26.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/21


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ April 2012

li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell tal-operaturi tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 2426)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/218/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30(5) u (6) tagħha,

1. Wara li kkunsidrat it-talba li saret permezz tal-posta elettronika fis-26 ta’ Ottubru 2011 imressqa mill-Bundesverband der Energie-und Wasserwirtschaft e.V. (L-assoċjazzjoni Federali għall-Industrija tal-Enerġija u tal-Ilma) (minn issa 'l quddiem imsejħa BDEW).

Billi:

I.   FATTI

(1)

Fis-26 ta’ Ottubru 2011, BDEW bagħtet talba skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE lill-Kummissjoni permezz ta’ posta elettronika. Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar it-talba fil-11 ta’ Novembru 2011 u talbet ukoll informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi bil-posta elettronika tal-10 ta’ Jannar 2012, u mingħand il-BDEW bil-posta elettronika tal-21 ta’ Diċembru 2011. Informazzjoni addizzjonali kienet mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi bil-posta elettronika fl-14 ta’ Diċembru 2011 u mill-BDEW fis-17 ta’ Jannar 2012, fis-26 ta’ Jannar 2012 u fit-28 ta’ Frar 2012.

(2)

It-talba mressqa minn BDEW f'isem l-entitajiet kontraenti fis-settur tikkonċerna, kif deskritta fit-talba, “il-kostruzzjoni, ix-xiri u t-tħaddim (inkluż il-manutenzjoni) tat-tipi kollha tal-impjanti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, kif ukoll l-attivitajiet ta’ appoġġ rilevanti” (2).

(3)

It-talba hija akkumpanjata minn opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji (Bundeskartellamt) datata l-25 ta’ Lulju 2011. Din l-opinjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Opinjoni) inħarġet fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni Ġermaniża rilevanti, u tindirizza l-kwistjoni dwar jekk l-attività soġġetta għall-proċedura hix direttament esposta għall-kompetizzjoni. L-opinjoni hija bbażata fuq stħarriġ settorjali fuq firxa kbira tas-swieq rilevanti.

II.   IL-QAFAS LEGALI

(4)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għaliha tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fi swieq fejn l-aċċess mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ xi settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, għas-settur tal-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (3). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (4) li wkoll ġiet sostitwita bid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE (5).

(5)

Il-Ġermanja implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE iżda wkoll id-Direttivi 2003/54/KE, u 2009/72/KE. Konsegwentement, u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3), l-aċċess għas-suq għandu jitqies bħala li mhuwiex ristrett fit-territorju kollu tal-Ġermana.

(6)

L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat abbażi ta’ diversi indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom, ma huwa neċessarjament deċiżiv, per se. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-parteċipanti ewlenin f'suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni. Kriterju ieħor huwa l-livell ta’ konċentrazzjoni f'dawk is-swieq. Meta wieħed iqis il-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jiġu kkunsidrati kriterji oħrajn bħall-funzjonament tas-suq ta’ bbilanċjar, il-kompetizzjoni tal-prezzijiet u l-livell tal-bdil tal-fornituri mill-klijenti.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

III.   VALUTAZZJONI

(8)

Is-suq Ġermaniż tal-elettriku huwa kkaratterizzat minn għadd kbir ta’ impjanti tal-enerġija li jitħaddmu minn għadd kbir ta’ atturi tas-suq (6). Il-maġġoranza tal-kapaċità tal-produzzjoni tappartjeni għal erba' kumpaniji kbar tal-enerġija: RWE AG, E.ON AG, EnBW AG u Vattenfall Europe AG. Madankollu, peress li tnejn minn dawn il-kumpaniji, jiġifieri RWE u E.ON. huma kumpaniji privati (jiġifieri kumpaniji li mhumiex soġġetti għal influwenza dominanti diretta jew indiretta tal-awtoritajiet kontraenti kif stipulat fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/17/KE), li ma joperawx fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/17/KE, mhumiex entitajiet kontraenti fit-tifsira tad-Direttiva 2004/17/KE. L-akkwist tagħhom għall-finijiet tal-produzzjoni jew il-bejgħ tal-elettriku għalhekk mhuwiex soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva; konsegwentement, fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet, għandhom jiġu meqjusa bħala kompetituri tal-entitajiet kontraenti li l-attivitajiet ta’ akkwist tagħhom huma suġġetti għal din id-Direttiva. Għalhekk l-analiżi li ġejja se tiffoka fuq l-entitajiet kontraenti meta teżamina jekk l-attività hijiex esposta għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett.

(9)

L-elettriku huwa kkummerċjalizzat fil-livell tal-operaturi permezz tal-Boroż, jiġifieri fis-swieq spot u forward tal-European Energy Exchange AG ('EEX) u l-European Power Exchange S.E. (EPEX), jew f'tranżazzjonijiet mhux uffiċjali li jsiru barra dawn il-Boroż. Il-prezz fil-Boroż tal-enerġija elettrika normalment iservi bħala prezz ta’ referenza għal tranżazzjonijiet li jsiru barra l-Borża. Il-kumpaniji tal-produzzjoni jottimizzaw l-operat tal-impjanti tagħhom għall-ġenerazzjoni tal-elettriku skont ir-riżultati tan-negozjar fis-suq spot tal-Boroż tal-enerġija elettrika. Fil-prinċipju, jitħaddmu biss dawk l-impjanti tal-elettriku li l-ispejjeż marġinali tagħhom huma taħt il-prezz tas-suq.

(10)

Il-Gesetz für den Vorrang Erneuerbarer Energien  (7) (minn hawn 'il quddiem msemmija bħala “EEG”) jistabbilixxi r-regoli għall-elettriku ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (8), li, minbarra l-elettriku ġġenerat permezz ta’ sorsi konvenzjonali (9) qiegħda taqdi rwol dejjem akbar fis-suq Ġermaniż. Skont l-EEG emendata li daħlet fis-seħħ fil-bidu tal-2012, is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-forniment tal-elettriku għandu jiżdied għal 35 % sal-2020, għal 50 % sal-2030 u għal 80 % sal-2050

(11)

Fi tmiem l-2010, kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ 160,5 GW ġiet ikkonettjata man-netwerks tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni (TSOs) (77,6 GW) u tal-Operaturi tas-Sistema tad-Distribuzzjoni (DSOs) (82,9 GW). Meta mqabbel mal-2009 (152,7 GW), dan jirrappreżenta żieda ta’ madwar 7,8 GW. Enerġija rinnovabbli jirrappreżentaw 54,2 GW tal-kapaċità totali. Madwar 50,7 GW tal-enerġija rinnovabbli jitħallsu skont it-tariffi tal-EEG. Dan ifisser li s-sorsi rinnovabbli jirrappreżentaw madwar 34 % tal-kapaċità kumplessiva (10).

(12)

F'termini tal-provvista fil-grid [feed-in] fl-2010, total ta’ 531,2 TWh kienu fornuti lis-sistemi tat-TSO (367,5 TWh) u tad-DSO (163,7 TWh). Is-sorsi minn enerġija rinnovabbli kienu jikkostitwixxu volum ta’ 93,7 TWh, li minnhom 80,7 TWh kienu mħallsa skont ir-regoli tal-EEG. Dan ifisser li l-provvista tal-elettriku lis-sistema ta’ distribuzzjoni [il-provvista fil-grid] mill-enerġija rinnovabbli tirrappreżenta madwar 18 % tat-total tal-volum tal-provvista, proporzjon li għalhekk jaqa' taħt il-34 % tal-kapaċità totali tal-produzzjoni li dawn is-sorsi jikkostitwixxu (11). Id-differenza hi dovuta għall-fatt li l-perjodu tal-użu tas-sorsi rinnovabbli fis-sena huwa aktar baxx minn dak tas-sorsi konvenzjonali.

(13)

Element ieħor fis-suq Ġermaniż tal-elettriku jirrigwarda d-deċiżjoni reċenti tal-awtoritajiet nazzjonali, wara l-katastrofi nukleari fil-Ġappun, fil-bidu tal-2011 sabiex jingħalqu 8 impjanti nukleari, b'kapaċità totali ta’ 8 400 MW (12). Barra minn hekk, ġie deċiż li l-bqija tal-impjanti nukleari fil-Ġermanja jingħalqu sal-2022. Fuq perjodu ta’ żmien qasir dan biddel il-bilanċ bejn l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, u għalhekk, minn esportatur nett tal-elettriku sal-2010, fl-2011 il-Ġermanja saret importatur nett.

Definizzjoni tas-suq

Definizzjoni tas-suq tal-prodott

(14)

Skont il-preċedenti tal-Kummissjoni (13), is-swieq tal-prodotti relevanti li ġejjin jistgħu jkunu osservati fis-settur tal-elettriku: (i) il-ġenerazzjoni u l-forniment fil-livell tal-operaturi; (ii) it-trażmissjoni; (iii) id-distribuzzjoni u (iv) il-forniment fil-livell tal-konsumaturi. Filwaqt li wħud minn dawn is-swieq jistgħu jkunu suddiviżi saħansitra aktar, sal-lum il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni (14) kienet tiċħad id-distinzjoni bejn suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u suq tal-forniment fil-livell tal-operaturi minħabba li ġenerazzjoni fil-fatt hija biss l-ewwel stadju fil-katina tal-valur, iżda l-volumi tal-elettriku ġġenerati huma kummerċjalizzati permezz tas-suq tal-operaturi.

(15)

It-talba minn BDEW tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fil-livell tal-operaturi. L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji fl-Opinjoni tiegħu jiddefinixxi s-suq tal-prodott bħala “suq primarju tal-bejgħ għall-elettriku” (15), li jkopri l-bejgħ inizjali tal-fornituri tal-elettriku kollha tal-produzzjoni tagħhom stess u l-importazzjonijiet netti tal-elettriku, iżda li ma jinkludix in-negozjar li jsegwi bejn il-parteċipanti fis-suq. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji jikkunsidra li l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku rregolati skont l-EEG (minn hawn 'il quddiem imsemmija l-elettriku tal-EEG) mhuwiex parti minn dan is-suq.

(16)

L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji jikkunsidra li s-suq għall-elettriku tal-EEG jirrappreżenta suq separat safejn huwa kkonċernat l-ewwel bejgħ tiegħu. L-elettriku tal-EEG normalment ma jinbigħx direttament fis-suq tal-operaturi iżda l-ewwel jinxtara mill-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni b'rata ta’ ħlas statutorja. Huma mbagħad ibiegħuh fit-tieni stadju fis-suq tal-operaturi.

(17)

L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji jikkonkludi li l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku tal-EEG mhumiex organizzati fuq bażi kompetittiva u li l-elettriku tal-EEG huwa indipendenti mill-indikaturi tal-prezz u tad-domanda (16).

(18)

Din il-konklużjoni hija bbażżata notevolment fuq dawn il-fatti: l-elettriku tal-EEG igawdi mill-prijorità għall-introduzzjoni tal-provvista tal-elettriku fil-grid; għalhekk il-produzzjoni tal-elettriku tal-EEG hija totalment indipendenti mid-domanda. Il-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku fil-grid huma wkoll indipendenti mill-prezzijiet għaliex l-operaturi huma intitolati għal ħlas statutorju. L-elettriku tal-EEG huwa kkummerċjalizzat mit-TSOs fis-suq spot f'konformità mad-dispożizzjonijiet statutorji, mingħajr ebda marġni għal manuvri.

(19)

L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji nnota wkoll li, skont il-liġi, l-elettriku tal-EEG jista' jiġi kkumerċjalizzat direttament, u ċertu perċentwal ta’ operaturi qegħdin jużaw din l-opportunità. L-EEG jipprovdi li, l-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG jistgħu jaqilbu bejn bejgħ dirett u r-riċevuta tal-ħlas tat-tariffi skont l-EEG fl-ewwel jum tax-xahar. Skont il-previżjoni tal-prezz tas-suq u skont id-domanda, l-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG jistgħu għalhekk jiddeċiedu kull xahar, liema forma ta’ bejgħ hija l-aħjar għalihom. Madankollu, din il-kummerċjalizzazzjoni diretta fil-futur se tkun ta’ importanza marġinali biss.

(20)

Skont l-EEG emendata li daħlet fis-seħħ fil-bidu tal-2012, l-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG għandhom – kif indikat hawn fuq – l-għażla li jikkummerċjalizzaw l-elettriku li jipproduċu huma stess u jirċievu wkoll primjum ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-għan tal-primjum ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa s-sostituzzjoni tad-differenza bejn il-ħlas fiss tal-EEG u l-prezz medju fix-xahar fil-Borża tal-enerġija elettrika, stabbilit ex post. L-introduzzjoni tal-primjum ta’ kummerċjalizzazzjoni hija madankollu mhux obbligatorja, jiġifieri l-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG jistgħu jibqgħu fis-sistema tal-ħlas fiss jew jerġgħu jirrikorru għaliha fi kwalunkwe xahar. L-akbar sehem tal-elettriku tal-EEG huwa, madankollu, mistenni li jinbiegħ permezz tal-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni. Barra minn hekk, il-mudell tal-primjum tas-suq mhux se jbiddel il-fatt li l-livell tal-ħlas totali għall-produtturi tal-EEG mhuwiex primarjament determinat mill-prezzijiet tas-suq (17).

(21)

L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji jagħraf għalhekk li, filwaqt li l-elettriku tal-EEG jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq l-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali, il-kuntrarju mhuwiex minnu; għalhekk l-elettriku tal-EEG ma jistax jiġi inkluż fl-istess suq bħal tal-elettriku konvenzjonali għaliex il-kondizzjonijiet tas-suq applikabbli għall-ewwel bejgħ ivarjaw ħafna bejn dawn iż-żewġ forom ta’ ġenerazzjoni. Minbarra dan, l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG, iseħħ l-aktar permezz tal-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni. Għalhekk mill-perspettiva tad-domanda, is-suq evidentement ivarja wkoll mis-suq fil-livell tal-operaturi tal-elettriku konvenzjonali.

(22)

Filwaqt li titqies l-ispeċifiċità tas-suq Ġermaniż tal-elettriku, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, u bla ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-suq relevanti tal-prodott huwa b'dan definit bħala s-suq għall-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali. Il-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG ma jiffurmawx parti minn dan is-suq, għar-raġunijiet stipulati hawn fuq, u minn hawn 'il quddiem se jkunu vvalutati separatament.

Definizzjoni tas-suq ġeografiku

(23)

Skont l-applikazzjoni, it-talba tappartjeni għal attivitajiet fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-applikant jesplora l-possibbiltà ta’ suq usa' li jinkludi l-Ġermanja u l-Awstrija fuq il-bażi ta’ diversi xejriet fir-rigward tal-iżvilupp tal-qafas regolatorju, tal-livell tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-elettriku u tal-akkoppjament tas-swieq u l-proċeduri tal-ġestjoni tal-konġestjoni, iżda eventwalment jikkonkludi li “l-applikant ma jistax jagħmel konklużjoni finali dwar jekk is-suq Ġermaniż tal-elettriku fil-livell tal-operaturi u s-swieq relevanti fil-pajjiżi ġirien humiex suffiċjentement integrati fil-mument sabiex jitqiesu bħala suq reġjonali”.

(24)

L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, wara l-istħarriġ settorjali li sar, jassumi li hemm suq primarju komuni għall-elettriku fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ xkiel fl-interkonnetturi konfinali bejn il-Ġermanja u l-Awstrija u minħabba l-ispazju ta’ kummerċjalizzazzjoni u prezzijiet standard fil-livell tal-European Power Exchange S.E. (EPEX).

(25)

Il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni iddefinixxiet is-swieq tal-elettriku l-aktar bħala ta’ dimensjoni nazzjonali (18) jew saħansitra iżgħar (19). Xi kultant, tħalliet miftuħa l-possibbiltà ta’ swieq usa' minn dawk nazzjonali (20).

(26)

Il-Kummissjoni tqis li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, u bla ħsara għal-liġi dwar il-kompetizzjoni, mhix neċessarja konklużjoni dwar id-dimensjoni preċiża tas-suq ġeografiku relevanti għall-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku konvenzjonali, għaliex skont kwalunkwe definizzjoni tas-suq alternattiva, ir-riżultati tal-valutazzjoni għandhom ikunu l-istess.

(27)

Fir-rigward tal-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG, id-dimensjoni ġeografika ma tistax testendi lil hinn mit-territorju tal-Ġermanja billi hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet legali speċifiċi stabbiliti fl-EEG Ġermaniża.

L-analiżi tas-suq

Il-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali

(a)   L-ishma tas-suq u l-konċentrazzjoni tas-suq

(28)

Peress li tirriżulta minn prassi kostanti (21) fir-rigward tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 30, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali mis-suq tal-ikbar tliet produtturi”.

(29)

Skont l-opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji (22) l-ishma tas-suq kumulattivi tal-ewwel tliet produtturi, f'termini tal-provvista tal-elettriku fil-grid, kienu ta’ 74 % fl-2007 u 73 % fl-2008 u 70 % fl-2010. Is-suq Ġermaniż tal-elettriku jinsab għalhekk f'nofs il-firxa, meta mqabbel ma’ deċiżjonijiet preċedenti ta’ eżenzjonijiet skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE (23).

(30)

Madankollu, huwa mfakkar li l-ewwel żewġ produtturi RWE u E.ON, li flimkien għandhom sehem tas-suq kumulattiv ta’ 58 % tas-suq (24), mhumiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-akkwist.

(31)

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li jkun stabbilit jekk l-attivitajiet mill-ġenerazzjoni u mill-kummerċ tal-elettriku fil-livell tal-operaturi humiex esposti għal tali livell ta’ kompetizzjoni (fis-swieq li għalihom l-aċċess huwa bla ħlas) li jkun jiżgura li, ukoll fin-nuqqas tad-dixxiplina mdaħħla mir-regoli dettaljati dwar l-akkwisti kif stipulati fid-Direttiva 2004/17/KE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati, jitwettaq b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta’ kriterji li jippermettu l-identifikazzjoni tas-soluzzjoni li b'mod ġenerali tkun, ekonomikament, l-aktar waħda vantaġġuża. F'dan il-kuntest huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu li l-kumpaniji li mhumiex soġġetti għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku (notevolment RWE u E.ON) meta jaġixxu f'dawn is-swieq, għandhom il-possibbiltà li jeżerċitaw pressjoni kompettitiva fuq l-atturi oħra fis-suq. Dan mhux se jinbidel ukoll jekk l-Awstrija tkun inkluża fis-suq ġeografiku rilevanti minħabba l-fatt li l-ishma tas-suq tal-produtturi prinċipali mistennija li jkunu kemmxejn inferjuri biss f'suq li jkopri kemm l-Awstrija kif ukoll il-Ġermanja (25).

(32)

Fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku u l-forniment tiegħu fil-livell tal-operaturi minn sorsi konvenzjonali l-fatti hawn fuq jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni tal-atturi fis-suq li huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-akkwisti.

(33)

Ta' min wieħed jinnota wkoll li, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “2009-2010 Rapport dwar il-progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku” ta’ Ġunju 2011 (26) indika tnaqqis fil-konċentrazzjoni tas-suq fil-Ġermanja (27) meta mqabbel mas-snin preċedenti u jqiegħed lis-suq Ġermaniż tal-elettriku fil-kategorija ta’ “swieq moderatament konċentrati” (28) jiġifieri dawk is-swieq b'indiċi Herfindahl-Hirchman (HHI) (29) minn kapaċità, bejn 750 u 1 800.

(34)

Fir-rigward taċ-ċifri hawn fuq, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u bla ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, wieħed jista jassumi fir-rigward tal-entitajiet kontraenti li l-grad ta’ konċentrazzjoni tas-suq jista' jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni ta’ ċertu livell ta’ esponiment għall-kompetizzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-elettriku fil-livell tal-operaturi minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja.

(b)   Fatturi oħra

(35)

Fl-aħħar snin, fil-fatt sa Marzu 2011, il-Ġermanja kienet esportatur nett tal-elettriku. Madankollu, minħabba d-deċiżjoni li l-produzzjoni tal-elettriku minn bosta impjanti nukleari titneħħa gradwalment, il-Ġermanja saret importatur nett. Għalhekk bħalissa fis-suq teżisti pressjoni kompetittiva li toriġina mill-potenzjal għall-importazzjoni tal-elettriku minn sorsi esterjuri għall-Ġermanja. Dan jiżgura li l-investiment fis-settur tal-elettriku fil-Ġermanja ma jistax isir mingħajr ma jitqiesu produtturi oħra fil-pajjiżi ġirien. Dawn il-fatturi għandhom għalhekk jitqiesu bħala kompattibbli mal-konklużjoni li l-entitajiet kontraenti li joperaw fis-suq Ġermaniż tal-produzzjoni minn sorsi konvenzjonali huma esposti għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, analiżi tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-bdil tal-fornitur (30) u l-grad ta’ likwidità fis-suq tal-operaturi (31) turi li dawn il-fatturi huma kompatibbli mal-konklużjoni li l-entitajiet kontraenti li joperaw fis-suq Ġermaniż tal-produzzjoni minn sorsi konvenzjonali huma esposti għall-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, għandu jkun osservat ukoll li s-suq Ġermaniż ta’ bbilanċjar (32) u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu (prezzijiet ibbażati fuq is-suq u differenza fil-prezz bejn l-l-aġġustmenti pożittivi u negattivi fil-forniment tal-enerġija) lanqas ma jmorru kontra l-konklużjoni li l-entitajiet kontraenti li joperaw fis-suq Ġermaniż tal-produzzjoni minn sorsi konvenzjonali huma esposti għall-kompetizzjoni.

Produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG

(36)

L-elettriku tal-EEG jibbenefika minn konnessjoni prijoritarja mal-grid, u għandu prijorità fuq l-elettriku konvenzjonali għall-provvista tal-elettriku fil-grid, li jfisser li produzzjoni tal-elettriku tal-EEG hija indipendenti mid-domanda. Billi l-elettriku tal-EEG huwa ġeneralment prodott bi spejjeż li huma ogħla mill-prezz tas-suq, ġiet stabbilita sistema li permezz tagħha l-elettriku tal-EEG jirċievi appoġġ partikolari. L-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG (33) għandhom id-dritt li jirċievu rata ta’ ħlas statutorja mill-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni għal perjodu ta’ 20 sena b'żieda mas-sena li fiha s-servizz ġie kkommissjonat. Dan il-ħlas ikopri l-ispejjeż tagħhom u huwa għalhekk ogħla mill-prezz tas-suq. Huma jistgħu għalhekk jintroduċu l-elettriku li jipproduċu fil-grid irrispettivament mill-prezz fil-Boroż tal-enerġija elettrika (34).

(37)

L-elettriku tal-EEG normalment ma jinbigħx direttament fis-suq tal-operaturi iżda l-ewwel jinxtara mill-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni b'rata ta’ ħlas statutorja. L-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni huma responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku tal-EEG fis-suq spot għan-negozjar tal-elettriku u dan konsegwentement jikkawża telf għalihom. Dawn l-ispejjeż finalment jitħallsu mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jħallsu tariffa addizzjonali tal-EEG lill-fornituri tal-enerġija tagħhom li mbagħad tingħata lill-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni. Il-fornituri tal-enerġija li jixtru aktar minn 50 % tal-elettriku tal-EEG li jinkludi mill-inqas 20 % tal-elettriku minn enerġija solari jew mir-riħ, jħallsu tariffa mnaqqsa tal-EEG.

(38)

L-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG għandhom ukoll il-possibbiltà li jagħmlu “kummerċjalizzazzjoni diretta” tal-elettriku prodott. Dan ifisser li l-operatur ta’ impjant tal-EEG jista' jirrinunzja għall-ħlas statutorju u jagħżel li jbigħ l-elettriku direttament fis-suq spot. Minħabba l-ispejjeż għoljin tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-EEG, il-kummerċjalizzazzjoni diretta li ma tkunx skont il-kundizzjonijiet statutorji normalment mhix għażla vijabbli. Fil-passat, dan il-metodu ntuża l-aktar għal ammont limitat f'każijiet meta x-xerrejja setgħu jiksbu eżenzjoni mit-tariffa addizzjonali tal-EEG billi jikkombinaw ċertu ammont ta’ elettriku tal-EEG mal-elettriku konvenzjonali mixtri direttament minn produttur (35). Bid-dħul fis-seħħ tal-liġi ġdida tal-EEG fil-bidu tal-2012, il-possibbiltà għal din l-eżenzjoni speċifika ġiet limitata u dan mistenni li jnaqqas din il-forma ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta (36).

(39)

Il-liġi l-ġdida fiha possibbiltà ġdida ta’ '“kummerċjalizzazzjoni diretta” li, madankollu, tinkludi l-ħlas tal-hekk imsejjaħ “primjum tas-suq” lill-produtturi tal-elettriku tal-EEG li jkopri d-differenza bejn l-ispejjeż ogħla tagħhom u l-prezz medju tas-suq (bis-saħħa ta’ dan li ġej:). “il-mudell tal-primjum tas-suq”. L-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni jistmaw li fl-2012 il-proporzjon tal-bejgħ skont il-mudell tal-primjum tas-suq għandu jammonta għal 15 % għat-tipi kollha flimkien tal-enerġija rinnovabbli (37). Wieħed jista jikkonkludi li fil-preżent u fil-futur qrib, sikurament l-akbar parti mill-elettriku tal-EEG hija kkummerċjalizzata skont is-sistema ta’ pagamenti statutorji u permezz tal-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni. Il-kummerċjalizzazzjoni diretta mhux issussidjata se jkollha rwol marġinali biss.

(40)

Għar-raġunijiet indikati hawn fuq, il-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG jiffurmaw parti minn sistema regolata fejn il-produtturi jitħallsu fuq il-bażi ta’ ħlas statutorju. Dawn mhumiex esposti għall-kompetizzjoni billi jistgħu jintroduċu l-elettriku tal-EEG tagħhom fil-grid irrispettivament mill-prezz prevalenti tas-suq. Minħabba l-prijorità tal-introduzzjoni tal-provvista tal-elettriku fil-grid huma jistgħu wkoll ibiegħu l-kwantitajiet kollha li jipproduċu. Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li l-attività tal-produtturi tal-elettriku tal-EEG hija esposta għall-kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ dan, ma hemmx il-ħtieġa li jiġu vvalutati indikaturi oħrajn, bħal m'huma dawk elenkati fil-premessa 6.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(41)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li hija ssodisfata fir-rigward tal-entitajiet kontraenti għall-produzzjoni u l-forniment fil-livell tal-operaturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja.

(42)

Barra minn hekk, il-kundizzjoni tal-aċċess mhux ristrett għas-suq hija meqjusa li ġiet issodisfata, u għalhekk id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti intenzjonati sabiex jippermettu l-produzzjoni u l-forniment fil-livell tal-operaturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja u lanqas meta jorganizzaw kuntesti ta’ disinn għat-twettiq ta’ tali attività f'dik iż-żona ġeografika.

(43)

Madankollu, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li mhix issodisfata fir-rigward tal-entitajiet kontraenti għall-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG fil-Ġermanja.

(44)

Ladarba l-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG għadhom suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17/KE, huwa mfakkar li l-kuntratti tal-akkwist li jkopru bosta attivitajiet għandhom jiġu ttrattati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE. Dan ifisser li, meta entità kuntrattwali tiġi ingaġġata f'akkwist “imħallat”, li jfisser akkwist użat biex jappoġġja l-prestazzjoni tat-tnejn li huma, l-attivitajiet eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u l-attivitajiet li mhumiex eżentati, għandhom jitqiesu l-attivitajiet li għalihom huwa intenzjonat prinċipalment il-kuntratt. F'każ ta’ akkwist imħallat bħal dan, meta l-iskop ikun prinċipalment l-appoġġ tal-produzzjoni u l-kummerċ fil-livell tal-operaturi tal-elettriku tal-EEG, għandha tapplika d-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE. Jekk huwa oġġettivament impossibbli li jkun stabbilit għal liema attività l-kuntratt kien intenzjonat prinċipalment, il-kuntratt għandu jingħata skont ir-regoli msemmija fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali minn Ottubru 2011 sa Frar 2012 kif tidher mill-informazzjoni mressqa mill-BDEW u mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Hija tista' tiġi riveduta, fil-każ li bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni ġuridika jew fattwali jkunu jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE fir-rigward tal-produzzjoni u l-forniment fil-livell tal-operaturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali ma baqgħux jiġu ssodisfati.

(45)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba biex jippermettu l-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali li għandhom isiru fil-Ġermanja.

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali tfisser l-elettriku li ma jaqax fl-ambitu tal-EEG. Barra minn hekk, skont it-tifsira tal-EEG, u skont il-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk, “sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” tfisser l-idroenerġija, inklużi l-enerġija tal-mewġ, l-enerġija mill-marea, il-pressjoni osmotika, l-enerġija mir-riħ, ir-radjazzjoni solari, l-enerġija ġeotermali, l-enerġija mill-bijomassa, inklużi l-bijogass, il-bijometanu, il-gass mill-miżbla u l-gass mit-trattament tad-drenaġġ, kif ukoll il-porzjon bijodegradabbli tal-iskart muniċipali u tal-iskart industrijali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(2)  It-talba għall-eżenzjoni hija maħsuba biex tkopri wkoll l-attivitajiet marbuta mal-ġenerazzjoni tal-elettriku, bħall-impjanti għall-koġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana.

(3)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(4)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

(5)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(6)  Skont id-data tal-Eurostat dwar l-ambjent u l-enerġija ta’ 11/2010, fl-2008 kien hemm irrappurtati aktar minn 450 kumpanija li jiġġeneraw l-elettriku fil-Ġermanja li jirrappreżentaw mill-inqas 95 % tal-produzzjoni netta tal-elettriku.

(7)  L-EEG tirregola hekk: konnessjoni prijoritarja mas-sistemi tal-grid għall-forniment ġenerali tal-elettriku għall-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u mill-gass tal-minjieri; ix-xiri prijoritarju, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħlas għal tali elettriku mill-operaturi tas-sistemi tal-grid, kif ukoll b'rabta mal-elettriku mill-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-gass (CHP — combined heat and power), u inkużi l-primjums għall-integrazzjoni ta’ dan l-elettriku fis-sistema tal-provvista tal-elettriku; u l-iskema nazzjonali tal-ekwalizzazzjoni għall-kwantità tal-elettriku mixtri li għalih tħallset tariffa jew primjum.

(8)  Skont it-tifsira tal-EEG, u skont il-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk, “sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” tfisser l-idroenerġija, inklużi l-enerġija tal-mewġ, l-enerġija mill-marea, il-pressjoni osmotika, l-enerġija mir-riħ, ir-radjazzjoni solari, l-enerġija ġeotermali, l-enerġija mill-bijomassa, inklużi l-bijogass, il-bijometanu, il-gass mill-miżbla u l-gass mit-trattament tad-drenaġġ, kif ukoll il-parti frazzjonali bijodegradabbli tal-iskart muniċipali u tal-iskart industrijali.

(9)  Skont it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni l-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali, u l-elettriku konvenzjonali tfisser l-elettriku li ma jaqax fl-ambitu tal-EEG.

(10)  Skont il-Rapport dwar il Monitoraġġ 2011 tal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, p. 9.

(11)  Skont il-Rapport dwar il Monitoraġġ 2011 tal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, p. 10.

(12)  Skont il-Rapport dwar il Monitoraġġ 2011 tal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen,

(13)  Il-każ COMP m -4110 EO N – ENDESA, 25.4.2006, il-paragrafu 10, p. 3.

(14)  Il-każ COMP/M. 3696 E.ON – MOL tal-21.1.2005, il-paragrafu 223, il-każ COMP/M.5467, RWE- ESSENT tal-23.6.2009, il-paragrafu 23.

(15)  L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, p. 5.

(16)  Skont l-Opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, p. 5.

(17)  Il-ħlas ta’ operatur individwali jista' madankollu jvarja skont jekk hux se jirnexxielu jbiegħ l-elettriku tiegħu fis-suq bi prezz ogħla mill-prezz medju fix-xahar.

(18)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2008/585/KE (ĠU L 188, 16.7.2008, p. 28, premessa 9), u 2008/741/KE, (ĠU L 251, 19.9.2008, p. 35, premessa 9), u l-Każ COMP/M.3440 — ENI/EDP/GDP tad-9.12.2004, paragrafu 23.

(19)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/403/KE (ĠU L 186, 20.7.2010, p. 44, premessa 9).

(20)  Il-każ COMP/M. 3268 SYDKRAFT/GRANINGE tat-30.10.2003, il-paragrafu 27 u COMP/M. 3665 ENEL/SLOVENSKE ELEKTRARNE tas-26.4.2005, il-paragrafu 14.

(21)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2009/47/KE (ĠU L 19, 23.1.2009, p. 57); 2008/585/KE,; 2008/741/KE; 2007/141/KE (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23); 2007/706/KE (ĠU L 287, 1.11.2007, p. 18); 2006/211/KE (ĠU L 76, 15.3.2006, p. 6) u 2006/422/KE (ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33).

(22)  Skont l-Opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, il-paragrafu 2 tal-paġna 7.

(23)  L-ishma tas-suq kumulattivi tal-ewwel tliet produtturi fir-Renju Unit (39 %), fl-Awstrija (52 %) u fil-Polonja (55 %) għandhom valuri aktar baxxi, iżda l-valuri korrispondenti fil-Finlandja (73,6 %) u fl-Isvezja (87 %) huma ogħla.

(24)  Il-produzzjoni hija kkalkulata bil-kunsiderazzjoni tal-impjanti tagħhom stess għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, tal-ishma f'impjanti tal-elettriku li huma koproprjetarji tagħhom u tal-output fit-tul iggarantit fuq bażi kuntrattwali (drawing rights)

(25)  Skont l-Opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, il-paragrafu 3 tal-paġna 7

(26)  http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/legislation/doc/20100609_internal_market_report_2009_2010.pdf

(27)  Ara paġna 7, il-paragrafu 4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni

(28)  Tabella 3.1 tal-Anness Tekniku, p. 12 tal-Anness Tekniku sabiex id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Rapport tal-2009-2010 dwar il-Progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku” ta’ Ġunju 2011

(29)  L-indiċi Herfindahl Hirshmann: Huwa definit bħala s-somma tal-kwadri tal-ishma tas-suq ta’ kull kumpanija individwali. Il-firxa tiegħu tista' tvarja minn kważi 0 sa 10 000, u minn ammont kbir ħafna ta’ impriżi żgħar ħafna sa produttur wieħed biss f'każ ta’ monopolju. Tnaqqisiet fl-HHI ġeneralment jindikaw żieda fil-kompetizzjoni, filwaqt li ż-żidiet jimplikaw l-oppost.

(30)  Skont it-Tabella 2.1, paġna 6 u Tabella 2.2, paġna 7 tal-Anness Tekniku tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Rapport tal-2009-2010 dwar il-Progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku” ta’ Ġunju 2011 fl-2009 l-Ġermanja kellha rata ta’ bdil tal-fornituri mill-klijent [client switching] għall-industriji kbar ta’ 10,7 % f'volum u ta’ 15,6 % skont il-miter eliġibbli.

(31)  Skont ir-Rapport tal-2011 [Monitoring Benchmark Report] tal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, paġna 28, is-suq Ġermaniż fil-livell tal-operaturi huwa estremament likwidu. Fl-2010, il-volum tal-kummerċ fil-livell tal-operaturi huwa stmat li jammonta għal 10 600 TWh, li huwa 17 il-darba aktar mid-domanda attwali għall-elettriku fil-Ġermanja.

(32)  Ukoll jekk dawn jirrappreżentaw parti żgħira biss mill-ammont totali tal-elettriku prodott u/jew ikkunsmat fi Stat Membru, il-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ bbilanċjar għandu jitqies bħala indikatur addizzjonali. Dan għaliex jekk ikun hemm differenza kbira bejn il-prezz iffatturat mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni jipprovdu l-enerġija għall-ibbilanċjar u l-prezz li bih jixtru lura l-produzzjoni żejda, din tista' tkun ta’ problema għall-parteċipanti fis-suq iżgħar u tfixkel l-iżvilupp tal-kompetizzjoni.

(33)  Skont it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni u skont l-EEG, “installazzjoni tal-EEG” tfisser kwalunkwe faċilità li tiġġenera l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew minn gass tal-minjieri. Installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew minn gass tal-minjieri tfisser ukoll dawk il-faċilitajiet kollha li jirċievu l-enerġija li ġiet maħżuna temporanjament u li toriġina esklussivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew minn gass tal-minjieri u jaqilbuha f'elettriku; “operatur tall-installazzjoni tal-EEG” tfisser kull persuna, irrispettivament mill-kwistjoni tal-pussess, li juża l-installazzjoni biex jiġġenera l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew minn gass tal-minjieri.

(34)  Ir-rati ta’ ħlas għall-elettriku tal-EEG huma ogħla b'mod regolari mill-prezz fil-Borża tal-enerġija elettrika, l-elettriku tal-EEG huwa għalhekk iktar għali minn dak tal-elettriku prodott bil-mod konvenzjonali. Dawn l-ispejjeż addizzjonali għandhom jitħallsu minn konsumaturi tal-enerġija permezz tal-imposta tal-EEG (3,5 ċenteżmi/kWh fl-2011).

(35)  Dan il-fenomenu xi kultant jissejjaħ “Grünstromprivileg” [privileġġ b'rabta mal-elettriku ekoloġiku].

(36)  L-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni jistmaw is-sehem ta’ tali kummerċjalizzazjoni diretta (§33b EEG (2012)) għal 3,7 % fl-2012.

Ara http://www.eeg-kwk.net/de/file/111115_Eckwerte_Einspeisung_final.pdf.

(37)  Ara http://www.eeg-kwk.net/de/file/111115_Eckwerte_Einspeisung_final.pdf.