12.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Lulju 2011

dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru C 6/08 (ex NN 69/07) implimentata mill-Finlandja għal Ålands Industrihus Ab

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4905)

(It-testi bil-Finlandiż u bl-Isvediż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/252/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ilment ippreżentat fil-5 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni ġiet infurmata b’varjetà ta’ miżuri mogħtija mill-Gvern Lokali ta’ Åland (“il-GL”) favur il-kumpanija tal-proprjetà immobbli Ålands Industrihus Ab (“ÅI”). Permezz tal-ittri tal-25 ta’ Ottubru 2006 u tal-14 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-Finlandja li ngħatat permezz tal-ittri tal-11 ta’ Jannar 2007 u tat-3 ta’ April 2007. L-awtoritajiet Finlandiżi ppreżentaw iżjed informazzjoni fil-31 ta’ Mejju 2007 u fit-12 ta’ Lulju 2007. Il-kwerelant ippreżenta informazzjoni addizzjonali f’November 2006 u f’Mejju 2007.

(2)

Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni infurmat lill-Finlandja li ddeċidiet li tniedi l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (2) fir-rigward tal-għajnuna (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”).

(3)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(4)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummenti mill-partijiet interessati.

(5)

Wara d-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Finlandja ppreżentat informazzjoni li ġiet irreġistrata mal-Kummissjoni fis-6 ta’ Mejju 2008, fil-21 ta’ Jannar 2010, fis-26 ta’ Frar 2010, fil-21 ta’ Mejju 2010, fit-18 ta’ Ġunju 2010, fit-18 ta’ April 2011, fis-27 ta’ Ġunju 2011 u fit-28 ta’ Ġunju 2011. Il-laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Finlandiżi u r-rappreżentanti ta’ ÅI saret fl-4 ta’ Ġunju 2010.

2.   DESKRIZZJONI TAL-GĦAJNUNA

2.1.   IL-BENEFIĊJARJU

(6)

ÅI hija reġistrata fil-Belt ta’ Mariehamn, il-kapitali ta’ Åland, l-arċipelagu fil-Baħar Baltiku bejn il-Finlandja kontinentali u l-Isvezja b’popolazzjoni totali ta’ madwar 28 000. Åland hija provinċja tal-Finlandja imma tgawdi livell għoli ta’ awtonomija. Is-sidien ta’ ÅI huma primarjament il-GL (84,43 %) u l-Belt ta’ Mariehamn (15,01 %). L-awtoritajiet lokali l-oħra f’Åland jammontaw għall-bqija tal-azzjonisti (4).

(7)

In-negozju ta’ ÅI huwa l-kostruzzjoni, is-sjieda u l-kiri ta’ proprjetà immobbli għall-użu industrijali u kummerċjali. Skont il-Finlandja, l-għan tal-attivitajiet tal-kumpanija huwa li tipprovdi proprjetà immobbli lill-kumpaniji f’Åland sabiex tikkontribwixxi għall-ekonomija diversifikata u kompetittiva.

(8)

Sal-1999 l-attivitajiet tan-negozju ta’ ÅI kienu ta’ daqs modest (5). Il-karta tal-bilanċ ta’ ÅI kibret bil-mod ħafna, jew xejn (6). F’dan il-kuntest il-bord ta’ ÅI iddeċieda li jibda jfittex opportunitajiet ġodda ta’ negozju sabiex il-kumpanija tespandi. Fl-istess ħin, il-komunità tan-negozju lokali (magħmula kważi esklussivament minn impriżi żgħar) esprimiet ix-xewqa għall-“park tat-teknoloġija”, jiġifieri ragruppament ta’ proprjetajiet ta’ uffiċini fejn id-ditti lokali jkunu jistgħu jinġabru taħt saqaf wieħed sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni, jiġu ġġenerati ideat ġodda u titjieb l-intraprenditorija b’mod ġenerali. Dan kellu eventwalment isir il-park tal-uffiċini “iTiden” (kvarteret iTiden). Il-ġenesi tal-proġett huwa spjegat f’iktar dettall fit-Taqsima 2.2.

2.2.   IL-PROĠETT iTiden  (7)

(9)

Id-diskussjonijiet bejn ir-rappreżentanti tal-komunità tan-negozju lokali u l-GL dwar il-possibbiltà tal-bini ta’ “park tat-teknoloġija” kienu nbdew lura fl-1999. Vjaġġi ta’ studju konġunti kienu saru f’faċilitajiet simili fl-Isvezja.

(10)

Fl-2000 il-proġett ġie assenjat lill-grupp ta’ ħidma, li ppreżenta l-proposta lill-GL u lill-Belt ta’ Mariehamn fir-rebbiegħa tal-2000. Il-proġett u l-pjani tal-GL għall-bini u l-finanzjament kienu ssemmew fil-baġit tal-GL għall-2000 (8) u kkonfermati fil-baġit tal-2001, li fih il-GL talab ukoll fondi għaż-żidiet kapitali possibbli għall-proġetti tal-infrastruttura, inkluż għal ÅI (talba simili kienet saret fil-baġit tal-2000) (9).

(11)

Fit-12 ta’ Lulju 2001, bl-għajnuna ta’ żieda kapitali, ÅI xtrat l-art fid-distrett ta’ “Västra Klinten” ta’ Mariehamn, fejn kellu jinbena iTiden. F’konnessjoni ma’ dan ix-xiri, ÅI żgurat ukoll it-tibdil meħtieġ għall-proġett iTiden fl-ippjanar tal-belt.

(12)

Fil-baġit għall-2002 il-GL iddikjara li ÅI kellha tibda l-bini tal-proġett iTiden fl-2002 u li dan fil-probabbiltajiet kollha kien se jeħtieġ żieda kapitali (li għaliha l-GL talab l-approprjazzjonijiet baġitarji meħtieġa) (10).

(13)

Fil-bidu tal-2002 ġie appuntat il-grupp ta’ ħidma għall-bini ta’ iTiden u ġie kkummissjonat il-perit. Ġew avviċinati l-inkwilini potenzjali biex jiġi stabbilit l-interess tagħhom fil-kiri tal-proprjetà f’iTiden. Ix-xogħolijiet tal-art preparatorji twettqu fir-rebbiegħa tal-2003 u l-kostruzzjoni ta’ fażi 1 (il-proġett kien iddisinjat f’żewġ fażijiet ta’ kostruzzjoni konsekuttivi) bdiet fis-sajf tal-2003. L-ewwel inkwilini daħlu fil-parti lesta ta’ “fażi 1” ta’ iTiden fl-1 ta’ Diċembru 2004.

(14)

Il-kostruzzjoni ta’ fażi 2 ta’ iTiden ġiet imnedija fil-ħarifa tal-2006 u tlestiet fl-2007.

2.3.   IL-MIŻURI TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(15)

L-investigazzjoni formali tal-Kummissjoni kopriet diversi injezzjonijiet kapitali (“żidiet kapitali”) u garanziji ta’ self mill-bank (“garanziji ta’ self”) mogħtija mill-GL favur ÅI bejn l-1997 u l-2007. Il-miżuri huma elenkati fit-tabella t’hawn taħt (l-injezzjonijiet kapitali huma nnumerati C-I sa C-XI u l-garanziji G-I sa G-III).

Miżura

Data tal-miżura

Żidiet kapitali

(f’EUR)

Garanziji ta’ self

(f’EUR)

C-I (*)

18.6.1997

84 094,39

 

C-II (*)

22.6.2000

340 582,27

 

C-III (*)

10.10.2000

114 368,37

 

C-IV

20.7.2001

353 199,00

 

C-V

15.8.2002

599 933,73

 

C-VI

13.3.2003

799 911,64

 

G-I

9.10.2003

 

2 600 000,00

C-VII

6.5.2004

515 165,97

 

C-VIII

30.9.2004

669 896,95

 

G-II

2.11.2004

 

1 160 000,00

C-IX

16.6.2005

199 977,91

 

C-X

16.6.2005

234 961,43

 

G-III

13.12.2005

 

2 600 000,00

C-XI

15.2.2007

1 379 998,95

 

 

TOTAL

5 292 090,61

6 360 000,00

(16)

Meta mqabbla mat-tabella tal-miżuri fil-punt 7 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, tneħħiet il-garanzija ta’ self ta’ EUR 2 587 500 tas-26 ta’ Ottubru 2006, għaliex qatt ma daħlet fis-seħħ (wara d-deċiżjoni tal-qrati Finlandiżi). Barra minn hekk, iż-żieda kapitali C-XI, tat-12 ta’ Ġunju 2006 fid-deċiżjoni tal-ftuħ, hawnhekk għandha d-data tal-15 ta’ Frar 2007 għaliex ħareġ ċar mill-investigazzjoni li din il-miżura kienet daħlet fis-seħħ f’dik id-data iktar tard. Id-deċiżjoni tal-GL li jagħti din iż-żieda kapitali ġiet annullata riċentement (6 ta’ April 2011) mill-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Finlandja (ara l-premessa 114 hawn taħt). Madankollu, billi l-kapital tħallas lil ÅI fl-2007 u ma ġiex imħallas lura, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali ma tneħħix din il-miżura mill-ambitu tal-investigazzjoni tagħha.

(17)

Skont l-awtoritajiet Finlandiżi, iż-żidiet kapital kollha ġew ipprovduti sabiex jiġi ffinanzjat il-proġett iTiden, bl-eċċezzjoni ta’ dawn li ġejjin:

 

C-I: Injezzjoni kapitali tat-18 ta’ Ġunju 1997 (EUR 84 094,39)

 

C-II: Injezzjoni kapitali tat-22 ta’ Ġunju 2000 (EUR 340 582,27)

 

C-III: Injezzjoni kapitali tal-10 ta’ Ottubru 2000 (EUR 114 368,37)

 

C-VIII: Injezzjoni kapitali tat-30 ta’ Settembru 2004 (EUR 669 896,95)

 

C-IX: Injezzjoni kapitali tas-16 ta’ Ġunju 2005 (EUR 199 977,91).

(18)

Il-garanziji kollha ta’ self, skont il-Finlandja, inħarġu bil-għan tal-finanzjament tal-proġett iTiden. Iktar dettalji dwar il-garanziji ta’ self qed jingħataw fil-premessi 66 sa 86 hawn taħt.

3.   RAĠUNIJIET GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA SKONT L-ARTIKOLU 108(2) TFUE

(19)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kellha dubji jekk iż-żidiet kapitali u l-garanziji ta’ self kinux kompatibbli mas-suq intern għal dawn ir-raġunijiet li ġejjin.

(20)

Fir-rigward tal-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni nnutat li l-miżuri kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat, għaliex ingħataw mill-awtoritajiet lokali, u li kienu selettivi, għaliex kienu mmirati lejn ÅI. Fir-rigward tal-kriterju dwar jekk il-miżuri jagħtux “vantaġġ li ma kienx ikollha taħt kundizzjonijiet normali tas-suq” għaliex investitur privat, iggwidat mill-prospett tal-profitabbiltà fuq perjodu twil ta’ żmien, ma kienx jagħti l-istess appoġġ, il-Kummissjoni ddubitat li investitur privat kien se jipprovdi l-kapital kif għamel il-GL, meta jitqies ir-rekord twil ta’ telf ta’ ÅI jew, l-iktar, il-profitti modesti ħafna tagħha. Speċifikament fir-rigward tal-garanziji ta’ self, il-Kummissjoni ddubitat jekk ÅI kienx jirnexxiela tikseb appoġġ finanzjarju komparabbli mis-swieq, u li għalhekk konsegwentement dawn taw vantaġġ lil ÅI. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li dawn il-vantaġġi joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ intra-Komunitarju.

(21)

Jekk il-miżuri kienu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ddubitat jekk setgħux jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern.

(22)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar it-talba tal-Finlandja li l-miżuri, jekk fil-fatt jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, kienu ngħataw f’konformità mal-iskemi tal-għajnuna li kienu japplikaw diġà qabel id-dħul tal-Finlandja fl-UE u li għalhekk dawn ikunu legali.

4.   KUMMENTI MILL-FINLANDJA

4.1.   IL-MIŻURI MHUMIEX GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(23)

Il-Finlandja hija tal-opinjoni li l-GL aġixxa skont il-prinċipju tal-investitur tas-suq, jiġifieri li l-miżuri kienu ggwidati mill-prospetti tal-GL ta’ redditu fuq l-investiment tiegħu. Il-Finlandja argumentat li d-deċiżjonijiet tal-investiment kienu mmotivati mill-programm ta’ investimenti ġodda tal-kumpanija, primarjament mill-proġett iTiden. Il-miżuri għalhekk ma kinux maħsubin biex ikopru t-telf ta’ qabel, jew li jappoġġjaw negozju li jkun qed jagħmel it-telf. Il-GL kiseb valur konkret għall-investimenti tiegħu f’ishma ġodda ta’ ÅI, hekk kif il-valur tal-kumpanija żdied f’konformità mas-sottoskrizzjoni tal-ishma. Għalhekk, ÅI ma kisbet l-ebda vantaġġ li kieku ma setgħetx tikseb minn investitur privat.

(24)

Irrispettivament minn kwalunkwe vantaġġ possibbli, il-Finlandja hija wkoll tal-opinjoni li l-miżuri ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, għaliex m’hemmx evidenza konkreta ta’ effett sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-proprjetà immobbli f’Åland.

4.2.   JEKK GĦAJNUNA MILL-ISTAT, HIJA LEGALI SKONT L-ISKEMI TAL-GĦAJNUNA EŻISTENTI

(25)

Madankollu, jekk il-miżuri jinstab li jinkludu element ta’ għajnuna mill-Istat, l-għajnuna, skont il-Finlandja, għandha tiġi kkunsidrata bħala legali. Il-Finlandja argumentat li kemm l-injezzjonijiet kapitali kif ukoll il-garanziji kienu koperti minn skemi ta’ għajnuna eżistenti li ddaħħlu fis-seħħ qabel is-sħubija tal-Finlandja fl-UE.

4.3.   JEKK HIJA GĦAJNUNA ĠDIDA MILL-ISTAT, HIJA MADANKOLLU KOMPATIBBLI MAS-SUQ INTERN

(26)

Jekk il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali, għandhom minkejja kollox jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għaliex l-għan tagħhom kien l-iżvilupp tar-reġjun u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, l-iktar bil-kontribuzzjoni għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tar-reġjun, li tiddependi ħafna fuq l-industrija tat-tbaħħir.

4.4.   L-IRKUPRU POSSIBBLI

(27)

Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija illegali u inkompatibbli u li jeħtieġ li tiġi rkuprata, il-Finlandja ressqet dawn l-argumenti li ġejjin.

(28)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (11) il-Kummissjoni mhux se titlob l-irkupru tal-għajnuna fejn dan ikun kuntrarju għall-prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja. Hawnhekk, dan ikun il-każ, għaliex il-Finlandja kellha raġunijiet leġittimi li tistenna li dawn l-iskemi msemmija hawn fuq, li kienu jeżistu qabel is-sħubija, kienu u għadhom validi, u li għalhekk kwalunkwe għajnuna mogħtija skont dawn ir-regoli tkun legali.

(29)

Jekk madankollu l-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna għandha tiġi rkuprata, il-Finlandja targumenta li l-element tal-għajnuna fiż-żidiet kapitali mhux neċessarjament l-ammont nominali sħiħ tat-tranżazzjonijiet li jagħmlu l-għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-garanziji, kwalunkwe għajnuna li għandha tiġi rkuprata ma tistax tkun ikbar mill-vantaġġ fl-imgħax miksub mill-kumpanija b’riżultat tal-garanzija (b’paragun mas-self mhux garantit). B’mod simili, fil-każ tal-injezzjonijiet kapitali, kwalunkwe għajnuna ma tistax tkun iżjed mill-ispiża ta’ ÅI biex tikseb il-kapital ekwivalenti fuq is-suq.

5.   VALUTAZZJONI

5.1.   KWALIFIKA BĦALA GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(30)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, “kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’kwalunkwe forma li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċertu prodotti għandha, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(31)

Il-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat titlob li jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) għandha tiġi ffinanzjata minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (b) għandha tagħti vantaġġ selettiv li permezz tiegħu tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċertu prodotti; u (c) għandha toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu kumulattivi, u kollha preżenti qabel ma l-miżura tiġi kkaratterizzata bħala għajnuna mill-Istat.

5.1.1.   IR-RIŻORSI TAL-ISTAT U S-SELETTIVITÀ

(32)

Għar-raġunjiiet indikati fid-deċiżjoni tal-ftuħ (u li ma ġewx ikkontestati mill-Finlandja), dawn iż-żewġ kriterji ġew issodisfati. Il-miżuri ngħataw b’deċiżjonijiet individwali meħuda mill-GL sabiex jagħmel użu mill-fondi li ġew allokati lilu fil-baġit annwali tiegħu mill-assemblea reġjonali ta’ Åland. Il-miżuri huma għalhekk b’mod ċar iffinanzjati mill-Istat u mmirati individwalment lejn ÅI.

5.1.2.   VANTAĠĠ

(33)

Il-Finlandja argumentat li l-miżuri mhumiex għajnuna mill-Istat għaliex ma pprovdewx lil ÅI b’vantaġġ li hi ma setgħetx tikseb fuq is-swieq, kemm mingħand azzjonist privat kif ukoll mingħand kreditur privat.

(34)

Huwa prinċipju stabbilit tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat (normalment magħruf bħala l-Prinċipju ta’ Investitur f’Ekonomija tas-Suq, jew MEIP) li l-investiment mill-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriżi jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sakemm f’ċirkostanzi simili, investitur privat, wara li jikkunsidra b’mod partikolari l-prospetti li jikseb redditu, seta’ jipprovdi l-istess kapital (12). B’mod simili, skont il-punt 3.1 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (13) (“l-Avviż dwar il-Garanziji”), il-garanzija pprovduta mill-awtoritajiet pubbliċi għandha tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sakemm il-finanzjament ma jsirx b’kundizzjonijiet li jkunu aċċettabbli għal operatur privat taħt il-kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq.

(35)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-MEIP ġiex issodisfat fir-rigward tal-injezzjonijiet kapitali u l-garanziji, abbażi b’mod partikolari ta’ żewġ osservazzjonijiet li jikkonċernaw lil ÅI:

(a)

Ir-rekord twil ta’ telf jew ta’ profitti negliġibbli ta’ ÅI fis-snin li fihom ingħataw il-miżuri. Fil-fatt, ÅI għamlet telf f’kull sena bejn l-2001 u l-2005. Il-profitti bejn l-1998 u l-2000 kienu żgħar u jonqsu (EUR 38 000, 28 000 u 9 000 rispettivament). B’mod simili, meta ÅI eventwalment reġgħet għamlet profitt fl-2006 dan kien ta’ biss EUR 557,43. Il-profitt imbassar għall-2007 fl-2006 (jiġifieri dak li kien antiċipat meta ttieħdet id-deċiżjoni li jingħataw l-aħħar miżuri) kien ta’ biss EUR 5 868,46 (14).

(b)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni dehrilha li l-fluss tal-flus ta’ ÅI ma kienx suffiċjenti biex ikopri l-ispejjeż tagħha, u kien ilu hekk sa mill-2000, biex wassal għall-preżunzjoni li l-miżuri kienu meħtieġa sempliċiment biex ikopru din in-nixfa ta’ flus (15).

(36)

Il-Finlandja warrbet din l-opinjoni. L-argumenti tagħha se jiġu diskussi hawn taħt b’mod separat għaż-żidiet kapitali u għall-garanziji ta’ self.

5.1.2.1.    L-injezzjonijiet kapitali

(37)

L-ewwel nett, il-Finlandja twarrab l-opinjoni li ÅI kellha problema ta’ likwidità. Fil-fatt, għalkemm l-operat tal-kumpanija kien limitat fid-daqs qabel il-proġett iTiden, ir-riżultat tal-operat u l-likwidità tagħha kienu sodisfaċenti u baqgħu hekk tul il-perjodu kopert mill-investigazzjoni. Il-miżuri ma kinux għalhekk meħtieġa biex ikopru l-ispejjeż tal-operat. Minflok, il-miżuri kienu intenzjonati li jiffinanzjaw l-espansjoni tal-kumpanija u konsegwentement għandhom jiġu kkunsidrati bħala investimenti. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ dawn l-investimenti, kienu ġġustifikati skont il-Prinċipju ta’ Investitur f’Ekonomija tas-Suq u konsegwentement ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

(38)

F’dan il-kuntest, il-Finlandja targumenta li l-biċċa l-kbira taż-żidiet kapitali ntużaw biex jiffinanzjaw il-proġett iTiden, filwaqt li l-bqija kienu intenzjonati għall-proġetti l-oħra ta’ ÅI (ara l-premessa 17 hawn fuq).

(39)

Il-Kummissjoni tagħmel din il-valutazzjoni li ġejja.

(40)

Bħala punt preliminari l-Kummissjoni tenfasizza li l-kapital li azzjonist jipprovdi lill-kumpanija, bħala definizzjoni ma jkunx immirat għal użu partikolari imma jsir parti mill-ekwità tanġibbli tal-kumpanija. Għalhekk huwa normali, meta l-investiment jiġi pprovdut bħala ekwità ġenerali, li tiġi vvalutata l-konformità tiegħu mal-MEIP kontra l-prospetti tal-andament ġenerali tal-kumpanija kollha. Dan ma jeskludix, meta l-evidenza tiegħu hija disponibbli, li ssir valutazzjoni tar-reddittu mistenni fuq investimenti speċifiċi ppjanati, basta ovvjament li din l-informazzjoni kienet disponibbli fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-investiment.

(41)

Fir-rigward tal-prestazzjoni finanzjarja ġenerali ta’ ÅI, il-Kummissjoni taċċetta, abbażi tal-evidenza sottomessa fl-investigazzjoni, li r-riżultat tal-operat ta’ ÅI kien b’mod konsistenti jkopri t-telf tagħha u b’hekk jiżgura l-likwidità. L-evidenza disponibbli ma tippermettix il-konklużjoni li ż-żidiet kapitali (jew is-self miksub permezz tal-garanziji) intużaw biex ikopru t-telf li kien ġej mill-operat ta’ ÅI.

(42)

Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-GL ipprovda lil ÅI kapital addizzjonali importanti li prima facie ġġenera profitti żgħar ħafna jew xejn bejn l-1997 u l-2006. Il-qofol għalhekk huwa — kif il-Finlandja nnifisha targumenta — jekk il-GL kellux raġun jistenna reddittu fuq il-kapital tiegħu li kien ikun biżżejjed għal investitur privat biex kien jagħmel l-istess investiment. Dan għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ dak li kien magħruf mill-GL fiż-żmien taż-żidiet kapitali.

(43)

Il-Finlandja argumentat li l-ikbar sehem miż-żidiet kapitali kien maħsub li jiffinanzja l-proġett iTiden, fażi 1 u 2, filwaqt li l-bqija taż-żidiet kapitali kienu assenjati fuq diversi investimenti oħra. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, iż-żidiet kapitali li ntużaw għall-finanzjament tal-proġett iTiden qed jiġu ttrattati l-ewwel fl-analiżi ppreżentata hawn taħt.

Iż-żidiet kapitali għal iTiden

(44)

Il-Finlandja targumenta li ż-żidiet kapitali kollha bl-eċċezzjoni ta’ C-I, C-II, C-III, C-VIII u C-IX saru bil-ħsieb li jiffinanzjaw lil iTiden, li kien bil-wisq l-ikbar proġett uniku ta’ ÅI. L-iktar żieda kapitali bikrija assenjata għall-proġett iTiden għalhekk saret fl-2001 (C-IV).

(45)

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom saru dawn iż-żidiet kapitali mill-GL, u b’mod kruċjali r-reddittu li kien mistenni fiż-żmien tad-deċiżjoni, il-Finlandja pprovdiet din l-informazzjoni li ġejja:

(46)

Id-deċiżjonijiet tal-GL li jipproċedi biż-żidiet kapitali relatati ma’ iTiden saru abbażi tal-informazzjoni pprovduta waqt laqgħat informali li kienu jinvolvu l-GL u r-rappreżentanti ta’ ÅI. Il-Finlandja tistqarr li ma nżammu l-ebda minuti ta’ dawn il-laqgħat. Madankollu l-Finlandja ppreżentat lill-Kummissjoni l-preżentazzjonijiet li saru f’dawn il-laqgħat informali jew waqt il-laqgħat tal-bord ta’ ÅI. Dawn jinkludu rendikonti konċiżi tal-isfond u tal-karatteristiċi ewlenin tal-proġett iTiden u tal-kalkoli tal-profitabbiltà tal-fażi 1 u l-fażi 2 ta’ iTiden. Din l-evidenza konsegwentement tippermetti lill-Kummissjoni taċċerta x’reddittu kien antiċipat mill-GL fiż-żmien li għamel iż-żidiet kapitali relatati ma’ iTiden.

(47)

Fil-31 ta’ Jannar 2002, ÅI kellha laqgħa informali mal-GL sabiex tassigura l-approvazzjoni tiegħu għat-tnedija tal-kostruzzjoni ta’ iTiden fl-2002 (sussegwentement għax-xiri tal-art li kien sar fl-2001). F’din il-laqgħa, ÅI ippreżentat kalkolu tal-profitabbiltà, fejn is-suppożizzjoni kienet li l-proġett għandu jrendi reddittu annwali ta’ 3 % fuq l-ekwità nnifisha ta’ ÅI.

(48)

Laqgħa informali oħra bejn ÅI u l-GL saret fl-4 ta’ Marzu 2003 sabiex titħejja l-assemblea ġenerali ta’ ÅI fil-5 ta’ Marzu 2003. L-assemblea ġenerali kellha tiddeċiedi dwar it-tnedija tal-kostruzzjoni ta’ fażi 1 ta’ iTiden, li ma kinitx twettqet fl-2002. Ġie ppreżentat kalkolu aġġornat tal-profitabbiltà. F’dan il-kalkolu ġie stmat li l-fażi 1 kellha trendi bilanċ favorevoli ta’ biss EUR 700 bis-suppożizzjoni tal-ebda reddittu fuq l-ekwità nnifisha ta’ ÅI.

(49)

Fit-2 ta’ Jannar 2006 il-bord ta’ ÅI iltaqa’ biex jiddiskuti t-tnedija tal-kostruzzjoni ta’ fażi 2 u s-sejħa għal żieda kapitali li kellha titnieda biex tiffinanzja din il-fażi. Skont il-kalkolu tal-profitabbiltà ppreżentat fil-laqgħa, il-proġett kellu jilħaq il-pariġġ b’reddittu fuq l-ekwità ta’ 3 %. Madankollu, dan il-kalkolu kellu jiġi rivedut sabiex iqis l-ispiża ogħla biex il-proprjetà immobbli tiġi adattata għall-ħtiġijiet tal-inkwilin. Għalhekk, ġie stabbilit kalkolu rivedut fl-10 ta’ Jannar 2006 biex iservi bħala l-bażi għaż-żieda kapitali li ġiet deċiża fl-assemblea ġenerali tat-12 ta’ Ġunju 2006 (minkejja li ż-żieda kapitali tħallset biss fil-15 ta’ Frar 2007 minħabba raġunijiet tekniċi — din hija ż-żieda kapitali C-XI). F’dan il-kalkolu, is-suppożizzjoni tar-reddittu annwali fuq l-ekwità proprja għal fażi 2 ta’ iTiden ġiet stabbilita bħala 1 %.

(50)

Il-Finlandja pprovdiet din l-evidenza u ddikjarat li din tammonta preċiżament għall-istennija kontemporanja tal-qligħ li abbażi tagħha l-GL iddeċieda li jagħmel iż-żidiet kapitali għall-proġett iTiden, jiġifieri C-IV, C-V, C-VI, C-VII u C-X għall-fażi 1 u C-XI għall-fażi 2. Dawn il-valutazzjonijiet tal-profitabbiltà huma bbażati fuq id-dħul antiċipat (jiġifieri d-dħul mill-kirjiet) minn iTiden. Il-Finlandja argumentat li r-reddittu fuq l-investiment tal-GL għandu jqis ukoll il-prospett tal-qligħ kapitali li jikkonsisti f’żieda fil-valur tal-proprjetà matul iż-żmien. Madankollu, il-Finlandja ma pprovdiet l-ebda evidenza konkreta ta’ dan. Dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex integrati fil-kalkoli tal-profitabbiltà, u dan jindika li ma tqisux meta ttieħdu d-deċiżjonijiet tal-investiment. Abbażi tal-evidenza t’hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li investitur privat ma kienx jagħmel investimenti simili għal dan ir-reddittu mistenni.

(51)

Kwalunkwe investitur li jpoġġi l-flus fi proġett li jinvolvi xi element ta’ riskju (bħall-iżvilupp kummerċjali tal-proprjetà immobbli) se jitlob reddittu li jirrifletti b’mod adegwat ir-riskju inerenti fl-investiment. Għalhekk, huwa jistenna “primjum tar-riskju” li jaqbeż ir-reddittu magħruf li jista’ jirċievi minn assi alternattivi, bla riskju (“ir-rata ta’ bla riskju”). Il-valur referenzjarju komuni għar-rata ta’ bla riskju huma l-bonds tal-gvern klassifikati AAA li jimmaturaw fuq perjodu ta’ żmien qasir. Għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni, qed jintuża l-qligħ fuq bonds tal-gvern għal sentejn tal-Finlandja, għaliex il-Finlandja ma ħarġitx bonds li jimmaturaw fuq perjodu ta’ żmien iqsar. Għaldaqstant, dan jirriżulta f’rata ta’ bla riskju ta’ bejn it-2,7 u l-4,2 % fl-2002, ta’ bejn it-2,2 u t-2,7 % fl-2003 u ta’ bejn it-2,8 u t-3,8 % fl-2006.

(52)

Meta pparagunata mar-reddittu fuq l-ekwità mistenni mill-GL meta ddeċieda li jagħmel iż-żidiet kapitali relatati ma’ iTiden, il-Kummissjoni tosserva li l-GL seta’ jikseb l-istess reddittu jew aħjar mingħajr l-ebda mir-riskju marbut mal-proġetti tal-proprjetà. Fil-fatt, anke jekk jitqies l-iktar xenarju ottimist, il-“primjum tar-riskju” (jiġifieri r-reddittu li jaqbeż il-primjum ta’ bla riskju) seta’ kien l-iktar ta’ 0,3 % għaż-żidiet kapitali C-IV u C-V (jiġifieri ż-żidiet kapitali tal-2001 u l-2002). Fil-każ taż-żidiet kapitali li saru b’riżultat tad-deċiżjoni tal-2003 li tiġi mnedija l-kostruzzjoni ta’ fażi 1 ta’ iTiden (u għalhekk abbażi tar-reddittu mistenni ppreżentat fil-laqgħa informali tal-4 ta’ Marzu 2003, ara l-premessa 48 hawn fuq), jiġifieri C-VI, C-VII u C-X, ir-reddittu mistenni kien ta’ żero, jiġifieri seta’ jinkiseb reddittu aħjar b’mod infinit billi ma jittieħed l-ebda riskju. B’mod simili, fil-każ taż-żieda kapitali tal-fażi 2, C-XI, ir-reddittu mistenni ta’ 1 % kien ferm inferjuri mir-rata ta’ bla riskju disponibbli dak iż-żmien.

(53)

Huwa ovvju li l-ebda investitur privat ma kien se jkun issodisfat bil-primjum tar-riskju negattiv, jew marġinali, li l-GL kien lest jaċċetta għaż-żidiet kapitali msemmija fil-premessi 47-49 hawn fuq. Jekk ikun meħtieġ, dan jista’ jiġi kkorroborat b’dejta empirika dwar ir-reddittu mistenni fis-suq tal-proprjetà ta’ Åland.

(54)

Skont ir-rapport (16) ta’ KPMG tal-10 ta’ Lulju 2007, ikkummissjonat mill-awtoritajiet Finlandiżi u ppreżentat lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Lulju 2007, ir-reddittu mitlub mill-investituri privati fuq l-investimenti f’proprjetà għall-uffiċċji f’Åland huwa ta’ 7 % (u 8 % għall-proprjetà industrijali). Għalkemm dan ir-rapport tfassal iżjed tard wara li saru d-deċiżjonijiet tal-investiment mill-GL li qed jiġu diskussi f’din id-deċiżjoni, huwa madankollu rilevanti, għaliex ir-rapport huwa bbażat fuq l-osservazzjonijiet ta’ investimenti li saru u m’hemmx raġuni ovvja biex wieħed jemmen li r-reddittu meħtieġ kien se jkun iktar baxx b’mod sinifikanti fis-snin ta’ qabel. B’kwalunkwe rata, dan jipprovdi indikazzjonijiet konvinċenti li r-redditti mistennija minn ÅI ma kinux se jkunu suffiċjenti għal investitur privat.

(55)

Il-Finlandja argumentat li, minkejja r-reddittu baxx jew żero mistenni, l-investimenti kienu konsistenti mal-MEIP għaliex (i) qabel bdiet il-kostruzzjoni, ÅI kienet avviċinat inkwilini potenzjali u kienet kunfidenti li kienet se tikseb rata ta’ okkupanza ta’ mill-inqas 80 % u (ii) bis-saħħa tal-prestazzjoni finanzjarja attwali ta’ ÅI (u għalhekk prinċipalment tal-proġett iTiden) fis-snin mill-2004 ’il quddiem, u l-qligħ kapitali potenzjali li għalhekk kien akkumula, l-investimenti spiċċaw biex ikunu profitabbli.

(56)

F’dan ir-rigward, u mingħajr il-ħtieġa li wieħed jidħol fil-merti tal-prestazzjoni finanzjarja ta’ ÅI fis-snin ta’ wara, huwa biżżejjed biex wieħed jisħaq li l-kwistjoni mhix jekk ir-riżultati attwali tal-kumpanija humiex adegwati imma jekk, abbażi ta’ dak li kien magħruf jew seta’ jiġi preżunt f’dak iż-żmien meta l-GL iddeċieda li jagħmel ir-riżorsi tal-Istat disponibbli għal ÅI (wara li kkunsidra r-rata ta’ okkupanza mistennija ta’ 80 %), investitur privat billi jaġixxi fuq it-termini tas-suq kienx jipprovdi l-istess kapital lill-kumpanija. Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li investitur privat ma kienx jagħmel dan.

(57)

Konsegwentement, il-Kummissjoni ssib li ż-żidiet kapitali C-IV, C-V, C-VI, C-VII, C-X u C-XI taw vantaġġ lil ÅI li kieku ma setgħetx takkwista fuq it-termini tas-suq (17).

Iż-żidiet kapitali l-oħra

(58)

Il-Kummissjoni issa se tħares lejn iż-żidiet kapitali l-oħra koperti bid-deċiżjoni tal-ftuħ li, skont il-Finlandja, ma kinux motivati mill-proġett iTiden.

Iż-żieda kapitali C-I tat-18 ta’ Ġunju 1997

(59)

Skont ir-regoli de minimis applikabbli fiż-żmien ta’ din l-injezzjoni kapitali, is-sussidji ta’ inqas minn ECU 100 000 mogħtija lill-impriża fuq perjodu ta’ 3 snin ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (18). Din iż-żieda kapitali tammonta għal EUR 84 094,39, jiġifieri ferm taħt il-limitu de minimis ta’ ECU 100 000. ÅI ma bbenefikat mill-ebda miżura oħra matul il-perjodu ta’ 3 snin (19). Abbażi ta’ dan, l-injezzjoni kapitali tal-1997 — irrispettivament miċ-ċirkostanzi li twettqet fihom — f’kwalunkwe każ ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Iż-żidiet kapitali C-II u C-III tat-22 ta’ Ġunju 2000 u tal-10 ta’ Ottubru 2000

(60)

Il-Finlandja indikat li dawn il-miżuri kienu intenzjonati għall-kostruzzjoni tal-proprjetà industrijali f’Norrböle, ir-rinnovazzjoni tal-proprjetà f’Mariehamn (C-II) u x-xiri tal-proprjetà industrijali fil-parti tal-lvant ta’ Åland (C-III). Għalhekk m’hemm l-ebda rabta ċara għall-proġett iTiden, li f’dak iż-żmien kien għadu ma ħax il-forma b’mod ċar (dan kellu jiġri fl-2001 meta nxtrat l-art).

(61)

Għalkemm huwa veru li l-profitti totali ta’ ÅI kienu modesti jew negattivi fil-perjodu 1998-2007, il-fatt huwa li l-kumpanija għamlet profitt modest fl-2000 u fis-sentejn ta’ qabel u li t-telf beda fl-2001. Matul l-investigazzjoni ntwera li l-kumpanija kienet qed tkopri l-ispejjeż tagħha u li l-qagħda tal-likwidità kienet adegwata. L-investimenti li jimmotivaw dawn iż-żewġ żidiet kapitali jidhru proporzjonati mad-daqs u l-mudell tan-negozju “tradizzjonali” ta’ ÅI qabel l-espansjoni marbuta mal-proġett iTiden. Għalhekk m’hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex jiġi kkunsidrat li investitur privat ma kienx iwettaq l-istess żidiet kapitali, u għalhekk m’hemmx evidenza ċara ta’ vantaġġ għal ÅI.

(62)

Sal-2000 l-operat tan-negozju ta’ ÅI kien qed juri riżultati modesti imma pożittivi (fil-firxa ta’ bejn EUR 9 000 u EUR 38 000 fil-perjodu 1997-2000). L-operat tan-negozju ta’ ÅI kien skont il-pjan attwali tal-kumpanija għal dak iż-żmien. Għalhekk ÅI kellha s-sjieda u kienet tikri l-imħażen u l-uffiċċji madwar il-Gżejjer Åland. L-istokk ta’ proprjetà immobbli li kellha ÅI kien baqa’ stabbli ħafna sal-2000, li jispjega wkoll il-prestazzjoni finanzjarja stabbli tal-kumpanija. L-introjtu ta’ ÅI kien fil-firxa ta’ bejn il-EUR 95 000 u l-EUR 101 000 fil-perjodu 1997-2000. Għalhekk, għalkemm b’introjtu relattivament żgħir, ÅI kienet kapaċi tagħmel in-negozji tagħha profitabbli.

Iż-żidiet kapitali C-VIII u C-IX tat-30 ta’ Settembru 2004 u tas-16 ta’ Ġunju 2005

(63)

Skont il-Finlandja, dawn iż-żidiet kapitali ntużaw għax-xiri tal-proprjetà industrijali (C-VIII) u sabiex jinbena l-ħangar fil-mitjar ta’ Jomala ’l barra minn Mariehamn (C-IX).

(64)

Għalkemm mhux iġġustifikati immedjatament bil-proġett iTiden, dawn il-miżuri ġew implimentati f’ċirkostanzi li kienu kompletament differenti minn dawk li kienu jaffettwaw il-miżuri diskussi qabel C-II u C-III. Iż-żidiet kapitali C-VIII u C-IX twettqu fl-2004 u fl-2005, rispettivament. F’dak iż-żmien, ÅI kienet ilha topera bit-telf mill-2001. B’mod kruċjali, wkoll, dawn l-investimenti twettqu fiż-żmien meta l-GL kien diġà investa iktar minn EUR 2,25 miljun f’ÅI sa mill-2001 fuq il-ftehim li dan l-investiment ma kellux jipprovdi reddittu li jkun aċċettabbli għal investitur fis-suq.

(65)

Ir-reddittu inadegwat fuq il-proġett iTiden kellu b’mod inevitabbli jħalli impatt negattiv fuq ir-riżultat ġenerali ta’ ÅI. Fil-fatt, l-ekwità tal-impriża mhix assenjata imma funġibbli u għandha tiġi rimborżata mill-prestazzjoni ġenerali tal-kumpanija. Għalhekk kellu jkun ċar għall-GL, fiż-żmien meta twettqu l-miżuri C-VIII u C-IX, li kwalunkwe miżuri addizzjonali fil-kapital ta’ ÅI aktarx li ma kinux se jipproduċu reddittu adegwat fil-ġejjieni previst. L-investitur fis-suq kien ikun lest li jagħmel dawk l-injezzjonijiet kapitali li kieku dawk l-investimenti kienu jippermettu reddittu fis-suq fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-kumpanija (jiġifieri reddittu li jkun jikkumpensa għar-redditti baxxi taż-żidiet kapitali l-oħra), imma m’hemm xejn li jissuġġerixxi li dan kien mistenni li jkun il-każ. Il-Finlandja ma pprovdietx xi informazzjoni speċifika rigward dawk il-miżuri li tista’ tbiddel din l-opinjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-ebda investitur privat ma kien se jipprovdi kapital addizzjonali lil ÅI f’dawn iċ-ċirkostanzi. Iż-żidiet kapitali C-VIII u C-IX għalhekk ipprovdew lil ÅI b’vantaġġ li kieku ma kinitx tkun tista’ tikseb fuq is-suq.

5.1.2.2.    Il-garanziji ta’ self

(66)

Meta tiżen l-għajnuna mill-Istat possibbilment involuta fil-garanziji, il-Kummissjoni tapplika l-prinċipji stipulati fl-Avviż dwar il-Garanziji tagħha. Il-punt 3.2 tal-Avviż jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li normalment ikunu biżżejjed biex jeliminaw il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat f’garanzija mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfati fir-rigward tal-garanziji G-I, G-II u G-III (huwa biżżejjed li jiġi nnutat li dawn il-garanziji kienu jkopru 100 % tas-self sottostanti, ara l-punt 3.2(c) tal-Avviż dwar il-Garanziji).

(67)

Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel li l-pożizzjoni finanzjarja ta’ ÅI fil-perjodu li fih ingħataw il-garanziji kienet b’saħħitha biżżejjed biex ma teskludix il-kapaċità tal-kumpanija li tikseb is-self mis-suq mingħajr il-garanziji. Il-kumpanija ma kinitx kumpanija f’diffikultà skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ u Ristrutturar (20). Ma jistax jiġi konkluż abbażi tal-evidenza disponibbli li ÅI kienet kumpanija li ma kinitx issalva għal kollox mingħajr l-appoġġ tal-Istat. Fis-snin ta’ qabel l-injezzjonijiet kapitali, jiġifieri qabel it-tnedija tal-proġett iTiden, il-prestazzjoni finanzjarja ta’ ÅI kienet stabbli u l-operat tan-negozju tagħha wera riżultati pożittivi moderati. Ir-raġuni għaliex l-awtoritajiet pubbliċi bdew bl-injezzjoni kapitali massiva fl-2001 ma kinitx li tiġi salvata l-kumpanija imma biex jiġi ffinanzjat it-tkabbir tagħha. Fin-nuqqas tal-għajnuna fil-forma ta’ żidiet kapitali, ÅI ma kinitx se tkun kumpanija falluta imma kumpanija iżgħar li xorta kien se jkollha aċċess għas-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni ma tistax, għalhekk, tikkonkludi li ÅI ma kienx ikollha aċċess għas-swieq tal-kreditu mingħajr il-garanziji. Il-mistoqsija hija għalhekk jekk il-garanziji tawx vantaġġ lill-kumpanija fil-forma ta’ spejjeż tas-self iżjed baxxi milli kieku kienet tħallas f’termini tas-suq, fin-nuqqas tal-garanzija.

(68)

Il-mistoqsija li jmiss li jeħtieġ li tiġi eżaminata hija jekk kienx dovut primjum adegwat għall-garanziji, meta pparagunat ma dak li kien ikun dovut minn fornitur tal-garanziji privat. Fil-każ attwali, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda garanziji privati li jippermettu paragun sempliċi. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni għandha tipparaguna l-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit, inkluż ir-rata tal-imgħax tas-self u l-primjum tal-garanzija, mal-primjum tas-suq fuq self simili mhux iggarantit (21).

(69)

Fid-9 ta’ Ottubru 2003, […] (**), bank kummerċjali, ta self lil ÅI li jammonta għal EUR […] kontra kollateral […]. Ir-rata tal-imgħax kienet stabbilita bħala […]% fis-sena sal-15 ta’ Jannar 2007. (22)

(70)

Għalkemm dan is-self kien kontemporanju mal-garanzija G-I, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li dan huwa paragun tajjeb għall-ispiża ta’ dik il-miżura. Fil-fatt, bejn Ġunju tal-2000 u Marzu tal-2003, ÅI irċeviet ħames injezzjonijiet kapitali għall-ammont totali ta’ EUR 2 208 595,01. L-appoġġ mill-Istat ta’ dan il-kobor, b’mod inevitabbli, se jkun influwenza l-valutazzjoni tar-riskju li twettqet minn […] qabel ta s-self u għalhekk tejjeb it-termini tas-self, inkluż l-ispiża, meta pparagunati mat-termini li l-kumpanija setgħet tikseb fuq is-swieq fin-nuqqas tal-element tal-għajnuna mill-Istat fiż-żidiet kapitali. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tassumi li r-rata tal-imgħax għas-self mhux garantit tal-2003 (jew kwalunkwe self sussegwenti) tirrifletti b’mod preċiż it-termini tal-kreditu ta’ ÅI fin-nuqqas tal-għajnuna mill-Istat u ma tistax tużaha bħala valur referenzjarju kredibbli u affidabbli għall-ispiża tas-self kopert mill-garanziji mogħtija mill-GL.

(71)

Il-Kummissjoni tqis li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza affidabbli oħra dwar self paragunabbli fuq it-termini tas-suq, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja (23) tipprovdi valur referenzjarju xieraq li huwa estern għall-benefiċjarju biex jiġi vvalutat jekk il-miżuri G-I, G-II u G-III ingħatawx fuq termini tas-suq. Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja tipprovdi approssimazzjoni għar-rata tas-suq u għall-kalkolu tal-element tal-għajnuna fil-miżuri tal-għajnuna. Il-metodoloġija biex tiġi ddefinita r-rata referenzjarja hija bbażata fuq dawn iż-żewġ fatturi li ġejjin: ir-rata bażi (f’dan il-każ Euribor ta’ sena) li magħha jiżdied il-marġni tas-self. Il-marġni tas-self li għandu jiżdied mar-rata bażi jiddependi fuq żewġ fatturi: il-klassifikazzjoni tal-impriża li qed tirċievi s-self u l-livell tal-kollateral offrut għas-self. Il-komunikazzjoni tiddistingwi ħames kategoriji ta’ klassifikazzjoni (b’saħħitha [AAA-A], tajba [BBB], sodisfaċenti [BB], dgħajfa [B] u ħażina [CCC jew taħt]) u tliet livelli ta’ kollateralizzazzjoni (għoli, normali u baxx) għal kull kategorija tal-klassifikazzjoni.

(72)

Fit-18 ta’ Ġunju 2010, il-Finlandja ppreżentat lill-Kummissjoni rapport mill-kumpanija tal-konsulenza […] li tipprovdi klassifikazzjoni annwali għal ÅI f’Diċembru ta’ kull sena. Il-klassifikazzjoni titħejja b’mod retrospettiv u tkun ibbażata fuq iċ-ċifri disponibbli fl-aħħar tas-sena finanzjarja (jiġifieri l-klassifikazzjoni mogħtija f’Diċembru 2002 tħares b’mod retrospettiv lejn is-saħħa tal-kumpanija matul l-2002). […] ipproduċiet r-rapport dwar il-klassifikazzjoni li jiddeskrivi l-istatus finanzjarju ġenerali u l-iżvilupp tal-kumpanija u jkopri dawn is-setturi tal-valutazzjoni li ġejjin: it-tkabbir, il-profitabbiltà, il-fluss tal-flus, il-likwidità, is-solvenza u l-obbligi. L-iskala tal-klassifikazzjoni applikata għandha ħames kategoriji tal-klassifikazzjoni: eċċellenti (A + u A), tajba (A– u B+), sodisfaċenti (B u B–), adegwata (C + u C) u dgħajfa (C– u D), u tippermetti paragun dirett mal-iskala tal-klassifikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja.

(73)

F’Diċembru 2002, 2003 u 2004, […] ikklassifikat lil ÅI bħala C+, C + u C, rispettivament, li jqiegħed il-kumpanija fil-kategorija ta’ “adegwata”. Din il-kategorija tikkorrispondi għall-kategorija tal-klassifikazzjoni “dgħajfa” skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja. Fil-każ ta’ kumpanija kklassifikata bħala “dgħajfa”, il-marġnijiet tas-self li għandhom jiżdiedu mar-rata bażi skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja jvarjaw, skont il-kollateral offrut, bejn 220 bps fil-każ ta’ kollateralizzazzjoni għolja u 650 bps fil-każ ta’ kollateralizzazzjoni baxxa. F’Diċembru 2005, […] ikklassifikat lil ÅI bħala B– (sodisfaċenti), li tikkorrispondi għal klassifikazzjoni ta’ “sodisfaċenti” skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja.

(74)

Fis-27 ta’ Ġunju 2011 il-Finlandja ppreżentat informazzjoni addizzjonali dwar il-klassifikazzjoni u l-kollateralizzazzjoni tas-self. Il-klassifikazzjoni ġiet prodotta minn […], il-bank li ta s-self mhux garantit lil ÅI u tnejn mis-self garantit. Il-klassifikazzjoni ta’ […] tuża sistema ta’ ittri għas-snin 2000 sa 2003, ikkumplimentata b’kwalifiki ta’ kelma waħda. Il-klassifikazzjoni hija paragunabbli b’mod faċli mal-iskala tal-klassifikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja. Mill-2005 ’il quddiem, il-klassifikazzjoni kienet ipprovduta minn […], kumpanija ta’ konsulenza simili għal […]. Fl-2003 u fl-2004, […] ikklassifikat lil ÅI bħala B- (sodisfaċenti) u A (sodisfaċenti), li jikkorrispondu għal klassifikazzjoni ta’ “sodisfaċenti” skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja. Dan ifisser li għall-2003 u l-2004 […] ikklassifikat lil ÅI kategorija waħda ogħla milli għamlet […]. Għall-2005 […] kklassifikat lil ÅI bħala A (sodisfaċenti), li tittraduċi ruħha f’klassifikazzjoni “sodisfaċenti” skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja u għalhekk tqiegħed lil ÅI fl-istess kategorija kif għamlet […].

(75)

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-klassifikazzjoni ta’ […] għandha tiġi applikata meta jiġi vvalutat jekk il-garanziji G-I, G-II u G-III ingħatawx fuq it-termini tas-suq. Wieħed irid iżomm f’moħħu li qabel ingħatat l-ewwel garanzija G-I f’Ottubru 2003, meta ÅI kienet diġà rċeviet ħames injezzjonijiet kapitali għal total ta’ EUR 2 208 595,01, kwalunkwe klassifikazzjoni tal-kumpanija fl-2003 aktarx li kienet affettwata mill-ammont konsiderevoli ta’ appoġġ mill-Istat. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tapplika l-klassifikazzjoni iżjed konservattiva prodotta minn […]. Dan għandu impatt għall-2003 u l-2004, hekk kif għal dawn is-sentejn, […] ikklassifikat lil ÅI kategorija waħda iżjed ’l isfel minn […]. Wieħed irid jinnota wkoll li […] tat self lil ÅI iggarantit mill-GL filwaqt li fl-istess ħin ipproduċiet il-klassifikazzjoni ta’ ÅI, b’din jista’ jkun li affettwat il-valutazzjoni. […] ma kinitx involuta fil-proċedimenti finanzjarji u fil-valutazzjoni tagħhom u għalhekk aktarx li kienet inqas influwenzata direttament minn kunsiderazzjonijiet eċċessivi marbuta mal-għajnuna mill-Istat.

(76)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tissoponi dawn il-klassifikazzjonijiet li ġejjin għal ÅI għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja: dgħajfa (B) fl-2003 u fl-2004 u sodisfaċenti (BB) fl-2005.

(77)

Fir-rigward tal-kollateral, ÅI ipprovdiet kollateral għall-valur nominali tal-garanziji fil-forma ta’ ipoteki fuq il-proprjetà immobbli li fuqha nbena l-proġett iTiden. Il-Finlandja ma pprovditx informazzjoni relatata mat-Telf fil-Każ ta’ Inadempjenza (LGD) taħt in-nota 2 f’qiegħ il-paġna tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja. Din l-informazzjoni tgħin biex tiddefinixxi l-livell tal-kollateralizzazzjoni u tal-marġnijiet tas-self li għandhom jiżdiedu fuq ir-rata bażi. Għaldaqstant il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar il-prijorità tal-ipoteki mogħtija bħala rahan u dwar il-valur tal-proprjetà fiż-żmien meta ngħataw il-garanziji. Il-Finlandja m’għandhiex valutazzjonijiet li juru l-valur tal-proprjetà fiż-żmien tal-miżuri tal-garanziji. L-awtoritajiet Finlandiżi, madankollu, argumentaw li l-valur tal-proprjetà żdied matul iż-żmien, hekk kif il-proġett kompla jagħmel progress. Skont il-Finlandja, fl-2010 il-proprjetà kellha valur ta’ EUR […] miljun.

(78)

Fir-rigward tal-anzjanità tal-kollateral, il-Kummissjoni tqis li fil-każ tal-garanziji G-I u G-II, il-kollateral tal-GL kellu l-iżjed anzjanità mill-ipoteki kollha mogħtija fuq il-proprjetà. Il-Kummissjoni tinnota li l-banek kummerċjali taw self mhux garantit lil ÅI u aċċettaw bħala kollateral ipoteki fuq l-istess proprjetà li għandhom inqas prijorità bħala anzjanità (u għalhekk huma kollateral inqas tajjeb) mill-kollateral riċevut mill-GL. Minħabba dan, u fin-nuqqas ta’ evidenza aħjar, il-Kummissjoni tissoponi li l-livell tal-kollateralizzazzjoni tal-garanziji kien “normali” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-Garanziji.

(79)

Abbażi ta’ dan t’hawn fuq, ir-rata referenzjarja se tiġi vvalutata separatament għal kull garanzija li ÅI irċeviet mingħand il-GL.

(80)

Il-Kummissjoni tinnota li, fil-każ tal-garanziji kollha mogħtija lil ÅI, il-primjums kienu magħmula minn żewġ partijiet: (i) il-primjum rikorrenti, imħallas kull sena u muri bħala perċentwali tal-prinċipal tas-self pendenti u (ii) tariffa “ta’ darba”, ukoll murija bħala perċentwali tal-ammont tas-self, imma mħallsa darba biss, mal-ħruġ tal-garanzija. Fil-valutazzjoni t’hawn taħt, l-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit tinkludi biss il-primjum rikorrenti mħallas fis-sena. Skont il-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji, l-element tal-għajnuna ta’ garanzija għandu jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn il-prezz tas-suq (f’dan il-każ ir-rata referenzjarja) u l-prezz attwalment imħallas. Il-prezz attwalment imħallas minn ÅI jinkludi l-primjum rikorrenti mħallas fis-sena u l-primjum ta’ darba mħallas darba biss. Għal raġunijiet prattiċi, il-primjum ta’ darba se jiġi indirizzat hawn taħt fit-Taqsima 8.2 li titratta l-irkupru, għaliex huwa iżjed faċli li jitnaqqas l-ammont tat-tariffa ta’ darba mill-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat. F’kwalunkwe każ, anke jekk il-primjums ta’ darba kellhom jiżdiedu mal-ispejjeż finanzjarji totali tas-self iggarantit, il-konklużjoni dwar il-preżenza tal-għajnuna ma tinbidilx. Il-primjum ta’ darba jaffettwa biss l-ammont tal-għajnuna mogħti lil ÅI.

Garanzija G-I

(81)

Il-garanzija G-I ingħatat mill-GL fid-9 ta’ Ottubru 2003 biex tkopri s-self ta’ EUR […] minn […] lil ÅI (in-numru ta’ kreditu […]). Bħala kollateral għal kwalunkwe talbiet taħt il-garanzija, ÅI ipprovdiet ipoteka fuq il-proprjetà immobbli. Ir-rata tal-imgħax fuq is-self kienet stabbilita bħala […]% sal-15 ta’ Jannar 2007. (24) Il-primjum għall-garanzija kien ta’ […]% fis-sena tal-ammont tas-self (25). Għalhekk, l-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit fiż-żmien ta’ meta ngħata s-self kienet ta’ […]% fis-sena, li għandha tiġi pparagunata mar-rata referenzjarja maħduma għall-garanzija abbażi tar-rata bażi u tal-marġni li jiddependi fuq il-klassifikazzjoni ta’ ÅI u l-livell tal-kollateralizzazzjoni tas-self. Ir-rata bażi (Euribor ta’ sena) fid-9 ta’ Ottubru 2003 kienet ta’ 2,235 %. F’dak iż-żmien ÅI kienet ikklassifikata “dgħajfa” skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja. Kif stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni tissoponi li l-livell tal-kollateralizzazzjoni tas-self kien normali, li jfisser li l-marġni tas-self li kellu jiżdied fuq ir-rata bażi kien ta’ 400bps. Għaldaqstant, ir-rata referenzjarja għal dan is-self kienet tammonta għal 6,235 %, li hija ogħla mill-ispiża finanzjarja totali ta’ G-I li kienet tammonta għal […]% p.a.

(82)

Barra minn hekk, mis-6 ta’ Settembru 2004, il-GL naqqas il-primjum tal-garanzija għal G-I għal […]%. Għalhekk, l-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit niżlet għal […]%, jiġifieri […] punt bażi taħt ir-rata referenzjarja, u b’hekk ġie ġġenerat vantaġġ korrispondenti għal ÅI.

Garanzija G-II

(83)

Fit-2 ta’ Novembru 2004 ÅI ħadet self ta’ EUR […] mingħand […] (in-numru ta’ kreditu […]). Dan is-self kien assigurat b’garanzija mill-GL, li għaliha ÅI ipprovdiet sigurtà fil-forma ta’ garanzija fuq il-proprjetà immobbli. Ir-rata tal-imgħax ġiet stabbilita bħala […] + […] punti bażi u t-tariffa tal-garanzija bħala […]% fis-sena tal-ammont tas-self, li jfisser li l-ispiża finanzjarja totali ta’ dan is-self iggarantit kienet ta’ […]% fis-sena (26).

(84)

Ir-rata referenzjarja għal G-II għandha tiġi maħduma abbażi tal-Euribor ta’ sena fit-2 ta’ Novembru 2004, li kienet 2,314 %. F’dak iż-żmien ÅI kienet ikklassifikata “dgħajfa” skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja. Jekk nassumu livell normali ta’ kollateralizzazzjoni, ir-rata referenzjarja għal dan is-self kienet tammonta għal 6,314 % fis-sena, li hija ogħla mill-ispiża finanzjarja totali ta’ G-II li kienet tammonta għal […]% fis-sena. Jekk jiġu pparagunati l-ispejjeż ta’ dan is-self ġdid iggarantit mar-rata referenzjarja jidher li l-ispiża finanzjarja totali tas-self kopert mill-garanzija G-II kien mill-inqas […] punt bażi taħt ir-rata referenzjarja, u għalhekk kienet tipprovdi vantaġġ finanzjarju lil ÅI. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, ir-rata tal-imgħax fuq is-self iggarantit ma nbidlitx minn mindu nħareġ.

Garanzija G-III

(85)

Fit-13 ta’ Diċembru 2005, il-GL ħareġ garanzija ġdida favur ÅI. Din il-garanzija kellha tkopri s-“self referenzjarju”, jiġifieri s-self oriġinali mhux iggarantit tad-9 ta’ Ottubru 2003, li t-termini tiegħu kienu għalhekk ġew emendati. F’dan il-punt, ir-rata tal-imgħax tas-self inbidlet għal […]% fis-sena. It-tariffa tal-garanzija ġiet stabbilita bħala […]% tal-ammont tas-self, jiġifieri spiża finanzjarja totali ta’ […]% fis-sena (27) (it-termini li kellhom japplikaw minn din id-data huma identiċi għal dawk, deskritti hawn fuq, li japplikaw għas-self kopert bil-garanzija G-I, inkluż it-tibdil fir-rata tal-imgħax matul iż-żmien.)

(86)

Ir-rata referenzjarja għal G-III għandha tiġi maħduma abbażi tal-Euribor ta’ sena fit-13 ta’ Diċembru 2005, li kienet 2,769 %. F’dak iż-żmien ÅI kienet ikklassifikata “sodisfaċenti” skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjarja. Jekk inqisu livell normali ta’ kollateralizzazzjoni, ir-rata referenzjarja għal dan is-self kienet tammonta għal 4,969 % fis-sena. Din hija ogħla mill-ispiża finanzjarja totali ta’ G-III li tammonta għal […]% fis-sena. Għaldaqstant, il-GL ta’ lil ÅI vantaġġ finanzjarju korrispondenti ta’ mill-inqas […]% fis-sena.

5.2.   DISTORSJONI TAL-KOMPETIZZJONI U L-EFFETTI FUQ IL-KUMMERĊ

(87)

L-awtoritajiet Finlandiżi sostnew li l-miżuri in kwistjoni ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għalhekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE. B’appoġġ għal dan l-argument, il-Finlandja essenzjalment argumentat li ÅI hija biss waħda minn diversi kumpaniji attivi fis-suq tal-proprjetà immobbli, u mhux l-ikbar waħda. Għalhekk m’hemmx evidenza li l-miżuri, jekk jiġu kkunsidrati li jkkostitwixxu għajnuna mill-Istat, saħħu l-pożizzjoni ta’ ÅI għad-detriment tal-kompetituri.

(88)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument. Il-fatt li ÅI ingħatat vantaġġ finanzjarju li ma kienx disponibbli għall-kompetituri tagħha (u, kif ikkonfermat il-Finlandja, hemm diversi operaturi oħra fis-suq tal-proprjetà immobbli f’Åland) ifisser li ÅI setgħet tagħmel investimenti kbar u tespandi l-operat tagħha fuq termini finanzjarji li kienu iżjed vantaġġużi minn dawk disponibbli għall-kompetituri tagħha (li, fin-nuqqas tal-vantaġġ mogħti lil ÅI, setgħu għażlu li jagħmlu investimenti simili). Mhux meħtieġ li jintwera li l-miżuri ppermettew lil ÅI li takkwista xi sehem mis-suq mingħand xi kompetitur speċifiku.

(89)

B’mod simili, il-vantaġġ mogħti lil ÅI kien dovut li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Huwa veru li Åland huwa suq żgħir, li jinsab fuq arċipelagu li jista’ jintlaħaq biss bil-baħar jew bl-ajru, u li hemmhekk japplikaw restrizzjonijiet speċifiċi dwar id-dritt tal-istabbiliment skont it-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Finlandja fl-UE. Madankollu, jibqa’ l-fatt li m’hemmx ostakolu assolut għall-kumpaniji barranin biex joperaw f’Åland, u ċertament l-ebda ostakolu biex dawn l-impriżi jagħmlu investimenti fis-suq tal-proprjetà lokali. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Finlandja ma ddiskutitx id-dikjarazzjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ li l-proprjetà immobbli f’Åland fil-passat kienet inxtrat minn impriżi fi Stati Membri oħra. Kwalunkwe vantaġġ mogħti lil ÅI permezz ta’ dawn il-miżuri għandu għalhekk ikollu mill-inqas il-potenzjal li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri billi b’mod żejjed isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ÅI fir-rigward tal-kompetituri jew l-investituri barranin potenzjali.

5.3.   KONKLUŻJONI DWAR IL-KWALIFIKA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(90)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li ż-żidiet kapitali kollha (bl-eċċezzjoni ta’ C-I, C-II u C-III) u l-garanziji tas-self G-I, G-II u G-III jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 TFUE.

6.   L-ALLEGATA LEĠITTIMITÀ TAL-GĦAJNUNA

(91)

Il-Finlandja argumentat li kemm l-injezzjonijiet kapitali kif ukoll il-garanziji, jekk huma għajnuna mill-Istat, kienu leġittimi skont l-iskemi tal-għajnuna li kienu daħlu fis-seħħ qabel is-sħubija tal-Finlandja fl-UE u ppreżentati kif xieraq lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“ESA”) qabel is-sħubija fl-UE bir-referenzi 93-074 (iż-żidiet kapitali) u 93-079 (il-garanziji).

(92)

Dan l-argument għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Skont l-Artikolu 1(d), “skema tal-għajnuna” tfisser “kwalunkwe att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa iżjed miżuri ta’ implimentazzjoni, l-għotjiet tal-għajnuna individwali jistgħu jsiru lill-impriżi ddefiniti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kwalunwke att li abbażi tiegħu l-għajnuna li mhux marbuta ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lill-impriża waħda jew diversi għall-perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(b) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, “għajnuna eżistenti” tfisser: “(i) mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 144 u 172 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat”.

(93)

Il-Finlandja ssieħbet fil-Komunità Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1995. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 5 tat-Taqsima 172 tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja “[…] l-għajnuniet mill-Istat mogħtija minn Stati Membri ġodda matul l-1994 imma li, bi ksur tal-Ftehim taż-ŻEE jew l-arranġamenti li saru taħtu, jew ma ġewx innotifikati lill-ESA jew ġew innotifikati imma mogħtija qabel l-ESA ħadet deċiżjoni, m’għandhomx bħala konsegwenza jiġu kkunsidrati bħala għajnuniet eżistenti mill-Istat skont l-Artikolu 93(1) tat-Trattat KE […]”.

(94)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, “għajnuna ġdida” tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li mhix għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti (28).

(95)

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljatigħall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat (29) jiddefinixxi t-tibdil lill-għajnuna eżistenti bħala “xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura tal-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.”

(96)

Minn dan t’hawn fuq isegwi li miżura b’data ta’ qabel l-adeżjoni u li tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat tista’ titqies li hija għajnuna eżistenti jekk jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel hija li l-iskema ddaħħlet fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u t-tieni hija li s-sustanza tagħha ma nbidlitx sostanzjalment minn dak iż-żmien.

(97)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-argument Finlandiż dwar il-leġittimità tal-għajnuna b’mod separat għaż-żewġ skemi allegati.

6.1.   L-ALLEGATA SKEMA TAL-GARANZIJI (93-079)

(98)

Il-Kummissjoni għandha l-ewwel tivvaluta jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxux skema tal-għajnuna skont l-Artikolu 1(b) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(99)

Il-bażi legali nazzjonali għall-iskema tal-garanziji hija l-Att dwar il-garanziji provinċjali għall-industrija u ċertu setturi oħra tal-impriżi (ÅFS 1966:14) (30), li għaddiet fl-1966, u emendata b’ÅFS 1979:84, 1982:37, 1988:53, 1992:9, 1994:29, 1996:56 u 2002:23. Fir-rigward tal-baġit jew l-“envelopp”, fiż-żmien tal-adeżjoni tal-Finlandja fil-KE, l-Att provinċjali tal-1966 kien jistipula li “l-ammont tal-garanziji jew self pendenti (31) ma jista’ fl-ebda ħin partikolari jaqbeż il-FIM 20 000 000”. Minn naħa l-oħra, il-miżura in kwistjoni ma tipprovdix għal limitazzjoni temporali għall-applikazzjoni tagħhom.

(100)

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq u tad-dispożizzjonijiet tal-att nazzjonali, il-miżuri jidhru prima facie li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ skema tal-għajnuna, għaliex jidher li l-att jippermetti li tingħata għajnuna li mhix marbuta ma’ proġett speċifiku lill-impriża waħda jew diversi għall-perjodu taż-żmien indefinit. L-allegata skema inkwistjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1982, jiġifieri ferm qabel l-1 ta’ Jannar 1994, u kienet ġiet ikkomunikata lill-ESA. Għalhekk l-ewwel kundizzjoni tal-għajnuna eżistenti tidher li hija ssodisfata, għaliex l-iskema oriġinali ddaħħlet fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fil-Finlandja u anke qabel l-1 ta’ Jannar 1994, li jfisser li l-paragrafu 5 tal-Artikolu 172 tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja mhux applikabbli f’dan il-każ.

(101)

Madankollu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri għaddewx minn xi tibdil sostanzjali mill-1 ta’ Jannar 1994.

(102)

Saru mill-inqas tliet emendi fl-iskema tal-garanziji mill-awtoritajiet reġjonali wara l-1 ta’ Jannar 1994 (bl-Atti Provinċjali 1994:29, 1996:56 u 2002:23) u qabel l-għoti tal-ewwel garanzija fl-14 ta’ Awwissu 2003. Dawn l-emendi pprovdew għal żieda sostanzjali fil-baġit tal-iskema (jiġifieri żieda fl-ammont globali tal-garanziji li seta’ jingħata f’kwalunkwe żmien partikolari). Billi l-każ attwali jikkonċerna l-għoti ta’ garanzija ta’ self, għandu jiġi vvalutat jekk it-tibdil li jikkonċerna l-baġit tal-iskema, introdott qabel il-miżuri li qed jiġu diskussi, għandux jiġi kkunsidrat bħala sostanzjali u li jista’ jinqata’ mill-iskema eżistenti.

(103)

Kif deskritt, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 iż-żidiet baġitarji ta’ iktar minn 20 % jikkostitwixxu tibdil ta’ skema tal-għajnuna eżistenti. Tnejn minn dawn l-emendi msemmija hawn fuq (32) żiedu l-baġit oriġinali tal-iskema b’50 % u 150 %, rispettivament. Dawn iż-żidiet baġitarji jikkostitwixxu tibdil sostanzjali fl-iskema li qatt ma ġew innotifikati lill-Kummissjoni.

(104)

L-effett ta’ dan it-tibdil sostanzjali ma jistax jitqies li jista’ jinqata’ mill-allegata skema, bir-riżultat li l-iskema fl-intier tagħha ssir għajnuna ġdida. Fil-fatt, l-iskema tal-għajnuna oriġinali kienet limitata biss fir-rigward tal-ammont totali tal-garanziji li setgħu jkunu pendenti f’kwalunkwe żmien partikolari. B’din il-konfigurazzjoni partikolari, żieda sostanzjali ħafna fil-baġit (anke mingħajr l-ebda tibdil ieħor fl-iskema) tmiss essenzjalment ir-regoli eżistenti.

(105)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li ma jidhirx mid-dokumenti tal-garanzija ppreżentati mill-Finlandja li l-bażi legali ta’ dawn il-garanziji kienet l-allegata skema tal-garanziji.

(106)

Konsegwentement, il-garanziji koperti minn din id-deċiżjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida. Billi l-għajnuna ddaħħlet fis-seħħ mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni kif jitlob l-Artikolu 108 TFUE, din hija illegali.

6.2.   L-ALLEGATA SKEMA TAS-SOTTOSKRIZZJONI TAL-ISHMA (93-079)

(107)

Ir-regoli nazzjonali li jikkonċernaw din l-allegata skema ġew iddikjarati lill-ESA bħala arranġamenti ta’ għajnuna għas-sottoskrizzjoni tal-ishma. Jidher mid-dokumenti ppreżentati f’dak iż-żmien li l-“Baġit annwali għal Åland” ingħata bħala l-bażi legali nazzjonali. Taħt l-intestatura “l-intensità massima possibbli ta’ għajnuna li (…) tista’ tinkiseb favur kwalunkwe proġett wieħed”, il-Finlandja indikat “30 %”. Barra minn hekk, taħt l-intestatura “Baġit/nefqa” il-Finlandja indikat il-baġits għas-snin 1992 sal-1994 imma ħalliet vojt taħt l-intestatura “L-istima totali tal-baġit għall-perjodu kollu tal-ippjanar tal-iskema”.

(108)

Matul l-investigazzjoni, il-Finlandja spjegat li l-bażi legali formali tal-allegata skema hija l-Att dwar l-Awtonomija ta’ Åland (1144/1991), li għadda fl-1991. Skont it-Taqsima 18(22) l-awtoritajiet lokali ta’ Åland għandhom “poteri ġenerali” biex jadottaw forom differenti ta’ miżuri li jiffukaw fuq il-promozzjoni tal-ekonomija ta’ Åland. Dawn il-poteri huma implimentati (pereżempju permezz ta’ self, injezzjonijiet kapitali, garanziji) permezz ta’ dispożizzjonijiet fil-baġit ġenerali annwali tal-GL.

(109)

Il-Kummissjoni tinnota dan li ġej:

(110)

Irrispettivament mill-fatt li l-Finlandja tista’ tikkwalifika l-poteri tal-awtoritajiet lokali sabiex jipprovdu dawn l-injezzjonijiet kapitali (skont il-poteri ġenerali dawn jingħataw mill-Att dwar l-Awtonomija) bħala “skema”, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jistabbilixxu dawk il-poteri jissodisfawx id-definizzjoni ta’ “skema” skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. F’dan ir-rigward jidher li l-bażi legali (Taqsima 18(22) tal-Att 1144/1991) tikkonsisti f’regoli li jirrelataw mal-allokazzjoni tal-poteri bejn l-awtoritajiet differenti fi ħdan l-ordni legali tal-Finlandja u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-kostituzzjoni ta’ skema tal-għajnuna (li fost l-oħrajn hija definita bħala “… att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa iżjed miżuri ta’ implimentazzjoni, l-għotjiet tal-għajnuna individwali jistgħu jsiru …”). Kwalunkwe allokazzjoni tal-kapital lil benefiċjarju individwali għandha għalhekk l-ewwel teħtieġ l-approprjazzjoni fil-baġit annwali tal-GL (ivvutat mill-assemblea reġjonali ta’ Åland fid-diskrezzjoni tagħha) imbagħad l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-GL. Għalhekk jidher li l-injezzjonijiet kapitali mogħtija skont dawk il-poteri għandhom jitqiesu bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali iktar milli skema tal-għajnuna.

(111)

F’kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-allegata skema kienet tikkonċerna biss is-snin 1992 sal-1994, għaliex ma ngħatat l-ebda informazzjoni oħra taħt l-intestatura “Baġit/nefqa” għalkemm il-bażi legali kienet il-“baġit annwali għal Åland”.

(112)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-Finlandja kienet indikat li l-massimu tal-intensità tal-għajnuna li jista’ “jinkiseb favur kwalunkwe proġett wieħed” huwa ta’ 30 %. Dan jista’, f’kwalunkwe każ, jinftiehem biss li jfisser li l-injezzjonijiet kapitali skont din l-allegata skema kienu intenzjonati li jintużaw flimkien b’kontribuzzjonijiet privati sinjifikanti (mill-inqas 70 %) lejn “proġetti” maħsuba biex jippromwovu l-għanijiet tal-allegata skema, mogħtija li huma “Turiżmu, industrija, R&Ż”. Iż-żidiet kapitali in kwistjoni f’din id-deċiżjoni ma jissodisfawx din il-kundizzjoni formali u konsegwentement jistgħu ma jkunux koperti bid-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li ġew ippreżentati lill-ESA, irrispettivament minn jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxux skema tal-għajnuna xierqa u jekk inhu hekk jekk kinitx tapplika lil hinn mill-1994.

(113)

Konsegwentement, l-għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ żidiet kapitali lil ÅI tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Billi l-għajnuna ddaħħlet fis-seħħ mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni kif jitlob l-Artikolu 108 TFUE, din hija illegali.

6.3.   KUMMENT ADDIZZJONALI DWAR ID-DEĊIŻJONIJIET RIĊENTI TAL-QORTI AMMINISTRATTIVA SUPREMA TAL-FINLANDJA

(114)

Għandu jiġi nnutat ukoll li żewġ miżuri mogħtija mill-GL lil ÅI riċentement ġew annullati minn qorti nazzjonali Finlandiża. Il-miżuri huma (i) żieda kapitali C-XI imħallsa lil ÅI fl-2007 (ara l-kumment fi premessa 16 hawn fuq) u (ii) garanzija ta’ self tal-2006 li qatt ma ġiet implimentata. Bid-deċiżjoni tas-6 ta’ April 2011 il-Qorti Amministrattiva Suprema ddeċidiet dwar jekk id-deċiżjonijiet tal-GL itteħdux f’konformità mar-regoli amministrattivi nazzjonali. Madankollu, biex għamlet dan, il-Qorti vvalutat ukoll jekk kienx hemm biżżejjed indikazzjonijiet li l-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, li jfisser li l-awtoritajiet lokali kellhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni qabel idaħħluhom fis-seħħ. Il-Qorti sabet li prima facie l-kriterji kollha tal-għajnuna mill-Istat ġew issodisfati. Il-Qorti analizzat ukoll it-talba tal-Finlandja biex il-miżuri — jekk veru jikkostitwixxu għajnuna — jkunu koperti bir-regoli nazzjonali li kienu japplikaw qabel l-adeżjoni u konsegwentement jikkwalifikaw bħala “għajnuna eżistenti”. Biex għamlet dan, il-Qorti għamlet valutazzjoni profonda tar-regoli nazzjonali u sabet li, irrispettivament minn jekk dawn ir-regoli kinux jammontaw għal skemi ta’ għajnuna mill-Istat ġenwini jew le, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet lokali ma kinux jikkonformaw mar-rekwiżit formali skont ir-regoli nazzjonali, l-iktar minħabba r-raġunijiet ippreżentati hawn fuq mill-Kummissjoni. Għalhekk il-konklużjonijiet tal-Qorti Amministrattiva Suprema nazzjonali jaqblu ma’ dawk tal-Kummissjoni li l-injezzjoni kapitali C-XI li qed tiġi investigata tinkludi għajnuna ġdida mill-Istat. Il-Qorti Suprema waslet għall-istess konklużjoni rigward il-garanzija ta’ self tal-2006. Billi l-garanzija qatt ma daħlet fis-seħħ, ma ġietx ivvalutata f’din id-deċiżjoni.

7.   KOMPATIBBILTÀ

(115)

Il-Finlandja argumentat f’termini ġenerali li l-miżuri, jekk jinstab li jikkostitwixxu għajnuna ġdida mill-Istat, għandhom madankollu jkunu kompatibbli mas-suq intern għaliex l-għan tal-attivitajiet ta’ ÅI, kif iffinanzjati mill-għajnuna, kien li jiffaċilitaw l-iżvilupp tar-reġjun u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

(116)

L-għajnuna mill-Istat, għalkemm fil-prinċipju hija pprojbita, għandha madankollu tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 107(2) TFUE u tista’ tiġi kkunsidrata kompatibbli jekk tintuża biex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3). L-unika raġuni għall-kompatibbiltà li tista’ tiġi prevista f’dan il-każ hija l-Artikolu 107(3)(a) TFUE, li jippermetti li l-għajnuna tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod mhux normali jew fejn hemm qagħad serju, jew l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jipprovdi biex l-għajnuna mill-Istat tkun tista’ tiġi awtorizzata biex tiffaċilità l-iżvilupp ta’ ċertu żoni ekonomiċi.

(117)

Skont ir-regoli tal-għajnuna reġjonali applikabbli għall-Finlandja f’dak iż-żmien (il-Mapep tal-Għajnuna Reġjonali 2000-2006 u 2007-2013), il-Belt ta’ Mariehamn fejn jinsab iTiden kienet f’kwalunkwe każ mhux eliġibbli għal din l-għajnuna. Dan ifisser li anke jekk jista’ jingħad li l-għajnuna kienet assenjata għal dak il-proġett, ma setgħetx titqies kompatibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-Finlandja ma wrietx li ġew issodisfati kwalunkwe mill-kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà skont ir-regoli tal-għajnuna reġjonali (rigward pereżempju l-forma tal-għajnuna, l-ispejjeż eliġibbli jew l-intensitajiet massimi tal-għajnuna).

(118)

L-għajnuna l-anqas ma tista’ tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern taħt xi waħda mil-Linji Gwida u Komunikazzjonijiet l-oħra adottati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE jew direttament skont dak l-Artikolu. L-awtoritajiet Finlandiżi ma pprovdewx xi argument speċifiku jew evidenza li jippermettu lill-Kummissjoni li tapprova dawk il-miżuri bħala kompatibbli taħt kwalunkwe dispożizzjoni tat-TFUE.

8.   L-IRKUPRU TAL-GĦAJNUNA

8.1.   L-ARGUMENTI TAL-FINLANDJA

(119)

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jipprovdi li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]. Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ l-irkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.” Il-konsegwenza naturali għalhekk hija li l-miżuri li jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat lil ÅI għandhom jiġu rkuprati.

(120)

Il-Finlandja, madankollu, argumentat li l-Kummissjoni għandha toqgħod lura milli tordna l-irkupru f’dan il-każ, għaliex il-Finlandja kellha aspettazzjonijiet leġittimi li l-għajnuna kienet legali skont l-allegati skemi ta’ qabel l-adeżjoni u li l-irkupru jkun kuntrarju tal-prinċipju tal-liġi Komunitarja. Il-Kummissjoni tinnota li l-Finlandja formalment argumentat aspettazzjonijiet leġittimi biss fir-rigward tal-GL. L-aspettazzjonijiet leġittimi f’isem il-benefiċjarju ma ġewx argumentati b’mod espress.

(121)

F’kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument.

(122)

Fir-rigward taż-żidiet kapitali, il-Kummissjoni wriet hawn fuq li, irrispettivament minn dak li ÅI jew xi ħadd ieħor seta’ kellu raġuni li jemmen dwar l-istatus legali tal-allegata skema tas-sottoskrizzjoni tal-ishma fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, dawn l-anqas kienu konformi mal-kundizzjonijiet formali tal-allegata skema hekk kif kienet ġiet innotifikata lill-ESA. Għalhekk mhux possibbli li jiġi argumentat li ÅI tista’ tibbenefika minn stennija leġittima dwar il-leġittimità taż-żidiet kapitali, għaliex dawn ma setgħux ikunu koperti bir-regoli nazzjonali li fir-rigward tagħhom il-Finlandja qed titlob li kellha aspettazzjonijiet leġittimi.

(123)

Fir-rigward tal-garanziji ta’ self, il-Kummissjoni wriet li l-iskema tal-garanziji kienet inbidlet b’mod sostanzjali anke qabel l-għoti tal-garanziji in kwistjoni f’din id-deċiżjoni. Dan it-tibdil, li sar mill-awtoritajiet ta’ Åland, ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni. Il-konsegwenza hija li kwalunkwe garanziji mogħtija skont ir-regoli nazzjonali li kienu jagħmlu l-iskema oriġinali għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida. Huwa magħruf sew li l-ebda benefiċjarju tal-għajnuna ma jista’ jistenna b’mod leġittimu li l-għajnuna tkun legali jekk kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE u ma ġietx (33).

(124)

Fil-qosor, iż-żewġ garanziji u ż-żidiet kapitali jikkostitwixxu għajnuna ġdida mill-Istat li kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni.

(125)

Hija ġurisprudenza stabbilita (34) li dak l-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu taw l-għajnuna kuntrarju għar-regoli proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 108 TFUE ma jkunx jista’ jiddependi fuq l-aspettazzjonijiet leġittimi tar-riċevituri tal-għajnuna sabiex jiġġustifika n-nuqqas tal-konformità mal-obbligu li jieħu l-passi meħtieġa biex jimplimenta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titolbu jiġbor lura l-għajnuna. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali kienu kapaċi jiddependu fuq l-aġir illegali tagħhom stess, huma jistgħu kompletament jinvalidaw l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE u jċaħħdu l-effikaċja tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skont dawn id-dispożizzjonijiet.

(126)

L-istess prinċipju għandu neċessarjament japplika meta l-awtoritajiet nazzjonali jargumentaw li huma stess kellhom aspettazzjoni leġittima dwar il-leġittimità tal-miżuri, imma ma nnotifikawhomx lill-Kummissjoni minkejja li l-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida (35).

(127)

Bl-istess mod, sakemm l-aspettazzjonijiet leġittimi ta’ ÅI huma rilevanti, il-Kummissjoni tinnota li skont il-ġurisprudenza stabbilita, minħabba n-natura obbligatorja tas-superviżjoni tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-TFUE, l-impriżi li lilhom ingħatat l-għajnuna ma jistgħux, bħala prinċipju, jaċċettaw l-aspettazzjoni leġittimà li l-għajnuna hija legali sakemm ma tkunx ingħatat f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dak l-Artikolu. In-negozjant diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiddetermina jekk dik il-proċedura ġietx segwita (36).

(128)

Il-Kummissjoni tirrimarka li l-ebda kumpanija ma kienet f’qagħda aħjar minn ÅI biex ikollha għarfien profond tal-azzjonijiet tal-GL rigward l-allegati skemi ta’ għajnuna, għaliex il-GL huwa l-azzjonist ewlieni tagħha u jinsab irrappreżentat fuq il-bord ta’ ÅI minn individwi li huma wkoll membri tal-eżekuttiv tal-GL. Dan l-argument huwa sostnut bil-fatt li, kif muri hawn fuq f’konnessjoni maż-żidiet kapitali, ir-rappreżentanti ta’ ÅI u tal-GL jiskambjaw l-informazzjoni b’mod regolari. Għalhekk, anke minkejja li l-awtoritajiet Finlandiżi ma argumentawx b’mod espress l-aspettazzjoni leġittima f’isem il-benefiċjarju tal-għajnuna, il-Kummissjoni temmen li ÅI ma tistax titlob aspettazzjoni leġittima fil-każ attwali.

(129)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qatt ma tat xi assigurazzjoni preċiża la lill-Finlandja u lanqas lill-benefiċjarju tal-għajnuna li l-miżuri in kwistjoni ma kinux se jkunu għajnuna mill-Istat jew li se jkunu għajnuna kompatibbli, biex setgħet ħolqot aspettazzjoni ta’ dan it-tip (37).

(130)

Il-Finlandja argumentat ukoll li fil-każ tal-ġbir lura tal-għajnuna mogħtija permezz taż-żidiet kapitali, l-element tal-għajnuna m’għandux neċessarjament ikun l-ammont kollu tal-kapital mogħti, imma minflok (b’analoġija mal-kalkolu tal-element tal-għajnuna fil-garanziji), ikun l-ispiża ta’ ÅI biex issib investiment alternattiv fis-swieq. F’dan ir-rigward, il-Finlandja ssuġġeriet li l-ispiża ta’ dan l-iffinanzjar alternattiv setgħet tiġi stabbilita b’referenza għas-7 % reddittu mistenni fuq l-investiment għall-proprjetà tal-uffiċċji kif stabbilit fir-rapport ta’ KPMG.

(131)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta din il-fehma.

(132)

Huwa ċertament korrett, bħala propożizzjoni ġenerali, li l-għajnuna mill-Istat f’każ partikolari hija kkostitwita mid-differenza bejn il-vantaġġ (fil-forma tal-iffinanzjar) li l-kumpanija effettivament irċeviet mir-riżorsi tal-Istat u dak li kieku setgħet tikseb fis-swieq kapitali. Konsegwentement, “billi jħallas lura l-għajnuna, ir-riċevitur qed iċedi l-vantaġġ li jkun gawda fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u terġa’ tiġi restawrata s-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna” (38).

(133)

Kull min jagħmel l-investiment, kemm billi jipprovdi l-kreditu kif ukoll billi jkollu sehem fl-ekwità tal-kumpanija, se jfittex li jkollu reddittu fuq l-investiment tiegħu li huwa proporzjonat mar-riskju.

(134)

Meta l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ kreditu bi spiża taħt l-ispejjeż tas-swieq (li huwa l-każ għal self garantit meta l-ispiża finanzjarja totali hija iktar baxxa mir-rata tal-imgħax ta’ self mis-suq) lill-kumpanija li mhix eskluża mis-suq tas-self u li għalhekk, bħala alternattiva għall-għajnuna, setgħet tieħu self bir-rata tas-suq, huwa ċar li l-għan reparattiv tal-irkupru jista’ jinkiseb billi l-kumpanija jkollha tħallas id-differenza (bl-imgħax), u b’hekk terġa’ titqiegħed fuq livell ekwu mal-kompetituri tagħha.

(135)

Is-sitwazzjoni hija differenti għall-investimenti fl-ekwità. Ir-reddittu hawnhekk mhux dipendenti fuq ir-rieda tal-kumpanija li tħallas (bħal fil-każ tas-self) imma huwa kompletament fattur tal-profitabbiltà inerenti tal-mudell tan-negozju tal-kumpanija. Sakemm l-investitur privat ma jemminx li n-negozju se jħallas b’mod adegwat għar-riskju li fih, huwa ma jagħmilx l-investiment imma jqiegħed flusu xi mkien ieħor. Fi kliem ieħor il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li l-kumpanija setgħet takkwista l-istess flus fis-suq kapitali biex iżżid il-kapital tagħha billi toffri rimunerazzjoni ogħla għaliex il-prestazzjoni mistennija tagħha ma kinitx tippermettilha li toffri din ir-rimunerazzjoni ogħla lil kwalunkwe investitur fl-ekwità. Il-kontrafattwali, jiġifieri s-sitwazzjoni fin-nuqqas tal-għajnuna li l-irkupru huwa maħsub li jirrestawra jew iġib lura, huwa għalhekk li ma kien jiġi investit l-ebda kapital. L-għajnuna li għandha tinġabar lura hija għalhekk l-ammont sħiħ taż-żidiet kapitali.

(136)

Il-Kummissjoni tista’ konsegwentement ma taċċettax il-fehma tal-Finlandja rigward l-element tal-għajnuna fiż-żidiet kapitali.

8.2.   L-GĦAJNUNA LI GĦANDHA TINĠABAR LURA

(137)

B’konsegwenza, l-għajnuna illegali u inkompatibbli li ġiet identifikata mill-Kummissjoni u li l-Finlandja għandha tiġbor lura mingħand ÅI hija kif ġej:

(138)

Żidiet kapitali:

(a)

Żieda kapitali C-IV: EUR 353 199,00. Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fl-20 ta’ Lulju 2001.

(b)

Żieda kapitali C-V: EUR 599 933,78. Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fil-15 ta’ Awwissu 2002.

(c)

Żieda kapitali C-VI: EUR 799 911,64. Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fit-13 ta’ Marzu 2003.

(d)

Żieda kapitali C-VII: EUR 515 165,97. Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fis-6 ta’ Mejju 2004.

(e)

Żieda kapitali C-VIII: EUR 669 896,95. Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fit-30 ta’ Settembru 2004.

(f)

Żieda kapitali C-IX: EUR 199 977,91. Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fis-16 ta’ Ġunju 2005.

(g)

Żieda kapitali C-X: EUR 234 961,43. Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fis-16 ta’ Ġunju 2005.

(h)

Żieda kapitali C-XI: EUR 1 379 998,95. Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fil-15 ta’ Frar 2007.

(139)

Il-garanziji ta’ self: l-element tal-għajnuna fil-garanziji kollha huwa maħdum bħala d-differenza bejn, minn naħa waħda, ir-rata referenzjarja applikata bħala l-valur referenzjarju għall-ispejjeż tas-self li kumpanija b’saħħa finanzjarja paragunabbli ma’ dik ta’ ÅI kien ikollha ġġorr mingħajr il-garanzija u, minn naħa l-oħra, ir-rata tal-imgħax miksuba permezz tal-garanzija tal-Istat wara li jitqiesu kwalunkwe primjums imħallsa, skont il-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji (kif spjegat fid-dettall fil-premessi 66 sa 80).

(a)

Fir-rigward tal-garanzija G-I, l-element tal-għajnuna huwa magħmul mid-differenza bejn ir-rata referenzjarja għal self lill-kumpanija fil-kategorija tal-klassifikazzjoni “dgħajfa (B)” u b’kollateralizzazzjoni normali u l-ispiża finanzjarja totali tas-self kopert bil-garanzija (mifhum bħala l-primjums imħallsa għall-garanzija flimkien mal-imgħax fuq is-self). Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fid-9 ta’ Ottubru 2003 (kif spjegat fil-premessi 81 u 82). Minn dan l-ammont għandu jitnaqqas il-primjum ta’ darba fuq il-garanzija ta’ EUR 19 500 (39).

(b)

Fir-rigward tal-garanzija G-II, l-element tal-għajnuna huwa magħmul mid-differenza bejn ir-rata referenzjarja għal self lill-kumpanija fil-kategorija tal-klassifikazzjoni “dgħajfa (B)” u b’kollateralizzazzjoni normali u l-ispiża finanzjarja totali tas-self kopert bil-garanzija (mifhum bħala l-primjums imħallsa għall-garanzija flimkien mal-imgħax fuq is-self). Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fit-2 ta’ Novembru 2004. Minn dan l-ammont għandu jitnaqqas il-primjum ta’ darba fuq il-garanzija ta’ EUR 2 900 (40).

(c)

Fir-rigward tal-garanzija G-III, l-element tal-għajnuna huwa magħmul mid-differenza bejn ir-rata referenzjarja għal self lill-kumpanija fil-kategorija tal-klassifikazzjoni “sodisfaċenti (BB)” u b’kollateralizzazzjoni normali u l-ispiża finanzjarja totali tas-self kopert bil-garanzija (mifhum bħala l-primjums imħallsa għall-garanzija flimkien mal-imgħax fuq is-self). Din l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ÅI fit-13 ta’ Diċembru 2005. Minn dan l-ammont għandu jitnaqqas il-primjum ta’ darba fuq il-garanzija ta’ EUR 6 500 (41).

(140)

L-ammont eżatt totali tal-għajnuna li għandha tinġabar lura għandu jiġi ddeterminat mill-awtoritajiet Finlandiżi, f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, fil-qafas tal-proċedura tal-irkupru skont il-metodoloġija deskritta fil-premessi 138-139 hawn fuq. Mal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi ddeterminat għandu jiżdied l-imgħax mid-data li fiha l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tar-riċevitur sad-data tal-irkupru tagħha. Il-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet Finlandiżi, skont l-obbligu tal-kooperazzjoni leali tagħhom, biex jikkollaboraw magħha fid-determinazzjoni tal-ammont eżatt tal-għajnuna li għandu jinġabar lura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żieda kapitali li tammonta għal EUR 84 094,39 li ngħatat mill-Finlandja favur Ålands Industrihus AB fit-18 ta’ Ġunju 1997 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat elenkati fit-Taqsima 8.2 ta’ din id-Deċiżjoni li ngħataw illegalment mill-Finlandja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur Ålands Industrihus AB huma inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

1.   Il-Finlandja għandha tiġbor lura l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 2 mingħand il-benefiċjarju.

2.   Is-somom li għandhom jinġabru lura għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru attwali tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Il-Finlandja għandha tikkanċella l-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 b’seħħ mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Il-ġbir lura tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Finlandja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Finlandja għandha tissottometti t-tagħrif li ġej lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u mgħax tal-irkupru) li għandu jitħallas lura mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri diġà meħudin u ppjanati sabiex timxi ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Finlandja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm ikun kompletat il-ġbir lura tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 2. Għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, tagħrif dwar il-miżuri diġà meħudin u ppjanati biex timxi ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll tagħrif iddettaljat rigward l-ammonti ta’ għajnuna u imgħax tal-irkupru diġà miġbura lura mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 76, 27.3.2008, p. 15.

(2)  B’seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinfiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE fejn xieraq. It-TFUE introduċa wkoll ċerti bidliet fit-terminoloġija bħall-bdil ta’ “Komunità” bl-“Unjoni” u “suq komuni” bis-“suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE se tintuża f’din id-Deċiżjoni kollha.

(3)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(4)  Bl-eċċezzjoni tas-sehem negliġibbli tal-organizzazzjoni tan-negozju lokali “Ålands företagareförening rf” (3 ishma minn total ta’ 30 392).

(5)  Fl-1999: it-total tal-karta tal-bilanċ kien ta’ EUR 733 341; l-introjtu kien ta’ EUR 101 486; ir-riżultat totali kien ta’ EUR 27 719.

(6)  Il-karta tal-bilanċ naqset minn EUR 834 645 (1997) għal EUR 733 341 (1999).

(7)  Ħafna mill-informazzjoni f’din it-taqsima hija meħuda mill-websajt ta’ iTiden (www.itiden.ax), ikkumplimentata bl-informazzjoni (konsistenti mal-informazzjoni pubblika) ippreżentata mill- awtoritajiet Finlandiżi.

(8)  “Il-GL għandu jistinka biex joffri l-proprjetà industrijali u l-ispazju tal-uffiċini adattati għall-IT u s-setturi tas-servizzi permezz tal-kumpaniji tal-proprjetà pubbliċi. Dawn jaf konsegwentement ikunu jeħtieġu iżjed kapital.” Baġit għal landskapet Åland 2000, paġna 304.

(9)  “Il-GL għandu jaħdem […] biex isir iżjed effiċjenti fl-iffaċilitar tat-tkabbir tal-kumpaniji ġodda u l-proġetti tan-negozju. Il-GL se jkompli bl-isforzi tiegħu biex iwettaq il-proġett ta’ ‘villaġġ tal-IT’ […]”. Baġit għal landskapet Åland 2001, paġna 319 u 321.

(10)  Baġit għal landskapet Åland 2002, paġna 291.

(*)  Dawn il-miżuri ngħataw qabel l-introduzzjoni tal-euro; għalhekk kienu ddenominati fil-Mark Finlandiż (FIM). C-I kienet FIM 500 003, C-II FIM 2 025 010 u C-III FIM 680 003. Fiż-żmien tal-kambju, ir-rata tal-kambju kienet iffissata bħala EUR 1 = FIM 5,94573.

(11)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(12)  Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza fil-kawżi 234/84, Belgium v Commission [1986] ECR 2263, il-paragrafu 14; C-305/89 [1991] ECR I-1603, il-paragrafi 18 u 19; il-kawżi konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Hytasa [1994] ECR I-4103, il-paragrafi 20 u 21; C-303/88 Eni-Lanerossi [1991] ECR I-1433, il-paragrafi 20 et seq.; il-kawża T-11/95 BP Chemicals [1995] ECR II-599, il-paragrafu 161.

(13)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(14)  Ara l-punt 25 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(15)  Ara l-punt 26 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(16)  KPMG “Projekt Tower”, 10.7.2007.

(17)  Huwa veru li ż-żieda kapitali C-IV saret fl-2001, jiġifieri qabel l-analiżi tal-profitabbiltà ppreżentata fl-2002. L-ebda rendikont separat ma ngħata dwar is-suppożizzjonijiet finanzjarji li kienu l-bażi ta’ C-IV. Madankollu, billi din iż-żieda kapitali ntużat biex tinxtara l-art li fuqha kellu jinbena iTiden (u din kienet l-intenzjoni mill-bidu), il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-GL, sakemm dan tal-aħħar qies il-prospetti tar-reddittu, ma kellu l-ebda raġuni biex jistenna reddittu aħjar mit-3 % li kien mistenni fl-2002.

(18)  ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9.

(19)  Minkejja li l-proċedura formali nfetħet biss fl-2008, il-Kummissjoni kienet diġà staqsiet lill-Finlandja dwar dawn il-miżuri permezz tal-ittra tal-25 ta’ Ottubru 2006, u din hija r-raġuni għala l-injezzjoni kapitali tal-1997 mhix koperta mill-istatut tal-limitazzjonijiet ta’ 10 snin dwar l-irkupru.

(20)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(21)  L-Avviż dwar il-Garanziji, il-punt 3.2(d).

(**)  Informazzjoni kunfidenzjali

(22)  Wara l-15 ta’ Jannar 2007, ir-rata tal-imgħax kellha tinbidel f’rata li tvarja […] + […] punt bażi.

(23)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(24)  Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, din ir-rata kellha tiġi applikata sal-15 ta’ Jannar 2007, meta kellha tinbidel għal […] + […] punt bażi. Madankollu, it-termini ta’ dan is-self iggarantit ġew innegozjati mill-ġdid, u mit-13 ta’ Diċembru 2005 ir-rata tal-imgħax ġiet stabbilita bħala […]% sal-15 ta’ Jannar 2007, meta mbagħad kellha tinbidel għal […] + […] punti bażi. Fl-14 ta’ Jannar 2009 ir-rata tal-imgħax inbidlet għal […] + […] bps, u fit-12 ta’ Frar 2011 reġgħet inbidlet għal […] + […] bps.

(25)  Dan ma jinkludix il-primjum ta’ darba ta’ […]% tas-self, jiġifieri EUR 19 500. Dan se jiġi indirizzat hawn taħt, fit-Taqsima 8.2, li tittratta l-irkupru tal-għajnuna.

(26)  Dan ma jinkludix il-primjum ta’ darba ta’ […]% tas-self, jiġifieri EUR 2 900. Dan se jiġi indirizzat hawn taħt, fit-Taqsima 8.2, li tittratta l-irkupru tal-għajnuna.

(27)  Dan ma jinkludix il-primjum ta’ darba ta’ […]% tas-self, jiġifieri EUR 6 500. Dan se jiġi indirizzat hawn taħt, fit-Taqsima 8.2, li tittratta l-irkupru tal-għajnuna.

(28)  F’Gibraltar v Commission (Il-kawżi konġunti T-195/01 u T-207/01 Government of Gibraltar v Commission, is-sentenza tat-30.4.2002, [2002] ECR II-2309, il-paragrafi 109-111), is-CFI innutat li, skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament (KE) Nru 659/99, it-“tibdil lill-għajnuna eżistenti” għandu jitqies bħala għajnuna ġdida. Konsegwentement, huwa biss it-tibdil li huwa dovut li jiġi kklassifikat bħala għajnuna ġdida. Madankollu, fejn it-tibdil jaffettwa s-sustanza attwali tal-iskema oriġinali, għaliex ma jistax jinqata’ minn dik l-iskema, allura din tal-aħħar tiġi ttrasformata fi skema ġdida tal-għajnuna (Il-kawżi konġunti T-254/00, T 270/00 u T 277/00 Hotel Cipriani v Commission, is-sentenza tat-28.11.2008, il-paragrafi 358 – 359).

(29)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(30)  Landskapslag om landskapsgarantier för industrier och andra näringsgrenar, ÅFS 1966:14.

(31)  Il-liġi tkopri wkoll xi self (in-nota tal-Kummissjoni).

(32)  L-emenda tat-3 ta’ Marzu 1994 żiedet il-baġit minn FIM 20 miljun għal 30 miljun, filwaqt li l-emenda tas-16 ta’ Frar 1996 żiedet il-baġit minn FIM 30 miljun għal FIM 50 miljun.

(33)  Ara l-kawża C-24/95 Land Rheinland-Pfalz v Alcan Deutschland GmbH, sentenza tal-20.3.1997, [1997] ECR I-1591, il-paragrafu 49.

(34)  Ibidem, punt 17; ara wkoll il-kawżi konġunti C-465/09P Diputación Foral de Vizcaya v Commission u C-470/09P Territorio Histórico de Vizcaya et al. v Commission, sentenza tad-9.6.2011, il-paragrafu 151, li għadhom mhumiex ippubblikati.

(35)  Ara n-nota 34 f’qiegħ il-paġna.

(36)  Il-kawża C-5/89 Germany v Commission, is-sentenza tal-20.9.1990, [1990] ECR I-3437, il-paragrafu 14.

(37)  Il-kawżi konġunti T-427/04 u T-15/05 France and France Télécom v Commission, is-sentenza tat-30.11.2009, [2009] ECR II-4315, il-paragrafu 261.

(38)  Il-kawża C-348/93 Commission v Italy, is-sentenza tal-4.4.1995, [1995] ECR I-673, il-paragrafu 27.

(39)  Ara l-premessa 81 u n-nota 25 f’qiegħ il-paġna.

(40)  Ara l-premessa 83 u n-nota 26 f’qiegħ il-paġna.

(41)  Ara l-premessa 85 u n-nota 27 f’qiegħ il-paġna.


ANNESS

Informazzjoni dwar l-ammonti ta’ għajnuna rċevuti, li għandhom jinġabru lura u li diġà ġew miġburin lura

Identità tal-benefiċjarju

Ammont totali ta’ għajnuna rċevuta taħt l-iskema (*)

Ammont totali ta’ għajnuna li trid tinġabar lura (*)

(Kapital)

Ammont totali diġà rimborżat (*)

Kapital

Imgħax tal-irkupru

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(*)  Miljun ta’ valuta nazzjonali