28.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Ġunju 2012

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim taż-ŻEE

(2012/341/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Anness XIII tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim taż-ŻEE”) ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 90/2011 tad-19 ta’ Lulju 2011 (3), li permezz tiegħu ġie inkorporat ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi bl-ajru fil-Komunità (4) fil-Ftehim taż-ŻEE.

(2)

Permezz tal-inklużjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera, l-istess reġim ġie stabbilit bejn l-UE u l-Isvizzera għat-trasportaturi bl-ajru Svizzeri u dawk Komunitarji (5).

(3)

Permezz tal-inklużjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 fil-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (il-Konvenzjoni ta’ Vaduz) (6), l-istess reġim ġie wkoll stabbilit bejn l-Isvizzera u l-Istati tal-EFTA taż-ŻEE għat-trasportaturi bl-ajru Svizzeri u dawk tal-EFTA taż-ŻEE.

(4)

L-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat biex jagħti lit-trasportaturi bl-ajru Svizzeri d-dritt li joperaw servizzi bl-ajru minn Stat Membru tal-Unjoni lejn Stat tal-EFTA taż-ŻEE u viċeversa.

(5)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni li jinsab mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  ĠU L 262, 6.10.2011, p. 62.

(4)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kumitat Konġunt bejn il-Komunità u l-Isvizzera għat-Trasport bl-Ajru tas-7 ta’ April 2010 (ĠU L 106, 28.4.2010, p. 20).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-EFTA Nru 1/2012 tat-22 ta’ Marzu 2012.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2012 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

ta’

li temenda l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat mill-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru … ta’ … (1).

(2)

L-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 90/2011 tad-19 ta’ Lulju 2011 (2), li jinkorpora fil-Ftehim taż-ŻEE r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi bl-ajru fil-Komunità (3).

(3)

Il-Partijiet Kontraenti għandhom l-għan li jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru tal-EFTA taż-ŻEE jkunu intitolati li joperaw servizzi bl-ajru minn Stati Membri tal-Unjoni lejn l-Isvizzera u viċeversa.

(4)

Il-Partijiet Kontraenti għandhom l-għan ukoll li jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità jkunu intitolati li joperaw servizzi bl-ajru minn kwalunkwe Stat tal-EFTA taż-ŻEE lejn l-Isvizzera u viċeversa.

(5)

Għal dan il-għan, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jagħti, soġġett għall-kondizzjoni ta’ reċiproċità, lit-trasportaturi bl-ajru Svizzeri d-dritt li joperaw minn Stati Membri tal-Unjoni lejn Stat tal-EFTA taż-ŻEE u viċeversa.

(6)

L-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Punt 64a (ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

L-adattament attwali (b) għandu jkun rinumerat bħala l-adattament (c).

2.

L-adattament li ġej għandu jiddaħħal wara l-adattament (a):

“(b)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 15:

‘6.   Taħt l-istess kondizzjonijiet bħat-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità u dawk tal-EFTA taż-ŻEE, it-trasportaturi bl-ajru Svizzeri għandhom ikunu intitolati li joperaw servizzi bl-ajru minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea lejn Stati tal-EFTA taż-ŻEE u viċeversa. Dan għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni li, fuq naħa, il-Komunità u l-Isvizzera jagħtu lit-trasportaturi bl-ajru tal-EFTA taż-ŻEE d-dritt li joperaw servizzi bl-ajru minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea lejn l-Isvizzera u viċeversa, u min-naħa l-oħra, li l-Isvizzera u l-Istati tal-EFTA taż-ŻEE jagħtu lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità d-dritt li joperaw servizzi bl-ajru mill-Isvizzera lejn Stati tal-EFTA taż-ŻEE u viċeversa.

Kwalunkwe restrizzjoni fuq dan l-arranġament li tirriżulta minn ftehimiet bilaterali u multilaterali eżistenti li jorbtu lill-Komunità, minn naħa waħda, u l-Istati tal-EFTA taż-ŻEE, min-naħa l-oħra, hija b’dan imneħħija.’.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, sakemm ikunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*), jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera li jagħti lit-trasportaturi bl-ajru tal-EFTA taż-ŻEE d-dritt li joperaw servizzi bl-ajru minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea lejn l-Isvizzera u viċeversa, min-naħa, jew tal-ftehim bejn l-Istati tal-EFTA taż-ŻEE u l-Isvizzera li jagħti d-dritt lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità li joperaw servizzi bl-ajru mill-Isvizzera lejn Stat tal-EFTA taż-ŻEE u viċeversa, min-naħa l-oħra, liema minnhom ikun l-aħħar.

Artikolu 3

Il-President tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jinnotifika lill-Isvizzera bl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u bl-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, jekk ikun hemm.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L …

(2)  ĠU L 262, 6.10.2011, p. 62.

(3)  ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(*)  [Ma hemm indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]