30.3.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 92/1 |
DEĊIŻJONI Nru 281/2012/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta’ Marzu 2012
li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-Programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2)(g) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Fid-dawl tat-twaqqif ta’ Programm konġunt tal-UE dwar ir-risistemazzjoni mmirat biex iżid l-impatt tal-isforzi ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni fil-provvediment ta’ protezzjoni għal refuġjati, u fil-massimizzar tal-impatt strateġiku ta’ risistemazzjoni permezz ta’ indirizzar iktar iffokat ta’ dawk il-persuni li għandhom ħtieġa ikbar għal risistemazzjoni, għandhom jiġu fformulati prijoritajiet komuni fir-rigward tar-risistemazzjoni fil-livell tal-Unjoni. |
(2) |
L-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi, li l-linji ta’ politika tal-Unjoni mniżżlin fil-Kapitolu dwar il-verifiki fuq il-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom iridu jkunu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri, u li, meta hu meħtieġ, l-atti tal-Unjoni skont dan il-Kapitolu iridu jinkludu l-miżuri xierqa biex jagħtu effett lil dan il-prinċipju. |
(3) |
Għal dan il-għan, il-prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni għall- 2013 kif elenkati fl-Anness miżjuda mad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) b’din id-Deċiżjoni huma stabbiliti abbażi ta’ żewġ kategoriji: l-ewwel waħda għandha tinkludi persuni li jappartjenu għal kategorija speċifika li taqa’ fil-kriterji ta’ risistemazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), u t-tieni waħda għandha tinkludi persuni minn pajjiż jew reġjun li jkun ġie identifikat mit-tbassir ta’ risistemazzjoni annwali tal-UNHCR u fejn azzjoni komuni tal-Unjoni jkollha impatt sinifikanti fl-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni. |
(4) |
Filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni stabbiliti fl-Anness miżjud mad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE minn din id-Deċiżjoni li jelenkaw il-prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni, huwa wkoll meħtieġ li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni ta’ persuni fir-rigward tar-reġjuni ġeografiċi speċifiċi u nazzjonalitajiet, kif ukoll għal kategoriji speċifiċi ta’ refuġjati li għandhom jiġu risistemati, fejn ir-risistemazzjoni hija determinata li tkun is-soluzzjoni l-iktar xierqa għall-bżonnijiet speċjali tagħhom. |
(5) |
Minħabba l-importanza tal-użu strateġiku tar-risistemazzjoni minn pajjiżi jew reġjuni magħżula għall-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali, jeħtieġ li jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni ta’ persuni mit-Tanzanija, l-Ewropa tal-Lvant (il-Bjelorussja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina), il-Qarn tal-Afrika (iġ-Ġibuti, il-Kenja u l-Jemen) u l-Afrika ta’ Fuq (l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija), u minn kwalunkwe pajjiż jew reġjun ieħor li jintgħażel fil-futur. |
(6) |
Sabiex jiġu inkoraġġiti aktar Stati Membri sabiex jimpenjaw ruħhom f’azzjonijiet ta’ risistemazzjoni, huwa ugwalment neċessarju li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju addizzjonali lil dawk l-Istati membri li jiddeċiedu li jirrisistemaw persuni għall-ewwel darba. |
(7) |
Huwa wkoll neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ nefqa għall-appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni. |
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(9) |
F’konformità mal-Artikoli 1, u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(10) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE hija b’din emendata kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:
|
(2) |
Fl-Artikolu 35, iddaħħal il-paragrafu li ġej: “5. L-ammont stabbilit għal kull persuna risistemata allokat għall-Istati Membri għandu jingħata bħala somma sħiħa għal kull persuna effettivament risistemata.”. |
(3) |
It-test imniżżel fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala Anness għad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2012.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
N. WAMMEN
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 (ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 161) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-8 ta’ Marzu 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
ANNESS
“ANNESS
Lista ta’ prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni għall-2013
(1) |
Refuġjati Kongoliżi fir-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar (Burundi, Malawi, Rwanda, Żambja); |
(2) |
Refuġjati mill-Iraq fit-Turkija, is-Sirja, il-Libanu u l-Ġordan; |
(3) |
Refuġjati Afgani fit-Turkija, il-Pakistan u l-Iran; |
(4) |
Refuġjati Somali fl-Etjopja; |
(5) |
Refuġjati minn Burma fil-Bangladexx, il-Malażja u t-Tajlandja; |
(6) |
Refuġjati Eritrej fil-Lvant tas-Sudan.”. |