26.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 139/18 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-29 ta’ Ġunju 2011
dwar l-għajnuniet mill-Istat Numri SA.32504 (2011/N) u C 11/10 (ex N 667/09) implimentati mill-Irlanda għal Anglo Irish Bank u Irish Nationwide Building Society
(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4432)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/269/UE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1),
Billi:
1 PROĊEDURA
1.1 Anglo Irish Bank
(1) |
Permezz ta’ Deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni approvat temporanjament rikapitalizzazzjoni ta’ Anglo Irish Bank (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “Anglo”) (2). Dik ir-rikapitalizzazzjoni ma kinitx implimentata minħabba li l-Irlanda ddeċidiet li tinnazzjonalizza lil Anglo minflok. Permezz ta’ Deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-nazzjonalizzazzjoni ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat (3). |
(2) |
Permezz ta’ Deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni awtorizzat l-għoti ta’ għajnuna ta’ emerġenza lil Anglo fil-forma ta’ injezzjoni kapitali ta’ EUR 4 biljun (4 000 miljun) fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal perjodu ta’ sitt xhur u l-Kummissjoni ħadet nota tal-impenn tal-Irlanda li tinnotifika pjan ta’ ristrutturar lill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Novembru 2009 (4). |
(3) |
Fit-30 ta’ Novembru 2009, l-Irlanda nnotifikat pjan ta’ ristrutturar lill-Kummissjoni (5) (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “il-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo”) imħejji minn Anglo. Fl-24 ta’ Novembru u fit-18 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-Irlanda rigward il-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo. |
(4) |
Fis-17 ta’ Frar 2010, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tinjetta kapital addizzjonali sa massimu ta’ EUR 10,44 biljun f’Anglo (li minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “it-tieni rikapitalizzazzjoni”). |
(5) |
Permezz ta’ Deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2010 (6), il-Kummissjoni approvat it-tieni rikapitalizzazzjoni fuq bażi temporanja sakemm toħroġ id-deċiżjoni finali dwar il-pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo. F’dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “it-Trattat”) fuq il-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo u l-miżuri ta’ għajnuna assoċjati mill-Irlanda (li minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “id-deċiżjoni tal-ftuħ”). Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Awwissu 2010. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna. Ma ntbagħat l-ebda kumment mill-partijiet terzi. |
(6) |
Fil-31 ta’ Mejju 2010, l-Irlanda ppreżentat pjan ta’ ristrutturar rivedut għal Anglo Irish Bank (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “it-tieni pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo”). |
(7) |
Fit-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni lill-Irlanda rigward it-tieni pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo. Dawk il-mistoqsijiet ġew diskussi f’laqgħa li saret fl-24 ta’ Ġunju 2010 bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Irlandiżi u rappreżentanti ta’ Anglo. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Irlandiżi wieġbu għal dawk il-mistoqsijiet bil-miktub fid-9 u fit-12 ta’ Lulju 2010. |
(8) |
Fit-28 ta’ Ġunju 2010, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni dwar injezzjoni kapitali oħra sa massimu ta’ EUR 10 054 miljun favur Anglo (li minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “it-tielet rikapitalizzazzjoni”) (7). |
(9) |
Permezz ta’ Deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2010 (8), il-Kummissjoni approvat it-tielet rikapitalizzazzjoni fuq bażi temporanja sakemm toħroġ id-deċiżjoni finali dwar il-pjan ta’ ristrutturar finali ta’ Anglo. |
(10) |
Fil-31 ta’ Awwissu 2010, l-Irlanda ppreżentat proposta ġdida lill-Kummissjoni dwar ir-ristrutturar ta’ Anglo, li stabbilixxiet qsim u xoljiment tal-bank fuq perjodu ta’ għaxar snin. |
(11) |
Fid-dawl ta’ valutazzjoni dettaljata tal-prospetti ta’ Anglo, fit-30 ta’ Settembru 2010 il-Ministru Irlandiż tal-Finanzi ħabbar li r-riżoluzzjoni ta’ Anglo se tkun teħtieġ injezzjoni kapitali akkumulata totali ta’ EUR 29,3 biljun skont il-projezzjonijiet ta’ bażi, u EUR 5 biljun addizzjonali taħt xenarju ta’ stress. |
(12) |
Fis-26 ta’ Ottubru 2010, l-Irlanda ppreżentat pjan ta’ ħidma għal Anglo (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “it-tielet pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo”), li jispjega fid-dettall kif din se timplimenta l-ħidma tal-entità li kienet ippreżentata għall-ewwel darba fis-sottomissjoni tagħha tal-31 ta’ Awwissu 2010. |
(13) |
Fil-ġimgħat ta’ wara, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu xi kjarifiki u fid-29 ta’ Ottubru 2010 talbu informazzjoni addizzjonali. L-awtoritajiet Irlandiżi wieġbu f’għadd ta’ skambji ta’ e-mails u telefonati ta’ konferenza. |
(14) |
Fit-8 ta’ Diċembru 2010, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni rikapitalizzazzjoni addizzjonali ta’ EUR 4 946 miljun (li minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “ir-raba’ rikapitalizzazzjoni”) u garanziji tal-Istat fir-rigward ta’ ċerti obbligazzjonijiet favur Anglo. |
(15) |
Permezz ta’ Deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2010 (9), il-Kummissjoni approvat ir-raba’ rikapitalizzazzjoni u l-garanziji fir-rigward ta’ ċerti obbligazzjonijiet favur Anglo fuq bażi temporanja sakemm toħroġ l-approvazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar finali ta’ Anglo. |
1.2 Irish Nationwide Building Society
(16) |
Permezz ta’ Deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni temporanjament approvat rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 2,7 biljun għal Irish Nationwide Building Society (li minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “INBS”) għal sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-rikapitalizzazzjoni (it-22 ta’ Diċembru 2009), jew, jekk l-Irlanda tkun ippreżentat pjan ta’ ristrutturar qabel dik id-data, sakemm il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali tal-pjan ta’ ristrutturar ta’ INBS (li minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “l-ewwel rikapitalizzazzjoni ta’ INBS”) (10). |
(17) |
Barra minn hekk, fit-30 ta’ Marzu 2010, il-Ministru Irlandiż tal-Finanzi ħabbar li, fid-dawl tat-tnaqqis tal-karta tal-bilanċ ta’ INBS li jirriżulta mit-trasferimenti lill-Aġenzija Nazzjonali ta’ Ġestjoni tal-Assi (li minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “NAMA” – “National Assets Management Agency”), dik l-istituzzjoni ma kellhiex futur bħala entità awtonoma indipendenti. |
(18) |
Fit-22 ta’ Ġunju 2010, l-Irlanda nnotifikat pjan ta’ ristrutturar għal INBS lill-Kummissjoni (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “il-pjan ta’ ristrutturar ta’ INBS”). Dak il-pjan jipprevedi l-ġestjoni kontinwa tas-soċjetà bħala negozju avvjat b’antiċipazzjoni ta’ bejgħ lil xerrej kummerċjali. |
(19) |
Fil-ġimgħat ta’ wara, l-Irlanda informat lill-Kummissjoni b’mod informali li hija kienet qiegħda tivvaluta għażliet oħrajn għall-ġejjieni ta’ INBS. B’mod partikolari, l-Irlanda kienet qiegħda tippjana li tittestja l-ħajra tas-suq li jikseb partijiet ta’ INBS. |
(20) |
Fit-30 ta’ Settembru 2010, il-Ministru Irlandiż tal-Finanzi għamel dikjarazzjoni pubblika dwar is-sitwazzjoni tas-settur bankarju Irlandiż u ħabbar li INBS kienet teħtieġ rikapitalizzazzjoni addizzjonali ta’ EUR 2,7 biljun (li twassal għal rikapitalizzazzjoni totali ta’ EUR 5,4 biljun). Dik l-injezzjoni kapitali (li minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “it-tieni rikapitalizzazzjoni ta’ INBS”) ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Ottubru 2010. |
(21) |
Permezz ta’ Deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni approvat temporanjament it-tieni rikapitalizzazzjoni ta’ INBS għal perjodu ta’ sitt xhur jew, jekk l-Irlanda tkun ippreżentat pjan ta’ ristrutturar qabel il-31 ta’ Jannar 2011, sakemm il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali dwar il-pjan ta’ ristrutturar ta’ dak il-bank (11). |
1.3 Proċedura konġunta
(22) |
Fit-28 ta’ Novembru 2010, intlaħaq ftehim bejn l-Irlanda u l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ il-“BĊE”) u l-Fond Monetarju Internazzjonali fuq Programm ta’ Appoġġ għall-Irlanda (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “il-Programm ta’ Appoġġ”). Bħala parti mill-Programm ta’ Appoġġ, l-Irlanda qablet li tieħu ċerti miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni u riorganizzazzjoni tal-bank taħt il-Programm għall-Irkupru tas-Sistema Bankarja (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “il-Programm tas-Sistema Bankarja”). Fil-kuntest tal-Programm tas-Sistema Bankarja, il-Memorandum tal-Politiki Ekonomiċi u Finanzjarji (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ l-“MEFP”) jistabbilixxi miżuri li huma meħtieġa sabiex tinkiseb lura l-vijabbiltà tas-settur finanzjarju fl-Irlanda (12). Il-punt 10 tal-MEFP jgħid li: “ser tittieħed azzjoni rapida u deċiżiva sabiex tiġi riżolta l-pożizzjoni ta’ Anglo Irish Bank (Anglo) u ta’ Irish Nationwide Building Society (INBS) b’mod li tipproteġi lid-depożituri u ssaħħaħ is-sistema bankarja. Għal dan il-għan, sal-aħħar ta’ Jannar 2011, aħna ser nibagħtu lill-Kummissjoni Ewropea proposta riveduta żviluppata b’kollaborazzjoni mal-IMF sabiex tiġi riżolta l-pożizzjoni ta’ Anglo u ta’ INBS” (13). |
(23) |
Fit-12 ta’ Jannar 2011, l-Irlanda pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-bejgħ ippjanat ta’ depożiti minn Anglo u INBS. Fit-2 ta’ Frar 2011 u fil-21 ta’ Frar 2011 intbagħtet aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-bejgħ. |
(24) |
Fis-16 ta’ Jannar 2011, l-Irlanda ppreżentat informazzjoni lill-Kummissjoni dwar ir-riżoluzzjoni kkontemplata tan-negozji ta’ Anglo u ta’ INBS. Fil-31 ta’ Jannar 2011, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni dwar pjan konġunt ta’ ristrutturar u ħidma għal Anglo u INBS (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “il-pjan ta’ ristrutturar konġunt”). |
(25) |
Fil-5 ta’ April 2011, l-Irlanda aġġornat il-pjan ta’ ristrutturar konġunt billi inkludiet l-impatt tad-depożiti u tat-trasferimenti tal-bonds tan-NAMA li kienu saru sadanittant, u billi ssostitwiet ir-riżultati mbassra u l-karti tal-bilanċ ta’ Anglo u ta’ INBS għall-2010 b’dawk attwali, li sadanittant kienu laħqu saru magħrufa. Fil-21 ta’ April 2010 wasal aġġornament ieħor. |
2 DESKRIZZJONI TAL-GĦAJNUNA
2.1 Il-benefiċjarji u d-diffikultajiet tagħhom
2.1.1 Anglo Irish Bank
(26) |
Imkejjel mid-daqs tal-karta tal-bilanċ, Anglo huwa wieħed mill-akbar banek li joperaw fl-Irlanda. Fil-31 ta’ Diċembru 2010, huwa kellu karta tal-bilanċ b’daqs ta’ EUR 72,2 biljun (14) u ktieb tas-self ta’ EUR […] (*) biljun. F’termini tal-mudell tan-negozju tiegħu, Anglo kien bank “monoline” li jispeċjalizza f’self kummerċjali ta’ proprjetà immobbli fi tliet swieq ewlenin: l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, Anglo rreġistra telf qawwi kkaġunat primarjament minn indeboliment fl-avvjament fuq il-ktieb tas-self kummerċjali tiegħu. Anglo ġie nazzjonalizzat mill-Irlanda nhar il- […] 2009. |
(27) |
Deskrizzjoni dettaljata ta’ Anglo u tad-diffikultajiet tiegħu ġiet ipprovduta fit-Taqsimiet 2.2 u 2.3 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-31 ta’ Marzu 2010. |
(28) |
Il-mudell tan-negozju ta’ Anglo wera li mhuwiex sostenibbli u wassal għal diffikultajiet finanzjarji u telf bla preċedenti fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali. Il-mudell tan-negozju ta’ Anglo kien wisq ikkonċentrat fuq is-self għall-proprjetà kummerċjali u wassal għal skoperturi eċċessivi għal dak is-settur tal-ekonomija li ntlaqat partikolarment ħażin matul il-kriżi finanzjarja: il-prezzijiet tal-proprjetà kummerċjali naqsu mill-massimu għall-minimu b’aktar minn 62 % fl-Irlanda, 37 % fir-Renju Unit u 45 % fl-Istati Uniti (15). Barra minn hekk, is-self ta’ Anglo kien parzjalment iffinanzjat mill-finanzjament għall-operaturi, sors ta’ finanzjament li spiċċa fix-xejn bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja. |
(29) |
Il-ġestjoni tar-riskji f’Anglo ma kinitx żviluppata biżżejjed u ppermettiet li jkun hemm tkabbir mhux ikkontrollat fil-karta tal-bilanċ flimkien ma’ prattiċi ta’ self riskjużi (bħal self bi proporzjon għoli ta’ self għall-valur u self b’imgħax biss), b’mod partikolari matul is-snin ta’ tkabbir ekonomiku fil-proprjetà fl-Irlanda. Bejn l-1984 u l-2008, il-karta tal-bilanċ tal-Bank kibret b’rata ta’ tkabbir kompost ta’ madwar 30 % fis-sena, fejn laħaq karta tal-bilanċ ta’ EUR […] biljun fl-2008. Il-proporzjon ta’ self għal depożiti (li minn hawn ‘il quddiem jissejjaħ “LtD” – “loans-to-deposit”) żdied minn 100 % qabel l-1990 għal medja ta’ 217 % fil-perjodu mill-2008 sal-2009. |
(30) |
Anglo bbenifika minn erba’ rikapitalizzazzjonijiet, miżura ta’ salvataġġ tal-assi li ppermettietlu jittrasferixxi madwar EUR 35 biljun tas-self indebolit lil NAMA u garanziji tal-Istat fuq ħafna mill-obbligazzjonijiet tiegħu (ara l-premessa 66). |
2.1.2 INBS
(31) |
Deskrizzjoni dettaljata ta’ INBS ġiet ipprovduta fit-Taqsima 2.1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2010 dwar l-ewwel rikapitalizzazzjoni ta’ INBS. Għalhekk, f’din it-taqsima qiegħed jiġi pprovdut sommarju qasir. |
(32) |
INBS hija soċjetà tal-bini u kellha karta tal-bilanċ b’total ta’ EUR 12,1 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2010. Qabel il-kriżi finanzjarja, din kienet is-sitt l-akbar istituzzjoni finanzjarja Irlandiża f’termini tad-daqs tal-karta tal-bilanċ. Offriet prodotti bankarji tradizzjonali għall-konsumaturi lill-membri tagħha (jiġifieri, tfaddil u ipoteki). Fis-snin ta’ qabel il-kriżi finanzjarja, INBS żiedet l-attivitajiet tagħha b’mod aggressiv f’self riskjuż għall-proprjetà kummerċjali, li sar l-attività prinċipali tagħha. INBS kienet attiva b’mod predominanti fl-Irlanda, fejn kellha netwerk ta’ fergħat b’50 uffiċċju u 40 aġent tal-fergħat, kif ukoll fir-Renju Unit, fejn ma kellha ebda fergħa ta’ uffiċċji. |
(33) |
Il-ktieb tas-self ta’ INBS fil-31 ta’ Diċembru 2010 kellu valur ta’ EUR 1,9 biljun wara t-trasferiment ta’ EUR 8,5 biljun f’self lil NAMA (16). Id-depożiti individwali kienu jammontaw għal EUR 3,9 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2010. INBS irreġistrat telf ta’ EUR 3,3 biljun fl-2009. |
(34) |
Id-diffikultajiet ta’ INBS kienu kkawżati mill-iskoperturi eċċessivi tagħha għal self sottoskritt ħażin mill-Irlanda għall-proprjetà kummerċjali (madwar 80 % tal-ktieb tas-self totali ta’ INBS). Konsegwentement, meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja u l-prezzijiet tal-proprjetà, speċjalment il-prezzijiet tal-proprjetà kummerċjali, naqsu b’mod drammatiku kemm fl-Irlanda kif ukoll fir-Renju Unit, INBS kienet esposta ħafna għal telf fil-ktieb tas-self tagħha. Dak it-telf wassalha sabiex iġġarrab indebolimenti sinjifikanti fl-2009 u fl-2010. |
(35) |
INBS ibbenifikat minn żewġ rikapitalizzazzjonijiet, miżura ta’ salvataġġ tal-assi li tatha ċ-ċans tittrasferixxi madwar EUR 8,9 biljun tas-self indebolit għall-proprjetà kummerċjali lil NAMA, kif ukoll garanziji tal-Istat fuq ħafna mill-obbligazzjonijiet tagħha (ara l-premessa 67). |
(36) |
Qabel l-ewwel rikapitalizzazzjoni mill-Irlanda, INBS kienet proprjetà tal-membri tagħha. Bħala riżultat tal-ewwel rikapitalizzazzjoni ta’ INBS, l-Istat ħa kontroll sħiħ tal-bank. Għalhekk, il-membri tilfu l-kontroll ta’ INBS u tilfu d-drittijiet kollha relatati mal-proprjetà ekonomika. |
2.2 Il-pjanijiet ta’ ristrutturar individwali
2.2.1 Il-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo
(37) |
Il-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 2009. Deskrizzjoni komprensiva tal-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo tista’ tinstab fit-Taqsima 2.4 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, fejn il-Kummissjoni qajmet għadd ta’ dubji dwar jekk dak il-pjan kienx konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar (17). B’mod partikolari, il-Kummissjoni staqsiet jekk il-pjan huwiex se jwassal sabiex tinkiseb lura l-vijabbiltà fit-tul ta’ Anglo, jekk huwiex se jillimita l-kostijiet tar-ristrutturar għal minimu u jekk huwiex se jillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward ta’ dak il-pjan. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni talbet li jiġi ppreżentat pjan ta’ ristrutturar rivedut sal-31 ta’ Mejju 2010. |
2.2.2 It-tieni pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo
(38) |
Fil-31 ta’ Mejju 2010, l-Irlanda ppreżentat pjan ta’ ristrutturar rivedut li stabbilixxa approċċ rivedut b’mod sinifikanti għar-ristrutturar ta’ Anglo. |
(39) |
Kif intalab fid-deċiżjoni tal-ftuħ, it-tieni pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo ppreżenta numru ta’ xenarji possibbli ta’ ristrutturar: (i) il-likwidazzjoni ta’ 100 % ta’ Anglo fuq perjodu ta’ 12-il xahar; (ii) l-istralċ ta’ 100 % ta’ Anglo fuq perjodu ta’ 10 snin; (iii) l-istralċ ta’ 100 % ta’ Anglo fuq perjodu ta’ 20 sena; (iv) l-istabbilizzazzjoni ta’ Anglo kollu u ż-żamma tiegħu bħala negozju avvjat; u (v) qsim li kien jinkludi l-istralċ ta’ 80 % ta’ Anglo permezz tal-ħolqien ta’ kumpanija għall-ġestjoni tal-assi, filwaqt li l-bqija jkompli għaddej bin-negozju (bank tajjeb). |
(40) |
Ix-xenarju tal-qsim, imsemmi fil-punt (v) tal-premessa 39, kien ippreżentat bħala l-għażla ppreferuta tal-awtoritajiet Irlandiżi. F’dak ix-xenarju, il-kumpanija għall-ġestjoni tal-assi żżomm “assi ta’ kwalità aktar baxxa” li ma jiġux ittrasferiti lil NAMA jew lill-bank it-tajjeb (ktieb ta’ EUR 13,6 biljun fil-qasma), u li jiġu ġestiti b’mod li jimmassimizzaw il-valuri tal-irkupru tal-assi, filwaqt li jnaqqsu l-finanzjament mill-Istat. Il-kumpanija għall-ġestjoni tal-assi ma twettaq l-ebda negozju ieħor u tiġi likwidata fl-2020. |
(41) |
Il-bank it-tajjeb isir bank kummerċjali sinifikament iżgħar proprjetà tal-Istat, li jkun jista’ jġib miegħu vijabbiltà fit-tul b’karta tal-bilanċ sinifikament imnaqqsa u li jkollu profil b’riskju aktar baxx. Kien previst li l-bank it-tajjeb jiġi privatizzat fi żmien ħames snin, biex b’hekk jiġi pprovdut redditu parzjali lill-Istat mill-investiment tiegħu f’Anglo. |
2.2.3 It-tielet pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo
(42) |
Fis-26 ta’ Ottubru 2010, billi elaborat fuq is-sottomissjoni tagħha tal-31 ta’ Awwissu 2010, l-Irlanda ppreżentat proposta riveduta b’mod sostanzjali dwar ir-ristrutturar ta’ Anglo. It-tielet pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo jistabbilixxi l-linji wiesgħa ta’ qasma ta’ Anglo f’żewġ entitajiet legalment indipendenti li huma proprjetà tal-Istat, jiġifieri Bank ta’ Finanzjament u Bank ta’ Rkupru, li għandhom iwasslu għax-xoljiment ta’ Anglo fuq perjodu ta’ madwar għaxar snin. Ser ikun hemm bżonn ta’ aktar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ injezzjonijiet kapitali, finanzjament persistenti mill-Bank Ċentrali u struttura komprensiva tal-garanziji tal-Istat matul il-ħajja taż-żewġ Banek. Il-pjan jipprevedi rekwiżit kapitali ta’ EUR 29,3 biljun fil-każ bażi u EUR 34 biljun fil-każ ta’ stress. |
(43) |
L-Irlanda indikat li l-approċċ il-ġdid għar-ristrutturar ta’ Anglo, li jipprevedi li dan ser jieqaf jopera bħala bank li jsellef, kien xprunat miċ-ċirkostanzi li kienu qed jiddeterjoraw tas-suq. Hija sostniet li l-kundizzjonijiet tal-finanzjament għal Anglo u s-sentiment lejn l-Istat (Sovran) marru għall-agħar minn mindu ġie ppreżentat it-tieni pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo, filwaqt li l-iskontijiet fuq is-self ittrasferit lil NAMA u t-telf fuq il-ktieb tas-self mhux tan-NAMA kienu ogħla milli kien mistenni. |
2.2.4 Il-pjan ta’ ristrutturar ta’ INBS
(44) |
Il-pjan ta’ ristrutturar għal INBS ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Ġunju 2010. B’konformità ma’ dak li ntalab fl-ewwel deċiżjoni ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ INBS, il-pjan ta’ ristrutturar ta’ INBS esplora bosta għażliet għall-bank: (i) ir-ristrutturar u l-kontinwazzjoni tan-negozju bil-għan li jinbiegħ għall-ħabta tal-2013; (ii) xoljiment immedjat; jew (iii) xoljiment gradwali li għandu jitlesta sal-2020. Il-bejgħ kien jeħtieġ l-inqas ammont ta’ appoġġ mill-Istat, minbarra EUR 2,7 biljun li diġà ġew ipprovduti mill-Istat fiż-żmien li ġie ppreżentat il-pjan. |
(45) |
Fit-tħejjija għall-bejgħ, INBS kienet mistennija ssir istituzzjoni żgħira ta’ tfaddil u self. Hija għandha tittrasferixxi porzjon sinifikanti tal-portafoll tas-self kummerċjali eżistenti tagħha lil NAMA u twaqqaf is-self kummerċjali, filwaqt li tipprovdi biss kontijiet ta’ tfaddil u self b’ipoteka residenzjali lill-klijenti tagħha. |
(46) |
Il-pjan ta’ ristrutturar ta’ INBS ma ppreveda l-ebda miżura partikolari mmirata biex tillimita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna. |
2.3 Il-pjan ta’ ristrutturar konġunt għal Anglo u INBS
2.3.1 Deskrizzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar konġunt
(47) |
Fil-31 ta’ Jannar 2011, l-Irlanda ppreżentat lill-Kummissjoni bil-pjan ta’ ħidma u ristrutturar konġunt għal Anglo u INBS. Il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jipprevedi l-fużjoni ta’ Anglo u INBS, wara l-bejgħ tal-kotba tad-depożiti rispettivi tagħhom, f’entità waħda (li minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “l-entità fuża”) li se tinħarġilha liċenzja, tkun irregolata b’mod sħiħ u 100 % proprjetà tal-Istat. Il-karta tal-bilanċ konġunta tal-ftuħ wara l-fużjoni se tammonta għal EUR [60–70] biljun. |
(48) |
L-entità fuża għandha: (i) taħdem l-ktieb tas-self għall-proprjetà kummerċjali b’wirt ta’ Anglo fuq perjodu ta’ għaxar snin permezz ta’ ħlasijiet lura u bejgħ; (ii) taħdem l-ktieb tal-ipoteki bl-imnut ta’ INBS fuq perjodu ta’ […] snin […] u (iii) tiddependi […]. Il-bank fuż ser iżomm biss ammont żgħir ta’ depożiti u mhux se jinvolvi ruħu f’xi attività ta’ self jew attività oħra ġdida. |
(49) |
L-entità fuża ser iżżomm id-diversi ċedoli li ntużaw għar-rikapitalizzazzjoni ta’ Anglo u INBS. Iċ-ċedoli kollha ser jitħallsu skont l-iskeda tal-ħlas tagħhom (18). […]. L-entità fuża għandha wkoll ammont żgħir ta’ debitu subordinat, li jikkorrespondi għall-ammont li din ma jirnexxilhiex tixtri lura fil-qafas tal-eżerċizzji suċċessivi tal-ġestjoni tal-obligazzjonijiet. |
(50) |
L-għan tal-pjan ta’ ristrutturar konġunt propost huwa li jevita r-riskju ta’ aktar telf minn self ġdid, jimmaniġġja t-tħaddim tal-kotba tas-self b’mod effiċjenti u jżomm ir-rekwiżiti ta’ għajnuna mill-Istat għal minimu. It-tħaddim taż-żewġ kotba tas-self f’entità fuża waħda jippermetti sinerġiji fir-rigward tal-kapaċitajiet, l-infrastruttura u l-proċessi. |
2.3.1.1
(51) |
B’konformità mal-Programm għall-Appoġġ, l-Irlanda impenjat ruħha li tittrasferixxi, qabel il-fużjoni, id-depożiti (li jiġu rreġistrati fuq in-naħa tal-obligazzjonijiet tal-karta tal-bilanċ) u l-bonds tan-NAMA (li jiġu rreġistrati fuq in-naħa tal-assi tal-karta tal-bilanċ) ta’ Anglo u INBS lil istituzzjonijiet vijabbli fi proċess miftuħ. Kienu mistiedna offerti fuq il-pakkett tal-bonds u d-depożiti tan-NAMA. Il-bejgħ ta’ madwar EUR 12,2 biljun ta’ depożiti u ta’ madwar EUR 15,9 biljun ta’ bonds tan-NAMA taż-żewġ entitajiet tlesta (19) fl-24 ta’ Frar 2011. |
(52) |
B’kuntrast mal-verżjonijiet preċedenti tal-pjanijiet ta’ ristrutturar ta’ Anglo, fil-prinċipju, l-entità fuża mhux ser iżżomm depożiti biex tiffinanzja l-assi tagħha iżda minflok għandha toħroġ mis-suq tad-depożiti. |
(53) |
Madanakollu, skont l-impenji (ara t-Taqsima 2.2.5.1), l-entità fuża se titħalla żżomm ammont żgħir ta’ depożiti korporattivi li jinżammu bħala garanzija għas-self mogħti lil diversi istituzzjonijiet korporattivi (wirt assigurat jew depożiti relatati mal-kontijiet tal-mutwatarju). Il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jassumi li ser ikun hemm ammont massimu ta’ EUR 1 biljun f’depożiti meta ssir il-fużjoni. |
2.3.1.2
(54) |
Il-pjan ta’ ristrutturar konġunt huwa bbażat fuq l-assunzjonijiet li ġejjin:
|
2.3.1.3
(55) |
L-entità fuża teħtieġ sett komprensiv ta’ garanziji tal-Istat (ara wkoll il-premessa 69), li jkopru l-iskoperturi li ġejjin:
|
(56) |
Skont il-pjan ta’ ristrutturar konġunt, mhux ser isiru ħlasijiet mill-entità fuża għall-garanziji tal-Istat, għajr għall-garanziji fuq depożiti (50 bps) għat-tul ta’ żmien tal-iskema ELG u fuq bonds pendenti diġà garantiti (li għalihom għandha titħallas tariffa ta’ 95 sa 125 bps matul it-tul ta’ żmien tal-iskema ELG sakemm jimmaturaw). |
2.3.1.4
(57) |
Fil-każ bażi, il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jassumi li mhux ser ikun meħtieġ kapital addizzjonali ‘lil hinn minn dak li huwa injettat b’mod effettiv sal-lum, jiġifieri EUR 34,7 biljun (EUR 29,3 biljun għal Anglo u EUR 5,4 biljun għal INBS) (21). Dawk l-ammonti jikkorrespondu għall-ammonti diġà awtorizzati taħt l-erba’ deċiżjonijiet ta’ salvataġġ għal Anglo u ż-żewġ deċiżjonijiet ta’ salvataġġ għal INBS (22). Il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jindika li f’xenarju ta’ stress (li jimplika b’mod partikolari indebolimenti u telf ogħla fuq allokazzjonijiet ta’ self), ir-rekwiżiti kapitali jiżdiedu sa EUR 38 biljun, li jfisser EUR 3,3 biljun addizzjonali ta’ kapital […] matul il-perjodu tal-pjan (jiġifieri għaxar snin). Minbarra r-riskju ta’ indebolimenti u telf ogħla fuq l-allokazzjonijiet ta’ self, il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jidentifika wkoll bosta riskji addizzjonali li jistgħu jwasslu sabiex l-entità fuża tirrikorri għal kapital ta’ […] EUR 3,3 biljun f’każ ta’ stress. |
2.3.1.5
(58) |
L-ewwelnett, il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jidentifika riskju ta’ żieda fil-kost tal-finanzjament u riskju fir-rata tal-kambju. […] (23). B’kollox, l-entità fuża teħtieġ li jkollha aċċess għal madwar […] tal-finanzjament tal-Bank Ċentrali fiż-żmien tal-fużjoni. Dik il-ħtieġa ta’ finanzjament tonqos b’mod gradwali għal […]. Jekk id-dipendenza fuq il-finanzjament tal-Bank Ċentrali ma tkunx fattibbli sal-punt u għat-tul ta’ żmien imfassla (24), l-entità fuża jkollha tiddependi minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament, jekk jeżistu, li jistgħu jkunu aktar għaljin. |
(59) |
Barra minn hekk, uħud mill-assi tal-entità fuża huma assi fit-tul b’rata ta’ imgħax fissa (tipikament, ċedoli) li huma ffinanzjati permezz ta’ finanzjament għal żmien qasir ħafna […]. |
(60) |
[…]. |
(61) |
Barra minn hekk, il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jenfasizza r-riskji assoċjati mad-diffikultajiet tal-entità fuża sabiex tmexxi n-negozju tagħha fuq il-bażi ta’ negozju avvjat waqt li tkun f’modalità ta’ riżoluzzjoni. […]. Fl-aħħarnett, il-proċess tal-fużjoni jista’ jwassal għal riskji operazzjonali elevati, li min-naħa tagħhom jistgħu jkunu jeħtieġu aktar kapital. |
(62) |
Huwa diffiċli li tiġi vvalutata l-probabbiltà li dawn ir-riskji jimmaterjalizzaw ruħhom. Dawk ir-riskji u l-inċertezzi ma ġewx inkorporati fil-ħtiġijiet kapitali mistennija fix-xenarju tal-każ ta’ stress. |
2.3.2. L-Impenji
(63) |
L-Irlanda pprovdiet għadd ta’ impenji relatati mal-entità fuża sabiex tillimita b’mod speċifiku d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-appoġġ mill-Istat irċevut minn Anglo u INBS. Dawk l-impenji huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni fl-intier tagħhom fl-Anness I. Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni pprovdiet sommarju mhux eżawrjenti fil-premessi 63 sa 66.
|
(64) |
L-Irlanda għandha tiżgura li l-entità fuża tkun konformi mal-impenji stabbiliti fl-Anness I. L-Irlanda għandha tissottometti rapporti regolari dwar il-miżuri meħuda għall-konformità ma’ dawk l-impenji. L-ewwel rapport ser jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni u minn hemm ‘il quddiem f’intervalli ta’ sitt xhur. |
2.4 Il-miżuri tal-Istat ivvalutati f’din id-Deċiżjoni
(65) |
Kemm Anglo kif ukoll INBS irċivew ammont sostanzjali ta’ għajnuna mill-Istat. Wara l-fużjoni, l-entità fuża se tibbenifika wkoll minn bosta miżuri tal-Istat. Din it-Taqsima tippreżenta dawk il-miżuri (ara wkoll it-Tabella 1). |
(66) |
Matul il-perjodu ta’ salvataġġ, Anglo rċieva bosta miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li kienu approvati mill-Kummissjoni fid-diversi deċiżjonijiet li jappartjenu għal dan il-każ (26), u li jissemmew fil-punti (a) sa (v) ta’ din il-premessa u fil-premessi 67, 68 u 69):
|
(67) |
Matul il-perjodu ta’ salvataġġ, INBS irċeviet il-miżuri (j) sa (o) li ġejjin li kienu approvati mill-Kummissjoni:
|
(68) |
Minbarra l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat (a) sa (o) imsemmija fil-premessi 66 u 67, Anglo u INBS irċevew, qabel il-fużjoni, aktar miżuri ta’ salvataġġ (p) u (q):
|
(69) |
Wara l-fużjoni, l-entità fuża se tiġi pprovduta bil-miżuri (r) sa (v) li ġejjin:
|
2.4.1 Miżuri ta’ salvataġġ approvati mill-Kummissjoni
(70) |
Fir-rigward tal-miżuri (a) sa (o) imsemmija fil-premessi 66 u 67, dawn kienu diġà ġew ivvalutati mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjonijiet preċedenti dwar Anglo u INBS u kienu kkwalifikati bħala għajnuna ta’ salvataġġ. Minbarra l-miżuri ta’ salvataġġ, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni bil-miżuri addizzjonali li huma maħsuba biex jippermettu r-riżoluzzjoni ta’ Anglo u INBS, il-miżuri (p) sa (v) imsemmija fil-premessi 68 u 69. |
(71) |
Fir-rigward tal-miżuri diġà approvati mill-Kummissjoni (jiġifieri l-miżuri (a) sa (o) imsemmija fil-premessi 66 u 67), ta’ min jirrimarka li l-iskema ta’ garanziji tas-CIFS ma baqgħetx fis-seħħ mit-30 ta’ Settembru 2010 (il-miżuri (a) u (j) imsemmija fil-premessi 66 u 67) u kienet sostitwita mill-iskema ELG u l-applikazzjoni mill-ġdid tal-iskema ELG għal obbligazzjonijiet għal żmien qasir (il-miżuri (c), (g), (l) u (n) imsemmija fil-premessi 66 u 67). Wara l-fużjoni, dawk l-iskemi ser jiġu sostitwiti minn garanziji individwali mill-Istat (il-miżuri (r) u (v) imsemmija fil-premessa 69), ladarba l-iskema ELG ma tkunx għadha fis-seħħ (ara l-premessi (77) u (81)). |
(72) |
Fir-rigward tal-miżuri (d) u (m) imsemmija fil-premessi 66 u 67, it-trasferiment ta’ […] f’self lil NAMA tlesta f’Novembru 2010 f’telf impost medju ta’ 62 % għal Anglo u 64 % għal INBS. |
(73) |
Flimkien mar-raba’ rikapitalizzazzjoni, Anglo rċieva wkoll garanzija tal-Istat fuq it-tranżazzjonijiet tiegħu li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ (il-miżura (i) imsemmija fil-premessa 66). Dik il-garanzija, li għaliha Anglo ma jħallas ebda tariffa, essenzjalment tipprovdi kumdità għall-kontropartijiet ta’ Anglo fi tranżazzjonijiet tad-derivattivi (l-aktar kuntratti ta’ hedging) u arranġamenti ta’ kklerjar. |
2.4.2 Aktar miżuri ta’ salvataġġ
(74) |
Kemm Anglo kif ukoll INBS irċevew aktar miżuri ta’ salvataġġ qabel il-fużjoni u għalhekk ir-ristrutturar effettiv (il-miżuri (p) u (q) imsemmija fil-premessa 68). Minn Marzu 2009 sal-fużjoni, Anglo diġà rċieva ELA mis-CBI li kienet parzjalment garantita mill-Istat (il-miżura (p)). Il-parti tal-ELA garantita mill-Istat varjat, minn EUR […] biljun f’Settembru 2010 għal EUR […] biljun f’Marzu 2011. Anglo jħallas lis-CBI rata ta’ imgħax li tikkonsisti mir-rata bażi tal-BĊE (bħalissa 125 punt bażi) flimkien ma’ […] punti bażi (minn hawn ‘il quddiem “bps” – “basis points”) għall-ELA, iżda ma jħallas l-ebda tariffa għall-garanzija. |
(75) |
INBS irċeviet ukoll garanzija tal-Istat fuq parti mill-ELA pprovduta mis-CBI (il-miżura (q) imsemmija fil-premessa 68). B’kollox, INBS irċeviet garanzija tal-Istat fuq l-ELA tagħha ta’ EUR […] biljun mill-24 ta’ Frar 2011 ‘il quddiem sakemm issir il-fużjoni ma’ Anglo. INBS tħallas ukoll lis-CBI rata ta’ imgħax li tikkonsisti mir-rata bażi tal-BĊE (bħalissa 125 bps) flimkien ma’ […] bps għall-ELA, iżda ma tħallas l-ebda tariffa għall-garanzija tal-Istat. |
2.4.3 Miżuri għall-entità fuża
(76) |
L-entità fuża […] minn diversi garanziji tal-Istat u injezzjoni kapitali ta’ EUR 3,3 biljun f’każ ta’ stress (il-miżuri (r) sa (v) imsemmija fil-premessa 69). |
(77) |
L-entità fuża se tibbenefika minn garanzija tal-Istat fuq id-depożiti li se jiġu trasferiti lilha kemm mill-Anglo kif ukoll minn INBS (il-miżura (r) imsemmija fil-premessa 69). L-ammont massimu ta’ dawn id-depożiti se jkun ta’ EUR 1,05 biljun. B’mod partikolari, jikkonsistu f’depożiti li jew huma garantiti jew li għandhom rabta ma’ kont ta’ mutwatarju trasferit lill-entità fuża, u għaldaqstant, ma ġewx trasferiti barra Anglo u INBS. L-entità fuża se tħallas tariffa fissa ta’ 50 bps sakemm iddum l-iskema ELG u xejn aktar wara din. |
(78) |
L-entità fuża se tibbenefika wkoll minn miżura mogħtija lil Anglo qabel il-fużjoni, l-aktar il-kontinwazzjoni tal-garanzija tal-Istat fuq tranżazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ għall-ammont stmat għal madwar EUR […] biljun (46) (il-miżura/i msemmija fil-premessa 69). L-entità fuża mhijiex se tħallas tariffa għal dik il-garanzija. |
(79) |
Sabiex tkun iffinanzjata r-riżoluzzjoni ta’ Anglo u ta’ INBS, fil-pjan ta’ ristrutturar konġunt huwa previst li l-entità fuża se tibbenefika minn garanzija tal-Istat fuq parti mill-ELA li din se tirċievi (il-miżura (t) imsemmija fil-premessa 69). B’kollox, l-entità fuża se jkollha aċċess għall-ELA sa EUR […] biljun, fil-bidu tal-fużjoni, li jonqos minn hemm ‘il quddiem […]. L-entità fuża se tħallas lis-CBI rata ta’ imgħax ta’ […] bps għall-finanzjament tal-munita euro u […] bps għal finanzjament ta’ muniti barranin, iżda ma hi se tħallas l-ebda tariffa għall-garanzija tal-Istat. |
(80) |
Skont il-pjan ta’ ristrutturar konġunt, […] f’każ ta’ deterjorament ulterjuri tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha (każ ta’ stress – il-miżura (u) imsemmija fil-premessa 69). F’dak il-każ, […] sa EUR 3,3 biljun f’kapital […]. Dak l-approċċ se jiżgura li l-entità fuża tissodisfa r-rekwiżiti kapitali regolatorji minimi relevanti stabbiliti mir-Regolatur Finanzjarju Irlandiż (attwalment, proporzjon ta’ 8 % tal-kapital totali). |
(81) |
Fl-aħħar nett, l-entità fuża se tibbenefika minn garanzija tal-Istat fuq il-finanzjament bl-ingrossa eżistenti ta’ madwar EUR 3 biljun li se jiġi trasferit mill-Anglo lill-entità fuża (il-miżura (v) imsemmija fil-premessa 69). L-entità fuża se tħallas tariffa ta’ bejn 95 u 125 bps sakemm iddum l-ELG u ma hi se tħallas l-ebda tariffa wara din. |
Tabella 1
Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri mogħtija lil Anglo, lil INBS u lill-entità fuża (imsemmija fil-premessi 66 sa 69)
Miżuri mogħtija lil Anglo, lill-Bank ta' Rkupru u lill-Bank ta' Finanzjament |
|||
Nr |
Tip ta' miżura |
Ammont |
Rimunerazzjoni |
Miżuri ta' salvataġġ approvati |
|||
Anglo Irish Bank |
|||
a |
Garanzija taħt l-iskema CIFS |
Massimu EUR […] biljun f'Settembru 2008 (47) |
tariffa fissa ta' 18,5 bps li titla' għal 32 bps |
b |
L-ewwel rikapitalizzazzjoni |
EUR 4 biljun |
l-ebda rimunerazzjoni |
c |
Garanzija taħt l-iskema ELG |
EUR […] biljun (48) |
rakkomandazjoni tal-BCE + 40 bps (49) |
d |
Miżura ta' salvataġġ tal-assi - trasferiment ta' self eliġibbli lil NAMA |
EUR 35 biljun trasferiti |
mhux applikabbli |
e |
It-tieni rikapitalizzazzjoni |
EUR 10,44 biljun (50) (EUR 10,3 biljun) |
l-ebda rimunerazzjoni |
f |
It-tielet rikapitalizzazzjoni |
EUR 10 054 miljun |
l-ebda rimunerazzjoni |
g |
Garanzija fuq obbligazzjonijiet għal perjodu qasir |
c. EUR […] biljun f'Diċembru 2010 |
160 bps sa Diċembru 2010 (49) |
h |
Ir-raba' rikapitalizzazzjoni |
EUR 4 946 miljun |
l-ebda rimunerazzjoni |
i |
Garanzija fuq ċerti obbligazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ |
massimu gross stmat ta' EUR […] biljun (51) |
l-ebda tariffa |
Iristt Naa'ottwide BuikSiag Society |
|||
j |
Garanzija taħt l-iskema CIFS |
Massimu EUR […] biljun f'Ottubru 2008' (47) |
tariffa fissa 18,5 bps li t itl a' sa 25,6 bps |
k |
L-ewwel rikapitalinazzjoni |
EUR 2,7 biljun |
Garantiti d-drittijiet għall-assi tal-bilanċ pożittiv nett tas-Soċjetà |
l |
Garanzija taħt l-iskema ELG |
EUR[…] biljun (48) |
rakkomandazzjoni tal-BCE + 40 bps (49) |
m |
Miżura ta' salvataġġ tal-assi-trasferiment ta' self eliġibbli lil NAMA |
EUR 8,9 biljun trasferiti |
mhux applikabbli |
n |
Garanziia fuq obbliqazzioniiiet qħal periodu qasir |
c. EUR […] miliun f'Diċembru 2010 |
160 bps sa Diċembru 2010 (49) |
o |
It-tieni rikapitalizzazzjoni |
EUR 2,7 biliun |
l-ebda rimunerazzjoni |
Miżuri ta' saluataġġ ulterjuri |
|||
Anglo Irish Bank |
|||
p |
Garanzija fl-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità |
Massimu garantit EUR […] biljun sas 16 ta' Marzu 2011 (52) |
,[…] l-ebda tantta ghall-garanzija |
Irish Nationwide Building Society |
|||
q |
Garanzija fl-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidrtà |
Garantit EUR […] biljun |
[…], l-ebda tantta ghall-garanzija |
Mizuri ta' ristrutturar |
|||
Entrtatuza |
|||
r |
Kontinwazzjoni ta' garanzija fuq id-depożit li i jifdal |
massimuta' EUR […] biljun |
Garantrti sakemm idum il-ftehim ta' hlas lura, l-ewweltaht l-ELG u wara l- iskadenzatiegħu fuq bażi ad hoc ta' 50bps |
s |
Kontinwazzjoni ta' garanzija fuq tranżazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ |
stmat għal madwar EUR […] biljun (51) |
l-ebda tariffa |
t |
Kontinwazzjoni ta' garanzija fl-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità jew faċilità simili oħra |
stmat sa EUR […] biljun |
3 |
u |
Rikapitalizzazzjoni f'kaz ta' stress |
EUR 3,2 blljun |
l-ebda rimunerazzjoni |
v |
Garanzija fuq finanzjament bl-ingrossa pendenti tal-ELG |
madwar EUR […] biljun |
tariffa kontormi mal-ELG sakemm iddum, l-ebda tariffa warajha |
3 RAĠUNIJIET GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA
(82) |
Il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo fil-31 ta’ Marzu 2010 permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Minn dak in-nhar, l-Irlanda biddlet b’mod fundamentali l-pjan ta’ ristrutturar għal Anglo għal diversi drabi qabel ma ssottomettiet il-pjan ta’ ristrutturar konġunt għal Anglo u INBS fil-31 ta’ Jannar 2011. Ħafna mid-dubji mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ (ara t-Taqsima 4.3.1 ta’ dik id-Deċiżjoni (53)) kienu speċifiċi għall-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo, li kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li Anglo jinqasam f’bank tajjeb u bank ħażin. Għaldaqstant, dawk id-dubji ma għadhomx rilevanti aktar peress li Anglo mhuwiex se jibqa’ jwettaq attivitajiet ġodda u minflok, se jiġi fuż ma’ INBS u se jiffoka sabiex maż-żmien jaħdem l-ktieb tad-djun tiegħu. |
(83) |
Madanakollu, għall-finijiet tal-kompletezza, fit-Taqsima 3.1 huwa pprovdut sommarju tad-dubji mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha. |
3.1 Id-deċiżjoni tal-ftuħ
(84) |
Rigward ritorn lejn stat vijabbli tal-bank it-tajjeb (li fid-deċiżjoni tal-ftuħ huwa msemmi wkoll bħala “NewCo”) u x-xoljiment b’mod ordinat tal-bank il-ħażin (li fid-deċiżjoni tal-ftuħ huwa msemmi wkoll bħala “Old Anglo”), il-Kummissjoni esprimiet dubji, peress li fi żmien dik id-deċiżjoni ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju taż-żewġ entitajiet. Il-Kummissjoni ddubitat ukoll dwar jekk l-istima tal-indebolimenti fuq iż-żewġ għotjiet ta’ self trasferiti lil NAMA u s-self mhux lil NAMA kinitx biżżejjed. Barra minn hekk, is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi pprovduti fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo dehru inkompleti, u għalhekk, ġabu magħhom dubji dwar ir-raġonevolezza tagħhom. Il-Kummissjoni esprimiet dubji wkoll fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet ġodda li l-bank il-ġdid ikun se jibda jwettaq f’oqsma li ma kellu l-ebda esperjenza fihom. Il-Kummissjoni ddubitat ukoll dwar jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament u likwidità tal-bank it-tajjeb jistgħux jintlaħqu fuq il-bażi tal-pjan. |
(85) |
Rigward il-qsim tal-piżijiet u l-kontribuzzjoni proprja ta’ Anglo, il-Kummissjoni xeħtet dubju dwar jekk il-kontribuzzjoni proprja għar-ristruttrar ta’ Anglo stess kinitx biżżejjed minħabba l-fatt li l-bank it-tajjeb kellu jespandi f’attivitajiet ġodda, xi ħaġa li tkun teħtieġ investiment notevoli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-awtoritajiet Irlandiżi ma xtarrewx il-pjan ta’ ristrutturar inizjali ta’ Anglo rigward il-fatt jekk Anglo jistax jikkontribwixxi għar-ristrutturar tiegħu billi jbigħ assi jew permezz ta’ mezzi oħra. |
(86) |
Rigward il-miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkaġunata mill-għajnuna enormi mill-Istat ipprovduta lil Anglo, il-Kummissjoni indikat li hi tiddubita l-fatt li l-miżuri ppreżentati fil-pjan kienu biżżejjed sabiex jirribattu l-effetti ta’ distorsjoni tal-għajnuna lil Anglo. |
4 KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI
(87) |
Il-Kummissjoni ma rċiviet l-ebda kummenti mingħand partijiet terzi wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
5 KUMMENTI MILL-IRLANDA
(88) |
L-Irlanda ma pprovdietx kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, iżda minflok issottomettiet it-tieni pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo u mbagħad, it-tielet pjan ta’ ristrutturar ta’ Anglo fis-26 ta’ Ottubru 2010. |
(89) |
It-tielet pjan ta’ ristrutturar issa ttiħidlu postu mill-pjan ta’ ristrutturar konġunt sottomess fil-31 ta’ Jannar 2011 mill-Irlanda. |
6 VALUTAZZJONI
6.1 Eżistenza tal-għajnuna
(90) |
Għandu jiġi valutat jekk il-miżuri li jinsabu fil-pjan ta’ ristrutturar konġunt jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jispeċifika li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. |
6.1.1 Miżuri diġà temporanjament approvati
(91) |
Fir-rigward tal-miżuri diġà temporanjament approvati mill-Kummissjoni bħala għajnuna ta’ salvataġġ fid-deċiżjonijiet ta’ qabel tagħha għal Anglo u INBS (l-aktar il-miżuri (a) sa (o) kif stabbilit fil-premessi 66 u 67, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li dawk il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur Anglo u INBS. Konsegwentement, mhuwiex neċessarju li jerġa’ jiġi vvalutat jekk jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat f’din id-Deċiżjoni. |
(92) |
Il-miżuri li jridu jiġu valutati f’din id-Deċiżjoni sabiex jiġi determinat jekk jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat diġà ġew deskritti fil-premessi 68 u 69. Il-miżuri relevanti huma: għal Anglo, il-miżura (p), għal INBS, il-miżura (q) u għall-entità fuża, il-miżuri (r) sa (v). F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Irlanda taċċetta li l-miżuri jirrappreżentaw għajnuna mill-Istat. |
6.1.2 Riżorsi tal-Istat
(93) |
Il-miżuri (p) sa (v) imsemmija fil-premessi 68 u 69 huma ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat u jikkonsistu f’garanziji tal-Istat u għotjiet diretti ffinanzjati u għaldaqstant, għandu jitqies li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. |
6.1.3 Selettività
(94) |
Huwa neċessarju wkoll li jiġi valutat jekk il-miżuri msemmija fil-premessi 66 sa 69 jagħtux vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju jew lill-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat. Il-miżuri kkonċernati huma selettivi peress li jibbenefikaw biss lil Anglo, lilINBS u lill-entità fuża. |
6.1.4 Vantaġġ
(95) |
Il-miżuri msemmija fil-premessi 66 sa 69 jagħtu vantaġġ lill-attività ekonomika kemm ta’ Anglo kif ukoll ta’ INBS kif wettquha huma sal-fużjoni u s-suċċessur tagħhom, bħala l-entità fuża, wara l-fużjoni. |
(96) |
L-Anglo jibbenefika minn garanzija tal-Istat li tkopri EUR […] biljun tal-ELA li jirċievi mis-CBI (il-miżura (p) imsemmija fil-premessa 68), u li tippermetti lil Anglo sabiex jiffinanzja l-assi tiegħu. Il-garanzija tirrappreżenta vantaġġ għal Anglo peress li garanzija bħal din ma tkunx disponibbli fis-suq u. […]. Barra minn hekk, il-garanzija tal-Istat fuq l-ELA hija pprovduta mingħajr ma Anglo jkollu jħallas rimunerazzjoni għaliha. In-nuqqas ta’ rimunerazzjoni jippreżenta vantaġġ ulterjuri għal Anglo peress li jevita l-kostijiet assoċjati mal-garanzija. |
(97) |
Għall-istess raġunijiet, il-garanzija tal-Istat fuq l-ELA li INBS irċiviet mill-24 ta’ Frar 2011 ‘il quddiem għall-ammont ta’ EUR […] biljun tipprovdi vantaġġ lil INBS (il-miżura (q) imsemmija fil-premessa 68). |
(98) |
Rigward il-miżuri favur l-entità fuża, dik l-entità tibbenefika minn tkomplija ta’ diversi garanziji tal-Istat, l-aktar fuq id-depożiti li jifdal (il-miżura (r) imsemmija fil-premessa 68), fuq tranżazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ (il-miżura (s) imsemmija fil-premessa 69), fuq l-ELA (il-miżura (t) imsemmija fil-premessa 69) u fuq il-finanzjament bl-ingrossa eżistenti (il-miżura (v) imsemmija fil-premessa 69). L-entità fuża tħallas biss tariffa għall-garanzija […], id-depożiti u l-finanzjament bl-ingrossa sakemm iddum l-iskema ELG (l-ebda tariffa ma hi se titħallas wara), iżda ma tħallasx tariffa għall-garanziji l-oħra. Dawk il-garanziji jipprovdu vantaġġ għall-entità fuża billi jgħinu fl-iżgurar li l-entità fuża ma ssirx inadempjenti fl-obbligi tagħha. Tabilħaqq, mingħajr il-finanzjament meħtieġ permezz tal-ELA garantita, id-depożiti li jifdal u l-finanzjament bl-ingrossa li jifdal u mingħajr il-garanzija fuq l-obbligazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ tagħha, mhijiex possibbli riżoluzzjoni b’mod ordinat. Barra minn hekk, il-fatt li l-entità fuża ma għandhiex tħallas tariffa għal bosta minn dawn il-garanziji jipprovdi vantaġġ ulterjuri għaliha peress li tevita kostijiet ogħla għall-finanzjament u għaldaqstant, tevita aktar telf. |
(99) |
Fl-aħħar nett […] EUR 3,3 biljun fil-każ ta’ stress sabiex ikopru telf ulterjuri bħala konsegwenza tat-tħaddim tal-ktieb tad-djun tagħha. […] Ir-rikapitalizzazzjoni […] vantaġġ għall-entità fuża hekk kif tiżgura li tilħaq ir-rekwiżiti kapitali regolatorji relevanti tagħha matul il-perjodu ta’ riżoluzzjoni. […]. |
6.1.5 Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
(100) |
Bħala konklużjoni, il-miżuri (p) sa (v) msemmija fil-premessi (66) u (67) kapaċi jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
(101) |
Kif indikat fit-taqsima 6.1.4, mingħajr il-miżuri ta’ appoġġ tal-Istat, kemm Anglo kif ukoll INBS kienu jsiru inadempjenti u kienu joħorġu kompletament mis-swieq li kienu attivi fihom. Minħabba l-ammont ferm sostanzjali ta’ għajnuna mill-Istat, baqgħu attivi fis-suq tad-depożiti (sat-trasferiment tad-depożiti tagħhom lill-Allied Irish Bank u l-Irish Life & Permanent fi Frar 2011) u sa ċertu punt ferm limitat fis-suq tas-self ta’ propjetà kummerċjali u s-suq tal-ipoteki residenzjali (li jaqdu self eżistenti). Għaldaqstant, dak l-appoġġ mill-Istat għawweġ il-kompetizzjoni. F’dawn is-swieq, Anglo u INBS ikkompetew mhux biss mal-banek Irlandiżi iżda anki ma’ parteċipanti barranin fl-Irlanda. Anglo kien attiv ukoll (kemm għad-depożiti kif ukoll għas-self kummerċjali) fir-Renju Unit u għaldaqstant, ikkompeta ma’ parteċipanti domestiċi tar-Renju Unit u ma’ parteċipanti minn Stati Membri oħra attivi f’dak is-suq. Madanakollu, għandu jiġi osservat li l-attività ta’ dawn iż-żewġ entitajiet kienet dejjem aktar limitata matul l-aħħar snin, u b’hekk, dan naqqas l-effett negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. |
(102) |
Rigward l-entità fuża, din se twettaq xi attivitajiet ekonomiċi limitati f’suq fejn kemm il-banek Irlandiżi kif ukoll dawk barranin għadhom attivi. B’mod partikolari, se titħalla żżomm ammont żgħir ta’ depożiti u se titħalla tipprovdi xi self lill-klijenti eżistenti tagħha sabiex iżżid l-NPV tas-self inkwistjoni b’konformità mal-impenji pprovduti mill-Irlanda (ara t-Taqsima 2.3.2). Mingħajr il-miżuri ta’ appoġġ mill-Istat, ma tkunx kapaċi twettaq dawk l-attivitajiet. Għandu jiġi osservat li peress li l-karta tal-bilanċ tal-entità fuża se titnaqqas bħala riżultat tar-riżoluzzjoni tagħha, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ se jonqsu b’mod sinifikanti minħabba l-operazzjonijiet ferm limitati li l-entità fuża se tkompli twettaq fi swieq kompetittivi. |
6.1.6 Applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur fis-suq
(103) |
Fl-aħħar nett il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq ma japplikax għall-miżuri msemmija fil-premessi 66 sa 69 peress li mhumiex parti minn pakkett sostanzjali ta’ miżuri ta’ salvataġġ favur Anglo u INBS. Barra minn hekk, anki jekk dan kien ikun applikabbli, dawk il-miżuri mhumiex konformi mal-kondotta normali tas-suq. L-ebda investitur f’ekonomija tas-suq ma jimplimenta dawn il-miżuri kollha sabiex isalva lil Anglo u lil INBS u mbagħad jgħaqqadhom f’fużjoni sabiex jaħdmu il-kotba tad-djun tagħhom peress li l-probabbiltà li jirkupra l-investimenti tiegħu (ir-rikapitalizzazzjonijiet totali f’daqqa pprovduti lil Anglo u INBS jammontaw għal EUR 34,7 biljun f’każ bażi) hija negliġibbli. L-ebda operatur f’ekonomija tas-suq fl-istess qagħda bħall-Istat ma kien ikun jista’ jipprovdi l-ammont ta’ kapital u finanzjament meħtieġ sabiex jiffaċilita r-riżoluzzjoni ta’ Anglo kif ukoll ta’ INBS. Meta titqies is-sitwazzjoni tas-swieq u d-domanda għal assi u obbligazzjonijiet Irlandiżi, ma kienx ikun possibbli għal operatur tas-suq li jikseb finanzjament bħal dan. |
6.1.7 Identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna
(104) |
L-Irlanda beħsiebha tniedi miżuri ta’ għajnuna ġodda (il-miżuri (r) sa (v) imsemmija fil-premessa 69) sabiex tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta’ Anglo u ta’ INBS. Dawn il-miżuri se jippermettu li ssir il-fużjoni ta’ Anglo u ta’ INBS f’entità legali waħda. L-għan ewlieni tal-entità fuża huwa li taħdem d-djun ta’ Anglo u ta’ INBS bil-għan li tieħu r-redditu massimu u tnaqqas il-kost għall-kontribwenti Irlandiżi. |
(105) |
Taħt il-pjan ta’ ristrutturar konġunt, l-entità fuża se twettaq biss self limitat meħtieġ mill-obbligi kuntrattwali eżistenti u mbagħad tagħmel hekk biss sabiex tiżgura li l-NPV tal-ktieb tad-djun jinżamm, u b’hekk tillimita għall-minimu s-sitwazzjonijiet fejn tkun f’kompetizzjoni ma’ banek oħra. L-entità fuża, skont l-Irlanda, se tirrealizza l-assi tagħha biss hekk kif jimmaturaw jew billi tbigħhom fuq is-suq. L-entità fuża se tuża l-introjtu minn dan il-bejgħ sabiex tħallas lura d-djun tagħha meta dawn ikunu dovuti u tiffinanzja l-kostijiet operazzjonali kurrenti tagħha kif ukoll kwalunkwe obbligazzjonijiet ta’ legat li żammet. Għaldaqstant, bħala konklużjoni, l-entità fuża se tkompli twettaq xi attivitajiet ekonomiċi limitati wara l-fużjoni u għalhekk għandha titqies bħala benefiċjarju tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. |
(106) |
Rigward Anglo u INBS, qabel il-fużjoni maħsuba, it-tnejn li huma setgħu jibqgħu joperaw bil-għajnuna tal-garanziji tal-Istat fuq l-obbligazzjonijiet, rikapitalizzazzjonijiet tagħhom u bil-għajnuna ta’ miżura ta’ salvataġġ tal-assi (il-miżuri (a) sa (o) msemmija fil-premessi 67 u 68). Għaldaqstant, Anglo u INBS huma l-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri. |
6.1.8 Konklużjoni
(107) |
Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, bħala konklużjoni, il-miżuri (a) sa (v) msemmija fil-premessi 68 u 69 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. |
6.2 Ammont ta’ għajnuna
6.2.1 Rikapitalizzazzjonijiet ta’ Anglo u INBS
(108) |
Kemm Anglo kif ukoll INBS irċivew għajnuna mill-Istat b’mod individwali fil-forma ta’ diversi rikapitalizzazzjonijiet. Anglo rċieva total ta’ EUR 29,3 biljun permezz ta’ erba’ injezzjonijiet ta’ kapital (54). INBS irċiviet total ta’ EUR 5,4 biljun permezz ta’ żewġ injezzjonijiet ta’ kapital. |
6.2.2 Miżura ta’ assi danneġġati għal Anglo u INBS
(109) |
Kemm Anglo kif ukoll INBS ipparteċipaw fin-NAMA (il-miżuri (d) u (m) imsemmija fil-premessi 66 u 67). Rigward l-ammont ta’ għajnuna inkluża fil-miżura ta’ assi danneġġati, l-aktar it-trasferiment ta’ assi lil NAMA, għandu jiġi osservat li n-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna mal-paragrafu 20(a) tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti (li minn hawn il-quddiem tissejjaħ “IAC” – “Impaired Assets Communication”) (55) tiddefinixxi l-ammont ta’ għajnuna f’miżura ta’ salvataġġ tal-assi bħala d-differenza bejn il-valur tat-trasferiment tal-assi u l-prezz tas-suq. Madanakollu, huwa ferm diffiċli li jiġi stmat il-valur tas-suq ta’ assi koperti peress li ħafna minnhom huma self li mhuwiex negozjat. Barra minn hekk, l-ammont veru tal-għajnuna jista’ jiġi determinat biss wara li tiġi finalizzata l-valutazzjoni mill-Irlanda tal-assi trasferiti lilha b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża Nru 725/09 (56) li se twassal għall-konklużjonijiet finali rigward l-ammont ta’ għajnuna involuta. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni dwar l-ammont ta’ għajnuna assoċjata mal-ewwel u t-tieni segmenti tas-self trasferiti lil NAMA tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li l-informazzjoni dwar is-segmenti finali għadha pendenti. |
(110) |
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-ewwel u t-tieni segmenti trasferiti lil NAMA, jistgħu jinħarġu għadd ta’ konklużjonijiet. L-ewwel nett, l-ewwel segment ta’ self ta’ propjetà kummerċjali li Anglo ttrasferixxa lil NAMA kellu valur nominali ta’ EUR 9 251 miljun. Dak it-trasferiment kien fih għajnuna li tammonta għal EUR 870 miljun, li tirrappreżenta 9,4 % tal-bilanċi ta’ self nominali trasferiti. It-tieni, fit-tieni segment, Anglo ttrasferixxa self b’valur nominali ta’ EUR 6 747 miljun lil NAMA. Dak it-trasferiment kien fih għajnuna li tammonta għal EUR 427 miljun u li tirrappreżenta 6,3 % tal-bilanċi ta’ self nominali trasferiti. Skont dawn, il-medja perċentwali ta’ għajnuna għall-bilanċi ta’ self nominali għaż-żewġ segmenti hija ta’ 7,9 %. Meta din il-medja perċentwali tiġi applikata għas-segmenti li għadhom pendenti (EUR 19-il biljun), l-ammont ta’ għajnuna għal dawk is-segmenti jkun madwar EUR 1,5 biljun. Għaldaqstant, bħala total, l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat assoċjata mat-trasferiment tas-self tal-iżvilupp u tal-propjetà kummerċjali u self ieħor assoċjat ta’ Anglo lil NAMA jista’ jiġi stmat għal madwar EUR 2 797 miljun (57). |
(111) |
INBS ittrasferixxiet bilanċi ta’ self b’valur nominali ta’ EUR 669 miljun fl-ewwel segment. Dak it-trasferiment kien fih ammont ta’ għajnuna ta’ EUR 70 miljun, li jirrappreżenta 10,5 % tal-bilanċi tas-self nominali trasferiti. Bħala parti mit-tieni segment, INBS ittrasferixxiet bilanċi ta’ self b’valur nominali ta’ EUR 591 miljun. Dak it-trasferiment irriżulta f’ammont ta’ għajnuna ta’ EUR 43,7 miljun li jirrappreżenta 7,4 % tal-bilanċi tas-self nominali trasferiti. Skont dawn, il-medja perċentwali tal-għajnuna għall-bilanċi tas-self nominali għaż-żewġ segmenti hija ta’ 9 %. Għaldaqstant, meta din il-medja perċentwali tiġi applikata għas-segmenti li għadhom pendenti (EUR 7,7 biljun), l-ammont ta’ għajnuna assoċjata jista’ jiġi stmat għal madwar EUR 693 miljun. Għaldaqstant, bħala total, l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat assoċjata mat-trasferiment tas-tas-self tal-iżvilupp u tal-propjetà kummerċjali u self ieħor assoċjat ta’ INBS lil NAMA jista’ jiġi stmat għal madwar EUR 806 miljun (58). |
(112) |
Minkejja li l-ammont preċiż ta’ għajnuna mill-Istat għas-segmenti li għadhom pendenti se jiġi verifikat aktar tard, mhuwiex neċessarju li jinstab l-ammont preċiż tal-għajnuna li jinstab f’dawn is-segmenti sabiex tiġi valutata l-kompatibbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar konġunt mat-Trattat peress li: (i) diġà sar qbil mill-Kummissjoni dwar il-mod kif se jiġi determinat il-prezz tat-trasferiment fid-Deċiżjoni tagħha dwar in-NAMA (59); (ii) kwalunkwe bidla potenzjali fl-ammont tal-għajnuna mhuwiex se jaffettwa l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna f’din id-Deċiżjoni minħabba l-ammonti kbar diġà involuti u minħabba l-fatt li Anglo u INBS se joħorġu kompletament mis-suq; u (iii) b’mod partikolari, żieda fl-għajnuna ma żżidx id-distorsjoni fil-kompetizzjoni maħluqa mir-riżoluzzjoni tal-entità fuża peress li dan ma jkunx ifisser li l-entità fuża tkun twettaq attivitajiet aktar kompetittivi. |
6.2.3 Garanziji għal Anglo u INBS
(113) |
L-Anglo u INBS ħadu sehem ukoll fl-iskemi ta’ garanzija CIFS u ELG (il-miżuri (a), (c), (g), (j), (l) u (n) msemmija fil-premessi 66 u 67). L-ammont tal-obbligazzjonijiet koperti għal kull istituzzjoni taħt iż-żewġ skemi nbidel maż-żmien. Pereżempju, fil-każ ta’ Anglo, l-obbligazzjonijiet koperti taħt l-iskema CIFS laħaq il-quċċata bi EUR […] biljun f’Settembru 2008, filwaqt li naqas għal EUR […] biljun fit-30 ta’ Ġunju 2010, f’parti minnu minħabba t-tnedija tal-ELG. Barra minn hekk, l-obbligazzjonijiet ta’ Anglo koperti mill-ELG, naqsu għal EUR […] biljun fil-31 ta’ Marzu 2011 minn quċċata ta’ EUR […] biljun fit-30 ta’ Ġunju 2010 minħabba t-trasferiment tad-depożiti tiegħu lill-Allied Irish Banks. Għal INBS, tista’ tiġi osservata l-istess tendenza. |
(114) |
Barra minn hekk, kemm Anglo kif ukoll INBS irċivew garanziji tal-Istat fuq obbligazzjonijiet għal żmien qasir u l-ELA, filwaqt li Anglo rċieva wkoll garanzija tal-Istat […] fuq l-obbligazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ tiegħu. |
(115) |
Għandu jiġi osservat li, fir-rigward ta’ kumpaniji f’diffikultà finanzjarja, jekk bank ma jkunx jista’ jtella’ biżżejjed dejn skopert sabiex ikopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament kollha tiegħu, l-element ta’ għajnuna ta’ garanziji bħal dawn jista’ jitla’ sal-livell tal-valur nominali tagħhom. Dan kien manifestament il-każ meta Anglo u INBS bdew jużaw is-CIFS fl-2008 u l-ELG, il-garanzija fuq obbligazzjonijiet għal żmien qasir fl-2010 u l-garanzija fuq l-ELA tagħhom, filwaqt li Anglo rċieva wkoll garanzija tal-Istat fuq l-obbligazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ tiegħu. F’dak il-kuntest, kien hemm sovrappożizzjoni sinifikanti bejn il-garanziji differenti, b’mod aktar speċifiku is-CIFS u l-iskema ELG, li tista’ twassal sabiex jingħaddu darbtejn. Fl-istess ħin, l-ammonti koperti mill-garanziji varji nbidlu maż-żmien (is-CIFS, l-iskema ELG u l-ELA). Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-parteċipazzjoni ta’ dawn iż-żewġ banek fl-iskemi ta’ garanziji tal-Istat ma titqiesx għat-tħaddim tal-ammont ta’ għajnuna relattiva għall-assi ppeżati skont ir-riskju tagħhom (li minn hawn ‘il quddiem jissejħu “RWA” – “Risk Weighted Assets”) sabiex jiġi stabbilit jekk huwiex meħtieġ ristrutturar dettaljat. Min-naħa l-oħra, l-element ta’ għajnuna fil-garanziji se jiġi kkunsidrat fil-kuntest tar-ristrutturar. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ma kkalkulatx l-ammont ta’ għajnuna assoċjata ma’ dawk il-garanziji tal-Istat. |
6.2.4 Miżuri ta’ għajnuna għall-entità fuża
(116) |
L-entità fuża […] EUR 3,3 biljun ulterjuri ta’ kapital fil-każ li l-kriżi ssir realtà. |
(117) |
L-entità fuża tibbenefika wkoll minn garanziji tal-Istat fuq id-depożiti li jifdlilha li jaslu sa massimu ta’ EUR 1 biljun, it-tranżazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ tagħha li huma stmati għal ammont gross ta’ […], u tkomplija tal-garanzija tal-Istat fuq l-ELA jew faċilità simili oħra li tirċievi li hija stmata li tasal sa […] fil-bidu tal-fużjoni. Għat-tħaddim tal-ammont ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni sabet li fir-rigward tal-garanziji pprovduti lill-entità fuża, japplika r-raġunar tal-premessa (115). |
6.2.5 Konklużjoni rigward l-ammont ta’ għajnuna
(118) |
Fuq il-bażi ta’ dan li ntqal hawn fuq, bħala konklużjoni, Anglo rċieva għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ rikapitalizzazzjonijiet u miżuri ta’ salvataġġ tal-assi li jammontaw għal tal-inqas EUR 32 biljun (43,9 % tal-RWA). INBS irċiviet għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ rikapitalizzazzjonijiet u miżura ta’ salvataġġ tal-assi li jammontaw għal tal-inqas EUR 6,2 biljun (59 % tal-RWA). Dawn il-livelli huma sostanzjalment ogħla mil-livell ta’ 2 % indikat fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni (60) u fl-IAC. |
(119) |
Fl-aħħar nett, bħala konklużjoni, it-total ta’ għajnuna mill-Istat involuta, meta jingħaddu ċ-ċifri għar-rikapitalizzazzjonijiet u l-miżura ta’ salvataġġ tal-assi favur Anglo u INBS, kif ukoll ir-rikapitalizzazzjoni tal-entità fuża f’każ ta’ stress, jista’ jiġi stmat għal tal-inqas EUR 41,5 biljun (61). |
6.3 Kompatibbiltà tal-għajnuna
(120) |
Meta tiġi valutata l-kompatibbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar konġunt għal Anglo u INBS, l-ewwel għandu jiġi vvalutat jekk l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat huwiex applikabbli qabel ma jiġi vvalutat jekk il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar. |
6.3.1 Bażi legali għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà
(121) |
L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jippermetti lill-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern jekk hija maħsuba “sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”. F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet tas-suq kienu diffiċli madwar id-dinja mill-aħħar trimestru tal-2008. B’mod partikolari, l-Irlanda ntlaqtet ħafna mill-kriżi finanzjarja. Ir-ritmu ekonomiku baxx flimkien mal-waqgħa fil-prezzijiet tal-propjetà u l-esponiment tal-banek tal-Irlanda għal self ta’ żvilupp ta’ art u propjetà wasslu għal indebolimenti sinifikanti għall-banek Irlandiżi. Il-banek Irlandiżi kellhom jaffaċċjaw diffikultajiet persisenti anki sabiex jiksbu finanzjament u kapital mis-swieq minħabba l-inċertezza assoċjata mas-suq tal-propjetà fl-Irlanda. Konsegwentement, l-Istat Irlandiż (Sovran) waqa’ taħt pressjoni, li finalment wassal għall-Programm ta’ Appoġġ. |
(122) |
Il-Kummissjoni fehmet li l-kriżi finanzjarja globali tista’ toħloq taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u li miżuri li jappoġġjaw lill-banek huma f’waqthom sabiex isir rimedju għal dan it-taqlib; din l-opinjoni ġiet ikkonfermata fil-Komunikazzjoni Bankarja (62), il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni, l-IAC u l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar. Fir-rigward tal-ekonomija Irlandiża, f’diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fejn tapprova l-miżuri meħuda mill-Irlanda ġiet ikkonfermata l-ġlieda għall-kriżi finanzjarja (63). |
(123) |
Minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi fl-Irlanda, flimkien mas-sitwazzjoni mtejba iżda li għadha instabbli tas-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri jistgħu jiġu eżaminati skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. |
6.3.2 Valutazzjoni tal-kompatibbiltà
(124) |
Anglo, INBS u l-entità fuża bbenefikaw u se jibbenefikaw minn diversi miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li l-kompatibbiltà tagħhom għadha ma ġietx valutata mill-Kummissjoni. Dawn jinkludu l-garanzija tal-Istat fuq l-ELA kemm għal Anglo kif ukoll għal INBS (il-miżuri (p) u (q) imsemmija fil-premessa 68) u l-garanziji tal-Istat u r-rikapitalizzazzjoni f’każ ta’ stress […] (il-miżuri (r) sa (v) imsemmija fil-premessa 69). Barra minn hekk, Anglo u INBS irċivew miżuri li nstabu kompatibbli mill-Kummissjoni bħala għajnuna ta’ salvataġġ (il-miżuri (a) sa (o) imsemmija fil-premessi 66 u 67), iżda li issa se jkollhom jiġu vvalutati sabiex jiġi determinat jekk humiex kompatibbli bħala għajnuna għar-ristruttrar. Hija neċessarja l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri u tal-pjan ta’ ristrutturar konġunt fil-kuntest tal-Komunikazzjoni Bankarja, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristruttrar. |
(125) |
Minkejja li Anglo u INBS ibbenefikaw minn miżuri ta’ salvataġġ tal-assi waqt li ġew trasferiti l-assi lil NAMA, ir-riżoluzzjoni ta’ Anglo u ta’ INBS minnha nnifisha ma tirriżultax f’għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ miżura ta’ salvataġġ tal-assi. L-assi u l-obbligazzjonijiet kollha ta’ Anglo u ta’ INBS se jiġu fużi f’entità waħda esklussivament għat-tħaddim tagħhom b’mod sħiħ. Skont dan, il-valutazzjoni tal-fużjoni u tar-riżoluzzjoni tal-assi taħt l-IAC mhijiex neċessarja. |
6.3.3 L-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni Bankarja u r-Rikapitalizzazzjoni għall-miżuri (p) sa (v) imsemmija fil-premessi 68 u 69
(126) |
B’konformità mal-punt 15 tal-Komunikazzjoni Bankarja, sabiex għajnuna jew skema ta’ għajnuna tkun kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, din trid tikkonforma mal-kriterji ġenerali għall-kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat, li jimplikaw konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(127) |
Dawn iż-żewġ kriterji ġenerali japplikaw għar-rikapitalizzazzjonijiet u għall-garanziji. Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni tibni aktar fuq it-tliet prinċipji tal-Komunikazzjoni Bankarja u tiddikkjara li r-rikapitalizzazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għat-treġġigħ lura lejn stabbiltà finanzjarja. B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni tiddikjara fil-punt 6 li r-rikapitalizzazzjonijiet jistgħu jkunu t-tweġiba xierqa għall-problemi tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jaffaċċjaw l-insolvenza. |
(i) Adegwatezza tal-Miżuri
(128) |
Ir-rikapitalizzazzjoni tal-entità fuża fil-każ ta’ stress (il-miżura (u) imsemmija fil-premessa 69) għandha l-għan li tiżgura li din ikollha kapital biżżejjed sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti kapitali regolatorji tagħha filwaqt li taħdem l-kotba tas-self ta’ Anglo u ta’ INBS. Injezzjoni kapitali hija l-aktar miżura effiċjenti u diretta sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas kapitali potenzjali li jista’ jitfaċċa f’każ ta’ stress peress li hi ttejjeb b’mod dirett il-proporzjon tal-kapital totali tal-entità fuża. |
(129) |
[…] |
(130) |
Il-garanziji tal-Istat ipprovduti lil Anglo u lil INBS fuq l-ELA li jirċievu (il-miżuri (p) u (q) imsemmija fil-premessa 68) u lill-entità fuża fuq id-depożiti li jifdlilha (il-miżura (r) imsemmija fil-premessa 69), il-finanzjament bl-ingrossa tagħha (il-miżura (v) imsemmija fil-premessa 69), il-garanzija tal-Istat fuq l-ELA li tirċievi (il-miżura (t) imsemmija fil-premessa 69) u l-obbligazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ tagħha (il-miżura (s) imsemmija fil-premessa 69) għandhom l-għan li jiżguraw li l-finanzjament li tirċievi l-entità fuża jkun sikur u li l-entità fuża ma ssirx inadempjenti. Dak il-finanzjament huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li Anglo u INBS għandhom finanzjament suffiċjenti sabiex ikopru l-assi tagħhom filwaqt li l-finanzjament li l-entità fuża tirċievi jippermettilha sabiex maż-żmien taħdem l-kotba tas-self ta’ Anglo u ta’ INBS. […]. |
Konklużjoni
(131) |
Ir-rikapitalizzazzjoni tal-entità fuża f’każ ta’ stress hija xierqa għax effettivament tilħaq l-għan tagħha ta’ żgurar li l-entità fuża hija konformi mar-rekwiżiti kapitali regolatorji. Għaldaqstant, il-miżura tikseb b’mod effikaċji l-għan ta’ prevenzjoni ta’ inadempjenza tal-entità fuża. |
(132) |
Il-miżuri ta’ garanzija huma xierqa peress li jiżguraw li Anglo u INBS ta’ qabel il-fużjoni u l-entità fuża ta’ wara l-fużjoni għandhom finanzjament biżżejjed sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom, filwaqt li jipprevjenu inadempjenza potenzjali tal-entità fuża. |
(133) |
Barra minn hekk, il-miżuri differenti ta’ għajnuna mill-Istat jiżguraw li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda. |
(ii) Neċessità – limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu
(134) |
Skont il-Komunikazzjoni Bankarja, fl-ammont u fil-forma tagħha, il-miżura ta’ għajnuna trid tkun meħtieġa sabiex jinkiseb l-għan tal-għajnuna. Dan ir-rekwiżit jimplika li l-injezzjoni kapitali u l-garanziji jridu jkunu l-inqas ammont meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi osservat li l-injezzjoni kapitali sseħħ biss fil-każ ta’ stress u hija limitata għal ammont ta’ EUR 3,3 biljun. Ir-rikapitalizzazzjoni se tiżgura li l-entità fuża tissodisfa r-rekwiżiti kapitali regolatorji rilevanti. Fir-rigward tal-garanziji tal-Istat, dawn se jiżguraw li se jkun hemm finanzjament disponibbli għall-entità fuża sabiex tilħaq l-obbligi tagħha bħala negozju avvjat. |
(135) |
Rigward ir-rimunerazzjoni li l-entità fuża trid tħallas għar-rikapitalizzazzjoni, l-Istat mhuwiex se jirċievi rimunerazzjoni fissa fuq ir-rikapitalizzazzjoni. Anglo, INBS u l-entità fuża l-anqas ma jħallsu tariffa għall-garanzija fuq l-ELA, filwaqt li l-entità fuża ma tħallasx tariffa fuq il-garanzija fuq l-obbligazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ. Barra minn hekk, l-entità fuża se tieqaf tħallas tariffa għall-garanzija fuq il-finanzjament bl-ingrossa u d-depożiti ladarba tkun skadiet l-iskema ELG. |
(136) |
Rigward ir-rikapitalizzazzjoni, il-punti 15 u 44 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni jispjegaw li f’każijiet ġustifikati sew, tista’ tiġi aċċettata rimunerazzjoni aktar baxxa għal żmien qasir għal banek f’diffikultà bil-kundizzjoni li n-nuqqas ta’ rimunerazzjoni jiġi rifless fil-pjan ta’ ristrutturar. Essenzjalment, l-entità fuża hija veikolu ta’ riżoluzzjoni li se jiffaċilita r-riżoluzzjoni b’mod ordinat ta’ Anglo u ta’ INBS. Mhijiex se twettaq attivitajiet ekonomiċi minbarra dawk meħtieġa sabiex jiġi maħdum il-ktieb tas-self. L-Irlanda pprovdiet l-impenji meħtieġa f’dak ir-rigward (ara t-Taqsima 2.3.2). Kemm Anglo kif ukoll INBS se jgħibu mis-swieq Irlandiżi tas-self u tad-depożiti. Jista’ jiġi konkluż li r-ristrutturar f’dik il-forma jikkumpensa għan-nuqqas ta’ rimunerazzjoni. Fl-aħħar nett Anglo u INBS ġew nazzjonalizzati bis-sħiħ u l-azzjonisti rispettivi tagħhom tilfu d-drittijiet u l-interessi tagħhom fiż-żewġ istituzzjonijiet. Konsegwentement, kull introjtu potenzjali li jsir mat-terminazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-entità fuża se jkun kompletament dovut lill-Istat. |
(137) |
Fil-punt 26, il-Komunikazzjoni Bankarja tissoponi li għall-iskemi ta’ garanzija għanda titħallas tariffa adegwata. It-tariffa għandha titfassal viċin kemm jista’ jkun ta’ dak li jkun meqjus bħala l-prezz tas-suq, madanakollu dan għandu jsir billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni d-diffikultajiet potenzjali għall-benefiċjarji sabiex iġarrbu l-ammonti li jistgħu jiġu imposti kif inhu xieraq. Kif ġie elaborat fil-premessa (135), għandu jiġi osservat li l-entità fuża se tkun inkarigata mir-riżoluzzjoni ta’ Anglo u INBS. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, bħala konklużjoni, il-fatt li l-entità fuża ma tħallasx tariffa għall-garanzija huwa ġustifikat. |
Konklużjoni
(138) |
Bħala konklużjoni, ir-rikapitalizzazzjoni tal-entità fuża f’każ ta’ stress u l-garanziji tal-Istat lil Anglo, lil INBS u lill-entità fuża huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza kapitali ta’ din tal-aħħar u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed finanzjament disponibbli, filwaqt li jonqos ukoll ir-riskju potenzjali ta’ inadempjenza tal-entità fuża. Rigward ir-rimunerazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna sabiex l-għajnuna tinżamm għall-minimu possibbli, huwa ġustifikat li ma titħallas l-ebda rimunerazzjoni minħabba r-riżoluzzjoni ta’ Anglo u INBS mill-entità fuża. |
(iii) Proporzjonalità – miżuri li jillimitaw effetti negattivi li jinfirxu
(139) |
L-entità fuża se tiżgura r-riżoluzzjoni ta’ Anglo u INBS u li konsegwentement, iż-żewġ istituzzjonijiet joħorġu mis-swieq Irlandiżi ta’ depożiti u ta’ self. Kif stabbilit fil-premessa 105, l-entità fuża se tkompli twettaq xi attivitajiet ekonomiċi limitati sabiex taħdem l-kotba tas-self ta’ Anglo u ta’ INBS. Il-Kummissjoni tosserva b’mod pożittiv li l-Irlanda pprovdiet l-impenji meħtieġa sabiex tiżgura li l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa mill-entità fuża se jiġu limitati għall-minimu. Is-self mogħti mill-entità fuża se jingħata fil-kuntest uniku tal-ġestjoni tal-kotba tas-self ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS (ristruttrar ta’ self, preservazzjoni tal-valur tal-kollaterali) u se jkun soġġett għal restrizzjonijiet riġidi. L-entità fuża ma hi se tiġbor l-ebda depożiti u l-anqas ma hi se twettaq attivitajiet ġodda. Konsegwentement, se tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna enormi lil Anglo, lil INBS u lill-entità fuża. |
Konklużjoni
(140) |
Bħala konklużjoni: (i) ir-rikapitalizzazzjoni tal-entità fuża f’każ ta’ stress u l-garanziji huma xierqa sabiex jiżguraw ir-riżoluzzjoni ta’ Anglo u ta’ INBS; (ii) Anglo u INBS se joħorġu mis-swieq Irlandiżi tad-depożiti u tas-self; (iii) il-fatt li l-investiment f’Anglo, INBS u l-entità fuża ma huwa se jipprovdi l-ebda rimunerazzjoni jew qligħ pożittiv huwa ġustifikat fiċ-ċirkostanzi tal-każ; u (v) hemm biżżejjed miżuri sabiex jillimitaw l-effetti negattivi milli jinfirxu għal kompetituri oħra. |
6.3.4 L-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar
(141) |
Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tistabbilixxi r-regoli tal-għajnuna mill-Istat applikabbli għar-ristrutturar tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja attwali. Skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, sabiex dan ikun kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, ir-ristrutturar ta’ istituzzjoni finanzjarja fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali jrid:
|
6.3.4.1
(142) |
Il-pjan ta’ ristrutturar konġunt għandu fil-mira tiegħu r-riżoluzzjoni ta’ Anglo u ta’ INBS mill-entità fuża b’mod ordinat. Għalhekk, mhuwiex neċessarju li tiġi valutata l-vijabbiltà tal-entità fuża. |
(143) |
Il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jippreżenta riżoluzzjoni b’mod ordinat ta’ Anglo u ta’ INBS fuq il-bażi tal-appoġġ mill-Istat. Il-kotba tas-self ta legat taż-żewġ banek se jiġu maħduma fuq perjodu ta’ għaxar snin. L-Irlanda stmat li l-injezzjonijiet ta’ kapital meħtieġa fi […] sabiex tiġi garantita l-entità fuża kontra kull riskju ta’ inadempjenza. Barra minn hekk, l-entità fuża se tibbenefika minn garanziji tal-Istat sabiex twettaq operazzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu maħduma l-assi ta’ Anglo u ta’ INBS. |
(144) |
Konsegwentement, il-kundizzjonijiet sabiex jiġu maħduma l-assi tal-entità fuża b’mod ordinat huma fis-seħħ. |
6.3.4.2.
(145) |
Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tindika li kontribuzzjoni xierqa mill-benefiċjarju hija neċessarja sabiex l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu possibbli u sabiex tiġi indirizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-perikli morali. Għal dan il-għan: (a) kemm il-kostijiet ta’ ristrutturar kif ukoll l-ammont ta’ għajnuna għandhom jiġu limitati u (b) kontribuzzjoni proprja sinifikanti hija meħtieġa. |
(a) Limitazjoni tal-kostijiet ta’ ristrutturar u tal-ammont ta’ għajnuna
(146) |
Il-prinċipji tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jeħtieġu li l-ammont ta’ għajnuna jkun limitat għall-minimu possibbli u li l-banek l-ewwel jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom sabiex jiffinanzjaw ir-ristrutturar. |
Anglo u INBS se joħorġu mis-suq
(147) |
L-Irlanda ddeċidiet li Anglo u INBS ma għandhomx ikomplu bl-attivitajiet tagħhom minħabba t-telf enormi mġarrab miż-żewġ istituzzjonijiet u minħabba l-inċertezza li t-tkomplija tal-attivitajiet tagħhom iġġib magħha fis-suq. B’mod partikolari, l-Istat ikun f’riskju li kontinwament ikollu jinjetta kapital f’Anglo u f’INBS sakemm iż-żewġ banek ikunu attivi sabiex ikopru t-telf u sabiex ikun żgurat li ż-żewġ istituzzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali l-ġodda stabbiliti mir-Regolatur Finanzjarju. Billi rrikorriet għar-riżoluzzjoni taż-żewġ banek, l-Irlanda temmet l-ispekulazzjoni tas-suq fuq Anglo u INBS u ċċarat il-kost tal-appoġġ mill-Istat għalihom. |
(148) |
Dik id-deċiżjoni mill-Irlanda, flimkien mal-impenji stabbiliti fit-Taqsima 2.3.2, se jiżguraw li l-għajnuna ma tintużax sabiex jiġu żviluppati attivitajiet ġodda, li jkunu jeħtieġu kapital u finanzjament, u għaldaqstant, jikkontribwixxu sabiex l-ammont ta’ għajnuna jiġi limitat għall-minimu possibbli. B’mod partikolari, l-entità fuża mhux se twettaq self ġdid u se tillimita l-attivitajiet tagħha għall-ġestjoni tal-ktieb tas-self ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS b’restrizzjonijiet stretti. |
L-entità fuża hija l-aktar mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni xieraq
(149) |
Bħala parti mir-riżoluzzjoni ta’ Anglo u ta’ INBS, l-Irlanda ddeċidiet li tgħaqqad f’fużjoni ż-żewġ entitajiet sabiex timmaniġġja vejjikolu wieħed ta’ riżoluzzjoni. Din is-soluzzjoni aktarx li se toħloq sinerġiji f’termini ta’ tħaddim tal-kotba tas-self, riżorsi umani u ġestjoni tal-finanzjament. Minkejja li jkunu limitati, sinerġiji bħal dawn jiffaċilitaw it-tħaddim tad-djun tal-assi. […] Il-fużjoni taż-żewġ entitajiet f’dan il-każ speċifiku tillimita l-kapital li l-Irlanda trid tinjetta f’dawn il-banek. |
(150) |
B’mod aktar ġenerali, il-fużjoni taż-żewġ banek se tissimplifika l-istruttura ta’ riżoluzzjoni, u għandha l-potenzjal li tnaqqas il-kostijiet strutturali, għad li sa ċertu punt limitat biss. |
Likwidazzjoni tkun tiswa aktar u tippreżenta aktar riskji sistemiċi
(151) |
B’mod alternattiv, l-Irlanda tista’ tikkunsidra likwidazzjoni immedjata ta’ Anglo u ta’ INBS. Madanakollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li likwidazzjoni tkun tiswa aktar minn riżoluzzjoni b’mod ordinat u tkun teħtieġ aktar għajnuna mill-Istat. […]. |
(152) |
Rigward is-self kummerċjali trasferit lill-entità fuża mill-Anglo, il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jipprevedi indebolimenti fuq il-valur nominali ta’ […] (64). Meta jitqiesu l-livelli ta’ skont stmati mill-konsulenti tas-suq ta’ Anglo f’Mejju 2010, il-bejgħ bl-għaġġla tas-self mhux tan-NAMA mill-Anglo jkun jimplika telf notevolment ogħla milli maħdum b’mod ordinat tal-ktieb tas-self ([…]) (65).B’mod ġenerali, it-telf li jkun imġarrab fil-każ ta’ likwidazzjoni immedjata ta’ Anglo jkun jimplika telf akbar minn dak li jġarrab is-self li kieku dan jiġi maħdum fuq perjodu twil ta’ żmien. Għandu jiġi enfasizzat li, b’mod partikolari fir-rigward tas-self Irlandiż, ma kien hemm l-ebda tranżazzjoni tad-daqs diskuss hawnhekk. Konsegwentement, iċ-ċifri kollha huma stimi bbażati fuq il-ġudizzju tal-esperti u f’każ ta’ bejgħ mgħaġġel ikun ferm inċert li jkun jista’ jinstab xerrej għal dak il-volum enormi ta’ assi, anki bi prezzijiet ferm baxxi. |
(153) |
Fi proċess ta’ likwidazzjoni, l-introjtu mill-bejgħ ta’ assi jitqassam sabiex jitħallsu lura d-detenturi superjuri ta’ bonds, id-depożituri u l-finanzjament ta’ ECB/CBI garantit mill-Istat. […]. |
(154) |
F’Anglo, madwar EUR […] biljun ta’ dejn skopert mhuwiex kopert mill-garanzija tal-Istat (66). […]. Il-bqija tad-dejn skopert f’Anglo (madwar EUR 3 biljun) huwa garantit mill-Istat u d-detenturi relevanti tad-dejn jitħallsu b’parità mill-Istat. Għaldaqstant, bħala total, f’każ ta’ likwidazzjoni, id-detenturi prioritarji ta’ bonds skoperti jikkontribwixxu għat-telf b’ammont nett ta’ massimu ta’ […] biljun. Dak l-ammont jinqabeż mit-telf addizzjonali li kieku jirriżulta mill-bejgħ bl-għaġġla tal-assi ta’ Anglo. |
(155) |
Barra minn hekk, f’każ ta’ likwidazzjoni, id-detenturi tad-djun subordinarji jkollhom jassumu t-telf. Madanakollu, peress li d-djun subordinarji nġiebu lura fl-aħħar snin u d-djun subordinarji pendenti li jifdal huma żgħar, dan it-telf ma jkunx jikkumpensa għall-għajnuna addizzjonali mill-Istat meħtieġa sabiex jitħallsu lura d-detenturi tad-dejn l-oħra li huma aktar priorità (67). |
(156) |
Bħala konklużjoni, likwidazzjoni rapida tal-portafoll tas-self, jekk jiġi supponut li din tkun fattibbli – xi ħaġa li assolutament mhijiex ċerta – tkun tfisser kost għall-Irlanda akbar mill-kostijiet imġarrba minn tħaddim tal-assi fuq għaxar snin ta’ Anglo u ta’ INBS previst, fejn l-assi li huma l-aktar faċli li jinbiegħu, jinbiegħu l-ewwel filwaqt li l-assi li għalihom mhemmx domanda jinżammu għal diversi snin. |
(157) |
Rigward INBS, kunsiderazzjonijiet simili bħal dawk għal Anglo japplikaw fir-rigward tal-ktieb tas-self kummerċjali ta’ legat tal-bank (kważi kompletament trasferit lil NAMA). Il-maġġoranza l-kbira tal-obbligazzjonijiet ta’ INBS hija garantita wkoll mill-Irlanda (68). |
(158) |
Rigward il-ktieb tal-ipoteki ta’ legat ta’ INBS, fil-pjan ta’ ristrutturar ta’ INBS, l-Irlanda tindika li, abbażi tal-kwalità tal-ktieb u l-informazzjoni dwar is-suq disponibbli dwar tranżazzjonijiet li jinvolvu assi simili ta’ kwalità aqwa fl-Irlanda u fir-Renju Unit, […], huwa raġonevoli li wieħed jantiċipa skont għoli fuq kwalunkwe tranżazzjoni għal żmien qasir li tikkonċerna l-ktieb tal-ipoteki ta’ INBS. |
(159) |
Il-pjan ta’ ristrutturar konġunt jipprevedi telf totali fuq il-ktieb tal-ipoteki ta’ INBS ta’ madwar […], fuq il-bażi ta’ indebolimenti ta’ […]. Li kieku l-ktieb tal-ipoteki kellu jinbigħ fl-2011, […]. Il-benefiċċju ta’ riżoluzzjoni b’mod ordinat ta’ INBS tista’ titnaqqas jekk skont ogħla minn dak mistenni jiġi offrut għall-ktieb tal-ipoteki. Madanakollu, aktarx li l-iskont […]. |
Konklużjoni
(160) |
Bħala konklużjoni, ir-riżoluzzjoni b’mod ordinat ta’ Anglo u ta’ INBS, permezz ta’ entità fuża, tillimita il-kostijiet ta ristrutturar u l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat għal dak minimu meħtieġ. |
(b) Kontribuzzjoni proprja sinifikanti
(161) |
Il-prinċipji dwar il-kontribuzzjoni proprja tal-bank benefiċjarju fil-fażi ta’ ristrutturar jetieġu: (i) li l-bank benefiċjarju għandu juża r-riżorsi tiegħu sa fejn ikun possibbli sabiex jiffinanzja r-ristrutturar, per eżempju, permezz tal-bejgħ ta’ assi; u (ii) li l-ispejjeż assoċjati mar-ristrutturar jiġġarrbu b’mod adegwat minn dawk li investew fil-bank billi jiġi assorbit it-telf b’kapital disponibbli u billi titħallas rimunerazzjoni adegwata għall-interventi tal-Istat. L-għan tal-qsim tal-piżijiet jinqasam fi tnejn: sabiex jillimita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u sabiex jindirizza l-perikli morali (69). |
(i) Kontribuzzjoni proprja tal-istituzzjonijiet konċernati
(162) |
Fir-riżoluzzjoni preżenti ta’ Anglo u ta’ INBS, il-kontribuzzjoni proprja taż-żewġ istituzzjonijiet għar-ristrutturar tagħhom hija massimizzata għax l-assi kollha huma identifikati għall-bejgħ u l-introjtu dovut bis-sħiħ għall-iffinanzjar tar-riżoluzzjoni. Madanakollu, il-valur tal-assi tant huwa deprezzat li l-introjtu tal-bejgħ tagħhom isir inisinifikanti minħabba l-kapital injettat fiż-żewġ banek. |
(163) |
Barra minn hekk, iż-żewġ banek biegħu l-kotba tad-depożiti tagħhom. |
(ii) Qsim tal-piżijiet minn azzjonisti u kredituri subordinarji
(164) |
Rigward il-qsim tal-piżijiet, il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar teħtieġ li l-kostijiet ta’ ristrutturar ma jiġġarrbux biss mill-Istat iżda anki mill-investituri passati u mill-eks-azzjonisti tal-bank. |
(165) |
Fil-każ partikolari ta’ Anglo, azzjonisti privati “tħassru” kompletament u l-bank ġie kompletament nazzjonalizzat. |
(166) |
Rigward INBS, qabel ir-rikapitalizzazzjoni tal-Istat, INBS kienet propjetà tal-membri tagħha. B’mod partikolari, “membri tal-ishma” (persuni li għandhom kont tad-depożitu f’INBS) kellhom dritt għall-qligħ fuq kull surplus ta’ assi realizzati fil-każ ta’ demutwalizzazzjoni (trasformazzjoni ta’ INBS f’bank ordinarju) jew ix-xoljiment tagħha. Minħabba l-ewwel rikapitalizzazzjoni ta’ INBS, l-Istat ħa kontroll sħiħ fuq INBS permezz tal-ħruġ ta’ Ishma ta’ Investiment Speċjali, li warajhom il-membri tilfu d-drittijiet tagħhom għall-qligħ fuq surpluses tal-assi realizzati għall-benefiċċju tal-Istat (pereżempju, fil-każ ta’ bejgħ ta’ INBS). Konsegwentement, id-drittijiet ekonomiċi tal-membri tal-ishma “tħassru” kompletament. |
(167) |
Għalhekk, kemm l-azzjonisti ta’ Anglo kif ukoll il-membri ta’ INBS taw sehemhom kemm setgħu billi rrilaxxaw il-kontroll u s-sjieda tal-istituzzjonijiet lill-Istat. |
(168) |
Detenturi tad-debitu subordinat kkontribwixxew ukoll sa ċertu punt sinifikanti għar-ristrutturar permezz ta’ żewġ Eżerċizzji dwar il-Ġestjoni tal-Obbligazzjonijiet (li minn hawn il-quddiem jissemmew “LMEs” – “Liability Management Exercises”) f’Anglo u waħda f’INBS. Iż-żewġ LMEs f’Anglo twettqu f’Awwissu 2009 u f’Diċembru 2010 rispettivament, kixfu telf kbir għad-detenturi tal-bonds, iġġeneraw qligħ ta’ qabel it-taxxa ta’ madwar EUR 3,5 biljun u pprovdew kapital tal-Grad 1 ewlieni addizzjonali għall-bank (70). INBS wettqet LME fl-2009, ma’ detenturi tal-bonds li jiskambjaw it-titoli tagħhom bi 42 % skont għall-parità, u b’hekk irrilaxxaw EUR 112 miljun ta’ ekwità tal-Grad 1 għall-istituzzjoni. |
(169) |
Bħala total, l-entità fuża se żżomm EUR 500 miljun ta’ obbligazzjonijiet subordinarji (mill-31 ta’ Diċembru 2010), ferm inqas mid-debitu subordinat ta’ Anglo u ta’ INBS fil-31 ta’ Diċembru 2008 (EUR 5 biljun u EUR 300 miljun rispettivament), li juri t-telf enormi meħud mid-detenturi tal-bonds subordinati. Barra minn hekk, l-Irlanda ħadet l-impenn li l-entità fuża mhijiex se tħallas kupuni u lanqas ma hi se twettaq sejħiet fuq strumenti ta’ debitu subordinat u strumenti ta’ kapital ibridi, sakemm ma tkunx obbligata bil-liġi li tagħmel dan. |
(170) |
Minħabba l-ammont straordinarjament għoli ta’ għajnuna mill-Istat li rċevew dawn iż-żewġ istituzzjonijiet meta mqabbla mad-daqs tagħhom u l-kostijiet korrispondenti għall-Istat, huwa leġittimu li jiġi valutat jekk jistax jinkiseb il-qsim tal-piżijiet mill-kredituri prioritarji. F’dak il-kuntest, fl-Irlanda, detenturi ta’ bonds prioritarji għandhom l-istess livell ta’ prijorità bħad-detenturi ta’ kontijiet tad-depożitu. […]. Kif diġà ġie indikat, il-likwidazzjoni tal-banek tkun tirriżulta f’rekwiżit ta’ għajnuna mill-Istat sostanzjalment ogħla u kost eventwali għall-kontribwenti. Sa din id-data, il-Kummissjoni ma rċiviet l-ebda proposta dettaljata dwar kif se jipparteċipaw il-kredituri prioritarji […] fil-qsim tal-piżijiet mingħajr ma żżid il-kostijiet tar-riżoluzzjoni għall-Istat. |
Konklużjoni
(171) |
Bħala konklużjoni b’mod ġenerali, fil-qafas legali attwali, il-kontribuzzjoni proprja ta’ Anglo u ta’ INBS għar-riżoluzzjoni b’mod ordinat tagħhom tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar. |
6.3.4.3.
(172) |
Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tispeċifika li l-miżuri li jillimitaw id-distorsjoni jridu jkunu funzjoni tal-ammont ta’ għajnuna u l-preżenza tal-istituzzjoni megħjuna fis-swieq wara r-ristrutturar. |
(173) |
Kif spjegat preċedentement fit-taqsima 6.2.5, l-ammont irċevut minnAnglo, INBS u s-suċċessur tagħhom, l-entità fuża, huwa straordinarjament kbir kemm fl-ammonti assoluti kif ukoll meta mqabbla mad-daqs u l-RWA tal-istituzzjonijiet. Tirrefletti d-daqs tal-falliment ta’ dawn l-istituzzjonijiet. |
(174) |
Fl-istess ħin, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni hija limitata peress li l-istituzzjonijiet se jkunu kważi ħarġu kompletament mis-swieq kollha fejn kienu preżenti. L-attivitajiet kummerċjali tal-entità fuża se jkunu limitati sal-massimu possibbli mill-impenji pprovduti mill-Irlanda kif spjegat fit-Taqsima 2.3.2. Se tħaddem il-ktieb tas-self ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS, u mhux se tidħol f’attivitajiet ġodda. Se twaqqaf ukoll il-ġbir ta’ depożiti (71). L-impenji kollha pprovduti mill-Irlanda se jibqgħu validi u applikabbli sakemm l-assi jiġu kollha maħduma. |
(175) |
Il-premessi li ġejjin jispjegaw għalfejn dawn l-impenji mill-Irlanda jiżguraw li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni hija limitata għall-minimu possibbli. |
L-ebda attivitajiet ġodda
(176) |
Il-Kummissjoni tosserva b’mod pożittiv li l-Irlanda ħadet l-impenn li l-entità fuża mhijiex se tiżviluppa attivitajiet ġodda u mhijiex se tidħol fi swieq ġodda. L-entità fuża se tħaddem l-ktieb tas-self ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS b’mod esklussiv u se tiġi likwidata ladarba l-assi ta’ legat jiġu kompletament maħduma. |
(177) |
Barra minn hekk, l-entità fuża mhijiex se tkun awtorizzata takkwista jew tieħu parteċipazzjonijiet f’ditti oħra, li jipprevjenuha milli tuża riżorsi tal-Istat sabiex tespandi l-attivitajiet tagħha. |
Ġestjoni tal-attivitajiet ta’ self eżistenti
(178) |
L-entità fuża mhijiex se tagħti self lil klijenti ġodda u se tillimita l-attivitajiet ta’ self tagħha għall-ġestjoni tal-ktieb tas-self ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS. B’dan il-mod, l-entità fuża se timmaniġġja b’mod attiv dak il-ktieb tas-self b’mod li timmassimizza l-NPV tal-assi, li hija prattika kummerċjali normali għall-banek kollha avvjati. |
(179) |
Fir-rigward tal-ktieb tas-self kummerċjali, ġestjoni attiva tista’ timplika wkoll self limitat addizzjonali għall-mutwatarju sabiex ilesti jew itejjeb propjetà meta din iżżomm jew iżżid l-NPV tal-assi. Madanakollu, ġestjoni attiva bħal din hija ristretta, għaliex il-ktieb tas-self kummerċjali tal-entità fuża ma jistax jaqbeż il-previżjonijiet tal-pjan ta’ ristrutturar konġunt b’aktar minn […] fi kwalunkwe sena waħda matul il-perjodu tal-pjan. Barra minn hekk, dak il-limitu massimu ġenerali fuq iż-żieda tal-ktieb tas-self kummerċjali huwa komplimentat minn diversi limiti massimi addizzjonali li japplikaw għal mutwatarji speċifiċi kif spjegat fit-Taqsima 2.3.2. |
(180) |
Barra minn hekk, l-Irlanda ħadet l-impenn li mhu se jingħata l-ebda self ipotekarju addizzjonali tal-propjetà residenzjali li jikkonċerna l-portafoll ta’ legat tal-ipoteki ta’ INBS (sakemm il-bank ma jkunx obbligat bil-kuntratt li jagħmel dan). Il-ktieb tal-ipoteki se jkun ġestit sabiex jiġi massimizzat l-NPV tiegħu, u self ġdid se jkun strettament limitat, b’avvanzi tal-ipoteki residenzjali ulterjuri b’limitu massimu ta’ EUR 20 miljun għall-perjodu mill-2011 sal-2012, u EUR 5 miljun wara. Dawn il-limiti massimi (medja annwali ta’ EUR 10 miljun fl-2011 u fl-2012, u EUR 5 miljun fis-sena wara) jammontaw għal inqas minn 1 % tal-valur nominali tal-ktieb tal-ipoteki tal-entità fuża, u għaldaqstant, ma jippermettulhiex tespandi l-attivitajiet tagħha fis-suq tal-ipoteki. |
(181) |
B’mod ġenerali, il-limitu fuq il-ktieb tas-self u l-impenji meħuda mill-Irlanda se jiżguraw li l-kotba tas-self ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS ikunu ġestiti b’mod prudenti billi jimmiraw lejn il-massimizzar tal-qligħ tagħhom, u l-prevenzjoni tal-entità fuża milli tipparteċipa f’attivitajiet ta’ self verament ġodda ma’ klijenti ġodda jew eżistenti. Għaldaqstant, l-attivitajiet kummerċjali tal-entità fuża se jkunu limitati għall-minimu neċessarju, u l-impenji mill-Irlanda se jiżguraw li l-attivitajiet tal-entità fuża ma jqajmux ħsibijiet kbar rigward id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
Ġbir ta’ depożiti
(182) |
B’konformità mal-Programm ta’ Appoġġ, il-bejgħ ta’ madwar EUR 12,2 biljun ta’ depożiti ta’ Anglo u ta’ INBS u ta’ madwar EUR 15,9 biljun ta’ bonds tan-NAMA taż-żewġ entitajiet sar fl-24 ta’ Frar 2011 (ara t-Taqsima 2.3.1.1). |
(183) |
Madanakollu, l-entità fuża żammet sa EUR 1 biljun f’depożiti fid-data tat-trasferiment tad-depożiti. |
(184) |
B’mod partikolari, uħud minn dawn id-depożiti korporattivi jinżammu bħala garanzija għal self mogħtija lil diversi istituzzjonijiet korporattivi (kontijiet “sweep” tad-dħul). Iż-żamma ta’ dawn id-depożiti hija parti mill-ftehimiet ta’ self kuntrattwali bejn l-istituzzjonijiet u uħud mill-klijenti tagħhom, u għalhekk hija parti mit-tħaddim b’mod ordinat tal-portafolli tas-self ta’ Anglo u ta’ INBS. Madanakollu, l-attivitajiet tal-entità fuża se jkunu limitati peress li mhijiex se tiġbor depożiti minn klijenti ġodda u d-depożiti li se tibqa’ żżomm se jinġabru b’mod progressiv. |
(185) |
L-entità fuża se tnaqqas id-depożiti li jifdal fl-entità fuża bejn wieħed u ieħor bl-istess rata li biha l-assi relatati u marbutin tagħha jiġu xolti (jew, jekk m’hemmx assi relatati jew marbutin, bejn wieħed u ieħor bl-istess rata li biha l-ktieb tas-self nett ġenerali jiġi xolt). Barra minn hekk, l-Irlanda ħadet l-impenn li l-ktieb tad-depożiti tal-entità fuża ma jaqbiżx il-previżjonijiet tal-pjan ta’ ristrutturar konġunt b’aktar minn EUR 200 miljun fi kwalunkwe mument. |
(186) |
Bħala konklużjoni, l-attivitajiet kummerċjali tal-entità fuża fis-suq tad-depożiti huma mnaqqsa b’mod drammatiku u limitati għall-minimu meħtieġ strett sabiex jittħadmu il-kotba tas-self ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS b’mod ordinat. Għaldaqstant, l-impenji mill-Irlanda jiggarantixxu li l-attivitajiet ta’ depożiti tal-entità fuża ma jwasslux għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq tad-depożiti tal-Irlanda. |
Konklużjoni
(187) |
Bħala konklużjoni, l-ammonti ta’ għajnuna mill-Istat li huma straordinarjament kbar ma jwasslux għal distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni peress li huma bbilanċjati minn tnaqqis kbir korrispondenti fil-preżenza fis-suq. Il-miżuri li jindirizzaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar għax l-entità fuża mhijiex se tidħol f’attivitajiet ġodda u se twaqqaf il-ġbir tad-depożiti, filwaqt li l-attivitajiet ta’ self tagħha se jiġu limitati għall-ġestjoni normali u t-tħaddim tal-ktieb tas-self ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS. Eventwalment, l-entità fuża se tgħib kompletament mis-swieq Irlandiżi tas-self u tad-depożiti, u għaldaqstant, mhux se tibqa’ tgħawweġ il-kompetizzjoni. Addizzjonalment, l-entità fuża se tapplika projbizzjoni fuq l-akkwisti. |
6.3.4.4
(188) |
Il-punt 46 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jindika li, sabiex ikun verifikat li dak il-pjan ta’ ristrutturar qed jiġi implimentat kif xieraq, huma meħtieġa rapporti regolari dettaljati mill-Istat Membru. Għal dan il-għan, l-Irlanda għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’rapporti bħal dawn kull sitt xhur, bl-ewwel wieħed mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni. |
(189) |
Fil-każ tar-ristrutturar ta’ Anglo u ta’ INBS, se jiġi nominat ukoll fiduċjarju tal-monitoraġġ għal perjodu ta’ tliet snin sabiex jissorvelja l-applikazzjoni tal-impenji meħuda mill-Irlanda. Il-fiduċjarju tal-monitoraġġ se jkun inkarigat mill-monitoraġġ tal-impenji kollha (ara l-Anness II). B’mod partikolari, il-fiduċjarju tal-monitoraġġ se jissorvelja fuq bażi regolarj jekk l-entità fuża timmaniġġjax il-kotba tas-self ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS b’konformità mat-termini tal-impenji u jiżgura li l-ġestjoni tal-kotba tas-self ta’ Anglo u ta’ INBS ma tirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. |
6.3.4.5
(190) |
Bħala konklużjoni, il-pjan ta’ ristrutturar konġunt ta’ Anglo u ta’ INBS jissodisfa r-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar. Il-pjan jipprevedi tħaddim b’mod ordinat tal-assi ta’ Anglo u ta’ INBS. Il-kontribuzzjoni proprja tal-banek hija biżżejjed, filwaqt li l-qsim tal-piżijiet huwa sostanzjali u l-għajnuna mill-Istat hija limitata għall-minimu. Il-miżuri li jindirizzaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni huma adattati, u fl-aħħar nett se jiġi implimentat monitoraġġ xieraq. |
7 KONKLUŻJONI
(191) |
Il-miżuri (a) sa (v) msemmija fil-premessi 66 sa 69 u elenkati tat-Tabella 1 huma meqjusa bħala għajnuna ta’ ristrutturar. Rigward il-miżuri ta’ għajnuna koperti mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-31 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni sabet li, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (72), li dawk il-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE. Rigward il-miżuri li jifdal koperti minn din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-miżuri peress li huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna li ġejja, li l-Irlanda implimentat favur Anglo Irish Bank u Irish Nationwide Building Society jew li tippjana li timplimenta favur l-entità fuża ta’ dawn iż-żewġ banek, hija kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-impenji mill-Irlanda stabbiliti fl-Anness I:
(a) |
[…] rikapitalizzazzjonijiet ta’ Anglo Irish Bank fl-ammont ta’ EUR 29,44 biljun; |
(b) |
Rikapitalizzazzjonijiet implimentati tal-Irish Nationwide Building Society fl-ammont ta’ EUR 5,4 biljun; |
(c) |
Garanziji tal-Istat implimentati għal Anglo Irish Bank, inklużi l-Appoġġ Finanzjarju għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (CIFS), l-Iskema ta’ Garanziji għall-Obbligazzjonijiet Eliġibbli (ELG), l-Assistenza ta’ Emerġenza fil-Likwidità (ELA) u garanziji fuq obbligazzjonijiet għal żmien qasir u obbligazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ; |
(d) |
Garanziji tal-Istat implimentati għall-Irish Nationwide Building Society, inklużi is-CIFS, ELG, ELA u l-garanziji fuq obbligazzjonijiet għal perjodu qasir; |
(e) |
Miżura ta’ salvataġġ tal-assi implimentata għal Anglo Irish Bank, b’mod partikolari t-trasferimenti ta’ self eliġibbli lill-Aġenzija Nazzjonali ta’ Ġestjoni tal-Assi (NAMA) ta’ EUR 35 biljun; |
(f) |
Miżura ta’ salvataġġ tal-assi implimentata għal Irish Nationwide Building Society, b’mod partikolari t-trasferimenti ta’ self eliġibbli lill-NAMA ta’ EUR 8,9 biljun; |
(g) |
[…] rikapitalizzazzjoni tal-entità fuża ta’ EUR 3,3 biljun f’każ ta’ stress; |
(h) |
Garanziji ppjanati għall-entità fuża fuq il-finanzjament bl-ingrossa, id-depożiti u l-obbligazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ tagħha. |
Artikolu 2
L-Irlanda għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn (2) bin-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri meħuda sabiex tikkonforma magħha. Barra minn hekk, l-Irlanda, mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tissottometti rapporti dettaljati kull sitt xhur dwar il-miżuri meħuda sabiex tikkonforma magħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2011.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Viċi President
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 9/09, Rikapitalizzazzjoni tal-Anglo Irish Bank mill-Istat Irlandiż, (ĠU C 177, 30.7.2009, p. 1).
(3) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 61/09, Bidla fis-sjieda ta’ Anglo-Irish Bank, (ĠU C 177, 30.7.2009, p. 2).
(4) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 356/09, Rikapitalizzazzjoni tal-Anglo Irish Bank mill-Istat Irlandiż, (ĠU C 235, 30.9.2009, p. 3).
(5) Skont il-premessa 40 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 356/09 (ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni), l-adozzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar hija konsistenti mal-paragrafu 28 tal-Iskema ta’ Appoġġ Finanzjarju għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (Credit Institutions Financial Support - CIFS) (l-iskema Irlandiża ta’ garanziji għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu) u mal-paragrafu 30 tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni tal-Iskema CIFS (Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 48/08, l-Irlanda – Skema ta’ Garanziji għall-banek fl-Irlanda (ĠU C 312, 6.12.2008, p. 2). Fil-kuntest tas-CIFS, il-Ministru għall-Finanzi talab li jiġi prodott pjan ta’ ristrutturar jekk il-proporzjon ta’ solvenza ta’ istituzzjoni li tipparteċipa jaqa’ taħt l-istandards regolatorji minimi applikabbli għaliha fuq bażi materjali.
(6) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 12/10 u C11/10 (ex N 667/09), It-tieni miżura ta’ salvataġġ favur l-Anglo Irish Bank, (ĠU C 214, 7.8.2010, p. 3).
(7) Oriġinarjament, in-notifika kienet tkopri wkoll garanzija individwali mill-Istat fuq l-obbligazzjonijiet tal-Anglo għal perjodu ta’ żmien qasir (wara l-iskadenza tal-iskema Irlandiża ta’ Garanziji għall-Obbligazzjonijiet Eliġibbli fid-29 ta’ Settembru 2010). Madanakollu, fl-4 ta’ Awwissu 2010, l-Irlanda rtirat in-notifika tal-garanzija individwali mill-Istat u żammet biss in-notifika tat-tielet rikapitalizzazzjoni.
(8) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 35/10 (ex N 279/10), l-Irlanda – Approvazzjoni temporanja tat-tielet rikapitalizzazzjoni favur l-Anglo Irish Bank, (ĠU C 290, 27.10.2010, p. 4).
(9) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.32057 (2010/NN), l-Irlanda — Approvazzjoni temporanja tar-raba’ rikapitalizzazzjoni u l-garanzija fir-rigward ta’ ċerti obbligazzjonijiet favur l-Anglo Irish Bank, (ĠU C 76, 10.3.2011, p. 4).
(10) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 11/10, l-Irlanda – Miżuri ta’ salvataġġ favur l-INBS, (ĠU C 143, 2.6.2010, p. 23).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 50/10 (ex N 441/201) l-Irlanda – It-tieni rikapitalizzazzjoni ta’ emerġenza favur l-Irish Nationwide Building Society, (ĠU C 60, 25.2.2011, p. 6).
(12) Id-dokumenti li jifformaw il-Programm ta’ Appoġġ għall-Irlanda jistgħu jinstabu fuq dan is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/economy_finance/articles/eu_economic_situation/10-12-01-financial-assistance-ireland_en.htm
(13) Il-punt 10 tal-MEFP tat-28 ta’ Novembru 2010.
(14) Imqabbel mal-EUR 101 biljun fl-aħħar tal-2008.
(*) Informazzjoni kunfidenzjali.
(15) Ċifri kkwotati fil-pjanijiet ta’ ristrutturar.
(16) B’kollox, l-INBS ser tittrasferixxi EUR 8,9 biljun tas-self lil NAMA. Sal-lum, ġew trasferiti EUR 8,5 biljun, filwaqt li EUR 400 miljun oħra qegħdin jistennew li jiġu ttrasferiti.
(17) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9).
(18) Ara l-punt 35 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 12/10 u C 11/10 (ex N667/09), (nota 6 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(19) http://www.ntma.ie/Publications/2011/NTMACompletesTransferAngloAndINBSDeposits.pdf
(20) Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.32057 (ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(21) Il-Kummissjoni approvat rikapitalizzazzjonijiet għall-Anglo li jammontaw għal total ta’ EUR 29,44 biljun. Fil-fatt, l-Irlanda tat EUR 29,3 biljun (jiġifieri EUR 0,14 biljun inqas).
(22) Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-Kawżi N 356/09, C 11/10, NN 35/10 u SA.32057 għal Anglo u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-Kawżi NN11/10 u SA.31714 għal INBS, (ara n-noti 4 u 6 f’qiegħ il-paġna u n-noti 8 sa 11 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(23) […]
(24) […] Il-BĊE rċieva kopja tal-pjan ta’ ristrutturar konġunt.
(25) Fl-24 ta’ Frar 2011, Allied Irish Banks akkwistaw EUR 8,6 biljun ta’ depożiti minn Anglo u Irish Life & Permanent plc akkwistat EUR 3,6 biljun f’depożiti minn INBS.
(26) Meta tiddeskrivi u tivvaluta l-miżuri, il-Kummissjoni għandha, għal raġunijiet ta’ ċarezza, tuża l-ittri użati fid-deskrizzjoni tal-miżuri fil-premessi (66) sa (69) fil-bqija ta’ din id-Deċiżjoni.
(27) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 48/08 (ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(28) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 356/09 (ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(29) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 349/09, l-Irlanda – Skema ta’ Garanziji għall-Obbligazzjonijiet Eliġibbli tal-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (ĠU C 72, 20.3.2010, p. 6), sussegwentement estiża sat-30 ta’ Ġunju 2010 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 198/10, l-Irlanda - Estensjoni tal-Iskema ta’ Garanziji għall-Obbligazzjonijiet Eliġibbli (ĠU C 191, 15.7.2010, p. 1), estiża sal-31 ta’ Diċembru 2010 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 254/10, l-Irlanda – Estensjoni tal-iskema ELG sal-31 ta’ Diċembru 2010 (ĠU C 238, 3.9.2010, p. 2) u estiża għal darba oħra sat-30 ta’ Ġunju 2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 487/10, Estensjoni tal-iskema ELG sa Ġunju 2011, li għadha ma ġietx ippubblikata, u permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.33006, Estensjoni tal-iskema ELG sa Diċembru 2011, li għadha ma ġietx ippubblikata.
(30) Minn fost EUR 35 biljun f’self li għandhom jiġu ttrasferiti lil NAMA, sal-lum ġew ittrasferiti EUR 34 biljun, filwaqt li EUR 1 biljun għadhom qegħdin jistennew li jiġu ttrasferiti.
(31) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 725/09, l-Irlanda – It-twaqqif ta’ skema ta’ salvataġġ tal-Ġestjoni tal-Assi Nazzjonali għall-banek fl-Irlanda – NAMA (ĠU C 94, 14.4.2010, p. 10).
(32) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża C11/10 (ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(33) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 35/10 (ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(34) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 347/10, Estensjoni tal-garanzija għal ċerti obbligazzjonijiet għal żmien qasir u depożiti interbankarji (ĠU C 37, 5.2.2011, p. 4).
(35) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.32057 (ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(36) Ara n-nota 33 f’qiegħ il-paġna.
(37) Ara n-nota 26 f’qiegħ il-paġna.
(38) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 11/10 (ara n-nota 10 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(39) Ara n-nota 28 f’qiegħ il-paġna.
(40) Minn fost EUR 8,9 biljun li għandhom jiġu ttrasferiti lil NAMA, sal-lum ġew ittrasferiti EUR 8,5 biljun, filwaqt li EUR 400 miljun għadhom qegħdin jistennew li jiġu ttrasferiti.
(41) Ara n-nota 29 f’qiegħ il-paġna.
(42) Ara n-nota 32 f’qiegħ il-paġna.
(43) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 50/10 (ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna ta’ din id-Deċiżjoni).
(44) Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ammont ipprovdut lill-Anglo taħt l-ELA koperta minn garanzija mill-Istat varja matul iż-żmien. Il-garanzija mill-Istat, li ġiet implimentata f’Settembru 2010 u li inizjalment kienet tkopri ammont ta’ EUR […] biljun, żdiedet għal […] biljun sa Diċembru 2010. Il-garanzija mill-Istat kompliet tiżdied għal EUR […] biljun sabiex tlaħħaq mal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Anglo wara t-trasferiment tad-depożiti lil Allied Irish Banks fi Frar 2011 u mistennija li wara dan tonqos għal madwar EUR […] biljun qabel il-fużjoni mal-INBS.
(45) Billi d-depożiti issa ġew ittrasferiti mill-Anglo u l-INBS (eskluż l-ammont li jlaħħaq sa EUR 1 biljun), hija tirreferi għall-finanzjament tad-dejn tal-ELG, li kollha kienu relatati mal-Anglo.
(46) Dan huwa l-massimu gross stmat li jkun meħtieġ li jkun kopert taħt il-garanzija tal-Istat; l-esponiment nett f’Diċembru 2010 kien ta’ EUR […] miljun.
(47) L-lskema CIFS tiskati frt 30 ta' Settembru 2010.
(48) Iċ-ċifri kkwotati huma sal 31 ta' DIċembru 2010. (Madanakollu, il-livel I massimu ta' garanzija taI-ELG kien ta' EUR […] biljun sa April 2010 għall-Anglo u kien ta' EUR […] biIjun għall-lNBS sa Settembru 2010.)
(49) Skont l-aħTiar deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-iskema, ir-rimunerazzjoni tista'tiġi aġġustata f'każta' prolungamenttal-iskema ghal wara t 30 ta' Gunju 2011.
(50) Ammont effettivament mogħti mill-awtoritajiet Irlandiżi fil-(parentesi).
(51) Din iċ-ċifra stmata ta' EUR […] biljun hija massimu gross stmat li jkun mehtieġ li jkun koperttaħt il-garanzija tal-lstat, l-esponiment nett sa Diċembru 201 Okien ta' EUR […] miljun.
(52) Iċ-ċifra ta' EUR […] biljun intalbet minħabbat-trasferiment tad-depożiti tal-Anglo / INBS, din naqset għal EUR […] biijun fis 16 ta' Marzu 2011.
(53) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
(54) Il-Kummissjoni tosserva li fil-verità, hi approvat rikapitalizzazzjonijiet għall-Anglo għall-ammont ta’ EUR 29 440 miljun. Madanakollu, l-ammont ta’ EUR 140 miljun tat-tieni rikapitalizzazzjoni approvata fil-31 ta’ Marzu 2010 mid-deċiżjoni ta’ ftuħ, qatt ma ġiet approvata u minħabba l-istruttura ta’ dik ir-rikapitalizzazzjoni partikolari dan l-ammont jaf ma jiġi approvat qatt. Għal dik ir-raġuni, huwa aktar xieraq li tintuża ċ-ċifra ta’ EUR 29,3 biljun ta’ rikapitalizzazzjoni totali, li tirrefletti l-ammont li l-Anglo rċieva fil-verità qabel il-fużjoni mal-INBS.
(55) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta’ assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità, (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1).
(56) Ara n-nota 29 ta’ qiegħ il-paġna.
(57) EUR 870 miljun + EUR 427 miljun + EUR 1,5 biljun = EUR 2 797 miljun.
(58) EUR 70 miljun + EUR 43,7 miljun + EUR 693 miljun = EUR 806,7 miljun.
(59) Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 725/09, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30.
(60) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa, (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2).
(61) 32 biljun (Anglo) + 6,2 (INBS) + 3,3 (rikap tal-istress għall-entità fuża) = 41,5 biljun.
(62) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti, (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8).
(63) Ara, fost l-oħrajn, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fin-noti 26 sa 33 ta’ qiegħ il-paġna.
(64) Dak il-livell ta’ indeboliment huwa aktar konservattiv minn dak li ġie antiċipat minn […] f’Mejju 2010 () fil-każ ta’ xoljiment b’mod ordinat tal-ktieb tas-self.
(65) Il-ktieb tas-self ta’ legat tal-Anglo għandu valur skont il-kotba ta’ EUR biljun; jekk il-livell ta’ skont stmati minn […] għal-likwidazzjoni jiġu applikati għall-ktieb tas-self ta’ legat, dan jirriżulta f’telf ta’ eċċess ta’. […]. Meta jitqies id-deterjorament tas-sitwazzjoni fl-Irlanda minn meta saru dawn l-istimi, it-telf ta’ eċċess aktarx li jkun akbar.
(66) Fit-18 ta’ Frar 2011, l-Anglo kellu (i) bonds prioritarji skoperti mhux garantiti li jammontaw għal EUR […] miljun; (ii) bonds prioritaji skoperti garantiti li jammontaw għal EUR […] miljun; u (iii) […] bonds prioritarji koperti mhux garantiti.
(67) Fit-18 ta’ Frar 2011, l-obbligazzjonijiet subordinati tal-Anglo ammontaw għal EUR […] miljun biss.
(68) Fit-18 ta’ Frar 2011, l-INBS kellu bonds prioritarji skoperti mhux garantiti li jammontaw għal EUR […] miljun, l-ebda bonds prioritarji skoperti garantiti, u l-ebda bonds prioritarji koperti mhux garantiti.
(69) Ara l-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.
(70) Fit-22 ta’ Lulju 2009, Anglo nieda offerta bi prezz fiss għal diversi titoli tal-Grad 1, tal-Grad 2 ogħla u tal-Grad 2 aktar baxx. Il-prezz ta’ xiri kien ta’ bejn 27 % u 55 % tal-valur nominali tal-istrumenti. Total ta’ EUR 2,5 biljun f’titoli ġew offerti (rata medja peżata ta’ 77 %) u t-tranżazzjoni ġġenerat qligħ ta’ qabel it-taxxa ta’ EUR 1,8 biljun għall-bank.
Fil-21 ta’ Ottubru 2010, Anglo nieda Eżerċizzju dwar il-Ġestjoni tal-Obbligazzjonijiet għat-titoli tal-Grad 2 aktar baxx, billi offra 20 ċenteżmu fl-euro għal skambju fi Ħruġ Garantit mill-Istat ġdid li jimmatura f’Diċembru 2011. Detenturi ta’ bonds ivvotaw f’maġġoranza sabiex l-iskambju jiġi aċċettat, li kien f’rata (20 ċenteżmu) aktar baxxa mill-valur tas-suq, u sabiex tiddaħħal sejħa fit-titoli relevanti li biha Anglo jkun jista’ jixtri lura t-titoli relevanti bi prezz ta’ ċenteżmu (1) (applikabbli għad-detenturi tal-bonds li ma aċċettawx l-iskambju b’20 ċenteżmu). It-tranżazzjoni kkonċernat strumenti tal-Grad 2 b’valur nominali ta’ EUR 1 890 miljun u ġġenerat qligħ ta’ qabel it-taxxa ta’ EUR 1 588 miljun. Barra minn hekk, it-titoli tal-pjazzamenti privati tal-Istati Uniti li ma ħadux sehem fl-LME inxtraw bi prezz ta’ 25 ċenteżmu, għal valur nominali ta’ USD 200 miljun, u ġġeneraw qligħ ta’ qabel it-taxxa ta’ USD 150 miljun.
(71) F’dak ir-rigward, id-dipartiment ta’ ġestjoni tal-ġid ta’ Anglo jew jinbiegħ fl-2011 jew jiġi xolt fuq perjodu ta’ ħames snin.
(72) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.
ANNESS I
IMPENJI MEĦUDA MILL-IRLANDA
Każ ta’ għajnuna mill-Istat C 11/10 – ristrutturar ta’ Anglo Irish Bank u INBS (flimkien, “l-entità fuża”)
(1) |
Durata tal-impenji. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, l-impenji kollha meħuda mill-awtoritajiet Irlandiżi se jibqgħu validi u applikabbli sakemm jiġu kompletament maħduma l-assi kollha tal-entità fuża, inklużi ċ-ċedoli. Projbizzjoni mill-iżvilupp ta’ attivitajiet ġodda u mid-dħul fi swieq ġodda. L-entità fuża mhijiex se twettaq attivitajiet għajr dawk li huma konsistenti mal-ġestjoni tat-tħaddim tal-ktieb tas-self ta’ legat tal-entità fuża (inklużi bejgħ ta’ self fejn dan ikun xieraq sabiex jiġu massimizzati l-valuri ta’ rkupru u sabiex jiġi minimizzat it-telf kapitali). L-entità fuża mhijiex se tiżviluppa attivitajiet ġodda u mhijiex se tidħol fi swieq ġodda. L-entità fuża se żżomm u tuża l-liċenzja bankarja biss kemm hemm bżonn sakemm taħdem il-portafoll tas-self u mhijiex se tużaha sabiex tiżviluppa attivitajiet ġodda. L-entità fuża se tiġi likwidata ladarba l-assi tal-entità fuża jiġu kompletament maħduma. |
(2) |
Ġestjoni tal-assi eżistenti. L-entità fuża se timmaniġġja l-assi kummerċjali eżistenti b’mod li timmassimizza l-Valur Nett Preżenti (NPV) tal-assi skont il-prattika kummerċjali u d-doveri fiduċjarji normali. B’mod speċifiku, jekk klijent ma jistax jirrispetta t-termini tas-self tiegħu, l-entità fuża tirristruttura biss it-termini tas-self (diferiment jew rinunzja parzjali tal-ħlasijiet lura, konverżjoni ta’ (parti mill-) klejm f’kapital, eċċ.) jekk dan ir-ristrutturar ikun iwassal għal titjib tal-valur preżenti tas-self (jiġifieri jekk il-valur preżenti tal-flussi ta’ flus li għandu jkun mistenni mir-ristrutturar huwiex ogħla mill-valur preżenti tal-flussi tal-flus li jista’ jkun mistenni mil-likwidazzjoni). Fil-qosor, l-entità fuża se timmaniġġja l-portafoll tal-assi kummerċjali tagħha bl-istess mod bħalma maniġer ta’ assi privati jimmaniġġja t-tħaddim ta’ ktieb simili. Rigward l-assi ipotekarji tal-entità fuża, l-obbligi li japplikaw għall-assi kummerċjali se japplikaw mutatis mutandis. B’mod partikolari, l-entità fuża se titħalla tirristruttura l-assi ipotekarji permezz tal-varjazzjonijiet li ġejjin fit-termini tal-ipoteki eżistenti i) bidla fil-ftehim ta’ negozjar (eż. billi tiġi offruta rata fissa ġdida); ii) trasferiment ta’ ipoteki eżistenti għal propjetajiet ġodda; u iii) trasferiment ta’ ekwità (eż. żieda jew tneħħija ta’ mutwatarju għall-ipoteka). |
(3) |
Projbizzjoni ta’ akkwisti. Mingħajr il-permess minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea, l-entità fuża mhijiex se takkwista jew tieħu parteċipazzjonijiet f’ditti oħra. Din il-projbizzjoni fuq l-akkwisti ma tapplikax għal parteċipazzjonijiet kapitali akkwistati mill-entità fuża fil-qafas tar-ristrutturar ta’ esponiment eżistenti għal grupp regolatorju (1) f’diffikultà (per eżempju permezz ta’ tpartit ta’ dejn ma’ ekwità), sakemm ristrutturar bħal dan jikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fl-impenn (3) ta’ hawn fuq. |
(4) |
Projbizzjoni fuq kupuni u l-eżerċitar ta’ sejħiet fuq dejn subordinat u strumenti ibridi tal-kapital. L-entità fuża mhijiex se tħallas kupuni u l-anqas ma hi se teżerċita sejħiet fuq strumenti ta’ debitu subordinat u strumenti ibridi ta’ kapital, sakemm ma tkunx legalment obbligata li tagħmel dan. |
(5) |
Limitu massimu fuq self ġdid. B’konsistenza mal-għan tat-tħaddim tal-ktieb tas-self ta’ wara n-NAMA tal-entità fuża fuq perjodu ta’ għaxar snin u l-impenn (3) aktar ‘il fuq, il-ktieb tas-self nett kummerċjali tal-entità fuża mhuwiex se jaqbeż il-previżjonijiet tal-pjan b’aktar minn […] fi kwalunkwe sena waħda matul il-perjodu tal-pjan, għajr iċ-ċaqliq tal-muniti. Dak il-limitu massimu japplika għall-attività sħiħa ta’ self kummerċjali tal-entità fuża, inkluż is-self spjegat fil-punt (7). Barra minn hekk, l-impenn ta’ self li ġej se japplika għall-ktieb tas-self tal-ipoteki: l-entità fuża għandha tillimita avvanzi ulterjuri għall-ammonti impenjati kuntrattwalment u għal ammonti li jirriżultaw bħala parti mir-ristrutturar tal-faċilitajiet tal-ipoteki eżistenti. It-total aggregat ta’ avvanzi ipotekarji residenzjali ulterjuri għandu limitu massimu ta’ […] għall-perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2011 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012, u […] fis-sena wara dik is-sena. Impenji ta’ self speċifiku fuq il-ktieb kummerċjali. L-impenji ta’ self speċifiku li ġejjin se japplikaw ukoll għall-ktieb tas-self kummerċjali.
|
(6) |
Impenji speċifiċi ta’ self fuq il-ktieb tal-ipoteki. L-impenn speċifiku ta’ self li ġej se japplika wkoll għar-ristrutturar ta’ self ipotekarju eżistenti. Meta l-bilanċ tas-self jaqbeż il-valur tal-propjetà, l-entità fuża tista’ tiffaċilita l-fidi tas-self permezz ta’ bejgħ tal-propjetà billi tipprovdi finanzjament addizzjonali lil bejjiegħ u b’hekk tippermetti l-ħlas lura tal-bilanċ pendenti; u tikkonforma mal-impenn fil-punt (3). |
(7) |
Fuq bażi eċċezzjonali u fl-interess nazzjonali, l-Awtoritajiet Nazzjonali Irlandiżi jistgħu jiddeterminaw li l-eċċezzjonijiet huma meħtieġa għar-restrizzjonijiet ta’ self ta’ hawn fuq fil-punti (7) u (8) sabiex jittejbu l-valuri ta’ rkupru mistennija fuq bażi ta’ Valur Nett Preżenti. Determinazzjonijiet bħal dawn se jkunu soġġetti għal approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea. |
(8) |
Trasferiment ta’ depożiti ta’ legat ta’ Anglo u ta’ INBS. Wara t-trasferiment tad-depożiti ta’ legat kollha ta’ Anglo u ta’ INBS (fejn id-depożiti ma jinkludux depożiti intragrupp, depożiti interbankarji, finanzjament bl-ingrossa, titoli ta’ dejn f’konsenja jew finanzjament ipprovduti mill-banek ċentrali u/jew istituzzjonijiet ekwivalenti), l-entità fuża se jifdlilha l-kategoriji tad-depożiti u l-kontijiet speċifikati aktar ‘l isfel (“obbligazzjonijiet esklużi”) li jitħallew jibqgħu fl-entità fuża, soġġetti għal kwalunkwe impenji assoċjati: Depożiti li fiż-żmien tat-trasferiment tad-depożiti huma ta’ kwalunkwe sussidjarja jew miżmua f’isimha tat-Trasferitur (iżda mhijiex inkluża l-Isle of Man Co);
|
(9) |
Limiti massimi fuq depożiti u obbligazzjonijiet esklużi. L-entità fuża mhijiex se tiġbor depożiti minn klijenti ġodda. L-ammont ġenerali ta’ depożiti minn klijenti eżistenti fid-data tal-fużjoni qatt mhi se taqbeż il-EUR 1 biljun, u mhijiex se tikkonsisti f’depożiti għajr dawk definiti fil-punt (10) aktar ‘il fuq. L-entità fuża se xxolji depożiti bejn wieħed u ieħor bl-istess rata bħal ma huma xolti l-assi relatati jew marbutin magħhom (jew, jekk mhemmx assi relatati jew marbutin, bejn wieħed u ieħor bl-istess rata bħalma hu xolt il-ktieb tas-self ġenerali nett) eskluż iċ-ċaqliq tal-muniti u l-impenji kuntrattwali għaż-żamma ta’ depożiti. Barra minn hekk, il-ktieb tad-depożiti tal-entità fuża fl-ebda mument m hu se jaqbeż il-previżjonijiet tal-pjan ta’ ristrutturar b’aktar minn EUR 200 miljun. |
(10) |
Fiduċjarju tal-Monitoraġġ. L-entità fuża se taħtar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li jivverifika l-aderenza mal-impenji elenkati aktar ‘il fuq. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ se jiġi nominat għal perjodu ta’ tliet snin. Ir-regoli ta’ ħatra tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ u d-doveri tiegħu huma elenkati fl-Anness II. B’mod partikolari, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ irid jagħti prova li għandu esperjenza fil-qasam ta’ ristrutturar tas-self u l-ġestjoni tas-self sabiex jissorvelja l-impenji (3) u (6). |
(11) |
Infurzar u Rapportar. L-awtoritajiet Irlandiżi se jiżguraw li l-entità fuża tikkonforma mal-impenji elenkati aktar ‘il fuq. L-awtoritajiet Irlandiżi se jissottomettu rapporti regolari dwar il-miżuri meħuda sabiex jikkonformaw mal-impenji. L-ewwel rapport se jiġi sottomess lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-approvazzjoni mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni u wara din id-data, f’intervalli ta’ sitt xhur. |
(1) Għall-finijiet ta’ ċarezza, grupp regolatorju jista’ jinvolvi mutwatarju wieħed, jew diversi klijenti li l-entità fuża pprovditilhom self. Jekk grupp regolatorju jikkonsisti f’diversi klijenti, għadd ta’ self jista’ jinżamm li huwa kollateralizzat b’mod trasversali. Għall-imminimizzar tat-telf kapitali jew għall-immassimizzar tal-irkupri, is-self jista’ jiġi kkunsidrat fil-livell tal-grupp regolatorju minflok f’dak tal-mutwatarju individwali.
ANNESS II
IL-ĦATRA U D-DOVERI TAL-FIDUĊJARJU TAL-MONITORAĠĠ
Anglo Irish Bank u INBS huma msemmija b’mod komuni bħala “l-entità fuża”.
I. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ
1. |
L-awtoritajiet Irlandiżi jieħdu l-impenn li l-entità fuża se taħtar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għal perjodu ta’ tliet snin. |
2. |
Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu jkun persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar indipendenti mill-entità fuża li se jkun(u) approvat(i) mill-Kummissjoni u maħtura mill-entità fuża, u se jkun(u) inkarigat(i) mill-monitoraġġ ta’ jekk l-entità fuża tikkonformax mal-obbligi tagħha lejn il-Kummissjoni u timplimenta l-pjan ta’ ristrutturar u ta’ tħaddim. |
3. |
Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ irid ikun indipendenti mill-entità fuża u jrid ikollu l-kwalifiki neċessarji sabiex iwettaq il-mandat tiegħu, pereżempju, bħala bank ta’ investiment, konsulent jew awditur, u ma għandux ikollu kunflitt ta’ interess u l-anqas ma għandu jiġi espost għal dan. B’mod partikolari, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ irid ikollu esperjenza fil-qasam ta’ ristrutturar tas-self u ta’ ġestjoni tas-self sabiex jissorvelja l-impenji (2) u (5). Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu jiġi rimunerat mill-entità fuża, dan ma għandu ixekkel it-twettiq indipendenti u effikaċji tal-mandat tiegħu. |
II. Ħatra tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ
Proposta mill-awtoritajiet Irlandiżi
Mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara d-data ta’ konsinja tad-deċiżjoni li tapprova l-pjan ta’ ristrutturar u ta’ tħaddim tal-entità fuża, l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jissottomettu l-ismijiet ta’ żewġ persuni jew aktar bħala Fiduċjarji tal-Monitoraġġ għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni u għandhom jindikaw liema minnhom huwa l-ewwel għażla tagħhom. Il-proposta jrid ikun fiha biżżejjed informazzjoni għall-Kummissjoni sabiex din tivverifika li l-Fiduċjarju propost jilħaq ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 u għandha tinkludi:
|
it-termini kollha tal-mandat propost flimkien mad-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tippermetti lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ sabiex iwettaq id-doveri tiegħu skont dawn l-impenji; |
|
il-profil tal-pjan ta’ ħidma li jiddeskrivi kif il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ beħsiebu jwettaq il-kompiti assenjati lilu. |
Approvazzjoni jew ċaħda mill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni sabiex tapprova jew tiċħad il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ propost u sabiex tapprova l-mandat propost soġġett għal kwalunkwe modifika li jidhrilha neċessarju għall-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu jinħatar fi żmien ġimgħa mill-approvazzjoni tal-Kummissjoni, skont il-mandat approvat mill-Kummissjoni.
Proposta ġdida mill-awtoritajiet Irlandiżi
4. |
Jekk il-Fiduċjarji tal-Monitoraġġ kollha huma miċħuda, l-awtoritajiet Irlandiżi, fi żmien ġimgħa minn meta jiġu informati biċ-ċaħda, għandhom jissottomettu tal-inqas żewġ persuni jew istituzzjonijiet oħra, skont il-kundizzjonijiet u skont il-proċedura fil-paragrafi 1 u 5. |
Fiduċjarju tal-Monitoraġġ nominat mill-Kummissjoni
5. |
Jekk il-Fiduċjarji tal-Monitoraġġ l-oħra proposti kollha jiġu miċħuda mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tinnomina Fiduċjarju/i ta’ Monitoraġġ, li l-entità fuża għandha taħtar skont il-mandat tal-fiduċjarju approvat mill-Kummissjoni. |
III. Id-doveri tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ
6. |
Għandu jkun id-dover tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ li jiżgura konformità mal-kundizzjonijiet u l-obbligi mehmuża mad-Deċiżjoni u jiggarantixxi l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u ta’ tħaddim. |
Doveri u obbligi tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ
7. |
Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu:
Il-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet jew direzzjonijiet lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ sabiex dan jiżgura li l-impenji lejn il-Kummissjoni jintlaħqu u li jiġi implimentat il-pjan ta’ ristrutturar u ta’ tħaddim. L-awtoritajiet Irlandiżi u l-entità fuża għandhom jipprovdu għal kull kooperazzjoni, appoġġ u informazzjoni li l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jista’ jkun jeħtieġ b’mod raġonevoli sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu. Il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ għandu jkollu aċċess mingħajr limitazzjonijiet għal kotba, rekords, dokumenti, maniġers u membri oħra tal-persunal, għal fajls, postijiet u informazzjoni teknika tal-entità fuża li huma meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu b’konformità mal-impenji. |