3.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/38


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta’ Marzu 2012

fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Anoplophora chinensis (Forster)

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 1310)

(2012/138/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara [għall-pjanti] jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari r-raba’ sentenza tal-Artikolu 16(3), tagħha,

Billi:

(1)

Mill-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/840/KE tas-7 ta’ Novembru 2008 dwar miżuri ta’ emerġenza għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal-Anoplophora chinensis (Forster) (2), b’mod ġenerali, b’kunsiderazzjoni tat-tifqigħat u s-sejbiet riċenti rrappurtati mill-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit b’mod partikolari, u l-esperjenzi marbuta mal-qerda tagħhom, ħarġet il-ħtieġa għal modifika tal-miżuri pprovduti f’dik id-Deċiżjoni. Fl-interess taċ-ċarezza u fid-dawl tal-portata ta’ dawk il-modifika u ta’ modifiki preċedenti, huwa xieraq li d-Deċiżjoni 2008/840/KE tinbidel.

(2)

Fit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE, Anoplophora chinensis (Thomson) u Anoplophora malasiaca (Forster) huma elenkati, għalkemm iż-żewġ denominazzjonijiet ikopru speċi waħda li għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni hija deżinjata bħala Anoplophora chinensis (Forster), minn issa ’l quddiem “l-organiżmu speċifikat” bħal fid-Deċiżjoni 2008/840/KE.

(3)

B’kunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba, ċerti speċijiet ta’ pjanti li ma kinux koperti mid-Deċiżjoni 2008/840/KE għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni filwaqt oħrajn li kienu preċedentement koperti għandhom jiġu esklużi. Pjanti u friegħi għat-tilqim li z-zokk jew l-għonq tal-għerq tagħhom jinsab taħt ċertu dijametru ma għandhomx jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni. Ċerti definizzjonijiet għandhom jiġu inklużi sabiex itejbu ċ-ċarezza u l-leġibbiltà.

(4)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet għandhom iqisu l-istat fitosanitarju tal-organiżmu speċifiku fil-pajjiż tal-oriġini.

(5)

Minħabba l-esperjenza ta’ kunsinni infestati li joriġinaw fiċ-Ċina, l-importazzjonijiet dan il-Pajjiż għandhom isiru skont dispożizzjonijiet speċjali. Peress li l-biċċa l-kbira tal-interċezzjonijiet dwar pjanti speċifiċi impurtati miċ-Ċina ġew irrappurtati fuq pjanti ta’ Acer spp., ikun xieraq li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tagħhom tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ April 2012, kif kien ġie stipulat qabel.

(6)

It-trasport tal-pjanti fl-Unjoni għandu jiġu pprovdut.

(7)

L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet annwali u jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati tagħhom. Għandha ssir dispożizzjoni għan-notifika f’każijiet fejn l-organiżmu speċifikat jitfaċċa fi Stat Membru jew f’parti ta’ Stat Membru, fejn il-preżenza tiegħu ma kinitx magħrufa qabel jew fejn kien maħsub li nqered. L-Istat Membru għandu jistabbilixxi skadenza ta’ ħamest ijiem għan-notifika dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat sabiex jippermetti li tittieħed azzjoni minnufih fil-livell tal-Unjoni, skont kif ikun xieraq.

(8)

Sabiex jeqirdu l-organiżmu speċifiku u jipprevjenu l-firxa tiegħu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żoni demarkati u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Bħala parti mill-miżuri tagħhom, l-Istati Membri għandhom iwettqu attivitajiet biex iżidu s-sensibilità pubblika għat-theddida li jimponi l-organiżmu speċifikat. Barra minn hekk, huma għandhom jistabbilixxu wkoll perjodi speċifiċi ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri. F’każijiet fejn il-qerda tal-organiżmu speċifikat ma tkunx għadha possibbli, l-Istat Membru għandu jieħu miżuri biex jikkontrollah.

(9)

F’ċirkostanzi speċifikati, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jiddeċiedu li ma jistabbilixxux żoni demarkati u li jillimitaw l-miżuri għall-qerda tal-materjal infestat, iwettqu monitoraġġ intensifikat u traċċjar tal-pjanti marbuta mal-każ ta’ infestazzjoni kkonċernat.

(10)

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri li jkunu ħadu jew li jkunu beħsiebhom jieħdu, kif ukoll dwar ir-raġunijiet għalfejn ma jkunux stabbilixxew żoni demarkati. Kull sena, huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra verżjoni aġġornata ta’ dak ir-rapport u jagħtu ħarsa ġenerali effettiva dwar is-sitwazzjoni.

(11)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2008/840/KE għandha titħassar.

(12)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pjanti speċifikati” tfisser pjanti għat-taħwil li għandhom zokk jew għonq ta’ għerq b’dijametru ta’ 1 ċm jew aktar fl-eħxen biċċa, minbarra żrieragħ, ta’ Acer spp., Aesculus hippocastanum, Alnus spp., Betula spp., Carpinus spp., Citrus spp., Cornus spp. Corylus spp., Cotoneaster spp., Crataegus spp., Fagus spp., Lagerstroemia spp., Malus spp., Platanus spp., Populus spp., Prunus laurocerasus, Pyrus spp., Rosa spp., Salix spp. u Ulmus spp.;

(b)

“post tal-produzzjoni” tfisser il-post tal-produzzjoni kif imfisser fl-Istandard Internazzjonali tal-FAO għal Miżuri Fitosanitarji (minn issa ’l quddiem “ISPM”) Nru 5 (3);

(c)

“organiżmu speċifikat” jiġifieri Anoplophora chinensis (Forster).

Artikolu 2

Importazzjoni tal-pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi ħlief iċ-Ċina

Fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fejn l-organiżmu speċifikat hu magħruf li huwa preżenti, minbarra ċ-Ċina, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif imniżżla fil-punt 1 tat-Taqsima 1(A) tal-Anness I;

(b)

jekk malli jidħlu fl-Unjoni, jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt 2 tat-Taqsima 1(A) tal-Anness I għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali ta’ dak l-organiżmu.

Artikolu 3

Importazzjoni tal-pjanti speċifikati li joriġinaw miċ-Ċina

1.   Fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif imniżżla fil-punt 1 tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I;

(b)

jekk malli jidħlu fl-Unjoni jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt 2 tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali ta’ dak l-organiżmu.

(c)

il-post tal-produzzjoni ta’ dawk il-pjanti:

(i)

ikun deżinjat b’numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti taċ-Ċina,

(ii)

ikun inkluż fl-iktar verżjoni riċenti tar-reġistru kkomunikat mill-Kummissjoni lill-Istati Membri skont il-paragrafu 3,

(iii)

ma jkunx, fis-sentejn ta’ qabel, suġġett ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tat-tneħħija mir-reġistru skont il-paragrafu 3, u

(iv)

ma jkunx, fis-sentejn ta’ qabel, suġġett ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kif imsemmi fil-paragrafu 4 jew il-paragrafu 5.

2.   Madankollu, il-pjanti ta’ Acer spp. ma għandhomx ikunu introdotti fl-Unjoni sat-30 ta’ April 2012.

Mill-1 ta’ Mejju 2012, il-paragrafu 1 għandu japplika għall-pjanti ta’ Acer spp.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri r-reġistru ta’ postijiet tal-produzzjoni fiċ-Ċina li l-organizzazzjoni nazzjonali tagħha għall-protezzjoni tal-pjanti stabbilixxiet f’konformità mal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I.

Fejn dik l-organizzazzjoni taġġorna r-reġistru minħabba t-tneħħija ta’ post tal-produzzjoni jew minħabba li dik l-organizzazzjoni tkun sabet li l-post tal-produzzjoni ma għadux konformi mal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I jew minħabba li l-Kummissjoni tkun infurmat liċ-Ċina b’evidenza tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat mal-wasla ta’ pjanti speċifikati minn dak il-post tal-produzzjoni, u ċ-Ċina tagħmel il-verżjoni aġġornata tar-reġistru disponibbli għall-Kummissjoni, il-Kummissjoni tikkomunika l-verżjoni aġġornata tar-reġistru lill-Istati Membri.

Fejn dik l-organizzazzjoni taġġorna r-reġistru billi tinkludi post tal-produzzjoni minħabba li dik l-organizzazzjoni tkun sabet li dak il-post tal-produzzjoni hu konformi mal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I u ċ-Ċina tagħmel il-verżjoni aġġornata tar-reġistru disponibbli lill-Kummissjoni kif ukoll l-informazzjoni ta’ spjegazzjoni meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik il-verżjoni aġġornata u, fejn xieraq, dik l-informazzjoni ta’ spjegazzjoni lill-Istati Membri.

Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-Internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-reġistru u l-aġġornamenti tiegħu disponibbli għall-pubbliku.

4.   Meta matul spezzjoni f’post tal-produzzjoni rreġistrat, kif stipulat fil-punti (ii), (iii) u (iv) tal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I, l-organizzazzjoni Ċiniża għall-protezzjoni tal-pjanti ssib evidenza tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat u l-Kummissjoni tiġi nnotifikata b’dik is-sejba miċ-Ċina, il-Kummissjoni tikkomunika minnufih dik is-sejba lill-Istati Membri.

Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-Internet, il-Kummissjoni tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

5.   Fejn il-Kummissjoni jkollha evidenza minn sorsi oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 li l-post tal-produzzjoni elenkat fir-reġistru mhuwiex konformi mal-punt 1(b) tat-Taqsima 1(B) tal-Anness I jew li l-organiżmu speċifikat instab fuq pjanti speċifikati importati minn tali post tal-produzzjoni, din tikkomunika l-informazzjoni dwar dak il-post tal-produzzjoni lill-Istati Membri.

Permezz ta’ paġni ta’ informazzjoni fuq l-Internet, il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 4

It-trasport ta’ pjanti speċifikati fl-Unjoni

Pjanti speċifikati li joriġinaw f’oqsma demarkati fl-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 6 jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1 tat-Taqsima 2 tal-Anness I.

Pjanti speċifikati li ma ġewx imkabbra f’żoni demarkati, iżda huma introdotti fit-tali żoni, jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2 tat-Taqsima 2 tal-Anness I.

Pjanti speċifikati impurtati skont l-Artikolu 2 u 3 minn pajjiżi terzi fejn l-organiżmu speċifikat hu magħruf li huwa preżenti, jistgħu jiġu ttrasportati fl-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Punt 3 tat-Taqsima 2 tal-Anness I.

Artikolu 5

Stħarriġiet u notifiki tal-organiżmu speċifikat

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet uffiċjali kull sena għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat jew għall-evidenza ta’ infestazzjoni minn dak l-organiżmu fuq il-pjanti ospitanti fit-territorji tagħhom.

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati ta’ dawk l-istħarriġiet sat-30 ta’ April ta’ kull sena.

2.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom, fi żmien ħamest ijiem u bil-miktub, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-preżenza tal-organiżmu speċifikat f’żona fit-territorju tagħhom fejn dik il-preżenza ma kinitx magħrufa qabel jew fejn l-organiżmu speċifikat kien maħsub li nqered jew fejn l-infestazzjoni nstabet fuq speċi ta’ pjanta li qabel ma kinitx magħrufa bħala pjanta ospitanti.

Artikolu 6

Żoni demarkati

1.   Meta r-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) jikkonfermaw il-preżenza tal-organiżmu speċifikat f’xi żona, jew tinstab evidenza tal-preżenza ta’ dak l-organiżmu b’xi mezzi oħra, l-Istat Membru kkonċernat jistabbilixxi żona demarkata, mingħajr dewmien, li tikkonsisti f’żona infestata u żona ta’ lqugħ, skont it-Taqsima 1 tal-Anness II.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jistabbilixxu żoni demarkati, kif stipulat fil-paragrafu 1, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1 tat-Taqsima 2 tal-Anness II. F’dan il-każ, l-Istati Membri jieħdu miżuri skont kif stabbilit fil-punt 2 ta’ dik it-Taqsima.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri fiż-żoni demarkati, kif stipulat fit-Taqsima 3 tal-Anness II.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodi taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 7

Rappurtar dwar il-miżuri

1.   L-Istati Membri għandhom, fi żmien 30 jum min-notifika msemmija fl-Artikolu 5(2), jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri li jkunu ħadu jew li jkun beħsiebhom li jieħdu skont l-Artikolu 6.

Ir-rapport għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni taż-żona demarkata, jekk tkun ġiet stabbilita, u informazzjoni dwar fejn tinsab b’mappa li turi d-delimitazzjoni tagħha u informazzjoni dwar l-istat attwali tal-pesti kif ukoll miżuri għall-konformità mar-rekwiżiti dwar it-trasport tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 4.

Hija għandha tiddeskrivi l-evidenza u l-kriterji li fuqhom issejsu l-miżuri.

F’każijiet fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jistabbilixxux żona demarkata skont l-Artikolu 6(2), ir-rapport għandu jinkludi dejta u raġunijiet ġustifikati.

2.   L-Istati Membri jikkomunikaw, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, rapport lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra li jkun jinkludi lista aġġornata taż-żoni demarkati kollha stabbiliti skont l-Artikolu 6, inkluża informazzjoni dwar id-deskrizzjoni tagħhom u fejn jinsabu b’mapep li juru d-delimitazzjoni, u miżuri li l-Istati Membri jkunu ħadu jew ikun beħsiebhom jieħdu.

Artikolu 8

Konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u, jekk ikun hemm bżonn, jemendaw il-miżuri li jkunu adottaw biex jipproteġu lilhom infushom kontra d-dħul u l-firxa tal-organiżmu speċifikat b’tali mod li dawn il-miżuri jkunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Huma jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dawk il-miżuri minnufih.

Artikolu 9

Revoka

Id-Deċiżjoni 2008/840/KE hija mħassra.

Artikolu 10

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rriveduta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2013.

Artikolu 11

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)   ĠU L 300, 11.11.2008, p. 36.

(3)  Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 5 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.


ANNESS I

1.   Rekwiżiti speċifiċi dwar l-importazzjoni

A.   Importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi ħlief iċ-Ċina

1.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti A(9, 16, 18) u l-Anness IV, il-Parti A(I)(14, 15, 17, 18, 19.2, 20, 22.1, 22.2, 23.1, 23.2, 32.1, 32.3, 33, 34, 36.1, 39, 40, 43, 44, 46) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi, ħlief iċ-Ċina, u fejn hi magħrufa l-preżenza tal-organiżmu speċifikat ikunu akkumpanjati b’ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li taħt it-taqsima “Dikjarazzjoni addizzjonali” jiddikjara:

(a)

li l-pjanti jkunu ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f’post tal-produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini u li jinsabu f’żona ħielsa mill-pesti stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji. L-isem taż-żona ħielsa mill-pesti għandha tissemma taħt it-taqsima “post ta’ oriġini”; jew

(b)

li l-pjanti jkunu ġew imkabbra, tul perjodu ta’ mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, f’post tal-produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-Anoplophora chinensis (Forster) skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

(i)

li jkun reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini, u

(ii)

li kull sena jkun ġie soġġett għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali li jsiru bir-reqqa, għal kull sinjal tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jitwettqu fi żmien xieraq u li ma jsibu l-ebda sinjali tal-organiżmu; u

(iii)

fejn il-pjanti jkunu ġew imkabbra f’sit:

bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew

bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b’raġġ ta’ mill-inqas żewġ km fejn darba fis-sena u fi żmien xieraq, jitwettqu l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). F’każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), għandhom jittieħdu miżuri preventivi biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-pesti; u

(iv)

fejn, immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti jkunu suġġetti għal spezzjoni uffiċjali li ssir bir-reqqa, għall-preżenza tal-organiżmu speċifika, b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Din l-ispezzjoni tinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %. jew

(c)

li l-pjanti ġew imkabbra minn riżomi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt (b), imlaqqma bi friegħi għat-tilqim li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

fil-mument tal-esportazzjoni, il-friegħi għat-tilqim mlaqqma ma jkunux ta’ dijametru akbar minn 1 ċm fl-eħxen punt tagħhom;

(ii)

il-pjanti mlaqqma jkunu ġew spezzjonati skont il-punt (b)(iv).

2.

Pjanti speċifikati impurtati skont il-punt 1 għandhom jiġu spezzjonati bir-reqqa fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (1). Il-metodi ta’ spezzjoni applikati għandhom jiżguraw is-sejba ta’ kwalunkwe sinjali tal-organiżmu speċifikat, b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Din l-ispezzjoni tinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

B.   Oġġetti impurtati li joriġinaw fiċ-Ċina

1.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness III, il-Parti A(9, 16, 18) u l-Anness IV, il-Parti A(I)(14, 15, 17, 18, 19.2, 20, 22.1, 22.2, 23.1, 23.2, 32.1, 32.3, 33, 34, 36.1, 39, 40, 43, 44, 46) tad-Direttiva 2000/29/KE, pjanti speċifikati li joriġinaw miċ-Ċina għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva li tiddikjara taħt it-taqsima “Dikjarazzjoni Addizzjonali” li:

(a)

l-pjanti ġew imkabbra tul ħajjithom kollha f’post tal-produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-ħarsien tal-pjanti fiċ-Ċina u li jinsabu f’żona ħielsa mill-pesti stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti. L-isem taż-żona ħielsa mill-pesti għandha tissemma fit-taqsima “post ta’ oriġini”; jew

(b)

li l-pjanti jkunu ġew imkabbra, tul perjodu ta’ mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, f’post tal-produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-Anoplophora chinensis (Forster) skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

(i)

li jkun reġistrat u sorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti taċ-Ċina; u

(ii)

li kull sena jkunu ġew soġġetti għal tal-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali għal kull sinjal tal-Anoplophora chinensis (Forster) li jitwettqu fi żmien xieraq u li ma jkun nstab l-ebda sinjal tal-organiżmu; u

(iii)

fejn il-pjanti jkunu ġew imkabbra f’sit:

bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-Anoplophora chinensis (Forster); jew

bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa u mdawra b’żona ta’ lqugħ b’raġġ ta’ mill-inqas żewġ km fejn darba fis-sena u fi żmien xieraq jitwettqu l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster). F’każ li jinstabu sinjali tal-Anoplophora chinensis (Forster), jittieħdu miżuri ta’ qerda biex iż-żona ta’ lqugħ tinħeles mill-ġdid mill-pesti; u

(iv)

fejn immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti kienu suġġetti għal spezzjoni uffiċjali li tkun saret bir-reqqa, inklużi l-kampjuni distruttivi fil-mira fuq kull lott, għall-preżenza tal-Anoplophora chinensis (Forster), b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti;

Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %; jew

(c)

li l-pjanti ġew imkabbra minn riżomi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt (b), imlaqqma bi friegħi għat-tilqim li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

fil-mument tal-esportazzjoni, il-friegħi għat-tilqim mlaqqma ma jkunux ta’ dijametru akbar minn 1 ċm fl-eħxen punt tagħhom;

(ii)

il-pjanti mlaqqma jkunu ġew spezzjonati skont il-punt (b)(iv);

(d)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-post tal-produzzjoni.

2.

Pjanti speċifikati impurtati skont il-punt 1 għandhom jiġu spezzjonati b’mod metikoluż fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva 2004/103/KE. Il-metodi ta’ spezzjoni applikati, inklużi l-kampjuni distruttivi fil-mira fuq kull lott, għandhom jiżguraw is-sejba ta’ kwalunkwe sinjali tal-organiżmu speċifikat, b’mod partikolari fl-għeruq u z-zkuk tal-pjanti. Id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %.

Il-kampjunar distruttiv imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jsir fuq il-livell stabbilit fit-tabella li ġejja:

Numru ta’ pjanti fil-lott

Livell ta’ kampjunar distruttiv (numru ta’ pjanti li għandhom jinqatgħu)

1 – 4 500

10 % tad-daqs tal-lott

> 4 500

450

2.   Kundizzjonijiet għat-trasport

1.

Pjanti speċifikati li joriġinaw (2) f’oqsma demarkati fl-Unjoni jistgħu jiġu trasportati fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (3) u jkunu ġew imkabbra għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn qabel it-trasport f’post tal-produzzjoni:

(i)

li jiġi rreġistrat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE (4); u

(ii)

li kull sena jkunu ġew suġġetti għal mill-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali li jkunu saru bir-reqqa, għal kull sinjal tal-organiżmu speċifikat, u li jittwettqu fi żmien xieraq u li ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; fejn xieraq, din l-ispezzjoni tinkludi kampjunar distruttiv fil-mira tal-għeruq u z-zkuk tal-pjanti; id-daqs tal-kampjun għall-ispezzjoni għandu jkun tali li jippermetti mill-inqas is-sejba ta’ livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %; u

(iii)

li jkun jinsab f’żona demarkata fejn il-pjanti ġew imkabbra f’sit:

bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat; jew

bl-applikazzjoni ta’ trattamenti preventivi xierqa jew fejn isir kampjunar distruttiv fil-mira fuq kull lott ta’ pjanti speċifikati qabel it-trasport fil-livell stabbilit fit-tabella fil-punt 2 tal-Parti B tat-Taqsima 1 u, f’kull każ, fejn stħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew għal sinjali tal-organiżmu speċifikat isiru kull sena f’raġġ ta’ mill-inqas 1 km madwar is-sit fi żminijiet xierqa u ma jinstab l-ebda organiżmu speċifikat jew sinjali tiegħu.

Riżomi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu jistgħu jitlaqqmu bi friegħi għat-tilqim li ma jkunux ġew imkabbra taħt dawn il-kundizzjonijiet, iżda li ma jkunux ta’ dijametru akbar minn 1 ċm fl-eħxen punt tagħhom.

2.

Pjanti speċifikati li joriġinaw (5) f’żoni demarkati, iżda introdotti f’post tal-produzzjoni fit-tali żoni, jistgħu jiġu trasportati fl-Unjoni bil-kundizzjoni li dan il-post tal-produzzjoni jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1 ittra (iii) u biss jekk il-pjanti jkunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skont id-Direttiva 92/105/KEE.

3.

Pjanti speċifikati importati minn pajjiżi terzi fejn hija magħrufa l-preżenza tal-organiżmu speċifikat skont it-Taqsima 1 jistgħu jiġu trasportati fl-Unjoni biss jekk ikunu akkumpanjati mill-passaport tal-pjanti msemmi fil-punt 1.

(1)   ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16.

(2)  Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 5 u ċertifikati Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 12 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.

(3)   ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22.

(4)   ĠU L 344, 26.11.1992, p. 38.

(5)  Glossarju ta’ Termini Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 5 u ċertifikati Fitosanitarji – Standard ta’ Referenza ISPM Nru 12 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.


ANNESS II

L-ISTABBILIMENT TA’ ŻONI DEMARKATI U MIŻURI, KIF STIPULAT FL-ARTIKOLU 6

1.   Definizzjoni ta’ żoni demarkati

1.

Iż-żoni demarkati jikkonsistu miż-żoni li ġejjin:

(a)

żona infestata fejn il-preżenza tal-organiżmu speċifiku ġiet ikkonfermata u li tinkludi l-pjanti kollha li juru sintomi kkawżati mill-organiżmu speċifiku, u fejn xieraq, il-pjanti kollha li kienu jagħmlu parti mill-istess lott fiż-żmien tat-tħawwil; u

(b)

żona ta’ lqugħ b’raġġ ta’ mill-inqas 2 km lilhinn minn dik taż-żona infestata.

2.

Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi, il-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat, il-livell ta’ infestazzjoni, id-distribuzzjoni partikolari tal-pjanti ospitanti fiż-żona kkonċernata u l-evidenza tal-istabbiliment tal-organiżmu speċifikat. F’każijiet fejn il-korp responsabbli uffiċjali jikkonkludi li l-qerda tal-organiżmu speċifikat hija possibbli, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tat-tifqigħa, ir-riżultati tal-investigazzjoni speċifika jew l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri għall-qerda, ir-raġġ taż-żona ta lqugħ jista’ jitnaqqas għal mhux inqas minn 1 km lilhinn mill-fruntiera taż-żona infestata. F’każijiet fejn il-qerda tal-organiżmu speċifikat ma tkunx għadha possibbli, ir-raġġ ma jistax jitnaqqas għal inqas minn 2 km.

3.

Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat ’il barra miż-żona infestata, id-delimitazzjoni taż-żona infestata u taż-żona ta’ lqugħ għandha tiġi rriveduta u mibdula kif xieraq.

4.

Fejn f’żona demarkata, ibbażata fuq stħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) u dwar il-monitoraġġ msemmi fil-punt 1(h) tat-Taqsima 3 tal-Anness II, l-organiżmu speċifikat ma jinstabx għal perjodu li jinkludi mill-inqas ċiklu wieħed ta’ ħajja u sena addizzjonali iżda f’kull każ mhux inqas minn erba’ snin konsekuttivi, din id-demarkazzjoni tkun tista’ titneħħa. It-tul eżatt ta’ ċiklu ta’ ħajja jiddependi minn evidenza li hija disponibbli għaż-żona kkonċernata jew żona ta’ klima simili. Id-demarkazzjoni tista’ titneħħa wkoll f’każijiet fejn, wara investigazzjoni ulterjuri, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1 tat-Taqsima 2 ikunu ġew sodisfatti.

2.   Il-kundizzjonijiet skont liema ma hemm bżonn tiġi stabbilita l-ebda żona demarkata

1.

Skont l-Artikolu 6(2) l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jistabbilixxu żona demarkata, kif stipulat fl-Artikolu 6(1), fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

hemm evidenza jew li l-organiżmu speċifikat ġie introdott fiż-żona mal-pjanti li nstab fuqhom u hemm indikazzjoni li dawk il-pjanti kienu infestati qabel l-introduzzjoni tagħhom fiż-żona kkonċernata, jew li hija sejba iżolata, immedjatament assoċjata ma’ pjanta speċifikata jew le, mhux mistennija li twassal għal stabbiliment; u

(b)

huwa aċċertat li ma hemm l-ebda stabbiliment tal-organiżmu speċifikat u li l-firxa u t-tgħammir b’suċċess tal-organiżmu speċifikat mhumiex possibbli minħabba l-bijoloġija tiegħu u b’kunsiderazzjoni tar-riżultati ta’ investigazzjoni speċifika u miżuri qerrieda li jistgħu jikkonsistu fil-qtugħ bħala prekawzjoni u r-rimi tal-pjanti speċifikati inklużi l-għeruq tagħhom wara li jkunu ġew eżaminati.

2.

Meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1, l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jistabbilixxu żoni demarkati, dejjem jekk jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

miżuri immedjati biex tiġi żgurata l-qerda minnufih tal-organiżmu speċifikat u biex tiġi eskluża l-possibilità tal-firxa tiegħu;

(b)

monitoraġġ matul il-perjodu li jkopri mill-inqas ċiklu wieħed tal-ħajja tal-organiżmu speċifikat u sena addizzjonali inkluż il-monitoraġġ f’mill-inqas erba’ snin konsekuttivi, f’raġġ ta’ mill-inqas 1 km madwar il-pjanti infestati jew il-post fejn instab l-organiżmu speċifikat; għallinqas għall-ewwel sena l-monitoraġġ ikun regolari u intensiv;

(c)

il-qerda ta’ kull materjal infestat tal-pjanti;

(d)

it-traċċjar b’lura għall-oriġini tal-infestazzjoni u t-traċċjar tal-pjanti marbut mal-każ ta’ infestazzjoni kkonċernata safejn hu possibbli u l-eżaminar tagħhom għal kull sinjal ta’ infestazzjoni; l-eżaminar jinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira;

(e)

attivitajiet li jwasslu għas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-theddid li jġib miegħu l-organiżmu;

(f)

kull miżura oħra li tista’ tikkontribwixxi għall-qerda tal-organiżmu speċifikat, b’kunsiderazzjoni tal-ISPM Nru 9 (1) u bl-applikazzjoni ta’ approċċ integrat skont il-prinċipji stipulati fl-ISPM Nru 14 (2).

Il-miżuri msemmija fil-punti minn (a) sa (f) jiġu ppreżentati f’forma ta’ rapport li għalih hemm referenza fl-Artikolu 7.

3.   Il-miżuri li għandhom jittieħdu fiż-żoni demarkati

1.

Fiż-żoni demarkati, l-Istati Membri jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin sabiex jeqirdu l-organiżmu speċifikat:

(a)

it-tneħħija immedjata tal-pjanti infestati u pjanti b’sintomi kkawżati mill-organiżmu speċifikat, u t-tneħħija sħiħa tal-għeruq tagħhom; f’każijiet fejn il-pjanti infestati nstabu ’l barra mill-perjodu volatili tal-organiżmu speċifikat, dawn għandhom jinqatgħu u jitneħħew qabel ma jibda l-perjodu li jkun imiss; f’każijiet eċċezzjonali fejn korp uffiċjali responsabbli jikkonkludi li tali qtugħ ma jkunx xieraq, tkun tista’ tiġi applikata miżura qerrieda oħra li toffri l-istess livell ta’ protezzjoni kontra l-firxa tal-organiżmu speċifikat; ir-raġunijiet għal dik il-konklużjoni u d-deskrizzjoni tal-miżura għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 7;

(b)

il-qtugħ ta’ kull pjanta speċifikata f’raġġ ta’ 100 m madwar il-pjanti infestati u l-eżaminar ta’ dawk il-pjanti speċifikati għal kull sinjal ta’ infestazzjoni; f’każijiet eċċezzjonali fejn il-korp uffiċjali responsabbli jikkonkludi li dan il-qtugħ ma jkunx xieraq, l-eżaminar individwali dettaljat għal kull sinjal ta’ infestazzjoni ta’ dawn il-pjanti speċifikati kollha f’dak ir-raġġ li ma jkunux se jiġu maqtugħa, u l-applikazzjoni, fejn xieraq, ta’ miżuri li jipprevjenu l-firxa tal-organiżmu speċifikat minn dawk il-pjanti;

(c)

it-tneħħija, l-eżaminar u r-rimi tal-pjanti maqtugħa skont il-punti (a) u (b) u tal-għeruq; bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-organiżmu speċifikat matul u wara l-qtugħ;

(d)

il-prevenzjoni ta’ kull trasport ta’ materjal potenzjalment infestat ’il barra miż-żona demarkata;

(e)

it-traċċjar b’lura għall-oriġini tal-infestazzjoni u t-traċċjar tal-pjanti marbut mal-każ ta’ infestazzjoni kkonċernata safejn hu possibbli u l-eżaminar ta’ dawn għal kull sinjal ta’ infestazzjoni; l-eżaminar jinkludi l-kampjun distruttiv fil-mira;

(f)

fejn xieraq, it-tibdil tal-pjanti speċifikati bi pjanti oħra;

(g)

il-projbizzjoni li jitħawlu pjanti speċifikati ġodda fil-miftuħ fiż-żona msemmija fil-punt 1(b) tat-Taqsima 3 tal-Anness II, ħlief għall-postijiet tal-produzzjoni msemmija fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

(h)

monitoraġġ intensiv għall-preżenza ta’ organiżmu speċifikat permezz ta’ spezzjonijiet annwali f’ħinijiet xierqa fuq il-pjanti ospitanti, b’attenzjoni partikolari fuq iż-żona ta’ lqugħ, inkluż il-kampjunar distruttiv fil-mira fejn, ikun xieraq; in-numru ta’ kampjuni jiġi indikat fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 7;

(i)

attivitajiet li jwasslu għas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-theddid li jġib miegħu dak l-organiżmu u l-miżuri adottati biex dan ma jiddaħħalx u ma jinxteridx fl-Unjoni, inklużi l-kundizzjonijiet dwar it-trasport tal-pjanti speċifikati miż-żona demarkata, stabbiliti skont l-Artikolu 6;

(j)

fejn ikun hemm bżonn, miżuri speċifiċi li jindirizzaw kwull sitwazzjoni partikolari jew kumplikazzjoni li tista’ tkun mistennija li twaqqaf, tfixkel, jew iddewwem il-qerda, partikolarment dawk marbuta mal-aċċessibbiltà u l-qerda xierqa tal-pjanti kollha li jkunu infestati jew li jkun hemm suspett li huma infestati, ikunu fejn ikunu, humiex tal-pubbliku jew tal-privat, jew hi min hi l-persuna jew l-entità li hi responsabbli għalihom;

(k)

kull miżura oħra li tista’ tikkontribwixxi għall-qerda tal-organiżmu speċifikat, b’kunsiderazzjoni tal-ISPM Nru 9 (3) u bl-applikazzjoni ta’ approċċ integrat skont il-prinċipji stipulati fl-ISPM Nru 14 (4).

Il-miżuri msemmija fil-punti minn (a) sa (k) jiġu ppreżentati f’forma ta’ rapport li għalih hemm referenza fl-Artikolu 7.

2.

Meta r-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ matul aktar minn erba’ snin konsekuttivi jkunu kkonfermaw il-preżenza tal-organiżmu speċifikat f’żona u f’każ li jkun hemm evidenza li l-organiżmu speċifikat ma jistax aktar jinqered, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-miżuri biex l-organiżmu speċifikat jinżamm f’dik iż-żona. Miżuri bħal dawn jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

il-qtugħ tal-pjanti infestati u pjanti b’sintomi kkawżati mill-organiżmu speċifikat, u t-tneħħija sħiħa tal-għeruq tagħhom; ix-xogħlijiet ta’ qtugħ jibdew minnufih, iżda f’każijiet fejn il-pjanti infestati nstabu ’l barra mill-perjodu volatili tal-organiżmu speċifikat, dawn għandhom jinqatgħu u jitneħħew qabel ma jibda l-perjodu li jkun imiss; f’każijiet eċċezzjonali fejn korp uffiċjali responsabbli jikkonkludi li tali qtugħ ma jkunx xieraq, tkun tista’ tiġi applikata miżura qerrieda oħra li toffri l-istess livell ta’ protezzjoni kontra l-firxa tal-organiżmu speċifikat; ir-raġunijiet għal dik il-konklużjoni u d-deskrizzjoni tal-miżura għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 7;

(b)

it-tneħħija, l-eżaminazzjoni u r-rimi ta’ pjanti maqtugħa u tal-għeruq tagħhom; bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-organiżmu speċifikat wara l-qtugħ;

(c)

il-prevenzjoni ta’ kull trasport ta’ materjal potenzjalment infestat ’il barra miż-żona demarkata;

(d)

fejn xieraq, it-tibdil tal-pjanti speċifikati bi pjanti oħra;

(e)

il-projbizzjoni li jitħawlu pjanti speċifikati ġodda fil-miftuħ f’żona infestata msemmija fil-punt 1(a) tat-Taqsima 1 tal-Anness II, ħlief għall-postijiet tal-produzzjoni msemmija fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

(f)

monitoraġġ intensiv għall-preżenza ta’ organiżmu speċifikat permezz ta’ spezzjonijiet annwali f’ħinijiet xierqa fuq il-pjanti ospitanti, inkluż fejn ikun xieraq il-kampjunar distruttiv fil-mira; in-numru ta’ kampjuni jiġi indikat fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 7;

(g)

attivitajiet li jwasslu għas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-theddid li jġib miegħu dak l-organiżmu u l-miżuri adottati biex dan ma jiddaħħalx u ma jinxteridx fl-Unjoni, inklużi l-kundizzjonijiet dwar it-trasport tal-pjanti speċifikati miż-żona demarkata, stabbiliti skont l-Artikolu 6;

(h)

fejn ikun hemm bżonn, miżuri speċifiċi li jindirizzaw kull sitwazzjoni partikolari jew kumplikazzjoni li tista’ tkun mistennija li twaqqaf, tfixkel, jew iddewwem il-konteniment, partikolarment dawk marbuta mal-aċċessibbiltà u l-qerda xierqa tal-pjanti kollha li jkunu infestati jew li jkun hemm suspett li huma infestati, ikunu fejn ikunu, humiex tal-pubbliku jew tal-privat, jew hi min hi l-persuna jew l-entità li hi responsabbli tagħhom;

(i)

kull miżura oħra li tista’ tgħin fil-konteniment tal-organiżmu indikat;

Il-miżuri msemmija fil-punti minn (a) sa (i) jiġu ppreżentati f’forma ta’ rapport li għalih hemm referenza fl-Artikolu 7.


(1)  Linji gwida għall-programmi ta’ qerda tal-pesti — Standard ta’ Referenza ISPM Nru 9 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.

(2)  L-użu ta’ miżuri integrati f’approċċ sistematiku għall-kontroll tar-riskju ta’ pesti — Standard ta’ Referenza ISPM Nru 14 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.

(3)  Linji gwida għall-programmi ta’ qerda tal-pesti — Standard ta’ Referenza ISPM Nru 9 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.

(4)  L-użu ta’ miżuri integrati f’approċċ sistematiku għall-kontroll tar-riskju ta’ pesti — Standard ta’ Referenza ISPM Nru 14 tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma.