9.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Frar 2012

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq u fir-rigward tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED)

(2012/143/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta’ Novembru 1997 bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li tikkonċerna l-addozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu ikunu iffittjati ma’ u/jew ikunu użati ma’ vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet reċiproċi tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijet (Ftehim Rivedut tal-1958) (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti standard tal-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ezekuzzjoni tagħhom lejn is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq (3) u l-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ tas-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED) għall-użu f’tagħmir ta’ lampi tas-sinjal approvati, imqedgħa fuq vetturi misjuqa bis-saħħa u t-trejlijiet tagħhom (4) maħsuba li jneħħu l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u jiżguraw li tali vetturi jkunu joffru livell għoli ta’ sikurezza u protezzzjoni.

(2)

Jixraq li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea rigward dawk l-abbozzi tar-Regolamenti msemmija tiġi ddefinita, u b’konsegwenza ta’ dan issir proviżjoni għall-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, biex tivvota favurihom.

(3)

L-abbozzi tar-Regolamenti dwar is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq u dwar is-sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED) għandhom jiġu inkorporati fis-sistema ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UEgħall-vetturi bil-mutur,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ezekuzzjoni tagħhom lejn is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq, kif miġbura fid-dokument ECE TRANS/WP.29/2010/127 huwa b’dan approvat.

Artikolu 2

L-abbozz tar-Regolament tal-UNECE dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-użu ta’ sorsi tad-dawl minn Dijodu li Jemmetti d-Dawl (LED) f’tagħmir ta’ lampi tas-sinjal approvati, imqedgħa fuq vetturi misjuqa bis-saħħa u t-trejlijiet tagħhom, kif jidher fid-dokument ECE TRANS/WP.29/2010/44 flimkien mal-korrezzjoni tiegħu, huwa b’dan approvat.

Artikolu 3

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, se tivvota favur l-abbozzi tar-Regolamenti tal-UNECE msemmija fl-Artikoli 1 u 2 f’laqgħa fil-ġejjieni tal-Kumitat Amministrattiv tal-Forum Dinji tal-UNECE għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi.

Artikolu 4

B’konformità mal-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u t-tejlijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (5), l-ekwivalenza tar-rekwiżiti tal-abbozz tar-Regolament tal-UNECE fuq dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ezekuzzjoni tagħhom lejn is-sikurezza tal-persuni mixjin fit-triq u dawk stipulati fil-paragrafi 3.1, 3.3, 3.4 u 3.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 78/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ħarsien tal-persuni mixjin fit-triq u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq (6), għandha tiġi rikonoxxuta.

Artikolu 5

L-abbozzi tar-Regolamenti tal-UNECE imsemmija fl-Artikoli 1 u 2 għandhom isiru parti mis-sistema ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-vetturi bil-mutur.

Artikolu 6

Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LIDEGAARD


(1)  ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.

(2)  Kunsens tad-19 ta’ Jannar 2012 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Dokument tal-UNECE ECE TRANS/WP.29/2010/127.

(4)  Dokument tal-UNECE ECE TRANS/WP.29/2010/44.

(5)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1

(6)  ĠU L 35, 4.2.2009, p. 1.