30.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/68


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/281/PESK

tad-29 ta' Mejju 2012

fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà b’appoġġ għall-proposta tal-Unjoni għal Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extra-atmosferiku.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-attivitajiet fl-ispazju qed jespandu u l-importanza tagħhom hija kruċjali. L-ispazju huwa riżors għall-pajjiżi kollha fid-dinja. Dawk li għad m’għandhomx attivitajiet fl-ispazju ser ikollhom fil-futur. Għalhekk l-Unjoni tikkunsidra li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku huwa objettiv importanti li ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp u s-sigurtà tal-Istati. Dan l-objettiv huwa parti mill-politika tal-Unjoni dwar l-ispazju.

(2)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà li tidentifika sfidi u theddid globali, u li ssejjaħ għal ordni internazzjonali bbażata fuq id-dritt u fuq multilateraliżmu effettiv u istituzzjonijiet internazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb.

(3)

L-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà tirrikonoxxi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-qafas fundamentali għar-relazzjonijiet internazzjonali u titkellem favur it-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti u li tiġi mgħammra biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha u taġixxi b’mod effettiv. L-Unjoni taħdem għal grad għoli ta’ kooperazzjoni fl-oqsma kollha ta’ relazzjonijiet internazzjonali, sabiex, fost l-oħrajn, iżżomm il-paċi, tipprevjeni l-kunflutti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f’konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(4)

L-Unjoni tinsab impenjata għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza u ta’ bini ta’ fiduċja, bħala mezz għall-kisba ta’ sigurtà tal-ispazju msaħħa. L-Unjoni tinsab ukoll partikolarment sensittiva għall-kwistjoni tar-riskji maħluqa minn residwi spazjali, mingħajr distinzjoni tal-oriġini tagħhom, li huma ta’ ħsara għal attivitajiet attwali u futuri.

(5)

Fit-18 ta’ Settembru 2007, fit-tweġiba tagħha għar-riżoluzzjoni 61/75 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-6 ta’ Diċembru 2006, l-Unjoni ssottolinjat li “regoli tat-traffiku” volontarji dwar attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku li japprovaw l-aħjar prattiki bejn atturi spazjali jaqdu dak l-objettiv.

(6)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-8-9 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea appoġġa l-ewwel abbozz għal Kodiċi ta’ Kondotta għall-attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, li l-Istati ser jipparteċipaw fih fuq bażi volontarja, u li fih miżuri ta’ trasparenza u ta’ fiduċja, bħala bażi għal konsultazzjonijiet mal-pajjiżi terzi ewlenin li għandhom attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku jew għandhom interessi fl-attivitajiet tal-ispazju extra-atmosferiku, bil-għan li jinkiseb test li jkun aċċettabbli għall-ikbar għadd ta’ pajjiżi.

(7)

Fid-dawl ta’ konsultazzjonijiet ma’ nazzjonijiet prinċipali li jwettqu attivitajiet fl-ispazju, l-Unjoni pproduċiet verżjoni riveduta tal-abbozz ta’ Kodiċi ta’ Kondotta, li abbażi tiegħu l-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2010 ta mandat lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għat-twettiq ta’ konsultazzjonijiet ulterjuri u usa’,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Biex tappoġġa l-proposta tagħha għal Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extra-atmosferiku, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

konsultazzjonijiet mal-Istati, attivi jew li għadhom mhux attivi dwar kwistjonijiet spazjali biex jiddiskutu l-proposta u biex jiġbru l-fehmiet tagħhom;

ġbir ta’ appoġġ espert għall-proċess tal-iżvilupp ta’ Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extra-atmosferiku.

Artikolu 2

1.   F’dan il-kuntest, il-proġetti li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandhom ikopru l-attivitajiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

attivitajiet ta’ komunikazzjoni: promozzjoni tal-proposta għal Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extra-atmosferiku;

(b)

organizzazzjoni ta’ massimu ta’ tliet laqgħat multilaterali tal-esperti biex jiddiskutu l-proposta għal Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali;

(c)

koordinazzjoni ta’ konsorzju ta’ esperti mhux governattivi.

2.   Dawk il-proġetti u attivitajiet speċifiċi huma deskritti f'iżjed dettall fl-Anness

Artikolu 3

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“Ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun imwettqa mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (“UNIDIR”). L-UNIDIR għandu jwettaq dawn il-kompiti taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli ser jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNIDIR.

Artikolu 4

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 2 għandu jkun ta’ EUR 1 490 000.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f’konformità mal-proċeduri tal-Unjoni u mar-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni adatta tal-kontribut tal-Unjoni stabbilit fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hi għandha tikkonkludi ftehim finanzjarju mal-UNIDIR. Il-ftehim għandu jistipula li l-UNIDIR għandu jiżgura li l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni hija adatta skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultajiet fil-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 5

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari li għandhom jitħejjew mill-UNIDIR. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 2.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 4(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


ANNESS GĦAD-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL B’APPOĠĠ GĦALL-PROPOSTA TAL-UNJONI GĦAL KODIĊI TA’ KONDOTTA INTERNAZZJONALI GĦALL-ATTIVITAJIET FL-ISPAZJU EXTRA-ATMOSFERIKU

1.   Qafas Ġenerali u Objettivi

L-attivitajiet fl-ispazju qed jespandu u l-importanza tagħhom hija kruċjali. L-ispazju huwa riżors għall-pajjiżi kollha fid-dinja. Dawk li għad m’għandhomx attivitajiet fl-ispazju ser ikollhom fil-futur. Għalhekk l-Unjoni tikkunsidra li huwa meħtieġ li tiġi żgurata sigurtà akbar fl-ispazju extra-atmosferiku u temmen li proċess pragmatiku u li jiżdied jista’ jgħin biex jintlaħaq dan il-għan. L-Unjoni tinsab impenjata għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza u ta’ bini ta’ fiduċja, bħala mezz għall-kisba ta’ sigurtà u sikurezza msaħħa fl-ispazju extra-atmosferiku. L-Unjoni tinsab ukoll partikolarment sensittiva għall-kwistjoni tar-riskji maħluqa minn residwi spazjali li huma ta’ ħsara għal attivitajiet attwali u futuri.

Fit-18 ta’ Settembru 2007, fit-tweġiba tagħha għar-riżoluzzjoni 61/75 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-6 ta’ Diċembru 2006, l-Unjoni ssottolinjat li “regoli tat-traffiku” volontarji dwar attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku li japprovaw l-aħjar prattiki bejn atturi spazjali jaqdu dan l-objettiv.

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-8-9 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea appoġġa l-ewwel abbozz għal Kodiċi ta’ Kondotta għall-attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, li l-Istati ser jipparteċipaw fih fuq bażi volontarja, u li fih miżuri ta’ trasparenza u ta’ fiduċja, bħala bażi għal konsultazzjonijiet mal-pajjiżi terzi ewlenin li għandhom attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku jew għandhom interessi fl-attivitajiet tal-ispazju extra-atmosferiku, bl-għan li jinkiseb test li jkun aċċettabbli għall-ikbar għadd ta’ pajjiżi. Fid-dawl ta’ konsultazzjonijiet ma’ nazzjonijiet prinċipali li jwettqu attivitajiet fl-ispazju, l-Unjoni pproduċiet verżjoni riveduta tal-abbozz ta’ Kodiċi ta’ Kondotta, li abbażi tiegħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fis-27 ta’ Settembru 2010, ta mandat lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“Ir-Rappreżentant Għoli”) għat-twettiq ta’ konsultazzjonijiet ulterjuri u usa’.

Biex tappoġġa l-proposta tal-Unjoni għal Kodiċi ta’ Kondotta internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extra-atmosferiku u biex twettaq il-mandat mogħti lir-Rappreżentant Għoli, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

Konsultazzjonijiet ma’ kemm jista’ jkun pajjiżi possibbli, attivi jew li għadhom mhux attivi dwar kwistjonijiet spazjali biex jiddiskutu din il-proposta u jiġbru l-fehmiet tagħhom, speċjalment permezz tal-organizzazzjoni ta’ laqgħa waħda jew diversi (sa tliet) laqgħat multilaterali tal-esperti biex jiddiskutu din l-inizjattiva.

Appoġġ espert għall-proċess tal-iżvilupp ta’ Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extra-atmosferiku.

L-azzjoni tal-Unjoni ser tkun iggwidata mill-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-importanza rikonoxxuta tal-bini ta’ sostenibbiltà fit-tul, prevedibbiltà u sigurtà msaħħa fl-ispazju extra-atmosferiku.

(b)

il-ħtieġa tal-bini ta’ fehim komuni u l-identifikar ta’ oqsma ta’ azzjoni komuni.

(c)

l-importanza ta’ adeżjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali ma’ kwalunkwe Kodiċi futur ta’ Kondotta Internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extra-atmosferiku.

2.   Proġetti

2.1.   Proġett 1: Komunikazzjoni: Promozzjoni tal-proposta għal Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extra-atmosferiku.

2.1.1.   Għan tal-Proġett

Permezz tal-organizzazzjoni ta’ seminars f’livelli reġjonali/subreġjonali, jiġi stabbilit djalogu ma’ partijiet interessati internazzjonali potenzjali tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-espressjoni tal-għarfien eżistenti u tal-fehim tal-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali propost.

2.1.2.   Riżultati tal-Proġett

(a)

Tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni, għarfien u fehim tal-Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali propost u l-proċess ta’ żvilupp kontinwu tiegħu.

(b)

Tisħiħ tal-klima għal progress politiku.

(c)

Fehim imtejjeb minn partijiet interessati ta’ oqsma ta’ ftehim komuni dwar ħtiġijiet għal sigurtà mtejba fl-ispazju u ftehim dwar it-triq ’il quddiem.

(d)

Koordinazzjoni mtejba bejn il-partijiet interessati.

(e)

L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal aktar attivitajiet nazzjonali u reġjonali għat-titjib tal-iżvilupp ta’ Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju.

2.1.3.   Deskrizzjoni tal-Proġett

(a)

Sa 6 seminars reġjonali jew subreġjonali li jkollhom sa 30 parteċipant huma previsti, fejn adatt f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew nazzjonali, kemm governattivi kif ukoll mhux governattivi.

(b)

Ġbir u preżentazzjoni ta’ riżultati lill-Unjoni u partijiet interessati oħrajn kif adatt inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi.

2.2.   Proġett 2: Appoġġ b’tagħrif eżistenti lir-Rappreżentant Għoli fil-laqgħat/konsultazzjonijiet mal-Istati.

2.2.1.   Għan tal-Proġett

(a)

Li jipprovdi lill-Unjoni b’informazzjoni u analiżi usa’ tal-fehmiet u d-direzzjoni ta’ partijiet interessati internazzjonali potenzjali tal-Kodiċi ta’ Kondotta

(b)

B’appoġġ/tħejjija/segwitu għal konsultazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli, organizzazzjoni ta’ kampanja koordinata ta’ konsultazzjonijiet individwali ma’ partijiet interessati ewlenin.

(c)

Permezz ta’ parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli, il-valutazzjoni tal-kummenti miġbura.

2.2.2.   Riżultati tal-Proġett

(a)

Valutazzjonijiet bil-miktub dwar kif ikun hemm l-aħjar parteċipazzjoni ta’ partijiet interessati internazzjonali potenzjali tal-Kodiċi ta’ Kondotta

(b)

Valutazzjonijiet bil-miktub ta’ kummenti miġbura u proposti għal reviżjonijiet tat-test

(c)

Kontribuzzjonijiet bil-miktub b’appoġġ għall-Laqgħa/t Multilaterali tal-Esperti

2.2.3.   Deskrizzjoni tal-Proġett

(a)

Tħejjija ta’ numru ta’ dokumenti ta’ appoġġ/studji ta’ sfond f’appoġġ/tħejjija/segwitu ta’ konsultazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli u l-Laqgħa(t) Multilaterali tal-Esperti.

(b)

Kampanja koordinata ta’ konsultazzjonijiet individwali ma’ partijiet interessati ewlenin:

Sa 20 laqgħa individwali u sessjonijiet ta’ tagħrif.

Koordinazzjoni tas-sehem fil-proċess inklużi mezzi elettroniċi.

Is-selezzjoni ta’ Stati u organizzazzjonijiet għal tali koordinazzjoni ser isiru hekk abbażi tal-livell ta’ impenn fi kwistjonijiet ta’ sigurtà fl-ispazju, l-impenn preċedenti tagħhom fil-proposta ta’ Kodiċi ta’ Kondotta internazzjonali u r-rwol tagħhom fl-iffaċilitar tal-progress diplomatiku b’mod ġenerali fuq bażi reġjonali jew internazzjonali.

(c)

Ġbir u preżentazzjoni ta’ riżultati lir-Rappreżentant Għoli u partijiet interessati oħrajn kif adatt, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi.

2.3.   Proġett 3: Organizzazzjoni ta’ sa tliet laqgħat multilaterali tal-esperti biex jiddiskutu l-proposta għal Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali.

2.3.1.   Għan tal-Proġett

Biex jinġiebu flimkien esperti biex jiddiskutu l-proposta għal Kodiċi ta’ Kondotta internazzjonali.

2.3.2.   Riżultati tal-Proġett

(a)

Ħolqien ta’ forum ta’ diskussjoni għall-proposta għal Kodiċi ta’ Kondotta internazzjonali;

(b)

Progress diplomatiku dwar il-progress ta’ diskussjonijiet dwar Kodiċi ta’ Kondotta internazzjonali.

2.3.3.   Deskrizzjoni tal-Proġett

Organizzazzjoni ta’ sa tliet laqgħat multilaterali tal-esperti li jkollhom sa 160 parteċipant matul l-ewwel 16-il xahar tal-progett.

Huwa ssuġġerit li l-ewwel minn dawn il-laqgħat tista’ ssir fl-Ewropa u ż-żewġ laqgħat l-oħra jsiru barra mill-Ewropa. Id-deċiżjoni ser tittieħed mir-Rappreżentant Għoli, abbażi ta’ proposti ppreżentati mill-UNIDIR.

L-istruttura, l-aġenda u l-parteċipazzjoni ser jiġu deċiżi mir-Rappreżentant Għoli abbażi ta’ proposti ppreżentati mill-UNIDIR.

2.4.   Proġett 4: Koordinazzjoni ta’ Konsorzju ta’ Esperti mhux governattivi

2.4.1.   Għan tal-Proġett

(a)

Biex jiġi żviluppat Konsorzju żgħir li jkollu sa 10 parteċipanti ta’ esperti rikonoxxuti biex jagħtu kontribut għall-proċess ta’ żvilupp ta’ Kodiċi ta’ Kondotta internazzjonali.

(b)

Biex jinbnew riżorsi online għall-koordinazzjoni ta’ dak il-Konsorzju.

(c)

Biex jingħataw ir-riżorsi ta’ komunikazzjoni meħtieġa biex jappoġġaw il-fehim tal-Kodiċi ta’ Kondotta, il-promozzjoni tal-attivitajiet u l-eżiti tal-proġetti wieħed u tnejn.

2.4.2.   Riżultati tal-Proġett

(a)

Kontribut imsaħħaħ ta’ esperti ewlenin internazzjonali, reġjonali u nazzjonali dwar Kodiċi ta’ Kondotta internazzjonali.

(b)

Żvilupp ta’ forum virtwali għall-koordinazzjoni ta’ kontribut espert u diskussjonijiet.

(c)

Żvilupp ta’ forum virtwali biex jappoġġa l-laqgħat multilaterali previsti fil-proġett tnejn.

(d)

Żvilupp tal-materjal ta’ komunikazzjoni virtwali u mhux virtwali meħtieġ.

2.4.3.   Deskrizzjoni tal-Proġett

(a)

Identifikazzjoni ta’, koordinazzjoni ta’ u solleċitazzjoni għall-kontribut minn esperti ta’ sigurtà spazjali adatti:

Abbażi ta’ proposta ppreżentata mill-UNIDIR lir-Rappreżentant Għoli, is-sħubija fil-Konsorzju ser tiġi deċiża mir-Rappreżentant Għoli

(b)

Żvilupp ta’ forum virtwali ġdid għall-koordinazzjoni tal-kontribut tal-Konsorzju:

Il-forum ser ikun imfassal ukoll biex jipprovdi bażi għar-riżorsi li ser jappoġġaw il-proġett tnejn.

(c)

Sa 8 laqgħat biex jiġu diskussi żviluppi relatati mal-Kodiċi ta’ Kondotta u kontribut mill-Konsorzju, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi u vidjokonferenzi jew telekonferenzi.

(d)

Ġbir u preżentazzjoni ta’ riżultati lir-Rappreżentant Għoli u partijiet interessati oħrajn kif adatt inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi.

(e)

Żvilupp ta’ għodod ta’ komunikazzjoni.

3.   Aspetti ta’ proċedura u koordinazzjoni

L-implimentazzjoni tal-proġetti ser tinbeda minn Kumitat ta’ Tmexxija bl-objettiv li jiġu stabbiliti proċeduri u arranġamenti dettaljati għall-kooperazzjoni. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jirrevedi l-implimentazzjoni tal-proġetti regolarment, mill-inqas darba kull sitt xhur, inkluż bl-użu ta’ mezzi elettroniċi u vidjokonferenzi jew telekonferenzi.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser ikun magħmul mir-rappreżentanti tar-Rappreżentant Għoli u l-UNIDIR.

Il-parteċipazzjoni ta’ atturi Statali u mhux Statali f’laqgħat multilaterali tal-esperti ser jiġi kkoordinat permezz tal-UNIDIR.

Abbażi tal-proposti ppreżentati mill-UNIDIR lill-Kumitat ta’ Tmexxija, il-lok u l-kompożizzjoni strutturali ta’ workshops u laqgħat ta’ dan il-proġett ser jiġu deċiżi mir-Rappreżentant Għoli.

4.   Rapportar u Valutazzjoni

L-UNIDIR għandha tippreżenta lir-Rappreżentant Għoli rapport narrattiv u finanzjarju fi tmiem l-ewwel sena tal-proġett, u tagħmel ħilitha li dan jaħbat maċ-ċikli ta’ rappurtar tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-UNIDIR għandha tippreżenta lir-Rappreżentant Għoli rapport finali fi tmiem il-proġett.

Rapporti dwar il-progress u s-sitwazzjoni tal-UNIDIR, pubblikazzjonijiet, stqarrijiet għall-istampa u aġġornamenti ser ikunu komunikati lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni Ewropea kif u meta joħorġu.

5.   Tul ta’ żmien

Il-perijodu previst tal-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett huwa ta’ 18-il xahar.

Il-komponenti kollha tal-laqgħat għandhom jiġu konklużi tliet xhur qabel tmiem il-proġett biex jippermettu żmien biżżejjed biex l-analiżi titwettaq matul il-perijodu tal-implimentazzjoni.

6.   Benefiċjarji

L-Istati Membri kollha tan-NU speċjalment Stati li jwettqu attivitajiet fl-ispazju.

Partijiet interessati mhux governattivi inklużi s-soċjetà ċivili u l-industrija.

7.   Rappreżentanti ta’ partijiet terzi

Bil-għan li tiġi promossa r-responsabbiltà reġjonali tal-Kodiċi ta’ Kondotta Internazzjonali għall-attivitajiet fl-ispazju, il-parteċipazzjoni ta’ esperti barra mill-Unjoni, inklużi dawk minn organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, tista’ tiġi ffinanzjata minn din id-Deċiżjoni.

Il-parteċipazzjoni tal-UNIDIR fil-workshops u l-laqgħat kollha relatati ma’ din id-deċiżjoni ser ikunu ffinanzjati.

8.   Entità ta’ Implimentazzjoni

L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser tkun fdata lill-UNIDIR.

L-UNIDIR, fejn adegwat, ser jaħdem ma’ istituzzjonijiet bħall-organizzazzjonijiet reġjonali, il-gruppi ta’ riflessjoni, l-NGOs u l-industrija.

Persunal addizzjonali ser ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.