26.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/66


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/330/PESK

tal-25 ta’ Ġunju 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2011/426/PESK li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/426/PESK (1) li taħtar lis-Sur Peter SØRENSEN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Bosnja u Ħerzegovina. Il-mandat tar-RSUE għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2015.

(2)

Id-Deċiżjoni 2011/426/PESK ipprovdiet lir-RSUE bl-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012. Għandu jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2013.

(3)

Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2011, irriafferma l-impenn tiegħu għat-tisħiħ ulterjuri tas-sostenn tiegħu lill-Bosnja u Ħerzegovina. It-tim tar-RSUE għandu għalhekk jiġi msaħħaħ skont dan sabiex ikollu għad-dispżizzjoni tiegħu il-persunal meħtieġ sabiex jagħti dan is-sostenn.

(4)

Il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja u Ħerzegovina (EUPM) ser tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2012. Ir-RSUE għandu jieħu responsabbiltà ta’ xi kompiti tal-EUPM fil-qasam tal-istat tad-dritt.

(5)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat.

(6)

Id-Deċiżjoni 2011/426/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif adatt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċizjoni 2011/426/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3(e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

jassigura l-implimentazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni fil-firxa kollha tal-attivitajiet fil-qasam tal-istat tad-dritt, l-infurzar tal-ġustizzja u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, jippromwovi l-koordinazzjoni ġenerali tal-Unjoni ta’, u jagħti direzzjoni politika lokali lil, l-isforzi mmexxija mill-Unjoni fis-sostenn lir-riforma tal-pulizija, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-kriminalità trans-konfinali u l-korruzzjoni u, f’dan il-kuntest, jipprovdi lir-RGħ u lill-Kummissjoni b’evalwazzjonjijiet u pariri kif meħtieġ;”.

(2)

L-Artikolu 3(f) huwa mħassar.

(3)

Fl-Artikolu 5(1) għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2013 għandu jkun ta’ EUR 5 250 000.”

(4)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Sigurtà

Skont il-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal immobilizzat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skont il-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jipprevedi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni u l-immaniġġar ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u li jipprevedi pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra tar-RSUE li jkunu ser jiġu mmobilizzati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE.

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha miftehmin, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, u jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport ta’ progress u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)   ĠU L 188, 19.7.2011, p. 30.