, naqas bi 8 % fl-2009 u baqa’ stabbli fil-PI. Tabella 1
|
3. L-IMPORTAZZJONIJIET MILL-PAJJIŻ IKKONĊERNAT
(a) Volum
(101) |
Il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat żdied bi 15 % fil-perjodu meqjus u laħaq 20 117-il tunnellata fil-PI. Aktar speċifikament, l-importazzjonijiet mir-RPĊ baqgħu stabbli bejn l-2007 u l-2008, qabel ma żdiedu b’26 punt perċentwali fl-2009, meta laħqu l-quċċata tagħhom. Ta’ min jinnota li l-importazzjonijiet mir-RPĊ waqgħu b’madwar 9 punti perċentwali fil-PI. Tabella 2
|
(b) Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ikkonċernati
(102) |
L-indiċi li jirrifletti l-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ, żdied b’25 % fil-perjodu meqjus. Baqa’ stabbli bejn l-2007 u l-2008, iżda żdied b’36 % fl-2009. Fil-PI naqas bi 11-il punt perċentwali. |
(c) Il-prezzijiet
(i) L-evoluzzjoni tal-prezzijiet
(103) |
Il-prezz medju tal-importazzjoni żdied b’37 % fil-perjodu meqjus. Aktar speċifikament, żdied inizjalment b’saħansitra 48 % bejn l-2007 u l-2008, u mbagħad naqas fl-2009 bi 11-il punt perċentwali u baqa’ f’dak il-livell fil-PI. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fil-PI kien ta’ EUR 1 569 kull tunnellata. Tabella 3
|
(ii) It-twaqqigħ tal-prezz
(104) |
Għall-iskop tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz, il-prezzijiet tal-bejgħ medji ddifferenzjati tal-produttur tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni u aġġustati, partikolarment għal spejjeż tal-kreditu, spejjeż ta’ kunsinna, imballaġġ u kummissjonijiet, għal livell ex-works, tqabblu mal-medja ddifferenzjata korrispondenti tal-prezzijiet CIF tal-esportaturi li kkooperaw mir-RPĊ lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, aġġustati biex ikopru l-ispejjeż kollha relatati mar-rilaxx mid-dwana, jiġifieri, it-tariffa doganali u l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni, (il-prezz tal-iżbark). |
(105) |
It-tqabbil wera li matul il-PI, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu orħos mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’madwar 12 %.
|
(106) |
Parti waħda kkummentat li ovvjament il-livell tat-twaqqigħ fil-prezz kien kkalkulat biss għall-PI u li l-livelli ta’ twaqqigħ preċedenti mhumiex magħrufa. Madankollu, il-parti ssuġġeriet li, minħabba li bejn l-2007 u l-PI il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’mod sinifikanti aktar mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, jista’ jiġi inferit li t-twaqqigħ tal-prezzijiet kien qed jonqos. |
(107) |
Tabilħaqq, huwa rikonoxxut li filwaqt li bejn l-2007 u l-PI, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’37 %, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni żdiedu biss bi 15 % (ara l-premessa 119 hawn taħt). Konsegwentement, huwa ċar li fir-rigward tal-prezzijiet medji, id-distakk bejn il-prezzijiet Ċiniżi u l-prezzijiet tal-UE naqas bejn l-2007 u l-PI. |
4. IS-SITWAZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI
(108) |
Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni inkludiet valutazzjoni tal-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha li affettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu meqjus. |
(109) |
Għall-fini tal-analiżi tal-ħsara, l-indikaturi tal-ħsara ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura mit-tweġibiet sħaħ u vverifikati tal-kwestjonarju mill-ilmentatur. |
(a) Il-produzzjoni
(110) |
Il-produzzjoni tal-Unjoni naqset b’14 % bejn l-2007 u l-PI. Aktar speċifikament, naqset bi 8 % fl-2008, qabel ma kompliet tonqos bi 15-il punt perċentwali oħra fl-2009. Madankollu, kien hemm titjib ċar bejn l-2009 u l-PI, meta l-produzzjoni żdiedet b’9 punti perċentwali. Tabella 4
|
(b) Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità
(111) |
Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-produttur tal-Unjoni baqgħet relattivament stabbli fil-perjodu meqjus: Tabella 5
|
(112) |
L-indiċi li jirrifletti l-evoluzzjoni tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità naqas b’14 % fil-perjodu meqjus. Bejn l-2007 u l-2008 naqas bi 8 % u bi 15-il punt perċentwali oħra fl-2009. Imbagħad żdied b’9 punti perċentwali fil-PI. Ix-xejra għar-rata tal-utilizzazzjoni tirrifletti l-iżvilupp tal-produzzjoni fil-perjodu meqjus, minħabba li l-kapaċità tal-produzzjoni baqgħet stabbli. |
(113) |
Ta’ min jinnota li minkejja tnaqqis ġenerali, l-użu tal-kapaċità baqa’ relattivament għoli u fil-PI kien ogħla minn 80 %. |
(c) Il-volum tal-bejgħ
(114) |
Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati fis-suq tal-UE naqas bi 8 % fil-perjodu meqjus. Il-bejgħ naqas b’9 % bejn l-2007 u l-2008 u b’5 punti perċentwali oħra fl-2009. Madankollu, kien hemm titjib ċar bejn l-2009 u l-PI, meta l-bejgħ żdied b’xi 6 punti perċentwali. Tabella 6
|
(d) Is-sehem mis-suq
(115) |
Kumplessivament, matul il-perjodu meqjus, l-industrija Komunitarja żammet is-sehem tagħha mis-suq. Aktar speċifikament, l-indiċi naqas b’9 % bejn l-2007 u l-2008, iżda fl-2009 kien diġà tela’ b’1 punt perċentwali u żdied b’7 punti perċentwali oħra fil-PI. Tabella 7
|
(e) It-tkabbir
(116) |
Bejn l-2007 u l-PI, filwaqt li l-konsum tal-Unjoni naqas bi 8 %, il-volum tal-bejgħ naqas ukoll bi 8 %, u s-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni baqa’ stabbli. |
(f) L-impjiegi
(117) |
L-impjiegi naqsu b’7 % bejn l-2007 u il-PI. Żdiedu modestament bejn l-2007 u l-2008 qabel tnaqqis qawwi ta’ 10 punti perċentwali fl-2009. Madankollu, l-impjiegi żdiedu mill-ġdid b’2 punti perċentwali fil-PI. Tabella 8
|
(g) Il-produttività
(118) |
Il-produttività, imkejla bħala produzzjoni (tunnellati) għal kull impjegat fis-sena, naqset b’7 % fil-perjodu meqjus. Dan it-tnaqqis jirrifletti l-fatt li l-produzzjoni naqset b’pass iktar mgħaġġel mill-impjiegi. Madankollu, ta’ min jinnota li bejn l-2009 u l-PI il-produttività żdiedet bi 8 punti perċentwali u dan jirrifletti ż-żieda fil-produzzjoni b’ritmu saħansitra ogħla miż-żieda fl-impjiegi. Tabella 9
|
(h) Fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet tal-bejgħ
(119) |
Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni żdiedu b’madwar 15 % fil-perjodu meqjus. Il-prezz medju żdied fl-2008 u l-2009 (bi 8 % u 10 punti perċentwali rispettivament), qabel ma naqas ħarira fil-PI bi 3 punti perċentwali. Inġenerali, il-prezzijiet CCSPP jiddependu ħafna fuq l-ispejjeż tal-materja prima (jiġifieri l-fażola tas-sojja jew flejks tal-fażola tas-sojja) u l-enerġija. Flimkien dawn jammontaw għal proporzjon kbir tal-ispiża tal-manifattura. Ta’ min jinnota li s-suq għall-fażola tas-sojja huwa volatili u kkaratterizzat minn varjazzjonijiet sinifikanti annwali jew anke kull xahar. |
(120) |
Minħabba l-varjazzjonijiet sinifikanti fil-prezzijiet tal-bejgħ bejn it-tipi differenti tal-prodott li qed jiġi investigat, l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ medji għandha tiġi studjata b’kawtela billi kwalunkwe bidla fil-prezz medju hija influwenzata ħafna minn kwalunkwe bidla fit-taħlita tal-prodotti. Tabella 10
|
(i) Id-daqs tal-marġni tad-dumping
(121) |
Minħabba l-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni tal-marġnijiet attwali tad-dumping ma jistax jitqies li hu negliġibbli. |
(j) L-istokk
(122) |
Il-livell tal-istokk tal-għeluq baqa’ ġeneralment stabbli bejn l-2007 u l-PI. Ta’ min jinnota li l-istokk jirrappreżenta porzjon pjuttost żgħir mill-produzzjoni annwali u għaldaqstant ir-rilevanza ta’ dan l-indikatur fl-analiżi tal-ħsara hija limitata. Tabella 11
|
(k) Il-pagi
(123) |
L-ispiża tax-xogħol annwali żdiedet b’7 % bejn l-2007 u l-PI. Din żdiedet b’5 % bejn l-2007 u l-2008 qabel ma naqset b’2 punti perċentwali fl-2009 u wara żdiedet b’4 punti perċentwali fil-PI. Tabella 12
|
(l) Il-profittabbiltà u r-redditu mill-investimenti
(124) |
Matul il-perjodu meqjus, il-profittabbiltà tal-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-UE lil konsumaturi mhux relatati, espressa bħala perċentwali tal-bejgħ nett, kienet qed tvarja ħafna. Filwaqt li fl-2007 u l-2009 l-industrija tal-Unjoni għamlet il-qligħ, hija sofriet telf fl-2008 u fil-PI. Il-varjazzjoni fil-profittabbiltà tista’ tkun riflessjoni tal-varjazzjonijiet fis-suq tal-fażola tas-sojja. Tabella 13
|
(125) |
Ir-redditu fuq l-investimenti espress bħala l-profitt f’perċentwali tal-valur nett deprezzat tal-investimenti, segwa fil-biċċa l-kbira x-xejra tal-profittabbiltà. |
(m) Il-likwidità u l-kapaċità ta’ ġbir ta’ kapital
(126) |
Il-likwidità netta mill-attivitajiet operattivi naqset b’mod sinifikanti fil-perijodu kkunsidrat. Minn ċifra pożittiva fl-2007, din iddeterjorat fl-2008 meta saret negattiva, iżda tjiebet fl-2009 biex għal darb’oħra reġgħet saret negattiva fil-PI. B’mod ġenerali, il-fluss tal-likwidità segwa ġeneralment ix-xejra tal-profittabbiltà. |
(127) |
Ma kienx hemm indikazzjonijiet li l-industrija tal-Unjoni sabet xi diffikultajiet biex issib il-kapital, l-aktar minħabba l-fatt li hija inkorporata fi grupp akbar. Tabella 14
|
(n) L-investimenti
(128) |
L-investimenti annwali fil-produzzjoni tal-prodott simili żdiedu b’4 % bejn l-2007 u l-2008 u mbagħad komplew jiżdiedu b’ 29 punti perċentwali fl-2009. Naqsu ftit b’5 punti perċentwali fil-IP. B’mod ġenerali, l-investmenti naqsu bi 28 % fil-perjodu meqjus. Tabella 15
|
5. IL-KONKLUŻJONI DWAR IL-ĦSARA
(129) |
L-analiżi tad-dejta turi li b’mod ġenerali l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tagħha, l-utilizzar tal-kapaċità, il-bejgħ, l-impiegi u l-produttività fil-perjodu meqjus. L-ispiża tal-pagi żdiedet ukoll. |
(130) |
Fl-istess ħin, din l-istampa negattiva hija mitigata mill-fatt li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-indikaturi esperjenzaw żvilupp pożittiv bejn 2009 u l-PI (2010). Partikolarment bejn l-2009 u l-2010 (PI), il-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità żdiedet b’9 punti perċentwali; il-bejgħ fl-UE u s-sehem mis-suq żdied b’6 u 7 punti perċentwali rispettivament; l-impjiegi żdiedu b’2 punti perċentwali, filwaqt li l-produttività żdiedet bi 8 punti perċentwali. |
(131) |
Ukoll, is-sehem mis-suq kumplessiv tal-industrija tal-Unjoni baqa’ stabbli fil-perjodu meqjus. Filwaqt li niżel fl-2008, fl-2009 diġà kien żdied. Fl-2010 huwa laħaq livell qrib ħafna dak tal-2007. |
(132) |
Il-profittabbiltà, kif ukoll ir-redditu fuq l-investiment u l-likwidità (it-tnejn relatati mill-qrib mal-profittabbiltà), ilkoll juru stampa mħallta tal-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li naqsu kumplessivament (bejn l-2007 u l-PI), huma jvarjaw ħafna u juru l-karattru instabbli tas-suq. |
(133) |
L-investiment nett kien qed jiżdied b’mod evidenti bejn l-2007 u l-2009 (b’33 %) u dan esperjenza biss tnaqqis żgħir (b’5 punti perċentwali) fl-2010 (IP). |
(134) |
Barra minn hekk, il-livell attwali ta’ telf imġarrab mill-industrija tal-Unjoni fil-PI huwa relattivament moderat. |
(135) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, huwa konkluż li l-industrija tal-Unjoni soffriet xi ħsara. Madankollu, minħabba l-livell relattivament insinifikanti ta’ telf reali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fil-PI, u minħabba s-sinjali ta’ rkupru lejn tmiem il-perjodu meqjus, dik il-ħsara ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. |
(136) |
Wara l-iżvelar tas-sejbiet finali, l-ilmentatur argumenta li l-ħsara f’dan il-każ għandha titqies bħala materjali minħabba li f’xi każijiet oħra b’ċirkustanzi allegatament simili (jiġifieri ġew osservati xejriet pożittivi lejn tmiem il-perjodu meqjus) (11) is-sejbiet kienu differenti. L-ilmentatur argumenta wkoll li jkun inkompatibbli mal-liġi tad-WTO li wieħed iħares lejn il-parti tal-aħħar tal-perjodu meqjus u jfassal konklużjonijiet minn sinjali ta’ rkupru f’dak il-perjodu (12). |
(137) |
Ta’ min jinnota f’dan ir-rigward li kull każ irid jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu. F’dan il-każ partikolari, l-investigazzjoni mhux biss stabbiliet sinjali ċari ta’ rkupru tal-industrija tal-Unjoni lejn tmiem il-perjodu meqjus, iżda wkoll li d-daqs tax-xejriet negattivi kien relattivament limitat. Pereżempju, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ġeneralment baqa’ stabbli u relattivament għoli, il-kapaċità tal-utilizzazzjoni naqset ftit imma baqgħet f’livell ogħla mit-80 %, u l-investimenti żdiedu. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-Aċidu ossaliku (13), pereżempju, l-industrija tal-Unjoni tilfet 9 % tas-sehem mis-suq fil-PI meta mqabbel mal-ewwel sena tal-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara (14). Fil-każ tal-Aċidu ċitriku (15) kien hemm telf simili tas-sehem mis-suq u kien hemm tnaqqis fl-investimenti (16). |
(138) |
Fir-rigward tal-obbligi tad-WTO, ir-rapport tal-bord ikkwotat jirreferi għal sitwazzjoni kompletament differenti fejn l-awtorità investigattiva analizzat biss dejta parzjali minn sitt xhur biss ta’ kull sena minn tliet snin konsekuttivi u bbażat is-sejbiet tagħha fuq din l-analiżi mhux kompluta. Jidher ċar li s-sitwazzjoni fil-każ preżenti hija differenti billi l-analiżi tal-ħsara tkopri dejta ta’ sena sħiħa minn erba’ snin konsekuttivi u, addizzjonalment, hemm xi enfasi fuq il-fatt li sa tmiem dak il-perjodu ta’ erba’ snin kien hemm żvilupp pożittiv f’ħafna mix-xejriet analizzati meta mqabbel mas-sena ta’ qabel il-PI. |
(139) |
Minħabba dan ta’ hawn fuq, qed jiġi definittivament konkluż li kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni mhijiex karatterizzata bħala materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. |
E. IL-KAWŻALITÀ
1. INTRODUZZJONI
(140) |
Bla ħsara għad-determinazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħsara materjali u skont l-ipotesi li l-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni setgħet tkun ikkaratterizzata bħala materjali, il-Kummissjoni eżaminat il-potenzjal ta’ rabta kawżali. |
(141) |
Skont l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-ħsara materjali sofruta mill-industrija tal-Unjoni kinitx ikkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat. Minbarra dan, fatturi magħrufa oħra għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, li setgħu għamlu ħsara lill-industrija tal-Unjoni, ġew eżaminati biex jiġi żgurat li kwalunkwe ħsara kkawżata minn dawk il-fatturi l-oħra ma kinitx attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. |
2. L-EFFETTI TAL-IMPORTAZZJONIJIET LI HUMA L-OĠĠETT TA’ DUMPING
(142) |
L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat żdiedu bi 15 % bejn l-2007 u l-PI u s-sehem mis-suq rispettiv tagħhom żdied b’25 % minkejja d-domanda dejjem iżgħar fis-suq tal-Unjoni. Dawk l-iżviluppi ġeneralment ħabtu mas-sitwazzjoni ekonomika dgħajfa tal-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżomm is-sehem tagħha mis-suq, l-importazzjonijiet Ċiniżi kisbu iktar minn 5 punti perċentwali. |
(143) |
Fuq dik il-bażi, jidher mal-ewwel daqqa t’għajn, li hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mir-RPĊ u kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. |
(144) |
Madanakollu, analiżi aktar dettaljata tal-effetti tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma jidhirx li turi korrelazzjoni ċara. Pereżempju, filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ bilkemm żdiedu bejn l-2007 u l-2008 (il-premessa 101) u l-prezz CIF tal-importazzjoni tagħhom żdied bi 48 punt perċentwali (il-premessa 103), madankollu l-industrija tal-Unjoni sofriet telf sinifikanti fl-2008 u tilfet xi sehem mis-suq. B’kuntrast, filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’26 % bejn l-2008 u l-2009, u prezz CIF tal-importazzjoni tagħhom naqas bi 11-il punt perċentwali, l-industrija tal-Unjoni żammet is-sehem tas-suq tagħha u rkuprat mit-telf tal-2008. Barra minn hekk, bejn l-2009 u l-PI filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ żammew il-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet biċ-ċar kif diskuss hawn fuq fl-analiżi tal-ħsara. |
(145) |
Dan in-nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn l-importazzjonijiet mir-RPĊ u x-xejriet tal-indikaturi tal-ħsara jissuġġerixxi bil-qawwa li kien hemm fatturi oħra li kkontribwew u possibbilment ikkawżaw kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. Din il-kwistjoni se tiġi esplorata iktar hawn taħt. |
3. L-EFFETTI TA’ FATTURI OĦRA
(146) |
Il-fatturi l-oħra li ġew eżaminati fil-kuntest tal-kawżalità huma: (i) it-tnaqqis fid-domanda tal-Unjoni, probabbilment relatat parzjalment mal-kriżi finanzjarja u ekonomika fis-snin 2008/2009 u (ii) il-volatilità tas-suq tal-fażola tas-sojja. |
(i) Tnaqqis fid-domanda, probabbilment relatat parzjalment mal-kriżi finanzjarja u ekonomika fis-snin 2008/2009
(147) |
Fil-perjodu meqjus seta’ jiġi osservat tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni, jiġifieri bi 8 % jekk wieħed iqabbel l-2007 mal-2010 (il-PI). Ħafna mill-fatturi tal-ħsara żviluppaw l-aktar skont dak il-fattur. Pereżempju, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-UE ukoll naqas bi 8 % jekk wieħed iqabbel iż-żewġ perjodi msemmija qabel. Eżempji oħra huma l-impjiegi — 7 % inqas fl-2010 milli fl-2007 — u l-produttività — ukoll 7 % inqas fl-2010 milli fl-2007. Għalhekk huwa ċar li t-tnaqqis fid-domanda, tkun xi tkun il-kawża sottostanti tiegħu, kien fattur prinċipali fl-iżviluppi tal-istat tal-industrija tal-Unjoni. |
(148) |
Għalkemm ir-raġuni għat-tnaqqis fid-domanda mhijiex direttament rilevanti għall-analiżi tal-kawżalità, jista’ jkun ukoll li ġie kkawżat, almenu parzjalment, mill-kriżi finanzjarja u ekonomika. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li d-domanda niżlet b’mod partikolari bejn l-2008 u l-2009. Minħabba l-koinċidenza fiż-żmien tagħha, it-tnaqqis ta’ 8 punti perċentwali bejn l-2008 u l-2009 aktarx kien marbut mal-kriżi ekonomika. Konsegwentement, jista’ jiġi argumentat li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni kienet ikkawżata mill-kriżi ekonomika u t-tnaqqis li rriżulta fid-domanda. |
(149) |
Huwa wkoll innutat li Solae Belgium tirrikonoxxi fir-rapport annwali tagħha mill-2009 li introjtu iktar baxx mill-assi finanzjarji kkawżat mill-kriżi finanzjarja kellu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija. |
(150) |
Huwa mtenni wkoll li l-industrija tal-Unjoni tejbet is-sitwazzjoni ekonomika tagħha bejn l-2009 u l-PI. Dan it-titjib jikkoinċidi b’mod ċar mal-irkupru ekonomiku ġenerali. |
(151) |
Minħabba dan ta’ hawn fuq, huwa kkunsidrat li t-tnaqqis fid-domanda, probabbilment ikkawżata parzjalment mill-kriżi ekonomika, kien kawża ewlenija ta’ kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. |
(152) |
Wara l-iżvelar finali, l-ilmentatur saħaq li l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi ma kkawżawx il-ħsara, iżda ma pprovda l-ebda argument konvinċenti f’dan ir-rigward u sempliċiment irrefera għal għadd ta’ każijiet oħra (17) fejn is-sejbiet kienu differenti. |
(153) |
F’dan ir-rigward, hu mtenni li kull każ irid jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu. F’dan il-każ partikolari jibqa’ l-fatt li filwaqt li hemm nuqqas ta’ korrelazzjoni ċara bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, it-tnaqqis fid-domanda, li x’aktarx kien ikkawżat parzjament mill-kriżi ekonomika, kien fattur li kkontribwixxa għas-sitwazzjoni ħażina tal-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, tal-inqas sa ċertu punt, kif spjegat hawn fuq, dan ġie rikonoxxut espliċitament fir-rapport annwali ta’ Solae Belgium tal-2009. |
(154) |
Madankollu, hemm differenzi importanti bejn il-każijiet imsemmija mill-ilmentatur u l-każ preżenti. Xi wħud minn dawn id-differenzi huma elenkati fil-premessi li ġejjin. |
(155) |
Fil-każ tal-aċidu ossaliku (18), għalkemm xi indikaturi tabilħaqq immarkaw żvilupp pożittiv bejn l-2009 u l-PI, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas, filwaqt li fil-każ preżenti dan żdied kważi għal-livell tal-2007 (19). Barra minn hekk, il-każ tal-aċidu ossaliku ma jurix assenza sena wara sena ta’ korrelazzjoni bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u x-xejriet tal-indikaturi tal-ħsara, li hija karatteristika tal-każ preżenti. Ix-xejriet tal-profittabbiltà huma differenti wkoll. Notevolment, fil-każ preżenti l-profittabbiltà tvarja konsiderevolment. Fl-aħħar nett, fil-każ preżenti s-suq huwa volatili ferm. |
(156) |
Fil-każ tad-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ (20), is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas kull sena, u b’kollox naqas bi 12-il punt perċentwali (21). Fl-istess ħin, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi kiber konsistentement sena wara sena, u b’kollox bi 12,4 punti perċentwali (22). Fil-każ preżenti, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied sal-2009 u mbagħad naqas bejn l-2009 u l-PI. Fl-istess ħin, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien diġà naqas fl-2008 u mbagħad irkupra kważi sal-livell tal-2007. |
(157) |
Fil-każ tal-fibri tal-ħġieġ (23), is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping kiber konsistentement sena wara sena, u b’kollox b’6,3 punti perċentwali (24). |
(158) |
Fil-każ tal-madum taċ-ċeramika (25), is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kien qed jiżdied b’mod kostanti (26). Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tal-istokk kienet differenti ħafna. Fil-każ tal-madum taċ-ċeramika ż-żieda fl-istokk kienet fattur indikattiv tal-ħsara (27). Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni fil-każ tal-madum taċ-ċeramika wriet li minkejja l-irkupru fis-settur tal-kostruzzjoni, l-indikaturi tal-industrija tal-Unjoni baqgħu juru xejra negattiva (28). |
(159) |
Fl-aħħar nett fil-każ tal-alkoħol xaħmi (29), l-iżvilupp tal-indikaturi tal-ħsara bejn l-2009 u l-PI kienu differenti minn tal-każ preżenti (eż. l-impjiegi naqsu) (30), u l-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping żdiedu bejn l-2009 u l-PI (31). |
(160) |
Konsegwentement, il-klejm tal-ilmentatur għandha tiġi miċħuda. |
(ii) Il-volatilità tas-suq tal-fażola tas-sojja
(161) |
Hawn fuq intwera li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni toxxilla ħafna u tindika li s-suq għandu natura volatili. |
(162) |
Dik il-volatilità hi marbuta mill-qrib mal-varjazzjonijiet fis-suq tal-materja prima. Is-suq immedjat għall-materja prima prinċipali — il-fażola tas-sojja — huwa karatterizzat tradizzjonalment minn varjazzjonijiet mensili u annwali sinifikanti (32), filwaqt li l-prezzijiet għall-prodott finali — CCSPP — għandhom tendenza li jkunu pjuttost stabbli (billi huma bbażati fuq kuntratti itwal). Konsegwentement, il-livell ta’ profittabbiltà għall-prodott li qed jiġi investigat huwa dipendenti ħafna fuq is-sitwazzjoni prevalenti fis-suq tal-fażola tas-sojja. |
(163) |
F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li tassew kien hemm żieda sinifikanti fil-prezz tal-fażola tas-sojja fl-2008 li kellha impatt importanti fuq il-profittabbiltà u is-sitwazzjoni globali tal-industrija tal-Unjoni. L-ilmentatur stess irrikonoxxa li ż-żieda fil-prezz tal-fażola tas-sojja kkontribwiet għas-sitwazzjoni fqira tiegħu fl-2008. |
(164) |
Minħabba dan ta’ hawn fuq, huwa ċar li l-volatilità tas-suq tal-fażola tas-sojja wkoll kien kawża ewlenija ta’ kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. |
(165) |
Wara l-iżvelar finali, l-ilmentatur saħaq li l-volatilità tal-prezzijiet tal-fażola tas-sojja lanqas ma setgħu jkissru r-rabta kawżali u li din kienet rilevanti biss għat-telf tal-2008. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza ssostanzjata f’dan ir-rigward. |
(166) |
Ta’ min jinnota li ż-żidiet fil-prezzijiet tal-fażola tas-sojja jikkoinċidu mar-rendiment finanzjarju batut tal-industrija tal-Unjoni u, peress li l-prezzijiet għolja tal-fażola tas-sojja kienu meqjusa bħala l-kawża prinċipali tat-telf tal-2008, ma hemm l-ebda raġuni partikolari għalfejn it-telf tal-2010 li kkoinċida ma’ żieda oħra fil-prezzijiet tal-fażola tas-sojja għandu jiġi ttrattat b’mod differenti. |
(167) |
Konsegwentement, il-klejm tal-ilmentatur għandha tiġi miċħuda. |
4. IL-KONKLUŻJONI DWAR IL-KAWŻALITÀ
(168) |
Fatturi oħra, u partikolarment it-tnaqqis fid-domanda (probabbilment ikkawżat parzjalment mill-kriżi ekonomika tal-2008/2009) u l-karattru volatili tas-suq tal-materja prima ewlenija kienu kawżi importanti ta’ kwalunkwe ħsara lill-industrija tal-Unjoni. |
(169) |
Għalhekk, anke bis-suppożizzjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali, billi dawk il-fatturi l-oħra jiksru r-rabta kawżali, ma jistax jiġi konkluż li l-ħsara kienet ikkawżata minn importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mir-RPĊ. |
F. L-INTERESS TAL-UNJONI
(170) |
Billi instab hawn fuq li l-industrija tal-Unjoni mhijiex qiegħda ġġarrab ħsara li tista’ tkun ikkwalifikata bħala materjali u li, fi kwalunkwe każ, fatturi oħra jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u dik il-ħsara, mhux meħtieġ li jiġi eżaminat l-interess tal-Unjoni. |
G. IT-TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT
(171) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward in-nuqqas ta’ ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni u fir-rigward tan-nuqqas ta’ rabta kawżali, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Bażiku, il-proċediment għandu jintemm mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri. |
(172) |
Il-partijiet kollha kkonċernati ġew infurmati bis-sejbiet finali u l-intenzjoni li l-proċediment jiġi tterminat u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom tqiesu iżda ma biddlux il-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huwa b’dan itterminat.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropew.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU C 121, 19.4.2011, p. 71.
(3) Minkejja r-relazzjoni tiegħu ma’ grupp ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi, l-ilmentatur hu meqjus bħala produttur tal-Unjoni, speċjalment billi l-evidenza disponibbli tindika li l-esportazzjonijiet minn dak il-grupp relatat lejn l-UE huma limitati ħafna.
(4) Għall-informazzjoni, ta’ min jinnota li l-applikant B huwa relatat mal-kwerelant.
(5) Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO tal-15 ta’ Lulju 2011, WT/DS397/AB/R, Komunitajiet Ewropej – miżuri anti-dumping definittivi fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina.
(6) Ara r-Rapport tal-Korp tal-Appell imsemmi hawn fuq tal-15 ta’ Lulju 2011, il-premessa 319.
(7) ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4.
(8) ĠU L 118, 19.5.2000, p. 6.
(9) ĠU L 209, 17.8.2011, p. 24.
(10) ĠU L 323, 10.12.2009, p. 48.
(11) L-ilmentatur jikkwota partikolarment Aċidu ossaliku mill-Indja u ċ-Ċina (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 1) u Aċidu ċitriku miċ-Ċina (ĠU L 143 3.6.2008, p. 13)
(12) L-ilmentatur jirreferi għar-Rapport Finali tal-Bord fit-tilwima WT/DS331/R il-Messiku — Dazji anti-dumping fuq pajpijiet u tubi tal-azzar mill-Gwatemala.
(13) ĠU L 106, 18.4.2012, p. 1.
(14) Ara Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1043/2011 li jimponi dazji provviżorji (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 1), il-premessa 77.
(15) ĠU L 323, 3.12.2008, p. 1
(16) Ara Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 488/2008 li jimponi dazji provviżorji (ĠU L 143, 3.6.2008, p. 13), fil-premessi 68 u 72 rispettivament.
(17) Drappijiet tal-malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ (ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9); Aċidu ossaliku mill-Indja u r-RPĊ (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 1); Fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ (ĠU L 67, 15.3.2011, p. 1) u Madum taċ-ċeramika mir-RPĊ (ĠU L 70, 17.3.2011, p. 5).
(18) ĠU L 275, 20.10.2011, p. 1.
(19) Ibid., il-premessa 75.
(20) ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9.
(21) Ibid., il-premessa 75.
(22) Ibid., il-premessa 66.
(23) ĠU L 67, 15.3.2011, p. 1.
(24) Ibid., il-premessa 64.
(25) ĠU L 70, 17.3.2011, p. 5.
(26) Ibid., il-premessa 73.
(27) Ibid, il-premessi 93-95 u 125.
(28) Ibid., il-premessa 124.
(29) ĠU L 122, 11.5.2011, p. 47.
(30) Ibid., il-premessa 85.
(31) Ibid., il-premessa 70.
(32) Dejta disponibbli pubblikament (ara pereżempju: http://www.indexmundi.com) turi li l-varjazzjonijiet mensili fil-prezz għall-fażola tas-sojja jistgħu jkunu saħansitra +/– 15 %.