23.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Jannar 2012

dwar l-għajnuna mogħtija mill-Greċja lill-bdiewa li jipproduċu ċ-ċereali u lill-kooperattivi tal-ġbir taċ-ċereali

Nru SA 27354 (C 36/10) (ex NN 3/10, ex CP 11/09)

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9335)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/320/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fit-18 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni rċeviet e-mail b’xi informazzjoni dwar għajnuna allegatament mogħtija mill-Istat Grieg lill-bdiewa li jipproduċu ċ-ċereali u lill-Junjins tal-Kooperattivi Agrikoli tal-ġbir taċ-ċereali. L-allegata għajnuna ngħatat f’forma ta’ self mingħajr imgħax. Permezz tal-ittra tal-21 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi jipprovdu informazzjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni.

(2)

Bl-ittra tal-24 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni talbet lil min ressaq l-ilment biex jissottometti formola ta’ lment kompluta. Il-Kummissjoni rċeviet il-formola fit-8 ta’ Jannar 2009.

(3)

Wara li rċeviet il-formola tal-ilment, u ladarba l-awtoritajiet Griegi kienu għadhom ma wiġbux l-ittra tagħha tal-21 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni bagħtitilhom it-tieni ittra fit-23 ta’ Jannar 2009, fejn talbithom informazzjoni dwar il-miżura inkwistjoni. L-awtoritajiet Griegi ma wiġbux sad-data ta’ skadenza stabbilita f’dik l-ittra u l-Kummissjoni bagħtitilhom nota ta’ tfakkir fl-24 ta’ Marzu 2009.

(4)

Fl-14 ta’ Mejju 2009, l-awtoritajiet Griegi bagħtu ittra lill-Kummissjoni, fejn tawha biss informazzjoni limitata ħafna dwar l-għajnuna li kienet is-suġġett tal-ilment. Fil-11 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Griegi t-tieni talba għall-informazzjoni, b’mistoqsijiet iktar dettaljati fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat.

(5)

Fl-20 ta’ Lulju 2009, l-awtoritajiet Griegi talbu biex l-iskadenza għall-preżentazjoni tal-informazzjoni rilevanti tiġi estiża sat-30 ta’ Awwissu 2009. Permezz tal-ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni qablet ma’ din l-estensjoni. Permezz ta’ e-mail tal-1 ta’ Settembru 2009, l-awtoritajiet Griegi talbu li l-iskadenza tiġi estiża b’xahar ieħor. Permezz tal-ittra tal-14 ta’ Settembru, il-Kummissjoni kkonċediet it-tieni estensjoni tal-iskadenza, sat-30 ta’ Settembru 2009.

(6)

‘Il fuq minn xahrejn wara l-iskadenza stabbilita, il-Kummissjoni kienet għadha ma rċeviet l-ebda risposta, u fl-1 ta’ Diċembru 2009, hija bagħtet lill-awtoritajiet Griegi nota ta’ tfakkir, u tathom xahar ieħor biex jipprovdu l-informazzjoni. Fin-nota ta’ tfakkir, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Griegi dwar il-fatt li jekk ma jwiġbux fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni mbagħad tesiġi li l-informazzjoni tiġi pprovduta (“inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni”) skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (2)  (*). Barra minn hekk, mis-26 ta’ Jannar 2010, il-każ ġie rreġistrat bħala għajnuna mhux notifikata, bin-numru NN 3/10.

(7)

Id-data ta’ skadenza stabbilita mill-Kummissjoni ġiet approvata mingħajr ma l-awtoritajiet Griegi pprovdew informazzjoni. Għalhekk, fl-10 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, fejn talbet lill-awtoritajiet Griegi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa.

(8)

Finalment, l-awtoritajiet Griegi wieġbu fid-19 ta’ Marzu 2010. Fit-tweġiba tagħhom, huma qalu li kienu wieġbu għall-ittra tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009 bl-ittra tad-9 ta’ Frar 2010. Bl-ittra tas-17 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Griegi għadd ta’ mistoqsijiet oħra. Talbithom ukoll jagħtu prova li huma bagħtu lill-Kummissjoni ittra fid-9 ta’ Frar 2010. Sadattant, il-Kummissjoni rċeviet iktar informazzjoni mingħand min ressaq l-ilment dwar l-għajnuna inkwistjoni. Għalhekk hija bagħtet ittra oħra lill-awtoritajiet Griegi, fit-18 ta’ Ġunju 2010, li biha tathom l-opportunità li jikkummentaw dwar l-informazzjoni l-ġdida. L-awtoritajiet Griegi wieġbu l-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2010, iżda ma taw l-ebda prova li huma bagħtu lill-Kummissjoni ittra fid-9 ta’ Frar 2010. Fit-30 ta’ Settembru 2010, l-awtoritajiet Griegi wieġbu l-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ġunju 2010.

(9)

Bl-ittra tal-15 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Greċja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuna. Bl-ittra tal-21 ta’ Jannar 2011, l-awtoritajiet Griegi bagħtu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Griegi iktar mistoqsijiet fl-ittra tal-5 ta’ Mejju 2011, li għalihom irċeviet tweġibiet fis-6 ta’ Ġunju 2011.

(10)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand parti interessata waħda, li argumentat li l-miżuri inkwistjoni kienu illegali. L-awtoritajiet Griegi ġew innotifikati b’dawn il-kummenti, u min-naħa tagħhom imbagħad issottomettew il-kummenti tagħhom fl-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2011.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

ΙΙ.1.   Ilment

(11)

Fit-18 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni rċeviet e-Mail b’xi informazzjoni dwar għajnuna allegatament mogħtija mill-Istat Grieg lill-bdiewa li jipproduċu ċ-ċereali u lill-Junjins ta’ Kooperattivi Agrikoli. Skont dan l-ilment, l-għajnuna ngħatat f’forma ta’ self mingħajr imgħax, liema self ammonta għal EUR 150 miljun mogħti lill-Junjins ta’ Kooperattivi Agrikoli fis-settur taċ-ċereali.

II.2.   Sfond

(12)

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi, matul l-2008, il-bdiewa Griegi żergħu 60 elf ettaru (600 elf stremmata) ieħor ta’ qamħirrum meta mqabbel mas-sena preċedenti. Dan wassal għal produzzjoni żejda tal-qamħirrum, u sussegwentement għal prezzijiet imnaqqsa. L-istess ħaġa seħħet fil-produzzjoni tal-qamħ. Għaldaqstant, u minħabba l-kriżi ekonomika, il-gvern Grieg iddeċieda li jgħin lill-produtturi Griegi.

(13)

Skont l-awtoritajiet Griegi, l-għajnuna ngħatat lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jiġifieri l-Junjins tal-Kooperattivi Agrikoli (UACs). Il-UACs ma kellhomx il-fondi meħtieġa biex jappoġġjaw id-dħul tal-bdiewa, u lanqas ma kellhom l-aċċess għas-swieq finanzjarji biex jagħtu self, minħabba l-kriżi finanzjarja. L-awtoritajiet Griegi argumentaw ukoll li, li kieku matul ix-xitwa tal-2008 l-Kooperattivi biegħu l-ammonti ta’ ċereali miġbura, il-prezzijiet kienu jaqgħu b’mod sinifikanti u l-produtturi kienu jesperjenzaw telf sinifikanti. Għalhekk, biex jipprevieni li jkun hemm tnaqqis fil-prezzijiet taċ-ċereali, u biex jiżgura dħul minimu għall-bdiewa, il-gvern Grieg iddeċieda li jagħti lill-UACs, u indirettament lill-bdiewa (li kienu taw il-prodotti tagħhom lill-Kooperattivi), għajnuna f’forma ta’ self garantit mill-Istat b’sussidju fuq ir-rati tal-imgħax. Skont l-awtoritajiet Griegi, l-ammonti ta’ self mogħtija lill-UACs imbagħad jingħataw lill-produtturi għall-ammonti ta’ ċereali mixtrija jew riċevuti mill-UACs fl-2008. Minħabba l-kriżi protratta fis-suq taċ-ċereali, l-awtoritajiet Griegi estendew id-data ta’ skadenza li kienet ġiet stabbilita għar-ripagament tas-self sat-30 ta’ Settembru 2010.

ΙΙ.3.   Miżura

(14)

L-awtoritajiet Griegi adottaw għadd ta’ Deċiżjonijiet li bihom setgħet tibda tingħata l-għajnuna.

(15)

Id-Deċiżjoni Nru 56700/B.3033 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li ttieħdet mill-Ministru Grieg tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi tistipula dan li ġej, inter alia:

“Artikolu 1. Għaldaqstant, qed tingħata l-approvazzjoni għas-self b’sussidju fuq ir-rati tal-imgħax li ngħata, jew se jingħata, fl-2008, minn istituzzjonijiet Finanzjarji lill-Junjins tal-Kooperattivi Agrikoli (UACs) u lill-Kooperattivi Agrikoli Primarji fil-Greċja, biex b’hekk ikun għad-dispożizzjoni tal-produtturi għall-kwantitajiet ta’ ċereali mixtrija jew riċevuti fl-2008. Is-self inkwistjoni se jkun issussidjat minn dakinhar li jingħata. […]

Artikolu 3. Id-durata tas-self inkwistjoni għandha tkun mid-data meta jingħata sad-data meta jitħallas lura, li ma tistax tkun wara t-30.9.2009.[…]”

(16)

Id-Deċiżjoni Nru 2/88675/0025 tad-9 ta’ Diċembru 2008 li ttieħdet mill-Ministru Grieg tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi tistipula dan li ġej, inter alia:

“1.

L-Istat Grieg għandu jagħti garanzija ta’ 100 % biex jiżgura s-self li jkun se jingħata mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji lill-Junjins tal-Kooperattivi Agrikoli (UACs) u lill-Kooperattivi Agrikoli Primarji fil-Greċja, biex b’hekk dan ikun għad-dispożizzjoni tal-produtturi għall-kwantitajiet ta’ ċereali mixtrija jew riċevuti fl-2008, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 2322/1995. Is-self mogħti mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji lill-UACs u lill-Kooperattivi Agrikoli Primarji fl-2008 għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni mid-data minn meta jingħata. L-ammont totali ta’ self li ngħata, jew li se jingħata, m’għandux jaqbeż il-EUR 150 miljun. […]

3.

[…] F’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas lura tal-ammont pendenti tas-self mal-maturità, tali ammont isir dovut u pagabbli. Sabiex jirċievu r-rimborż tal-pretensjonijiet iggarantiti tagħhom mill-Istat, il-Banek ikollhom jissottomettu d-dokumenti ta’ appoġġ speċifikati fid-Deċiżjoni Nru 2/478/0025/4.1.2006 (il-Gazzetta tal-Gvern, Serje II, Nru 16/13.1.2006) meħuda mill-Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi.”

(17)

Skont id-deċiżjonijiet Nru 46825/B.2248 tad-29 ta’ Settembru 2009 u Nru 2/69591/0025 tat-2 ta’ Ottubru 2009 meħuda mill-Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi, id-data ta’ skadenza stipulata għar-ripagament tas-self ġiet estiża għat-30 ta’ Diċembru 2010.

(18)

Id-Deċiżjoni Nru 8264 tad-9 ta’ Diċembru 2008 meħuda mill-Ministru Grieg tal-Iżvilupp Rurali u l-Ikel ippermettiet l-allokazzjoni tal-ammont ta’ EUR 150 miljun lil 57 Junjin tal-Kooperattivi Agrikoli. Semmiet ukoll id-deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2008 tal-Kummissjoni Governattiva dwar l-għoti ta’ self li jammonta għal EUR 150 miljun lill-Junjins tal-Kooperattivi Agrikoli u l-membri tagħhom.

(19)

Skont l-ittra li l-awtoritajiet Griegi bagħtu fid-19 ta’ Marzu 2010, is-self kollu inkwistjoni (minbarra wieħed) ingħata mill-Bank Agrikolu tal-Greċja (minn issa ‘l quddiem “ATE Bank”). L-awtoritajiet Griegi żiedu li s-sussidju fuq ir-rati tal-imgħax u l-garanzija mogħtija mill-Istat fis-settur taċ-ċereali kienu meħtieġa biex jiġi indirizzat it-tnaqqis fil-prezzijiet fl-2008, liema tnaqqis kien ikkawżat mill-produzzjoni żejda taċ-ċereali fil-Greċja. F’din l-ittra, l-awtoritajiet Griegi esprimew l-opinjoni li l-faċilità ta’ kreditu żgħir mogħtija mill-Istat ma setgħetx titqies bħala għajnuna mill-Istat, ladarba la kkawżat, u lanqas heddet li tikkawża, distorsjoni tal-kompetizzjoni, u lanqas ma affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-awtoritajiet Griegi żiedu li l-benefiċċju mill-miżuri inkwistjoni għall-produtturi individwali kien wieħed minimu.

(20)

Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Self bejn l-ATE Bank u l-UACs (il-“Ftehim ta’ Self”), is-self mogħti minn ATE Bank għandu jintuża biss mill-mutwatarju għax-xiri jew għall-aċċettazzjoni ta’ ċereali prodotti fl-2008.

(21)

Fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ self, l-awtoritajiet Griegi indikaw li r-rata tal-imgħaxkienet ir-rata applikabbli għall-bonds tat-teżor Grieg mifruxa fuq perjodu ta’ tnax-il xahar (maħruġa eżatt qabel id-data li fiha bdew japplikaw ir-rati tal-imgħax), miżjuda bi 30 %. Argumentaw ukoll li l-Ftehim ta’ Self bejn l-ATE Bank u l-UACs kien jinkludi kondizzjoni li tagħti prova li ma kienet involuta l-ebda għajnuna mill-Istat. Il-kondizzjoni kienet tgħid: “B’hekk, il-mutwatarju jassumi l-obbligu, qabel ma jingħata s-self, li flimkien mal-Istat Grieg, kif irrappreżentat mill-Bank għall-iskopijiet tas-sitwazzjoni inkwistjoni, jiffirma kuntratt ta’ kollateral fuq il-prodotti, il-prodotti sekondarji u mobbli oħra li l-mutwatarju jista’ jixtri b’dan is-self, u fuq il-prodotti kollha li huma fis-sjieda tiegħu jew taħt il-ġestjoni tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 2844/2000.” Fi kliem ieħor, il-kollateral jiġi pprovdut mill-UACs lill-Istat (kif irrappreżentat mill-ATE Bank), fir-rigward tal-prodotti mixtrija mill-UACs permezz tas-self.

(22)

Id-Deċiżjoni Nru 2/21304/0025 ittieħdet mid-Deputat Ministru tal-Finanzi fis-26 ta’ Ottubru 2010. Skont din id-Deċiżjoni:

“A.

Il-Junjins tal-Kooperattivi Agrikoli (UACs) u l-Kooperattivi Agrikoli Primarji fil-Greċja li kisbu self garantit mill-Istat Grieg skont id-Deċiżjoni Nru 2/88675/0025/9.12.2008 meħuda mid-Deputat Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi, kif inhi fis-seħħ attwalment, għandu jkollhom l-għażla li jħallsu s-self garantit mill-Istat Grieg iddatat it-30.9.2010, skont id-deċiżjoni msemmija hawn fuq, bil-mod li se jiġi spjegat hawn taħt:

 

Il-perjodu kollu tas-self inkluż fil-ħlas huwa stabbilit għal ħames snin, pagabbli permezz ta’ ripagamenti kull sitt xhur, bl-ewwel ripagament jitħallas fit-30.3.2011 u l-aħħar wieħed fit-30.9.2015.

 

Barra minn hekk, kull mutwatarju għandu jħallas lill-Istat Grieg, sa meta jiskadi s-self, primjum li jammonta għal 2 % tal-ammont attwalment mhux imħallas tas-self. L-ewwel depożitu se jsir malli jitħallas l-ewwel ripagament fit-30.3.2011.

 

B’hekk il-kollaterali eżistenti dwar iż-żrieragħ li jiffavorixxu lill-Istat Grieg jiġu aboliti.

 

Ir-rata tal-imgħax għas-self stabbilita se tkun ir-rata użata minn kull Istituzzjoni Finanzjarja għall-istess kategorija ta’ self. […]”

III.   KUMMENTI TAL-GREĊJA

(23)

Fit-tweġiba tagħhom tal-21 ta’ Jannar 2011, l-awtoritajiet Griegi argumentaw li kemm is-sussidju fuq ir-rati tal-imgħax kif ukoll il-garanzija mill-Istat għas-self għandhom jitqiesu mill-perspettiva tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas Komunitarju temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (4) (minn issa ‘l quddiem “qafas temporanju”). B’mod partikolari, kien hemm l-argument li s-self inkwistjoni ngħata matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 u l-2009 bl-għan li tingħeleb il-kriżi.

(24)

L-awtoritajiet Griegi sostnew ukoll li, minħabba n-numru kbir ta’ benefiċjarji finali (membri tal-kooperattiva), il-benefiċċju mis-self mingħajr imgħax għal kull benefiċjarju tant kien limitat li ma setax jitqies bħala self li qed jikkawża distorsjoni.

(25)

Finalment, l-awtoritajiet Griegi argumentaw li l-obbligu li kull mutwatarju jħallas primjum ta’ assigurazzjoni ta’ 2 %, skont id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/21304/0025/26.10.2010 juri li ma kien hemm l-ebda għajnuna mill-Istat.

(26)

Fl-ittra tagħhom tal-1 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet Griegi rrepetew għadd ta’ argumenti ppreżentati matul il-proċedura dwar il-ħtieġa li dawn il-miżuri jiġu implimentati u r-raġunijiet għal dan. Huma argumentaw ukoll li l-kwistjoni tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/21304/0025/26.10.2010 u l-applikazzjoni ta’ rata tal-imgħax meta s-self kien ristrutturat (ir-rata applikata minn kull istituzzjoni finanzjarja għall-istess kategorija ta’ self) indikaw li s-sussidju fuq ir-rati tal-imgħax ma kkostitwixxiex għajnuna. Żiedu li, fil-perjodu bejn l-2009 u t-28 ta’ Novembru 2011, is-sussidji fuq ir-rati tal-imgħax mogħtija mill-Istat ammontaw għal EUR 7 762 113.

ΙV.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

ΙV.1.   L-eżistenza tal-għajnuna fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(27)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(28)

Qabel ma tgħaddi għall-valutazzjoni ta’ jekk il-miżura inkwistjoni tissodisfax il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni tindika li hemm żewġ aspetti tal-miżura li għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni: (i) is-sussidju fuq ir-rati tal-imgħax, u (ii) il-garanzija mill-Istat.

ΙV.1.1.   Is-Sussidju fuq ir-Rati tal-imgħax

(29)

Is-sussidju fuq ir-rati tal-imgħax mogħti mill-Istat Grieg lill-kooperattivi skont id-Deċiżjoni Ministerjali Nru 56700/B.3033/8.12.2008, jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Is-sussidju jingħata mill-Istat Grieg u jikkonferixxi vantaġġ evidenti, ladarba fir-realtà jrendi s-self kompletament ħieles mill-imgħax. Il-benefiċjarji diretti tal-għajnuna huma l-kooperattivi. Madankollu, ladarba bl-għoti tas-self l-intenzjoni tal-Istat kienet li jiżdied id-dħul tal-bdiewa Griegi billi b’mod artifiċjali jiżdied il-prezz taċ-ċereali mibjugħa mill-produtturi lill-kooperattivi, il-bdiewa (produtturi) huma l-benefiċjarji indiretti tal-għajnuna. Finalment, il-kondizzjoni ta’ selettività ġiet issodisfata wkoll, ladarba l-benefiċjarji tal-għajnuna huma dawk il-kooperattivi biss u, finalment, il-bdiewa li xtraw jew ipproduċew ċereali fil-Greċja fl-2008. Is-sussidju fuq ir-rati tal-imgħax ingħata qabel ma ġiet applikata d-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/21304/0025/26.10.2010 u qabel il-ħlas tas-self il-ġdid li stipula li r-rata tal-imgħax applikabbli għall-ħlas tas-self għandha tkun ir-rata applikata minn kull istituzzjoni finanzjarja għall-istess kategorija ta’ self.

(30)

Fir-rigward tal-kondizzjoni tad-“distorsjoni tal-kompetizzjoni”, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li l-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża tiġi msaħħa meta mqabbla ma’ impriżi kompetittivi oħra, billi tingħata benefiċċju ekonomiku li kieku ma kienx ikollha normalment fin-negozju tagħha, jindika possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (5). Jidher li l-għajnuna mogħtija lil impriża taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fejn dik l-impriża topera f’suq miftuħ għall-kummerċ intra-Komunitarju (6). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, mhemmx limitu jew perċentwali, li taħthom jista’ jiġi kkunsidrat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhuwiex milqut. Anki l-ammont relattivament żgħir tal-għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża ma jeskludix minn qabel il-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-impriżi jista’ ma jkunx milqut (7). Hemm ammont sostanzjali ta’ kummerċ intra-Komunitarju fis-settur taċ-ċereali. Għalhekk, il-miżura attwali tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(31)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jidher li fir-rigward tas-sussidju fuq ir-rati tal-imgħax, il-kondizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107(1) ġew issodisfati.

ΙV.1.2.   Il-Garanzija mill-Istat

(32)

Permezz tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/88675/0025/9.12.2008, l-Istat Grieg iddeċieda li jagħti lill-Kooperattivi l-garanzija tiegħu għas-self kuntrattat mal-ATE Bank. Inġenerali, il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat japplikaw għall-garanziji. Kif indikat fis-Sezzjoni 2.1 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (8) (minn issa ‘l quddiem “Avviż dwar il-Garanziji”), il-garanziji mogħtija direttament mill-Istat jistgħu tabilħaqq jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Il-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat huwa li r-riskju assoċjat mal-garanzija jiġġarrab mill-Istat. Normalment, primjum adegwat għandu jagħmel tajjeb għal dan ir-riskju (Sezzjoni 2.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji). Meta l-Istat ma jesiġix tali primjum, hemm benefiċċju kemm għall-impriża li tingħata l-garanzija mill-Istat kif ukoll tnaqqis fir-riżorsi tal-Istat. Il-garanzija f’dan il-każ għalhekk tingħata permezz tar-riżorsi tal-Istat. L-Avviż dwar il-Garanziji jkompli jispeċifika li jekk jiġi żvelat li qatt ma saru pagamenti mill-Istat li jgawdi minn garanzija, xorta jista’ jkun għad hemm lok għal għajnuna mill-Istat.

(33)

Il-benefiċċju mogħti lill-UACs u finalment lill-bdiewa permezz tal-garanzija huwa evidenti: il-mutwatarji ma kellhomx iħallsu, tal-inqas sat-30 ta’ Marzu 2011 (ara l-premessa 22), il-primjum adegwat li normalment għandu jitħallas biex jagħmel tajjeb għar-riskju xieraq. Barra minn hekk, meta mqabbla ma’ sitwazzjoni bla garanzija, il-garanzija mill-Istat tippermetti li l-mutwatarji jiksbu termini finanzjarji għas-self aħjar minn dawk li normalment ikunu disponibbli fis-swieq finanzjarji. Is-Sezzjoni 3.4 tal-Avviż dwar il-Garanziji tipprovdi lista tal-kondizzjonijiet kollha li għandhom jiġu ssodisfati sabiex skema ta’ garanziji mill-Istat ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat. Huwa evidenti li l-miżura li qed tiġi eżaminata ma tissodisfax il-kondizzjonijiet kollha inkwistjoni. Pereżempju, jidher li tal-inqas tnejn minn dawn il-kondizzjonijiet ma ġewx issodisfati f’dan il-każ: il-garanzija inkwistjoni tkopri iktar minn 80 % tas-self, u jidher li l-iskema li qed tiġi eżaminata mhijiex limitata għall-mutwatarji li jinsabu f’diffikultà finanzjarja.

(34)

Kif inhu msemmi fil-premessa 29, il-benefiċjarji diretti ta’ din l-għajnuna huma l-kooperattivi. Madankollu, ladarba bl-għoti tas-self l-intenzjoni tal-Istat Grieg kienet li jiżdied id-dħul tal-bdiewa Griegi, billi b’mod artifiċjali jiżdied il-prezz taċ-ċereali mibjugħa mill-produtturi lill-Kooperattivi, il-bdiewa (produtturi) huma l-benefiċjarji indiretti tal-għajnuna. Il-kondizzjoni ta’ selettività ġiet issodisfata wkoll, ladarba l-benefiċjarji tal-għajnuna huma biss dawk il-kooperattivi u l-bdiewa li xtraw jew ipproduċew iċ-ċereali fil-Greċja fl-2008.

(35)

L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-kondizzjonijiet tad-“distorsjoni tal-kompetizzjoni” u tal-“effett fuq il-kummerċ” bħal dawk imsemmija fil-premessa 30.

(36)

Finalment, l-awtoritajiet Griegi argumentaw li l-kollateral ipprovdut mill-UACs lill-Istat jindika li mhemm l-ebda għajnuna. Madankollu, kif deċiż mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar it-tnedija tal-proċedura, dan mhuwiex il-każ għar-raġunijiet li ġejjin: (a) L-ewwel nett, jekk il-kooperattivi ma jaslux li jħallsu lura s-self, ikun jiddependi mill-Istat jekk isirx użu mid-drittijiet ikkonferiti mill-ftehimiet ta’ kollateral jew le. (b) It-tieni nett, jidher li l-kollateral ma setax jagħmel tajjeb għall-ammont sħiħ tas-self. Ir-raġuni hija li l-prezz imħallas mill-UACs lill-bdiewa għax-xiri taċ-ċereali (li normalment għandu jkun l-istess bħall-ammonti mislufa), huwa ogħla mill-prezz tas-suq.

(37)

Għandu jiġi nnutat ukoll li dan il-kollateral ġie abolit permezz tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/21304/0025/26.10.2010. Kif jissemma fil-premessa 22 hawn fuq, dan il-kollateral ġie sostitwit bi primjum ta’ 2 % minn dakinhar li kien dovut l-ewwel ripagament fit-30 ta’ Marzu 2011. Fl-ittra tagħhom tas-7 ta’ Ġunju 2011, l-awtoritajiet Griegi qalu li, f’konformità mal-Avviż dwar il-Garanziji, l-għoti ta’ primjum joffri protezzjoni għall-impriżi żgħar u medji, liema impriżi jista’ jkollhom l-abbiltà ta’ ripagament tagħhom mhedda minn kondizzjonijiet negattivi. Dan l-argument huwa inammissibbli minħabba raġunijiet li se jiġu deskritti fid-dettall fil-premessi 38, 39 u 40.

(38)

L-ewwel nett, l-għoti ta’ primjum ta’ 2 % ma ġiex stabbilit qabel Ottubru 2010 u kien japplika biss għall-ammonti li kienu għadhom dovuti f’Settembru 2010. Anki jekk, quod non, naċċettaw li dan il-primjum neħħa kull element ta’ għajnuna mill-Istat, il-garanzija mill-Istat xorta tibqa’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sa dak iż-żmien.

(39)

It-tieni nett, mill-mod kif inhi miktuba d-Deċiżjoni Ministerjali Nru 2/21304/0025/26.10.2010 jidher li l-UACs huma kapaċi, iżda mhux obbligati, jużaw id-dispożizzjoni rilevanti (ara l-premessa 22). L-awtoritajiet Griegi nnutaw f’dan ir-rigward li, fir-realtà, il-mutwatarji kienu kapaċi jużaw id-dispożizzjoni inkwistjoni ladarba, kif stipulat fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Self, sakemm ma jħallsux lura s-self sat-30 ta’ Settembru 2009, l-ammont dovut isir pagabbli lill-Istat fi żmien tliet xhur, u dan tal-aħħar min-naħa tieħu jieħu azzjoni ta’ infurzar amministrattiva kontra l-mutwatarju. Anki dan l-argument huwa inammissibbli: jekk l-Istat ma jasalx li jħallas lura l-ammonti dovuti, mhemmx ċertezza li huwa se jieħu azzjoni kontra d-debitur oriġinali bl-għan li jirkupra dawn l-ammonti, iżda dejjem ikollu d-diskrezzjoni li ma jagħmilx dan.

(40)

Finalment, jidher li l-primjum ta’ 2 % fih innifsu mhuwiex element li, skont l-Avviż dwar il-Garanziji, jagħti prova li mhemm l-ebda għajnuna mill-Istat, kif jargumentaw l-awtoritajiet Griegi. Anki jekk naċċettaw li l-benefiċjarji kollha taħt il-miżura kienu impriżi żgħar u medji, kif jargumentaw l-awtoritajiet Griegi, il-parti tal-Avviż dwar il-Garanziji li tkun tapplika kieku tkun is-Sezzjoni 3.5. F’din is-sezzjoni, l-Avviż jispjega li, sabiex garanzija mogħtija taħt skema li tesiġi li primjum uniku ma titqiesx li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet l-oħra kollha stipulati f’punti 3.4(a), (b), (c), (e), (f) u (g). Kif diġà ġie spjegat fil-premessa 33, dawn il-kondizzjonijiet ma ġewx issodisfati f’dan il-każ: il-garanzija inkwistjoni tkopri iktar minn 80 % tas-self, u jidher li l-iskema li qed tiġi eżaminata mhijiex limitata għall-mutwatarji li jinsabu f’diffikultà finanzjarja.

(41)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jidher li fir-rigward tal-garanzija mill-Istat għas-self, il-kondizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107(1) ġew issodisfati.

ΙV.2.   Kompatibbiltà tal-għajnuna

ΙV.2.1.   Kummenti ġenerali

(42)

It-Trattat jippermetti xi eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern stabbilit fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Uħud minn dawn l-eċċezzjonijiet ovvjament ma japplikawx f’dan il-każ. Notevolment, dawk stipulati fl-Artikolu 107(2), li jkopru l-għajnuna ta’ natura soċjali, l-għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali u l-għajnuna relatata mar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja.

(43)

L-istess japplika għall-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(3)(a) u (d) tat-Trattat, ladarba l-għajnuna inkwistjoni la kienet intiża għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn il-livell tal-għajxien huwa eżaġeratament baxx jew fejn hemm livell serju ta’ qgħad, u lanqas ma kienet intiża għal proġetti ta’ interess Ewropew komuni jew għall-promozzjoni tal-konservazzjoni tal-kultura jew tal-patrimonju.

(44)

Għalhekk, l-unika deroga li tista’ tapplika għal dan il-każ hija dik stipulata fl-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, li tistabbilixxi li għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern fejn tali għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa livell li jkun kuntrarju għall-interess komuni.. Sabiex tkun koperta minn din id-deroga, l-għajnuna għandha tkun konformi mar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat. Fil-qasam tal-agrikoltura, dawn ir-regoli huma stabbiliti fil-linji gwida tal-Kummissjoni għall-għajnuna mill-Istat fis-Settur tal-Agrikoltura u l-Forestrija 2007-2013 (9) (minn issa ‘l quddiem il-“Linji gwida agrikoli”).

(45)

Skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha, l-iskop tal-miżura inkwistjoni kien li tiġi trattata s-sitwazzjoni kkawżata mill-ammont żejjed ta’ ċereali prodott fil-Greċja fl-2008. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Griegi jammettu fl-ittra tagħhom tad-19 ta’ Marzu 2010 li wieħed mill-iskopijiet tal-miżura kien li “jiġi salvagwardjat id-dħul minimu għall-produtturi”.

(46)

Barra minn hekk, ladarba s-self ta’ EUR 150 miljun kien maħsub għax-xiri mill-UACs ta’ ċereali prodotti mill-membri tagħhom (Deċiżjoni Ministerjali Nru 8264 tad-9 ta’ Diċembru 2008), jidher li l-għajnuna ngħatat abbażi tal-kwantitajiet prodotti.

(47)

It-tip ta’ għajnuna mogħtija mill-Greċja mhuwiex stipulat fil-Linji gwida agrikoli jew f’regoli oħra tal-Unjoni dwar is-suġġett, u l-awtoritajiet Griegi lanqas ma qalu li dan huwa l-każ. Għalhekk jidher li din l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna għall-operat li kienet maħsuba biex iżżid id-dħul tal-bdiewa billi b’mod artifiċjali jiżdied il-prezz taċ-ċereali. Interventi bħal dawn huma strettament ipprojbiti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(48)

Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tad-dipartimenti kompetenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-għajnuna għall-operat, jiġifieri l-għajnuna maħsuba biex ittaffi l-piż impost fuq l-impriżi mill-ispejjeż li normalment jinkorru fil-ġestjoni ordinarja tal-attivitajiet tagħhom, fil-prinċipju kkawżat distorsjoni tal-kompetizzjoni sa tali punt li, min-naħa l-waħda, ma ffaċilitat l-“iżvilupp” tal-ebda settur ekonomiku u, min-naħa l-oħra, tat lill-benefiċjarji għajnuna finanzjarja artifiċjali li kkawżat distorsjoni kontinwa tal-kompetizzjoni u affettwat lill-kummerċ b’mod li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

(49)

B’mod partikolari, is-swieq tal-prodotti agrikoli fl-Unjoni Ewropea huma rregolati bir-reqqa permezz tal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq (OKS). Wieħed mill-kompiti tal-OKS huwa li tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi fis-settur ikkonċernat fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Jidher li l-miżuri ta’ appoġġ lis-suq bħal dawk introdotti u ffinanzjati mill-Greċja jmorru kontra l-għanijiet tal-OKS taċ-ċereali u x’aktarx huma ta’ natura tali li jikkawżaw disturb serju fl-operat tagħha.

(50)

Hekk kif indikat ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, (10) kull intervent minn Stat Membru fil-mekkaniżmi tas-suq, esklużi dawk speċifikament stipulati f’regolament tal-Unjoni, jirriskja li jinterferixxi mal-operat tal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq u li jagħti vantaġġi inġusti lil ċerti gruppi ekonomiċi fl-Unjoni. B’mod partikolari, f’sentenza iktar riċenti (11), il-Qorti għal darba oħra indikat li fl-oqsma koperti minn organizzazzjoni komuni, speċjalment meta din l-organizzazzjoni tkun ibbażata fuq sistema komuni ta’ prezzijiet, l-Istati Membri ma jistgħux jintervienu aktar, permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali meħudin unilateralment, fil-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezzijiet irregolati, fl-istess stadju ta’ produzzjoni, mill-organizzazzjoni komuni.

(51)

Għandu jiġi nnutat li l-mekkaniżmi nazzjonali għall-għajnuna għal prezzijiet bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ jikkompromettu s-sistema komuni għall-prezzijiet u b’mod iktar ġenerali l-finalità tal-mekkaniżmi stabbiliti mir-regolamenti tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, minkejja li fil-mira tagħhom kellhom id-dħul tal-bdiewa.

(52)

Finalment, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll jekk l-għajnuna setgħetx tkun kompatibbli skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - il-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà (12). Madankollu, anki jekk il-benefiċjarju kien f’diffikultà meta l-impriża ngħatat l-għajnuna, fi ħdan it-tifsira ta’ Sezzjoni 2 ta’ dawk il-Linji Gwida (fatt li mhuwiex ċar), l-awtoritajiet Griegi ma pprovdew l-ebda indikazzjoni li d-diversi kondizzjonijiet stipulati fiha, li possibbilment jistgħu jiġġustifikaw l-għoti tal-għajnuna lil benefiċjarju speċifiku, kienu ssodisfati fil-każijiet inkwistjoni.

IV.2.2.   Il-Qafas temporanju

(53)

Sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti tal-għajnuna, l-awtoritajiet Griegi jsemmu l-kriżi ekonomika u n-nuqqas ta’ aċċess min-naħa tal-Kooperattivi għall-finanzjament. Fl-2009, il-Kummissjoni, wara li rrikonoxxiet l-istat serju tal-kriżi finanzjarja, adottat il-“Qafas Temporanju” (13), li bih iddikjarat il-konformità mal-għajnuna lis-suq intern, li fil-każ tal-produtturi agrikoli primarji tista’ tilħaq il-EUR 15 000.

(54)

Fl-ittra tagħhom tal-21 ta’ Jannar 2011, l-awtoritajiet Griegi argumentaw li kemm is-sussidju fuq ir-rati tal-imgħax kif ukoll il-garanzija mill-Istat għas-self kienu koperti mid-dispożizzjonijiet tal-qafas temporanju. B’mod partikolari, argumentaw li s-self inkwistjoni ngħata matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 u l-2009 u kellu l-għan li jegħleb il-kriżi. L-awtoritajiet Griegi żiedu li, minħabba n-numru kbir ta’ benefiċjarji finali (membri tal-kooperattiva), il-benefiċċju mis-self mingħajr imgħax għal kull benefiċjarju tant kien limitat li ma setax jitqies bħala self li kkawża distorsjonijiet. Finalment, l-awtoritajiet Griegi sostnew li, skont l-Artikolu 7 tal-qafas temporanju, id-dispożizzjonijiet tiegħu applikaw ukoll f’każijiet ta’ skemi ta’ għajnuna mhux notifikati mogħtija mill-Istat.

(55)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Griegi u tinsisti li d-dispożizzjonijiet tal-qafas temporanju ma japplikawx għall-każ inkwistjoni. L-ewwel nett, l-ambitu tal-qafas temporanju ġie estiż biex jinkludi l-produzzjoni agrikola primarja fil-31 ta’ Ottubru 2009 (14). Għalhekk, kull skema ta’ miżuri mill-Istat approvata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din l-estensjoni ma tistax tkun koperta mill-qafas temporanju. F’dan il-każ partikolari, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Ministerjali Nru 56700/B.3033/8.12.2008 jiddikjara li s-sussidju fuq ir-rati tal-imgħax għandu x’jaqsam ma’ self li ngħata, jew għandu jingħata fl-2008. Konsegwentement, is-self imsemmi, u għalhekk l-għajnuna mill-Istat, ingħataw qabel il-31 ta’ Ottubru 2009.

(56)

It-tieni nett, il-Kummissjoni għandha tindika li l-miżuri inkwistjoni ma jissodisfawx il-kondizzjoni stipulata fil-qafas temporanju, li tiddikjara li sabiex tali għajnuna titqies kompatibbli, għandha tapplika għas-settur agrikolu kollu, mhux għal settur ta’ prodott wieħed, bħal pereżempju s-settur taż-żrieragħ bħal fil-każ inkwistjoni.

V.   KONKLUŻJONI

(57)

Il-Kummissjoni sabet li l-Greċja implimentat illegalment l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, u b’hekk marret kontra l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Ladarba l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern, il-Greċja għandha twaqqaf l-iskema kompletament u tirkupra l-għajnuna mogħtija mingħand il-benefiċjarji.

(58)

Għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna jekk, meta tingħata, tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati f’regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (15), applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

(59)

Għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema inkwistjoni li, fiż-żmien meta tingħata, tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati f’regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 jew taħt skema ta’ għajnuna oħra approvata hija kompatibbli mas-suq intern sal-limitu massimu tal-intensitajiet tal-għajnuna li japplikaw għal dan it-tip ta’ għajnuna,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema stabbilita favur il-bdiewa li jipproduċu ċ-ċereali u l-kooperattivi agrikoli tal-ġbir taċ-ċereali skont id-Deċiżjonijiet Ministerjali Nru 56700/Β.3033/8.12.2008 u Nru 2/88675/0025/9.2.2008 f’forma ta’ self garantit mill-Istat Grieg b’sussidju fuq ir-rati tal-imgħax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Din l-għajnuna mill-Istat li illegalment ġiet mogħtija mill-Greċja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxix għajnuna jekk, meta tingħata, hija tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f’regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 applikabbli fiż-żmien meta tingħata.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fiż-żmien meta tingħata, tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati f’regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 jew taħt skema ta’ għajnuna oħra approvata hija kompatibbli mas-suq intern sal-limitu massimu tal-intensitajiet tal-għajnuna li japplikaw għal dan it-tip ta’ għajnuna.

Artikolu 4

1.   Il-Greċja tista’ tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarji.

2.   Is-somom li se jkunu rkuprati jakkumulaw imgħax mid-data li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sakemm jiġu fil-fatt irkuprati.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat b’mod kompost skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (16).

4.   Il-Greċja għandha tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha taħt l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 wara d-data tan-notifikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Arikolu 1 se jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Greċja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifikazzjoni tagħha.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja għandha tissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

lista tal-benefiċjarji li rċivew l-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta minn kull wieħed minnhom;

(b)

l-ammont totali (kapital u imgħax) li se jkun irkuprat mingħand kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħuda u li huma ppjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji ntalbu jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Il-Greċja għandha żżomm lill-Kummisjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ikun ikkompletat. Hija għandha tissottometti immedjatament, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dwar dawk ippjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha wkoll tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u imgħax diġà rkuprati mill-benefiċjarji.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 90, 22.3.2011, p. 11.

(2)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(*)  Illum il-ġurnata l-Artikolu 88 tat-Trattat KE. Sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE ġew sostitwiti bl-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rispettivament.

(3)  Ara n-nota tal-qiegħ Nru 1.

(4)  ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1. Il-Komunikazzjoni ġiet emendata f’Ottubru 2009 (ĠU C 261, 31.10.2009).

(5)  Sentenza tal-Qorti fil-Kawża 730/79 Philip Morris Holland BV vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1980] Ġabra 2671, 1980-III, p. 13.

(6)  Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti fil-Kawża 102/87 Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1988] Ġabra 4067.

(7)  Sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-280/00, Altmark Trans GmbH, [2003] Ġabra p. I-7741, paragrafu 81.

(8)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(9)  ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

(10)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti fil-Kawża 83/78, Pigs Marketing Board vs Redmond [1978] Ġabra, p. 2347, (1978, p. 739) paragrafu 60.

(11)  Sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-283/03, Kuipers, [2005] Ġabra p. I-04255, paragrafi 42, 49 u 53.

(12)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(13)  Ara n-nota tal-qiegħ Nru 4.

(14)  Ara l-emenda għall-qafas temporanju (ĠU C 261, 31.10.2009, p. 2).

(15)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(16)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.