|
3.3.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 64/29 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-1 ta’ Marzu 2012
dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni tas-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi porċina
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 1148)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/137/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta’ semen ta’ bhejjem domestiċi tal-ispeċi tal-majjali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 9(2) u (3) u l-Artikolu 10(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 90/429/KEE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali applikabbli għall-kummerċ fl-Unjoni u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi porċina. Hija tistipula li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ dan is-semen mingħand dawk il-pajjiżi terzi biss li huma elenkati f’lista kkompilata skont il-proċedura stipulata fiha u akkumpanjat b’ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li l-mudell tiegħu għandu jikkorrispondi ma’ kampjun stabbilit skont din id-Direttiva. Iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għandu jiċċertifika li s-semen ikun ġej minn ċentri għall-ġbir tas-semen li joffru l-garanziji previsti fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-Direttiva. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/893/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar importazzjoni ta’ semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi porċina fil-Komunità fir-rigward ta’ listi ta’ pajjiżi terzi u ċ-ċentri tal-ġbir tas-semen, u r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni (2), tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet tas-semen. Din il-lista hija stabbilita abbażi tal-istat ta’ saħħa tal-annimali ta’ dawk il-pajjiżi terzi. |
|
(3) |
Id-Direttiva 90/429/KEE, kif emendata mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2012 (3), tistipula rekwiżiti riveduti tas-saħħa tal-annimali għal annimali donaturi tal-ispeċi porċina u għas-semen fir-rigward tal-bruċellożi u l-marda ta’ Aujeszky. |
|
(4) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (4) ħassret il-marda Teschen (l-enċefalomjelite enterovirali porċina) mil-lista tal-mard stipulata fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (5) u konsegwentement mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/650/KE tat-30 ta’ Lulju 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE dwar in-notifika ta’ mard tal-annimali fil-Komunità biex tinkludi ċertu mard fil-lista ta’ mard li għandu jkun is-suġġett ta’ notifika u biex titħassar l-enċefalomjelite enterovirali tal-ħnieżer minn dik il-lista (6), din il-marda tħassret mil-lista ta’ mard li għandu b’mod obbligatorju jkun suġġett ta’ notifika fl-Unjoni. |
|
(5) |
Barra minn hekk, jeħtieġ li ċerti rekwiżiti tas-saħħa għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi porċina jiġu allinjati mal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) b’mod partikolari rigward il-ħelsien tal-pajjiżi mill-marda vesikulari tal-ħnieżer, u l-ħelsien taċ-ċentri għall-ġbir tas-semen mit-tuberkulożi u mill-idrofobija. |
|
(6) |
Għaldaqstant, il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2009/893/KE għandu jiġi mmodifikat biex jinkludi dawk l-emendi li saru għad-Direttiva 90/429/KEE u biex jitħassru r-referenzi kollha għall-marda Teschen (l-enċefalomijelite enterovirali porċina), għall-ħelsien tal-pajjiżi mill-marda vesikulari tal-ħnieżer u għall-ħelsien taċ-ċentri għall-ġbir mit-tuberkulożi u mill-idrofobija. |
|
(7) |
Ġew konklużi ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni u ċerti pajjiżi terzi, li jinkludu ċerti kundizzjonijiet speċifiċi għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tas-semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi porċina. Għalhekk, fejn il-ftehimiet bilaterali jinkludu kundizzjonijiet speċifiċi u mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet, dawk il-kundizzjonijiet u l-mudelli għandhom japplikaw minflok il-kundizzjonijiet u l-mudell stabbilit f’din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
L-Isvizzera hija pajjiż terz bi status tas-saħħa tal-annimali li huwa ekwivalenti għal dak tal-Istati Membri. Huwa għalhekk xieraq li s-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi porċina impurtat fl-Unjoni mill-Isvizzera jkun akkumpanjat minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali mfassal skont il-mudelli użati għall-kummerċ fl-Unjoni ta’ dan is-semen, stabbilit fl-Anness D mad-Direttiva 90/429/KEE, bl-adattamenti stabbiliti fil-punt 3 tal-Kapitolu VIII(B) tal-Appendiċi 2 tal-Anness 11 mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera għall-Kummerċ fi Prodotti Agrikoli, kif approvati bid-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill, u tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni ta’ seba’ Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Svizzera (7). |
|
(9) |
Għall-finijiet ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni ċara u konsistenti, id-Deċiżjoni 2009/893/KE għandha tiġi revokata u sostitwita minn din id-Deċiżjoni. |
|
(10) |
Biex jiġi evitat kull tip ta’ tfixkil tal-kummerċ, l-użu ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġa skont id-Deċiżjoni 2009/893/KE għandu jkun awtorizzat matul perjodu ta’ tranżizzjoni. |
|
(11) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, minn fejn l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi porċina.
Hija tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet tas-semen fl-Unjoni.
Artikolu 2
Importazzjonijiet tas-semen
1. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tas-semen, sakemm dan ikun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
ikun ġej minn pajjiż terz elenkat fl-Anness I, jew minn parti minnu; |
|
(b) |
ikun ġej minn ċentru għall-ġbir tas-semen elenkat skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 90/429/KEE; |
|
(ċ) |
ikun akkumpanjat minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali mfassal skont il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness II, u mimli skont in-noti ta’ spjegazzjoni stabbiliti fil-Parti 2 ta’ dak l-Anness; |
|
(d) |
jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fil-punt (c). |
2. Fejn il-kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni huma stipulati fi ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, dawk il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw minflok il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1.
Artikolu 3
Il-kundizzjonijiet rigward it-tasport tas-semen lejn l-Unjoni
1. Is-semen imsemmi fl-Artikolu 2 ma għandux jiġi ttrasportat fl-istess kontenitur ma’ kunsinni oħra ta’ semen li:
|
(a) |
ma jkunux maħsubin għall-introduzzjoni fl-Unjoni; jew |
|
(b) |
li għandhom status tas-saħħa inferjuri. |
2. Waqt it-trasport lejn l-Unjoni, is-semen għandu jitqiegħed f’kontenituri magħluqa u ssiġillati u s-siġill ma għandux jinkiser waqt it-trasport.
Artikolu 4
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2009/893/KE hija revokata.
Artikolu 5
Dispożizzjoni tranżizzjonali
Għal perjodu transizzjonali sat-30 ta’ Novembru 2012, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjonijiet tas-semen minn pajjiżi terzi, li jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2012, skont il-mudell stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness II mad-Deċiżjoni 2009/893/KE.
Artikolu 6
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tibda tgħodd mill-1 ta’ Ġunju 2012.
Artikolu 7
Indirizzati
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2012.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62.
(2) ĠU L 320, 5.12.2009, p. 12.
(4) ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27.
(5) ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.
ANNESS I
Lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li mingħandhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi porċina
|
Kodiċi ISO |
Isem tal-pajjiż terz |
Rimarki |
|
CA |
Kanada |
|
|
CH |
l-Isvizzera (*1) |
|
|
NZ |
in-New Zealand |
|
|
US |
l-Istati Uniti |
|
(*1) Iċ-ċertifikat li għandu jintuża għall-importazzjonijiet mill-Isvizzera huwa stabbilit fl-Anness D mad-Direttiva 90/429/KEE, bl-adattamenti stabbiliti fil-punt 3 tal-Kapitolu VIII(B) tal-Appendiċi 2 tal-Anness 11 mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fil-prodotti agrikoli, kif approvat bid-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom.
ANNESS II
PARTI 1
Mudell ta’ ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni tas-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi porċina
PARTI 2
Noti ta’ spjegazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni
|
(a) |
Iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għandhom jinħarġu mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz esportatur, skont il-mudell stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness II.
Jekk l-Istat Membru tad-destinazzjoni jitlob rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni addizzjonali, għandhom jiġu inkorporati wkoll fil-forma oriġinali taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali, attestazzjonijiet li jiċċertifikaw li dawk ir-rekwiżiti jkunu ntlaħqu. |
|
(b) |
L-oriġinal taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għandu jikkonsisti minn folja waħda, jew fejn ikun meħtieġ iktar test, għandu jkun f’tali forma li l-folji kollha meħtieġa jkunu parti minn unità waħda integrata u jkunu indiviżibbli. |
|
(c) |
Meta ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jiddikjara li ċerti stqarrijiet għandhom jinżammu kif xieraq, l-istqarrijiet irrilevanti, jistgħu jinqatgħu barra u jiġu ttimbrati u mmarkati bl-inizjali tal-uffiċjal li jiċċertifika, jew jitħassru għal kollox miċ-ċertifikat. |
|
(d) |
Iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għandu jitfassal b’tal-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-post fejn issir l-ispezzjoni mal-fruntiera, fejn tiġi introdotta l-kunsinna fl-Unjoni Ewropea u tal-Istat Membru tad-destinazzjoni. Madankollu, dawk l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-ħruġ taċ-ċertifikat bil-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru ieħor, u li jkun akkumpanjat, jekk jeħtieġ, minn traduzzjoni uffiċjali. |
|
(e) |
Jekk, għal raġunijiet ta’ identifikazzjoni tal-oġġetti fil-kunsinna (skeda fil-Kaxxa I.28 tal-mudell taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali), jinthemżu karti addizzjonali maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali, dawk il-folji għandhom jiġu kkunsidrati wkoll bħala parti mill-oriġinal taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali bl-applikazzjoni tal-firma u t-timbru tal-uffiċjal li jiċċertifika, fuq kull folja. |
|
(f) |
Meta ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali, inklużi l-iskedi addizzjonali msemmija f’(e), ikun fih iktar minn paġna waħda, kull paġna għandha tingħata numru (numru tal-paġna) minn (numru totali ta’ paġni), fil-qiegħ ta’ kull paġna u jkollha n-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat mogħti mill-awtorità kompetenti, fuq nett ta’ kull paġna. |
|
(g) |
L-oriġinal taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għandu jimtela u jiġi ffirmat minn veterinarju uffiċjali, fl-aħħar jum ta’ ħidma qabel it-tagħbija tal-kunsinna għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz esportatur għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE (1)
Il-kulur tal-firma u t-timbru tal-veterinarju uffiċjali għandu jkun differenti minn dak tal-kliem stampat fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali. Dan ir-rekwiżit japplika wkoll għal timbri għajr dawk li jkunu intaljati jew dawk li jidhru kontra d-dawl. |
|
(h) |
L-oriġinal taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għandu jakkumpanja l-kunsinna sakemm din tasal fil-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera, fejn din tiġi introdotta fl-Unjoni Ewropea. |
|
(i) |
In-numru ta’ referenza taċ-ċertifikat imsemmi fil-Kaxxa I.2 u fil-Kaxxa II.a tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz esportatur. |