20.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/30


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Marzu 2012

li tipprevedi l-inizjazzjoni ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi fil-Bolivja

(2012/161/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u (KE) Nru 964/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat għall-Preferenzi Ġeneralizzati,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Gvern tal-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja (aktar ’il quddiem il-Bolivja) iddepożita strument ta’ denunzja tal-Konvenzjoni Unika tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Id-denunzja daħlet fis-seħħ għall-Bolivja fl-1 ta’ Jannar 2012.

(2)

Il-Bolivja mbagħad iddepożitat strument għall-aċċess mill-ġdid tal-Konvenzjoni Unika tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi b’riżerva fuq l-użu tradizzjonali tal-weraq tal-koka (b’mod partikolari t-timgħid u l-użijiet mediċinali). Din it-talba għall-aċċess mill-ġdid qiegħda bħalissa tiġi vvalutata mill-Istati Partijiet.

(3)

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 jipprevedi l-irtirar temporanju tal-arranġament speċjali ta’ inċentiv għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba msemmi fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkorporax aktar dawk il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Anness III li ġew ratifikati sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) u (2) jew jekk dik il-leġiżlazzjoni ma tkunx implimentata b’mod effettiv. Dan l-arranġament ġie approvat għall-Bolivja permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/938/KE (2).

(4)

Il-Konvenzjoni Unika tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi hija elenkata fl-Anness III, il-Parti B, il-punt 24, tar-Regolament (KE) Nru 732/2008.

(5)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 jipprevedi li meta l-Kummissjoni tirċievi tagħrif li jista’ jiġġustifika l-irtirar temporanju u meta tqis li hemm raġunijiet biżżejjed għal investigazzjoni, din għandha tgħarraf lill-Kumitat għall-Preferenzi Ġeneralizzati u titlob konsultazzjonijiet. Skont l-Artikolu 17(2), wara l-konsultazzjonijiet il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tniedi investigazzjoni.

(6)

Huwa meħtieġ li jiġu analizzati l-effetti tad-denunzja ta’ dik il-Konvenzjoni sabiex jiġi determinat jekk jiġġustifikawx irtirar temporanju tal-arranġament speċjali ta’ inċentiv. Għalhekk, hemm biżżejjed raġunijiet għal investigazzjoni.

(7)

Il-konsultazzjonijiet mal-Kumitat għall-Preferenzi Ġeneralizzati saru fis-27 ta’ Frar 2012,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni għandha tniedi investigazjoni sabiex tistabbilixxi jekk id-denunzja tal-Konvenzjoni Unika tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi tiġġustifikax irtirar temporanju tal-arranġament speċjali ta’ inċentiv għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba għall-prodotti li joriġinaw mill-Bolivja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 334, 12.12.2008, p. 90.