12.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/53


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar in-noninklużjoni tad-diklorvos għall-prodotti tat-tip 18 fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 3016)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/254/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Din il-lista tinkludi d-diklorvos.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, id-diklorvos (Nru CAS 62-73-7; KE Nru 200-547-7) ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodotti tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra, kif iddefiniti fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

(3)

L-Italja nħatret bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Novembru 2007 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

(4)

Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, is-sejbiet mill-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fid-9 ta’ Diċembru 2011, f’rapport ta’ valutazzjoni.

(5)

Il-valutazzjoni wriet li l-prodotti bijoċidali użati bħala insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra u li fihom id-diklorvos ma jistgħux jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Ix-xenarji evalwati fil-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll fil-valutazzjoni tar-riskji ambjentali wrew riskju potenzjali u inaċċettabbli. Għalhekk, mhuwiex xieraq li d-diklorvos jiddaħħal għall-użu fil-prodotti tat-tip 18 fl-Annessi I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE.

(6)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, id-data minn meta prodotti bijoċidali ta’ prodotti tat-tip 18 li fihom id-diklorvos ma għandhomx jibqgħu jitqiegħdu fis-suq, għandha tiġi speċifikata b’kunsiderazzjoni kemm għall-effetti inaċċettabbli ta’ dawk il-prodotti kif ukoll għall-aspettattivi leġittimi tal-produtturi ta’ dawk il-prodotti.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-diklorvos (Nru CAS 62-73-7; KE Nru 200-547-7) ma għandux jiġi inkluż fl-Annessi I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE għall-prodotti tat-tip 18.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, prodotti bijoċidali tal-prodotti tat-tip 18 li fihom id-diklorvos ma għandhomx jibqgħu jitqiegħdu fis-suq b’effett mill-1 ta’ Novembru 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)   ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.