|
23.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 50/51 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-17 ta’ Frar 2012
li temenda l-Anness E tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE fir-rigward tal-mudell taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-annimali minn azjendi u annimali, semen, ova u embrijuni minn entitajiet, istituti jew ċentri approvati
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 860)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/112/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar is-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni li mhumiex suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 92/65/KEE tistipula r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ fl-Unjoni ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stipulati f’ċerti atti speċifiċi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Parti 1 tal-Anness E ta’ dik id-Direttiva tistipula l-kampjun eżemplari taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ ta’ annimali minn azjendi (ungulati, tjur, lagomorfi, klieb, qtates u inmsa), filwaqt li l-Parti 3 ta’ dak l-Anness tistipula l-kampjun eżemplari taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ ta’ annimali, semen, embrijuni u ova minn entitajiet, istituti jew ċentri approvati. |
|
(2) |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/65/KEE jistipula r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ fi suidae għajr dawk koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffetwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (2). Din tipprevedi, fost oħrajn, li fejn is-suidae ma jiġux minn merħla ħielsa mill-bruċellosi skont id-Direttiva 64/432/KEE, dawn għandhom, fi żmien 30 jum qabel ma jintbagħtu, ikunu ġew sottomessi għal test b’riżultati negattivi li juru n-nuqqas ta’ antikorpi tal-bruċellosi. F’ġieħ il-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-kampjun eżemplari taċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fil-Parti 1 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE għandu għalhekk jiġi emendat biex jinkludi referenza speċifika għal dak ir-rekwiżit. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/598/KE tat-28 ta’ Awwissu 2007 dwar il-miżuri biex jiġi evitat it-tixrid ta’ influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja fost għasafar oħra maqbudin li jinżammu fiż-zoos u f’korpi, istituti jew ċentri approvati fl-Istati Membri (3) tapprova pjanijiet ta’ vaċċinazzjoni preventiva kontra dik il-marda f’ċerti Stati Membri. |
|
(4) |
Il-Punt 4(b) tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/598/KE jipprevedi li t-tjur vaċċinati kontra l-influwenza tat-tjur miżmuma f’żus li mhumiex approvati skont id-Direttiva 92/65/KEE jistgħu jittieħdu fi Stati Membri oħra, wara awtorizzazzjoni mill-Istati Membru destinatarju, sakemm dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dik id-Deċiżjoni u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa, kif tistabbilixxi l-Parti 1 tal-Anness E ta’ dik id-Direttiva, bl-ispeċifikazzjoni li dawn għandhom jikkonformaw mad-Deċiżjoni 2007/598/KE u jkunu vaċċinati kontra l-influwenza tat-tjur f’data speċifikata. |
|
(5) |
Madankollu, it-tjur imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/65/KEE ma jeħtiġilhomx ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa, kif tistipula l-Parti 1 tal-Anness E meta jiġu kkummerċjati fi ħdan l-Unjoni, iżda għandhom ikunu akkumpanjati minn awtoċertifikazzjoni mill-operatur skont l-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, jew fil-każ ta’ psittacidae minn dokument kummerċjali ffirmat minn veterinarju uffiċjali jew mill-veterinarju responsabbli mill-azjenda. |
|
(6) |
Għandu għalhekk jiġi ċċarat li ċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fil-Parti 1 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE huwa meħtieġ biss li jakkumpanja t-tjur li huma vaċċinati kontra l-influwenza tat-tjur u li jiġu minn azjenda li fiha il-vaċċinazzjoni kontra l-influwenza tat-tjur tkun twettqet matul l-aħħar tnax-il xahar. Għaldaqstant, il-kampjun eżemplari taċ-ċertifikat stipulat fil-Parti 1 ta’ dak l-Anness għandu jiġi emendat biex jinkludi referenza għat-tali vaċċinazzjoni. |
|
(7) |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/65/KEE jistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar is-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’ klieb, qtates u inmsa. Din tipprevedi, fost oħrajn, li dawn għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nruo998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (4). |
|
(8) |
L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jipprevedi li sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-kliebb u l-qtates li jiddaħħlu l-Irlanda, Malta, l-Isvezja u r-Renju Unit minn Stati Membri oħra jkunu vaċċinati u suġġetti għal testijiet tad-demm ta’ qabel id-dħul kontra r-rabbja b’mod konformi mar-regoli nazzjonali. |
|
(9) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-Finlandja, l-Irlanda, Malta, l-Isvezja u r-Renju Unit, fir-rigward tal-ekinokokkożi, u l-Irlanda, Malta, u r-Renju Unit fir-rigward tal-qurdien, jistgħu jitolbu li d-dħul ta’ annimali pets fit-territorju tagħhom isir suġġett għall-konformità ma’ ċerti rekwiżiti nazzjonali addizzjonali. |
|
(10) |
Ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1152/2011 tal-14 ta’ Lulju 2011 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri sanitarji preventivi għall-kontroll tal-infezzjoni Echinococcus multilocularis fil-klieb (5), kien adottat sabiex ikun żgurat il-ħarsien kontinwu tas-saħħa fl-Irlanda, Malta, il-Finlandja u r-Renju Unit mill-Echinococcus multilocularis. Se jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2012. |
|
(11) |
Ir-referenza għall-Artikoli 6 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 inkluża fil-kampjun eżemplari taċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fil-Parti 1 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE għandu għalhekk jitħassar u teħodlu postu, fir-rigward tal-klieb, referenza għar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 1152/2011. |
|
(12) |
Il-Parti 1 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan. |
|
(13) |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 92/65/KEE jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw l-kummerċ tal-annimali ta’ speċijiet suxxettibbli għall-mard elenkat fl-Annessi A u B tagħha u tas-semen, l-ova u l-embrijuni tat-tali annimali kkonsenjati lejn u minn entitajiet, istituti jew ċentri approvati skont l-Anness C tagħha. |
|
(14) |
Is-semen, l-ova u l-embrijuni ta’ ċerti speċijiet ta’ annimali jistgħu jiġu ffriżati u maħżuna għal żmien twil u għalhekk l-annimali donatur jaf ma jkunx għadu disponibbli dakinhar li jinħareġ iċ-ċertifikat tas-saħħa. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġi emendat il-kampjun eżemplari taċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fil-Parti 3 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE biex jiġi mistqarr li l-annimal donatur kien instab f’saħħtu u ħieles minn mard kliniku jew dakinhar tal-ġbir jew dakinhar li nħareġ iċ-ċertifikat tas-saħħa. |
|
(15) |
Il-Punt 4(a) tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/598/KE jipprevedi li t-tjur vaċċinati kontra l-influwenza tat-tjur miżmuma f’entitajiet, istituti jew ċentri approvati inklużi ż-żus jistgħu jittieħdu biss f’entitajiet, istituti jew ċentri approvati inklużi ż-żus fi Stati Membri oħra sakemm ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dik id-Deċiżjoni u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa kif tistabbilixxi l-Parti 3 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE li jistqarr li t-tjur ikunu ġew vaċċinati kontra l-influwenza tat-tjur b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/474/KE (6). Billi dik id-Deċiżjoni sadanittant tħassret u ħaditilha postha d-Deċiżjoni 2007/598/KE, dik ir-referenza għandha tinbidel għal referenza għad-Deċiżjoni 2007/598/KE. |
|
(16) |
Il-Parti 3 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan. |
|
(17) |
Għaldaqstant, id-Direttiva 92/65/KEE għandha tiġi emendata skont dan. |
|
(18) |
Sabiex jiġi evitat kull tip ta’ taqlib fil-kummerċ, l-użu ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġa skont il-Parti 1 u l-Parti 3 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE, qabel l-emendi introdotti minn din id-Deċiżjoni, għandu jkun awtorizzat matul perjodu tranżitorju suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. |
|
(19) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Għal perjodu tranżitorju sat-30 ta’ Ġunju 2012, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-kummerċ tal-annimali minn azjenda u tal-annimali, semen, ova u embrijuni minn entitajiet, istituti jew ċentri approvati akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa maħruġ mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 2012 skont il-mudelli stipulati fil-Parti 1 u l-Parti 3 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE fil-verżjoni tagħha ta’ qabel l-emendi introdotti permezz ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2012.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2012.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
(2) ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.
(3) ĠU L 230, 1.9.2007, p. 20.
(4) ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.
ANNESS
L-Anness E għad-Direttiva 92/65/KEE huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
Il-Parti 1 tinbidel b’dan li ġej: “Parti 1 — Ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ fl-annimali minn azjendi (ungulati, tjur vaċċinati kontra l-influwenza tat-tjur, lagomorfi, klieb, qtates u inmsa) 92/65 EI
|
|
(2) |
Il-Parti 3 joħdilha postha dan li ġej: “Il-Parti 3 — Ċertifikat tas-Saħħa għall-kummerċ tal-annimali, semen, embrijuni u ova minn entitajiet, istituti jew ċentri approvati 92/65 EIII
|