24.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2012

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra

(2012/272/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 79(3), 91, 100, 191(4), 207 u 209 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim Qafas mar-Repubblika tal-Filippini dwar Sħubija u Kooperazzjoni (“il-Ftehim”).

(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Parti Tlieta, Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala parti mill-Unjoni Ewropea, sakemm l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jkunux innotifikaw b’mod konġunt lir-Repubblika tal-Filippini li r-Renju Unit jew l-Irlanda jintrabtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 4a tal-Protokoll (Nru 21), l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda għandha/għandhom tinforma/jinformaw immedjatament lir-Repubblika tal-Filippini bi kwalunkwe bidla fil-pożizzjoni tagħha/tagħhom f’liema każ hija/huma tibqa’/jibqgħu marbuta/marbutin bid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim indipendentement. L-istess japplika għad-Danimarka f’konformità mal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness ma’ dawk it-Trattati.

(3)

Fejn ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jkunux ipprovdew in-notifika meħtieġa taħt l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, huma ma jiħdux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ din id-Deċiżjoni sal-punt li hi tkopri dispożizzjonijiet skont il-Parti Tlieta, Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-istess japplika għad-Danimarka f’konformità mal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness ma’ dawk it-Trattati.

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra, huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna/persuni bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.