5.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Diċembru 2011

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija min-naħa l-oħra dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

(2012/184/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Novembru 2009 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f’isem l-Unjoni, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika. Dan ġie inizjalat fl-14 ta' Ottubru 2010.

(2)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja, waqt li jkun għadu pendenti l-ikkompletar tal-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjon, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

2.   It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill b’dan qed jiġi awtorizzat li jaħtar il-persuna/i mogħnija bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu japplika provviżorjament, skont l-Artikolu 7(2) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KOROLEC



5.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/2


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

L-UNJONI EWROPEA: (minn hawn ’il quddiem "l-Unjoni"),

minn naħa, u

IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA POPOLARI TAL-ALĠERIJA, minn hawn ’il quddiem "l-Alġerija")

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem "il-Partijiet",

WARA LI KKUNSIDRAW l-importanza tax-xjenza u tat-teknoloġija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali taż-żewġ Partijiet, u r-referenza li saret fl-Artikolu 51 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2005;

WARA LI KKUNSIDRAW il-politika Ewropea tal-viċinat u l-istrateġija tal-Unjoni dwar ir-rinfurzar tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien;

WARA LI KKUNSIDRAW li l-Unjoni u l-Alġerija daħlu għal attivitajiet komuni ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, f'diversi oqsma ta' interess komuni, u li jkun ta' vantaġġ reċiproku li kull wieħed minnhom jieħu sehem fl-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp tal-ieħor, fuq bażi reċiproka;

WAQT LI JIXTIEQU jistabbilixxu qafas għall-kooperazzjoni uffiċjali fir-riċerka xjentifika u teknoloġika li jagħmilha possibbli li jkunu estiżi u intensifikati l-isforzi ta' kooperazzjoni fl-oqsma ta' interess komuni u li jinkoraġġixxu l-użu tar-riżultati ta' din il-kooperazzjoni huma u jqisu l-interessi ekonomiċi u soċjali tal-Partijiet;

WAQT LI JIXTIEQU jiftħu ż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u partikolarment għall-pajjiżi sħab Mediterranji;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ambitu u prinċipji

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, jiżviluppaw u jiffaċilitaw l-attivitajiet ta' koperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Alġerija fl-oqsma ta' interess komuni fejn ikunu qed iwettqu attivatijiet fil-qasam tax-xjenza u ta’ żvilupp teknoloġiku.

2.   L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom jitwettqu fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni ta' soċjetà tal-għarfien biex jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku u soċjali taż-żewġ Partijiet;

(b)

il-benefiċċju reċiproku bbażat fuq bilanċ kumplessiv ta' vantaġġi;

(c)

aċċess reċiproku għall-attivitajiet tal-programmi u proġetti ta' riċerka u ta’ żviluppi teknoloġiċi mwettqa miż-żewġ Partijiet;

(d)

l-iskambju f'waqtu ta' informazzjoni li tista' tiffaċilita l-attivitajiet ta' kooperazzjoni;

(e)

l-iskambju u l-protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(f)

il-parteċipazzjoni u l-finanzjament f'konformità mad-dispożizzjonijiet u r-regolamenti applikabbli tal-Partijiet.

Artikolu 2

Modalitajiet ta' kooperazzjoni

1.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont id-dritt privat jew id-dritt pubbliku stabiliti fl-Alġerija li jkunu entitajiet ġuridiċi skont l-Anness I jipparteċipaw fl-attivitajiet indiretti ta' kooperazzjoni tal-Programm Kwadru tal-Unjoni għall-azzjonijiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (minn hawn 'il quddiem "il-Programm Kwadru"), b'konformità mal-modalitajiet u l-kundizzjonijiet stabiliti mill-Annessi I u II jew imsemmi fihom.

L-entitajiet ġuridiċi stabiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni, skont l-Anness I, għandhom jipparteċipaw fil-programmi u proġetti ta' riċerka Alġerini dwar temi ekwivalenti għal dawk tal-Programm Kwadru skont l-istess modalitajiet u kundizzjonijiet stabiliti jew imsemmija fl-Annessi I u II.

2.   Il-kooperazzjoni tista' wkoll tieħu waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

diskussjonijiet regolari dwar l-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet tal-politika u l-ippjanar fil-każ ta’ riċerka fl-Alġerija u l-Unjoni;

(b)

diskussjonijiet dwar il-kooperazzjoni, l-iżviluppi u l-perspettivi;

(c)

l-għoti f'waqtu ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti ta' riċerka fl-Alġerija u l-Unjoni, u dwar ir-riżultati ta' xogħol magħmul fil-qafas ta' dan il-Ftehim;

(d)

laqgħat konġunti;

(e)

żjarat u skambji ta' riċerkaturi, inġiniera u tekniċi, għal finijiet ta' taħriġ;

(f)

skambji u kondiviżjoni ta' apparat, materjali u servizzi ta' ttestjar;

(g)

kuntatti bejn il-maniġers ta' programmi jew proġetti tal-Alġerija u l-Unjoni;

(h)

il-parteċipazzjoni ta' esperti f'seminars, simpożja u laqgħat ta' ħidma;

(i)

l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-prattiki, il-liġijiet, ir-regolamenti u l-programmi li għandhom x'jaqsmu mal-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim;

(j)

it-taħriġ fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiċi;

(k)

l-aċċess reċiproku għal informazzjoni xjentifika u teknoloġika fl-ambitu tal-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim;

(l)

kwalunkwe modalità oħra li tkun adottata mill-Kumitat Konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, kif iddefinit fl-Artikolu 4, u meqjus f'konformità mal-politiki u l-proċeduri applikabbli fiż-żewġ Partijiet;

(m)

l-appoġġ għall-aqwa użu tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp tal-intrapriżi innovattivi sabiex jiġu promossi t-tixrid ta’ għarfien ġdid u l-innovazzjoni;

(n)

l-assistenza għall-immaniġġjar tar-riċerka xjentifika u l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni dwar ir-riċerka;

(o)

l-eżami tal-possibilitajiet ta’ kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-inkubaturi u proġetti ġodda u l-ħolqien ta’ ċentri tar-riċerka, partikolarment permezz ta’ programmi Ewropej apparti l-Programm Kwadru;

(p)

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni permezz tal-proġetti tar-riċerka u żvilupp;

(q)

l-aċċess għall-infrastrutturi tar-riċerka;

(r)

il-possibilità ta’ kofinanzjament u ta’ koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka.

Artikolu 3

Titjib tal-kooperazzjoni

Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, fil-limiti tal-qafas tal-leġiżlazzjoni applikabbli tagħhom, biex jiffaċilitaw il-moviment ħieles u r-residenzjar tar-riċerkaturi li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti min dan il-Ftehim u biex jiffaċilitaw il-moviment transfruntier tal-merkanzija maħsuba għall-użu f'attivitajiet bħal dawn.

Artikolu 4

Immaniġġjar tal-Ftehim

Il-Kumitat Konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

1.   Il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni ta' attivitajiet taħt dan il-Ftehim għandhom jitwettqu f'isem l-Alġerija, mill-Ministeru tal-Edukazzjoni Għolja għar-Riċerka Xjentifika u, f'isem l-Unjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxu bħala aġenti eżekuttivi tal-Partijiet (minn hawn ’il quddiem "l-Aġenti Eżekuttivi").

2.   L-Aġenti Eżekuttivi għandhom jistabilixxu kumitat konġunt imsejjaħ "il-Kumitat Konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika" (minn hawn ’il quddiem "il-Kumitat Konġunt"), li l-funzjonijiet tiegħu għandhom jinkludu:

(a)

l-iżgurar, l-evalwar u l-eżami tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, kif ukoll il-modifika tal-Annessi tiegħu jew l-adozzjoni ta’ oħrajn ġodda li jqisu l-evoluzzjonijiet tal-politika xjentifika tal-Partijiet, soġġetti għat-twettiq minn kull wieħed mill-Partijiet tal-proċeduri interni tiegħu għal dak l-għan;

(b)

l-identifikazzjoni, fuq bażi annwali, tas-setturi potenzjali fejn il-kooperazzjoni għandha tiġi żviluppata u mtejba u jeżamina kwalunkwe miżura għal dan l-għan;

(c)

l-eżami regolari tal-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet futuri tal-politiki u l-ippjanar ta' riċerka fl-Alġerija u l-Unjoni, kif ukoll il-perspettivi ta' kooperazzjoni futura fi ħdan dan il-Ftehim;

(d)

il-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet rigward l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, partikolarment l-identifikazzjoni u r-rakkomandazzjoni ta’ żidiet mal-attivitajiet previsti fl-Artikolu 2(2), kif ukoll miżuri konkreti biex jitjieb l-aċċess reċiproku kif previst fl-Artikolu 1(2);

(e)

l-emendar tekniku għal dan il-Ftehim kif ikun meħtieġ, soġġett għall-proċeduri interni ta’ approvazzjoni mill-kull parti.

3.   Il-Kumitat Konġunt, li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Aġenti Eżekuttivi, għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' tal-anqas darba fis-sena, darba fl-Unjoni u darba fl-Alġerija. Il-laqgħat straordinarji għandhom isiru kull meta jkun hemm bżonn u bi qbil bejn il-Partijiet. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jintbagħtu, bħala informazzjoni, lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, min-naħa l-oħra.

Artikolu 5

Finanzjament

Il-parteċipazzjoni reċiproka fl-attivitajiet ta' riċerka taħt dan il-Ftehim huma stabiliti skont il-kundizzjonijiet definiti fl-Anness I u huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti, il-politiki u l-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-programmi li jkunu fis-seħħ fit-territorju ta' kull Parti.

Meta Parti waħda tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti tal-Parti l-oħra b’konnessjoni ma’ attivitajiet kooperattivi indiretti, kwalunkwe sovvenzjoni, kontribuzzjoni finanzjarja jew għotja oħra mingħand il-Parti li qed tagħti l-finanzjament lill-parteċipanti tal-Parti l-oħra għandhom jingħataw eżenzjoni fiskali u ta’ dazju doganali skont il-liġijiet u r-regolamenti rilevanti fis-seħħ fit-territorji ta’ kull Parti fiż-żmien li jsiru tali sovvenzjonijiet, kontribuzzjonijiet finanzjarji jew għotjiet oħra.

Artikolu 6

Tixrid u użu tar-riżultati u l-informazzjoni

It-tixrid u l-użu tar-riżultati u informazzjoni miksuba u/jew skambjati, l-immaniġġjar, l-attribuzzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' riċerka mwettqa skont dan il-Ftehim huma soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet finali

1.   L-Annessi I u II jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim. Il-kwistjonijiet jew nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu solvuti bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li jkunu lestew il-proċeduri interni sabiex ikun jista' jiġi konkluż. Sakemm ikunu konklużi l-proċeduri interni mill-Partijiet, huma għandhom japplikaw dan il-Ftehim provviżorjament hekk kif jiffirmawh. Il-Partijiet b'dan qed jaqblu li jekk Parti tinnotifika lill-oħra li ma tkunx se tikkonkludi l-Ftehim, il-proġetti u l-attivitajiet varati taħt din l-applikazzjoni provviżorja u li jkunu għadhom għaddejjin meta ssir in-notifika msemmija hawn fuq, għandhom jitkomplew sakemm jitlestew skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Ftehim.

3.   Iż-żewġ Partijiet jistgħu jitterminaw dan il-Ftehim fi kwalunkwe waqt bi preavviż ta' sitt xhur. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu għaddejjin fil-ħin tat-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jissoktaw sa tmiemhom taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Ftehim.

4.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ sakemm waħda milll-Partijiet tavża bil-miktub lill-Parit l-oħra bl-intenzjoni li tittermina dan il-Ftehim. F’każ bħal dan, dan il-Ftehim għandu jieqaf ikollu effett sitt xhur wara li tiġi riċevuta tali notifika.

5.   Jekk waħda mill-Partijiet tiddeċiedi li timmodifika l-programmi jew proġetti ta' riċerka previsti fl-Artikolu 1(1), l-aġent eżekuttiv ta' dik il-Parti għandu jgħarraf lill-aġent eżekuttiv tal-Parti l-oħra bil-kontenut eżatt tal-modifiki msemmija. B'deroga mill-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat taħt kundizzjonijiet maqbula b'mod reċiproku jekk waħda mill-Partijiet tinnotifika lill-oħra bl-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim fi żmien xahar wara l-adozzjoni tar-reviżjonijiet riferiti aktar ’il fuq f'dan il-paragrafu.

6.   Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorji li fihom it-Trattati dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma applikabbli u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dawn it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija. Dan ma għandux jostakola t-twettiq ta' azzjonijiet kooperattivi fl-ibħra internazzjonali, fl-ispazju jew fit-territorju ta' pajjiżi terzi, skont id-dritt internazzjonali.

B’XIEHDA TA’ DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan il-fini mill-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL f’żewġ kopji f'Alġeri, fid-dsatax-il jum ta' Marzu fis-sena elfejn u tnax bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Għarbi, kull test huwa ugwalment awtentiku.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l’Union européenne

Per l’Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

Image

Image

За правителството на Алжирската демократична народна република

Por el Gobierno de la República Argelina Democrática y Popular

Za vládu Alžírské demokratické a lidové republiky

For regeringen for Den Demokratiske Folkerepublik Algeriet

Für die Regierung der Demokratischen Volksrepublik Algerien

Alžeeria Demokraatliku Rahvavabariigi valitsusele

Για την κυβέρνηση της Λαϊκής Δημοκρατίας της Αλγερίας

For the Government of the People’s Democratic Republic of Algeria

Pour le gouvernement de la République algérienne démocratique et populaire

Per il governo della Repubblica algerina democratica e popolare

Alžīrijas Tautas Demokrātiskās Republikas valdības vārdā –

Alžyro Liaudies Demokratinės Respublikos Vyriausybės vardu

Az Algériai Demokratikus és Népi Köztársaság kormánya részéről

Għall-Gvern tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija

Voor de regering van de Democratische Volksrepubliek Algerije

W imieniu rządu Algierskiej Republiki Ludowo-Demokratycznej

Pelo Governo da República Argelina Democrática e Popular

Pentru Guvernul Republicii Algeriene Democratice și Populare

Za vládu Alžírskej demokratickej ľudovej republiky

Za Vlado Ljudske demokratične republike Alžirije

Algerian demokraattisen kansantasavallan hallituksen puolesta

För Demokratiska folkrepubliken Algeriets regering

Image

Image


ANNESS I

Modalitajiet u kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet ġuridiċi stabiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni u fl-Alġerija

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, "entità ġuridika" tfisser kull persuna fiżika, jew ġuridika maħluqa skont id-dritt nazzjonali tal-post tal-istabiliment tagħha jew skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali, li għandha personalità ġuridika u li hija intitolata li jkollha jeddijiet u obbligi ta' kull xorta f'isimha proprju.

I.   Modalitajiet u kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet ġuridiċi stabiliti fl-Alġerija f'azzjonijiet indiretti tal-Programm Kwadru

1.

Il-parteċipazzjoni ta' entitajiet ġuridiċi stabiliti fl-Alġerija f'azzjonijiet indiretti tal-Programm Kwadru għandha ssegwi l-kundizzjonijiet stabiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 183 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.

L-Unjoni tista' tagħti finanzjament lil entitajiet ġuridiċi stabiliti fl-Alġerija li jipparteċipaw f'azzjonijiet indiretti msemmija fil-punt 1 taħt l-istess modalitajiet u kundizzjonijiet stabiliti mid-deċiżjoni(jiet) meħuda mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 183 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni u kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni oħra li tkun tapplika.

3.

It-twettiq tal-kontrolli u l-awditjar mill-Kummissjoni Ewropea jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jew oħrajn taħt l-awtorità ta' dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikunu previsti kemm fi ftehim ta' għotja jew f'kuntratt li jsir mill-Unjoni ma' entità ġuridika stabilita fl-Alġerija sabiex twettaq azzjoni indiretta jew fid-deċiżjoni tal-għotja mogħtija mill-Unjoni.

Fi spirtu ta' kooperazzjoni u interess reċiproku, l-awtoritajiet kompetenti tal-Alġerija jagħtu, fil-limitu possibbli u raġonevoli, l-għajnuna kollha li tista' tkun neċessarja jew utli biex jitwettqu l-kontrolli u l-awditjar u l-azzjonijiet ta’ rkupru msemmija hawn fuq.

II.   Modalitajiet u kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet ġuridiċi stabiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fi programmi u proġetti ta' riċerka tal-Alġerija

1.

Kwalunkwe entità ġuridika stabilita fl-Unjoni, maħluqa skont id-dritt nazzjonali ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni jew skont id-dritt tal-Unjoni, tista' tipparteċipa fi proġetti jew programmi ta' riċerka u żvilupp tal-Algerija b'kooperazzjoni ma' entitajiet ġuridiċi Alġerini.

2.

Id-drittijiet u l-obbligi tal-entitajiet ġuridiċi stabiliti fl-Unjoni li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka Alġerini fil-qafas tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp, il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet applikabbli għas-sottomissjoni u l-evalwazzjoni tal-proposti u għall-attribuzzjoni u l-konklużjoni ta' kuntratti f'tali proġetti għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-direttivi tal-gvern tal-Alġerija li jirregolaw l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka u żvilupp, kif applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi Alġerini u li jiżguraw trattament ekwu, filwaqt li titqies in-natura tal-kooperazzjoni bejn l-Alġerija u l-Unjoni f'dan il-qasam.

Il-finanzjament ta' entitajiet legali stabiliti fl-Unjoni li jipparteċipaw fil-proġetti ta’ riċerka Alġerini fi ħdan il-programmi ta' riċerka u żvilupp għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-direttivi tal-gvern tal-Alġerija li jirregolaw l-implimentazzjoni ta' programmi bħal dawn, kif applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi li mhumiex Alġerini.

III.   Tagħrif dwar l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni

L-Alġerija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jippubblikaw regolarment it-tagħrif dwar programmi li jkunu għaddejjin u opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni għall-benefiċċju tal-entitajiet ġuridiċi stabiliti fiż-żewġ Partijiet.


ANNESS II

PRINĊIPJI DWAR L-ALLOKAZZJONI TA' DRITTIJIET TAL-PROPJETÀ INTELLETTWALI

I.   Ambitu

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, "proprjetà intelletwali" għandu jkollha t-tifsira mogħtija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, iffirmata fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967.

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, "għarfien" għandha tfisser ir-riżultati, li jinkludu l-informazzjoni, kemm jekk jistgħu jkunu prottetti jew le, kif ukoll drittijiet tal-awtur jew drittijiet rilevanti għal tali informazzjoni wara l-applikazzjonijiet għal, jew il-ħruġ ta' privattivi, disinji, varjetajiet ta' pjanti, ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari jew forom simili ta' protezzjoni.

II.   Drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' entitajiet ġuridiċi tal-Partijiet f'attivitajiet indiretti ta' kooperazzjoni

1.

Kull Parti għandha tiżgura ruħha li t-trattament li tagħti lid-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u lill-obbligi tal-entitajiet ġuridiċi stabiliti fit-territorji tal-Parti l-oħra li jipparteċipaw f'attivitajiet indiretti ta' kooperazzjoni mwettqa skont dan il-Ftehim, u lid-drittijiet u lill-obbligi relatati li jirriżultaw minn tali parteċipazzjoni, għandu jkun konsistenti mal-liġijiet u mar-regolamenti u mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li huma applikabbli għall-Partijiet, inkluż il- Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ, l-Anness 1C għall-Ftehim ta’ Marrakexx li jistabilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ kif ukoll l-Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971 tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi u l-Att ta’ Stokkolma tal-14 ta’ Lulju 1967 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali.

2.

Kull Parti għandha tiżgura ruħha li l-parteċipanti f’attivitajiet kooperattivi indiretti tal-Parti l-oħra għandu jkollhom l-istess trattament rigward il-proprjetà intelletwali kif jingħata lill-parteċipanti tal-ewwel Parti skont ir-regoli rilevanti ta’ parteċipazzjoni ta’ kull programm jew proġett ta’ riċerka, jew skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħha.

III.   Drittijiet ta' proprjetà intellettwali tal-Partijiet

1.

Għajr jekk ikun maqbul mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għal għarfien iġġenerat mill-Partijiet matul l-attivitajiet imwettqa skont l-Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim:

(a)

il-Parti li tiġġenera tali għarfien għandha tkun is-sid ta' dak l-għarfien. Fejn is-sehem rispettiv tal-Partijiet fix-xogħol ma jkunx jista' jiġi aċċertat, għandu jkollhom id-dritt tas-sjieda konġunta tat-tali għarfien;

(b)

il-Parti li jkollha s-sjieda tal-għarfien għandha tagħti drittijiet ta' aċċess għalih lill-Parti l-oħra għat-twettiq ta' attivitajiet previsti fl-Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim. Dawn id-drittijiet ta' aċċess għall-għarfien għandhom jingħataw mingħajr ħlas.

2.

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux bejniethom mod ieħor, ir-regoli li ġejjin japplikaw għax-xogħlijiet letterarji ta' karattru xjentifiku tal-Partijiet:

(a)

fil-każ fejn Parti tippubblika dejta, informazzjoni u riżultati xjentifiċi u tekniċi, permezz ta' ġurnali, artikoli, rapporti, kotba, inklużi vidjo u softwer, li joħorġu minn jew ikunu relatati ma' attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, liċenzja dinjija, mhux esklussiva, irrevokabbli, ħielsa mill-ħlas ta' drittijiet għandha tingħata lill-Parti l-oħra biex tittraduċi, tirriproduċi, tadatta, tittrażmetti u xxerred pubblikament xogħlijiet bħal dawn;

(b)

il-kopji kollha ta' dejta u informazzjoni, protetti mid-drittijiet tal-awtur, li għandhom jitqassmu pubblikament u jkunu prodotti skont il-kundizzjonijiet elenkati f’din it-taqsima għandhom juru l-ismijiet tal-awtur(i) tax-xogħol ħlief jekk awtur jirrifjuta b'mod espliċitu li jissemma'. Dawn għandu jkollhom ukoll rikonoxximent ċar u viżibbli tas-sostenn konġunt tal-Partijiet.

3.

Għajr jekk ikun maqbul mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-informazzjoni kunfidenzjali tal-Partijiet:

(a)

f'komunikazzjoni mal-Parti l-oħra dwar informazzjoni konnessa ma' attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, kull Parti għandha tidentifika l-informazzjoni li tixtieq li tibqa' mhux divulgata permezz ta' marki jew skrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità;

(b)

il-Parti destinatarja tista', taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, tikkomunika informazzjoni mhux divulgata lil korpi jew persuni taħt l-awtorità tagħha għall-finijiet speċifiċi ta' implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(c)

bil-kunsens bil-kitba minn qabel tal-Parti li tipprovdi informazzjoni mhux divulgata, il-Parti destinatarja tista' xxerred tali informazzjoni mhux divulgata b'mod usa' milli permess fil-punt (b). Il-Partijiet għandhom jikkollaboraw fl-istabiliment ta' proċeduri għat-talba u l-kisba ta' awtorizzazzjoni bil-miktub minn qabel għal tixrid usa', u kull Parti għandha tipprovdi din l-awtorizzazzjoni sal-punt permess mill-politiki, ir-regolamenti u l-liġijiet domestiċi tagħha;

(d)

l-informazzjoni nondokumentarja li ma tiġix divulgata jew l-informazzjoni kunfidenzjali l-oħra pprovduti f'seminars u laqgħat oħra bejn rappreżentanti tal-Partijiet organizzati skont dan il-Ftehim, jew l-informazzjoni li toħroġ miċ-ċaqlieq ta’ persunal, l-użu ta' stallazzjonijiet jew attivitajiet indiretti ta’ kooperazzjoni, għandha tibqa' kunfidenzjali meta d-destinatarju ta' tali informazzjoni li ma għandhiex tiġi divulgata jew informazzjoni oħra kunfidenzjali jew privileġġjata tkun informata bin-natura kunfidenzjali ta’ dik l-informazzjoni qabel ma sseħħ il-komunikazzjoni tagħha, skont il-punt (a);

(e)

kull Parti għandha tagħmel sforz biex tiżgura li l-informazzjoni mhux divulgata li tkun inkisbet b'konformità mal-punti (a) u (d) tkun protetta skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Jekk waħda mill-Partijiet tintebaħ li se ssib ruħha jew li hija suxxettibli li ma tkunx f'qagħda li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-punti (a) u (d) dwar in-nuqqas ta' tixrid ta’ informazzjoni, hi għandha minnufih tgħarraf b'dan lill-Parti l-oħra. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex jiddeterminaw kif għandhom jipproċedu.