23.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/18


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Mejju 2012

fir-rigward ta’ miżuri ta’ emerġenza li jevitaw l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner) fl-Unjoni

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 3137)

(2012/270/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Minn stima mwettqa mill-Kummissjoni abbażi ta’ analiżi dwar l-organiżmi li jagħmlu ħsara mwettqa mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti jidher li l-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner) għandhom effetti ħżiena fuq pjanti suxxettibbli. Huma jaffettwaw, b’mod partikolari, tuberi tas-Solanum tuberosum L., inklużi dawk maħsuba għat-tħawwil, minn hawn ’il quddiem “tuberi tal-patata”, li huma prodotti fl-Unjoni kollha. Dawk l-organiżmi mhuma elenkati la fl-Anness I u lanqas fl-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE.

(2)

Il-Portugall għarraf lill-Kummissjoni li l-Epitrix cucumeris (Harris) u l-Epitrix similaris (Gentner) huma preżenti f’dak l-Istat Membru. Notifika sottomessa minn Spanja fit-8 ta’ Settembru 2010 turi l-ewwel sejbiet ta’ Epitrix similaris (Gentner) f’reġjun wieħed ta’ dak l-Istat Membru. It-tagħrif disponibbli juri wkoll li l-Epitrix cucumeris (Harris) u l-Epitrix tuberis (Gentner) huma preżenti f’pajjiż terz li attwalment jesporta t-tuberi tal-patata lejn l-Unjoni.

(3)

Għandhom jiġu stipulati miżuri dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ tuberi tal-patata minn pajjiżi terzi fejn l-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) jew l-Epitrix tuberis (Gentner) huwa magħruf li huma preżenti. Għandhom jiġu stipulati wkoll miżuri dwar it-trasport tat-tuberi tal-patata li joriġinaw f’żoni fl-Unjoni fejn hija kkonfermata l-preżenza ta’ wieħed jew aktar minn dawk l-organiżmi.

(4)

Għandhom isiru sondaġġi dwar il-preżenza tal-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner),l- Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner) fuq it-tuberi tal-patata u l-għelieqi tal-patata fl-Istati Membri kollha u r-riżultati għandhom jiġu mgħarrfa. L-Istati membri jistgħu wkoll jagħżlu li jagħmlu sondaġġi fuq pjanti oħra.

(5)

Il-miżuri għandhom jistipulaw li l-Istati Membri jistabbilixxu żoni demarkati f’każijiet fejn il-preżenza tal-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) jew l-Epitrix tuberis (Gentner) hija kkonfermata sabiex l-organiżmi kkonċernati jinqerdu jew tal-anqas jiġu kkontrollati u sabiex ikun żgurat monitoraġġ intensiv għall-preżenza tagħhom.

(6)

Jekk huwa meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni għandha tkun fis-seħħ sat-30 ta’ Settembru 2014 sabiex tagħti ż-żmien għall-evalwazzjoni tal-effikaċja tagħha.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Projbizzjonijiet dwar l-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner)

L-Epitrix cucumeris (Harris), l-Epitrix similaris (Gentner), l-Epitrix subcrinita (Lec.) u l-Epitrix tuberis (Gentner), minn hawn ’il quddiem “l-organiżmi speċifikati”, ma għandhomx jiġu introdotti jew imxerrda fl-Unjoni.

Artikolu 2

Introduzzjoni ta’ tuberi tal-patata fl-Unjoni

1.   Tuberi tas-Solanum tuberosum L., inklużi dawk maħsuba għat-tħawwil, minn hawn ’il quddiem “tuberi tal-patata”, li joriġinaw (2) f’pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat wieħed jew aktar jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jaqblu mar-rekwiżiti speċifiċi fuq l-importazzjoni, kif stipulat fil-punt (1) tat-Taqsima 1 tal-Anness I

2.   Mad-dħul tagħhom fl-Unjoni t-tuberi tal-patata għandhom jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt (5) tat-Taqsima 1 tal-Anness I.

Artikolu 3

It-trasport ta’ tuberi tal-patata fl-Unjoni

Tuberi tal-patata li joriġinaw f’żoni demarkati fl-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 5 jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet, kif stipulat fil-punt (1) tat-Taqsima 2 tal-Anness I.

Tuberi tal-patata introdotti fl-Unjoni skont l-Artikolu 2 minn pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat wieħed jew aktar, jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet, kif stipulat fil-punt (3) tat-Taqsima 2 tal-Anness I.

Artikolu 4

Sondaġġi u notifiki tal-organiżmi speċifikati

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu sondaġġi uffiċjali annwali għall-preżenza tal-organiżmi speċifikati fuq tuberi tal-patata u, fejn huwa xieraq, fuq pjanti ospitanti oħra, inklużi għelieqi fejn jitkabbru t-tuberi tal-patata, fit-territorji tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati ta’ dawk is-sondaġġi sat-30 ta’ April ta’ kull sena.

2.   Kull preżenza jew preżenza ssuspettata ta’ organiżmu speċifikat għandhom jiġu mgħarrfa mill-ewwel lill-korp uffiċjali responsabbli.

Artikolu 5

Żoni demarkati u miżuri li għandhom jittieħdu f’dawn iż-żoni

1.   Fejn abbażi tar-riżultati tas-sondaġġi msemmija fl-Artikolu 4(1) jew ta’ evidenza oħra, Stat Membru jikkonferma l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat f’parti mit-territorju tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi żona demarkata mingħajr telf ta’ żmien li tkun tikkonsisti f’żona infestata u f’żona ta’ lqugħ, kif stipulat fit-Taqsima 1 tal-Anness II.

Huwa għandu jieħu l-miżuri, kif stipulat fit-Taqsima 2 tal-Anness II.

2.   Fejn Stat Membru jieħu l-miżuri skont il-paragrafu 1, huwa għandu jgħarraf minnufih bil-lista ta’ żoni demarkati, jagħti tagħrif dwar id-delimitazzjoni tagħhom, inklużi l-mapep li juru l-lokalità tagħhom, u deskrizzjoni tal-miżuri applikati f’dawk iż-żoni demarkati.

Artikolu 6

Konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u, jekk ikun meħtieġ, jemendaw il-miżuri li jkunu adottaw biex jipproteġu lilhom infushom kontra d-dħul u t-tixrid tal-organiżmi speċifikati b’tali mod li dawn il-miżuri jkunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dawk il-miżuri minnufih.

Artikolu 7

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Settembru 2014.

Artikolu 8

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji — Standard ta’ Referenza ISPM Nru 5 u ċertifikati Fitosanitarji —Standard ta’ Referenza ISPM Nru 12 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.


ANNESS I

TAQSIMA 1

Rekwiżiti speċifiċi għad-dħul fl-Unjoni

(1)

Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fid-Direttiva 2000/29/KE, tuberi tal-patata li joriġinaw f’pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat wieħed jew aktar għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/29/KE (“iċ-ċertifikat”), li jinkludi t-tagħrif stipulat fil-punti (2) u (3) taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”.

(2)

Iċ-ċertifikat għandu jinkludi jew l-informazzjoni fil-punt (a) jew dik fil-punt (b):

(a)

it-tuberi tal-patata tkabbru f’żona libera minn organiżmi li jagħmlu ħsara stabbilita mill-għaqda nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti b’konformità mal-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti;

(b)

it-tuberi tal-patata nħaslu jew tnaddfu b’mod li ma baqax aktar minn 0,1 % ta’ ħamrija fuqhom, jew inkella għaddew minn metodu ekwivalenti applikat speċifikament sabiex ikollu l-istess riżultat u jneħħi l-organiżmi speċifikati kkonċernati u sabiex ikun żgurat li ma hemm l-ebda riskju ta’ tixrid tal-organiżmi speċifikati.

(3)

Iċ-ċertifikat għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

għandu jinkludi l-informazzjoni li t-tuberi tal-patata nstabu ħielsa mill-organiżmi speċifikati kkonċernati u minn kull sintomu tagħhom u ma fihomx aktar minn 0,1 % ħamrija fuqhom f’eżami uffiċjali mwettaq eżatt qabel l-esportazzjoni;

(b)

għandu jinkludi l-informazzjoni li l-materjal tal-ippakkjar li fih huma importati t-tuberi tal-patata huwa nadif.

(4)

Fejn l-informazzjoni stipulata fil-punt (2)(a) hija mogħtija, l-isem taż-żona ħielsa mill-organiżmi ta’ ħsara għandha tissemma taħt l-intestatura “Post tal-oriġini”.

(5)

Tuberi tal-patata introdotti fl-Unjoni skont il-punti minn (1) sa (4) għandhom jiġu spezzjonati fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (1) biex ikun ikkonfermat li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti minn (1) sa (4).

TAQSIMA 2

Kundizzjonijiet għat-trasport

(1)

Tuberi tal-patata li joriġinaw f’żoni demarkati fl-Unjoni jistgħu jiġu ttrasportati minn dawn iż-żoni għal żoni mhux demarkati fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti ippreparat u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (2) u jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (2).

(2)

It-tuberi tal-patata għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tuberi tal-patata tkabbru f’post ta’ produzzjoni rreġistrat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE (3) jew minn produttur irreġistrat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/50/KEE (4), jew ittrasportati minn maħżen jew ċentru tad-dispaċċ irreġistrat skont id-Direttiva 93/50/KEE;

(b)

it-tuberi tal-patata nħaslu jew tnaddfu b’mod li ma baqax aktar minn 0,1 % ta’ ħamrija fuqhom, jew inkella għaddew minn metodu ekwivalenti applikat speċifikament sabiex ikollu l-istess riżultat u jneħħi l-organiżmi speċifikati kkonċernati u sabiex ikun żgurat li ma hemm l-ebda riskju ta’ tixrid tal-organiżmi speċifikati; u

(c)

il-materjal tal-ippakkjar li fih qed jiġu ttrasportati t-tuberi tal-patata huwa nadif.

(3)

Tuberi tal-patata introdotti fl-Unjoni skont it-Taqsima 1 minn pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat wieħed jew aktar, jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati mill-passaport tal-pjanti msemmi fil-punt (1).

(1)   ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16.

(2)   ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22.

(3)   ĠU L 344, 26.11.1992, p. 38.

(4)   ĠU L 205, 17.8.1993, p. 22.


ANNESS II

ŻONI DEMARKATI U MIŻURI, KIF STIPULAT FL-ARTIKOLU 5

TAQSIMA 1

Definizzjoni ta’ żoni demarkati

(1)

Iż-żoni demarkati għandhom jikkonsistu miż-żoni li ġejjin:

(a)

żona infestata li tinkludi tal-anqas l-għelieqi fejn hija kkonfermata l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat kif ukoll għelieqi fejn tkabbru tuberi tal-patata infestati; u

(b)

żona ta’ lqugħ b’raġġ ta’ mill-inqas 100 m lil hinn minn dik taż-żona infestata; fejn parti minn għalqa hija f’dak ir-raġġ, l-għalqa kollha għandha tkun parti miż-żona ta’ lqugħ.

(2)

F’każijiet fejn bosta żoni ta’ lqugħ jidħlu f’xulxin jew ikunu ġeografikament qrib xulxin, għandha tiġi definita żona demarkata li tinkludi ż-żona koperta miż-żoni demarkati rilevanti u ż-żoni ta’ bejniethom.

(3)

Fid-definizzjoni taż-żona infestata u ż-żona ta’ lqugħ, l-Istati Membri għandhom iżommu f’rashom prinċipji xjentifiċi sodi filwaqt li jagħtu każ ta’ dawn l-elementi: il-bijoloġija tal-organiżmi speċifikati, il-livell tal-infestazzjoni, id-distribuzzjoni tal-pjanti ospitanti, l-evidenza tal-istabbiliment tal-organiżmi speċifiċi, il-kapaċità li għandhom tal-organiżmi speċifiċi biex jixterdu b’mod naturali.

(4)

Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ organiżmu speċifikat ’il barra miż-żona infestata, id-delimitazzjoni taż-żona infestata u taż-żona ta’ lqugħ għandha tiġi rriveduta u mibdula kif xieraq.

(5)

Fejn fir-rigward ta’ żona demarkata, abbażi tas-sondaġġi msemmija fl-Artikolu 4(1), ma tkunx instabet il-preżenza tal-organiżmu speċifikat ikkonċernat għal perjodu ta’ sentejn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonferma li l-organiżmu ma għadux preżenti f’dik iż-żona u li ż-żona ma għadhiex demarkata. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

TAQSIMA 2

Miżuri f’żoni demarkati, kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-artikolu 5(1)

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri f’żoni demarkati għandhom jinkludu tal-anqas dan li ġej:

(1)

miżuri għall-qerda jew il-kontroll tal-organiżmi speċifiċi inklużi trattamenti u diżinfestazzjoni kif ukoll il-projbizzjoni tat-tħawwil ta’ pjanti ospitanti fejn huwa meħtieġ;

(2)

monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal-organiżmi speċifikati permezz ta’ spezzjonijiet addattati;

(3)

sorveljanza tat-trasport tat-tuberi tal-patata ’l barra miż-żoni demarkati.