24.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/41


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ April 2012

dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u l-moviment li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE fir-rigward ta’ ċerti addittivi, skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 2484)

(2012/209/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(2) tagħha,

Billi:

(1)

Wara t-talba li saret mill-Awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/545/UE tas-16 ta’ Settembru 2011 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u l-moviment li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE fir-rigward ta’ prodotti li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 3811 , skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (2). Dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tissottometti l-prodotti kollha li jinsabu fi ħdan il-kodiċi NM 3811 għad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u l-moviment li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali tad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (3).

(2)

B'konformità mat-talba li saret mill-Awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-intenzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/545/UE hija li tiġi evitata l-evażjoni, l-evitar u l-abbuż tat-taxxa, billi jiġu sottomessi lid-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u l-moviment li jinsabu fid-Direttiva 2008/118/KE, ċerti prodotti maħsuba li jiġu użati bħala addittivi għall-fjuwils tal-magni u li, f'dan il-każ, huma soġġetti għat-tassazzjoni skont id-Direttiva 2003/96/KE.

(3)

Wara l-addozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/545/UE, inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-pożizzjoni partikolari ta’ prodotti li jinsabu fi ħdan il-kodiċi NM 3811 21 00 u 3811 29 00 . Dawk il-prodotti mhumiex maħsuba biex jintużaw bħala karburanti tat-tisħin jew fjuwils tal-magni, u lanqas bħala addittivi għalihom u ma jwasslux għal riskju ta’ evażjoni, evitar jew abbuż tat-taxxa. Għalhekk, m'għandhomx ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u l-moviment tad-Direttiva 2008/118/KE. Prodotti li jinsabu biss fil-kodiċi NM 3811 11 10 , 3811 11 90 , 3811 19 00 u 3811 90 00 għandhom ikunu soġġetti għal dawk id-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u l-moviment.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/545/UE għandha għalhekk tinbidel b'Deċiżjoni analoga, li madankollu tkun limitata għall-kodiċi NM 3811 11 10 , 3811 11 90 , 3811 19 00 u 3811 90 00 .

(5)

Il-miżuri provduti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-fehma tal-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mill-1 ta’ Jannar 2013, prodotti li jinsabu fi ħdan il-kodiċi NM 3811 11 10 , 3811 11 90 , 3811 19 00 u 3811 90 00 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (4) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001 (5) għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u l-moviment tad-Direttiva 2008/118/KE, b'konformità mal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/545/UE hija mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2012.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)   ĠU L 241, 17.9.2011, p. 33.

(3)   ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.

(4)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(5)   OJ L 279, 23.10.2001, p. 1. (Il-verżjoni bil-Malti mhix disponibbli).