|
23.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 53/9 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-21 ta’ Frar 2012
biex jinħoloq il-grupp ta' esperti dwar il-politika kriminali tal-UE
2012/C 53/05
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
B’konformità mal-Artikolu 67(3) tat-Trattat, l-Unjoni tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri għall-prevenzjoni tal-kriminalità u biex din tiġi miġġielda u, jekk ikun meħtieġ, permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali; |
|
(2) |
Il-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Settembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “Lejn Politika Kriminali tal-UE – L-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali” (1) tisħaq fuq kemm hu importanti li tiġi żviluppata politika kriminali tal-UE li tkun koerenti u konsistenti, li għandha tkun sostnuta permezz ta’ diskussjonijiet fi grupp ta’ esperti; |
|
(3) |
Huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-liġi kriminali tal-EU u li jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu. |
|
(4) |
Il-grupp għandu jagħti sostenn lil ħidmet il-Kummissjoni fuq l-iżvilupp ta’ politika kriminali tal-UE u jagħti pariri fuq il-kwistjonijiet kollha relatati. Il-grupp għandu wkoll jagħti pariri dwar il-ġbir ta’ provi fattwali biex jiġi vvalutat jekk huwiex essenzjali li jittieħdu miżuri skont il-liġi kriminali tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-politika tal-Unjoni titwettaq b'mod effettiv. |
|
(5) |
Il-grupp għandu jkun magħmul minn sa 20 espert ikkwalifikat ħafna, li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom b’rappreżentanza bbilanċjata fejn għandhom x'jaqsmu l-isfondi professjonali u r-reġjuni ġeografiċi. |
|
(6) |
Il-mandat tal-membri tal-grupp għandu jkun ta' tliet snin, u għandu jkun jista' jiġġedded. |
|
(7) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni minn membri tal-grupp. |
|
(8) |
Id-dejta personali relatata mal-membri tal-grupp għandha tiġi proċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (2). |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Il-grupp ta’ esperti dwar il-politika kriminali tal-UE, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-grupp”, huwa b'dan stabbilit.
Artikolu 2
Kompiti
Il-kompiti tal-grupp ikunu li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-liġi kriminali sostantiva fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ politika kriminali tal-UE. Dan ikun jinkludi, b’mod partikulari, pariri dwar kwalunkwe kwistjoni legali li tista’ tqum f’dan il-kuntest u jkun jirreferi wkoll għall-ġbir ta’ provi fattwali biex jiġi vvalutat jekk huwiex essenzjali li jittieħdu miżuri skont il-liġi kriminali tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-politika tal-Unjoni titwettaq b'mod effettiv, b’konsultazzjoni mal-grupp eżistenti ta’ esperti fl-oqsma ta’ politika kkonċernati.
Artikolu 3
Konsultazzjoni
Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-grupp dwar kwalunkwe ħaġa marbuta mal-iżvilupp ta’ politika kriminali tal-EU.
Artikolu 4
Sħubija – Ħatra
1. Il-grupp ikun magħmul minn sa 20 membru. Il-membri jkunu individwi li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom.
2. Il-membri jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Ġustizzja minn fost speċjalisti b’kompetenza eċċellenti fil-qasam tal-liġi kriminali. Il-proċess tal-għażla tal-membri jitwettaq b’tali manjiera li jiġi żgurat livell għoli ta’ kompetenza u, kemm jista’ jkun, bilanċ xieraq fejn għandhom x’jaqsmu l-firxa tal-kompetenzi, l-oriġini ġeografika u l-ġeneru, filwaqt li jingħata kas tal-kompiti speċifiċi tal-grupp ta’ esperti u tat-tip ta’ kompetenza li jkun hemm bżonn.
3. Il-grupp ikun jinkludi esperti minn istituzzjonijiet xjentifiċi u tar-riċerka, kif ukoll professjonisti tal-liġi.
4. Il-membri jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom għal perjodu ta’ tliet snin. Bil-fatt li jaċċettaw li jkunu membri tal-grupp, huma jintrabtu li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Kemm-il darba jinħoloq kunflitt ta’ interess fil-każ ta' xi espert minnhom, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jħallu lil dan l-espert barra mill-grupp jew minn laqgħa partikulari tiegħu, jew jistgħu jiddeċiedu li l-espert li jkun ikollu jastjeni milli jiddiskuti l-punti fuq l-aġenda kkonċernata. Il-membri tal-grupp jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jiġu mibdula jew sakemm jintemm il-mandat tagħhom. Il-mandat tagħhom jista' jiġġedded.
5. Il-membri li ma jibqgħux f’qagħda li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-ħidmiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li ma jimxux skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jew fl-Artikolu 339 tat-Trattat, jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-mandat tagħhom.
6. L-ismijiet tal-membri jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-Kummissjoni li fih jitniżżlu l-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħrajn (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Reġistru”), u fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja. Id-dejta personali tal-membri tinġabar, tiġi pproċessata u tiġi ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 5
Operat
1. Il-grupp ikun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.
2. Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jinħolqu sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Tali sottogruppi jiġu xolti malli jissodisfaw il-mandati tagħhom.
3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti minn barra l-grupp, li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda, jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp fuq bażi ad hoc. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jagħti stejtus ta' osservatur lil individwi jew organizzazzjonijiet kif inhu definit fir-Regola 8(3) tar-regoli orizzontali dwar il-gruppi ta' esperti u l-pajjiżi kandidati.
4. Il-membri tal-grupp, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti mit-Trattati u r-regoli tal-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatata mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, stabbilita fl-Anness ta’ mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE/ KEFA/Euratom (3). Jekk jonqsu milli jirrispettaw dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa.
5. Il-Kummissjoni tipprovdi servizzi segretarjali lill-grupp.
6. Il-grupp jista' jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq il-bażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.
7. Il-Kummissjoni tippubblika t-tagħrif rilevanti dwar l-attivitajiet imwettqa mill-grupp billi tinkludih fir-Reġistru jew permezz ta' link mir-Reġistru għal sit elettroniku apposta.
Artikolu 6
Spejjeż tal-laqgħat
1. Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp ma jitħallsux għas-servizzi li jipprovdu.
2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza li jkollhom jagħmlu l-parteċipanti b’rabta mal-attivitajiet tal-grupp jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.
3. Dawk l-ispejjeż jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2012.
Għall-Kummissjoni
Viviane REDING
Viċi President
(1) COM(2011) 573 finali.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 26 P. 102-124).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 03 P. 353-407).