17.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 78/19


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Marzu 2012

li tissospendi l-impenji mill-Fond tal-Koeżjoni għall-Ungerija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013

(2012/156/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jitlob lill-Unjoni biex tiżviluppa u twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż ġenerali tagħha.

(2)

Skont l-Artikolu 175 tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom imexxu l-politika ekonomika tagħhom u jikkoordinawha b’tali mod li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 174 tat-TFUE. Il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ kull politika u azzjoni tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tas-suq intern għandhom jieħdu inkonsiderazzjoni wkoll l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174 tat-TFUE u jwasslu għat-twettiq tagħhom.

(3)

L-Artikolu 121(3) tat-TFUE jitlob lill-Kunsill biex jissorvelja l-iżviluppi ekonomiċi f’kull wieħed mill-Istati Membri u fl-Unjoni sabiex jiżgura koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi u l-konverġenza kontinwa fl-attività ekonomika tal-Istati Membri u biex jiżgura l-konsistenza tal-politika ekonomika mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 126 tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(5)

Skont l-Artikolu 177 tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddefinixxu l-kompiti, l-għanijiet prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni li jipprovdi kontribut finanzjarju għall-proġetti fl-oqsma tal-ambjent u ta’ netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport.

(6)

Fil-Protokoll (Nru 28) dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, l-Istati Membri qablu li l-Fond ta’ Koeżjoni ser jipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għal proġetti fl-oqsma tal-ambjent u ta’ netwerks trans-Ewropej fl-Istati Membri bi PDG per capita ta’ anqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni u li jkollhom programm li jwassal għat-twettiq tal-kondizzjoniet ta’ konverġenza ekonomika kif stabbiliti fl-Artikolu 126 tat-TFUE.

(7)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006 jistipula l-kundizzjonijiet applikabbli għall-assistenza mill-Fond ta’ Koeżjoni u jagħmel l-aċċess għall-assistenza finanzjarja mill-Fond ta’ Koeżjoni kondizzjonali fuq l-evitar ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern kif stabbilit fl-Artikolu 126 tat-TFUE (2). Taħt l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006 il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni, li jissospendi totalment jew parzjalment l-impenji mill-Fond ta’ Koeżjoni għal Stat Membru benefiċjarju jekk: (i) il-Kunsill ikun iddeċieda skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE (3) li jeżisti defiċit tal-gvern eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat, u (ii) il-Kunsill ikun stabbilixxa skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE (4) li l-Istat Membru kkonċernat ma ħax azzjoni effettiva b'rispons għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-TFUE (5) sabiex jikkoreġi d-defiċit tal-gvern eċċessiv sal-iskadenza stabbilita. Tali sospensjoni tal-impenji għandha tkun effettiva mill-1 ta' Jannar tas-sena wara d-deċiżjoni ta' sospensjoni.

(8)

Fil-5 ta’ Lulju 2004, bid-Deċiżjoni 2004/918/KE (6) il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE) li fl-Ungerija kien hemm defiċit eċċessiv. Il-Kunsill adottata l-ewwel rakkomandazzjoni fil-5 ta’ Lulju 2004, it-tieni rakkomandazzjoni fit-8 ta’ Marzu 2005 u t-tielet rakkomandazzjoni fl-10 ta’ Ottubru 2006 indirizzati lill-Ungerija skont l-Artikolu 104(7) tat-TKE. Fis-7 ta’ Lulju 2009 il-Kunsill adotta r-raba’ rakkomandazzjoni lill-Ungerija skont l-Artikolu 104(7) tat-TKE ("Rakkomandazzjoni tas-7 ta' Lulju 2009") bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern sa mhux aktar tard mill-2011. Partikolarment, l-Ungerija ġiet rakkomandata sabiex: (i) tillimita d-deterjorament tal-pożizzjoni fiskali fl-2009 billi tiżgura implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri korrettivi adottati u mħabbra biex tinżamm il-mira ta’ 3,9 % tal-PDG; (ii) mill-2010, timplimenta rigorożament il-miżuri ta’ konsolidament neċessarji biex jiżguraw tnaqqis kontinwu tad-defiċit strutturali u tnaqqis mill-ġdid tad-defiċit nominali, b’aktar irbit ta’ miżuri strutturali sabiex ikun iggarantit titjib dejjiemi fil-finanzi pubbliċi; (iii) tħabbar u tadotta propizjożament il-miżuri ta’ konsolidament neċessarji biex tintlaħaq il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2011; (iv) tiżgura sforz fiskali kumulattiv ta’ mill-anqas 0,5 % tal-PDG matul l-2010 u l-2011; u (v) tiżgura li l-proporzjon tad-dejn pubbliku gross jinġieb f’perkors ta’ tnaqqis konsitenti.

(9)

Fl-24 ta’ Jannar 2012 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/139/UE (7) skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE li tistabbilixxi li l-Ungerija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2009. Id-Deċiżjoni nnutat li filwaqt li l-Ungerija formalment irrispettat il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG sal-2011, dan ma kienx ibbażat fuq korrezzjoni strutturali u sostenibbli. Il-bilanċ pożittiv fl-2011 iddependa minn dħulijiet sostanzjali ta’ darba ta’ aktar minn 10 % tal-PDG u kien akkumpanjat minn deterjorament strutturali kumulattiv fl-2010 u l-2011 ta’ 2,75% tal-PDG meta mqabbel ma’ rakkomandazzjoni ta’ titjib fiskali kumulattiv ta’ 0,5 % tal-PDG. Barra minn hekk, filwaqt li fl-2012 l-awtoritajiet għandhom l-intenzjoni li jimplimentaw miżuri strutturali sostanzjali li jnaqqsu d-defiċit strutturali għal 2,6 % tal-PDG, it-3 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG għal darba oħra se jkun irrispettat biss grazzi għal miżuri ta’ darba ta’ kważi 1 % tal-PDG. Fl-aħħar nett, fl-2013, id-defiċit (ta’ 3,25% tal-PDG) kien mistenni li jaqbeż il-valur referenzjarju tat-TFUE għal darba oħra anki meta jitqiesu l-miżuri addizzjonali mħabbra wara t-Tbassir tal-Ħarifa 2011 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Id-defiċit ogħla fl-2013 huwa prinċipalment marbut mal-fatt li dħulijiet temporanji ta’ darba kienu qed jiġu eliminati gradwalment kif ippjanat, filwaqt li mhux ir-riformi strutturali ppjanati kollha ġew speċifikati biżżejjed. B’mod ġenerali, il-Kunsill ikkonkluda li r-rispons mill-awtoritajiet Ungeriżi għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2009 skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE ma kienx suffiċjenti.

(10)

Għalhekk, fil-każ tal-Ungerija, iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006 ġew sodisfatti. Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ għalhekk jissospendi jew it-totalità jew parti mill-impenji mill-Fond ta’ Koeżjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013. Id-deċiżjoni dwar l-ammont ta’ impenji li se jkunu sospiżi għandha tiżgura li s-sospensjoni tkun kemm effettiva kif ukoll proporzjonata, filwaqt li titqies il-qagħda ekonomika globali attwali fl-Unjoni Ewropea u l-importanza relattiva tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, huwa xieraq, fil-każ tal-ewwel applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006 għal Stat Membru partikolari, li l-ammont ikun iffissat għal 50 % tal-allokazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni għall-2013, mingħajr ma jinqabeż il-livell massimu ta’ 0,5 % tal-PDG nominali tal-Istat Membru kkonċernat kif imbassar mis-servizzi tal-Kummissjoni.

(11)

Peress li s-sospenzjoni tikkonċerna biss l-impenn, l-implimentazzjoni ta’ proġetti tat-trasport u tal-ambjent jew l-impenji li saru diġà fil-mument tas-sospensjoni mhux se jiġu kompromessi jekk l-azzjonijiet korrettivi neċessarji jiġu implimentati fil-pront. Peress li s-sospensjoni ssir fuq l-impenji li jieħdu effett mis-sena ta’ wara, l-implimentazzjoni tal-proġett li għaddej mhux se tkun affettwata għal perjodu estiż. B’hekk l-awtoritajiet se jkollhom iż-żmien meħtieġ biex jadottaw il-miżuri li jġibu lura l-kondizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali li jwasslu għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi.

(12)

B'konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006, jekk sat-22 ta' Ġunju 2012, jew f'data aktar tard, il-Kunsill jistabilixxi li l-Ungerija tkun ħadet l-azzjoni korrettiva meħtieġa, hu għandu jiddeċidi, mingħajr dewmien, li jneħħi s-sospensjoni fuq l-impenji konċernati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ammont ta’ EUR 495 184 000 (fi prezzijjiet attwali) ta’ impenji mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-Ungerija għandu jiġi sospiż b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. VESTAGER


(1)   ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79.

(2)  Li jissostitwixxi l-Artikolu 104 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE) kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006.

(3)  Li jissostitwixxi l-Artikolu 104(6) tat-TKE kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006.

(4)  Li jissostitwixxi l-Artikolu 104(8) tat-TKE kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006.

(5)  Li jissostitwixxi l-Artikolu 104(7) tat-TKE kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1084/2006.

(6)   ĠU L 389, 30.12.2004, p. 27.

(7)   ĠU L 66, 6.3.2012, p. 6.