23.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ April 2011

dwar għajnuna mill-Istat C 19/09 (ex N 64/09) li d-Danimarka biħsiebha timplimenta fir-rigward tar-ristrutturar ta’ TV2 Danmark A/S

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 2614)

(It-test Daniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/109/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawn id-dispożizzjonijiet (2), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fl-4 ta’ Awwissu 2008 l-Kummissjoni nnotifikat lid-Danimarka bid-deċiżjoni tagħha li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-għajnuna ta’ salvataġġ li ser tingħata lil TV2 Danmark A/S fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu f’total ta’ DKK 1 000 miljun (minn hawn ‘il quddiem “id-deċiżjoni dwar l-għajnuna ta’ salvataġġ”) (3). Dik id-deċiżjoni qieset li l-għajnuna ppjanata kienet kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE, li issa sar l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u, b’mod partikulari, mar-regoli stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà (4) (minn hawn ‘il quddiem “il-Linji Gwida”).

(2)

B’mod konformi mad-deċiżjoni dwar l-għajnuna ta’ salvataġġ u l-Linji Gwida, kellu jingħata lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar jew pjan ta’ likwidazzjoni, jew prova li s-self kien ġie rrimborżat għal kollox, mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-awtorizzazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna ta’ salvataġġ, jiġifieri mhux iktar tard mill-4 ta’ Frar 2009.

(3)

Fl-4 ta’ Frar 2009, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) KE, issal-Artikolu 108(3) TFUE, bi pjan ta’ ristrutturar dwar TV2 Danmark A/S.

(4)

B’ittra ddatata 2 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni infurmat lid-Danimarka li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE, li issa sar l-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward tal-għajnuna.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti li ġejjin mill-partijiet interessati.

1.10.2009

TDC A/S u You see

1.10.2009

Canal Digital Danmark

1.10.2009

MTV Networks

2.10.2009

Niels Jorgen Langkilde

2.10.2009

Boxer TV

2.10.2009

Discovery Networks Nordic

2.10.2009

TV2 Danmark (benefiċjarja tal-għajnuna)

2.10.2009

MTG Viasat (li ssottomettiet iktar annessi b’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2009)

2.10.2009

Danish Cable Television Association

2.10.2009

SBS Broadcasting Networks Ltd u SBS TV A/S

7.10.2009

Telia Stofa A/S

(7)

Hija bagħtithom lid-Danimarka fis-27 ta’ Ottubru 2009. Il-kumment mibgħut tard minn Telia Stofa ntbagħat lid-Danimarka fit-30 ta’ Novembru 2009. Id-Danimarka ngħatat l-opportunità biex tirrispondi u l-kummenti tagħha ġew irċevuti b’żewġ ittri li ttrattaw aspetti differenti tal-kummenti ta’ terzi: b’ittra mill-Gvern Daniż datata d-29 ta’ Jannar 2010, li ġiet irċevuta permezz tar-Rappreżentanza Permanenti u rreġistrata bħala rċevuta fit-23 ta’ Frar 2010, u b’ittra ddatata fid-29 ta’ Marzu 2010 u rreġistrata bħala rċevuta fit-30 ta’ Marzu 2010 u l-Annessi ta’ dik l-ittra ġew irreġistrati wara bħala rċevuti fl-14 ta’ April 2010. Fit-8 ta’ Ġunju 2010, il-Gvern Daniż ipprovda xi ftit iktar informazzjoni fuq l-adozzjoni ta’ Ftehim fuq il-Politika tal-Medja għall-2011–2014.

(8)

Fid-9 ta’ Ġunju 2010, TV2 Danmark A/S ssottomettiet memorandum ta’ informazzjoni fuq il-bejgħ tan-netwerk tax-xandir TV2.

(9)

Il-Kummissjoni kellha laqgħa mal-benefiċjarja tal-għajnuna TV2 Danmark A/S fit-8 ta’ Ġunju 2010. Bħala aġġornament għal-laqgħa, il-Kummissjoni bagħtet domandi fit-30 ta’ Ġunju 2010 lid-Danimarka u d-Danimarka bagħtet ir-risposti tagħha fid-9 ta’ Lulju 2010.

(10)

Viasat issottomettiet iktar informazzjoni b’emejl fis-26 ta’ Mejju 2010 u b’ittri rreġistrati bħala li ġew irċevuti fl-1 ta’ Ġunju 2010 u s-6 ta’ Lulju 2010.

(11)

Wara domandi addizzjonali mill-Kummissjoni fit-23 u t-28 ta’ Lulju 2010, id-Danimarka bagħtet ir-risposti għal dawn id-domandi fis-17 ta’ Awwissu 2010. Il-Kummissjoni kellha laqgħa mad-Danimarka fl-14 ta’ Settembru 2010, u wara d-Danimarka pprovdiet iktar kummenti f’sottomissjoni ddatata l-15 ta’ Ottubru 2010.

(12)

Viasat issottomettiet iktar informazzjoni lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Diċembru 2010 u SBS għamlet hekk fis-7 ta’ Frar 2011.

(13)

Fl-14 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lid-Danimarka u din irrispondiet b’ittra tat-3 ta’ Frar 2011. Id-Danimarka talbet laqgħa oħra b’ittra tat-28 ta’ Jannar 2011. Din il-laqgħa saret fis-7 ta’ Frar 2011. Intbagħet iktar informazzjoni fl-24 ta’ Frar 2011.

(14)

Fuq talba tal-awtoritajiet Daniżi, saret laqgħa oħra fl-4 ta’ Marzu 2011. Id-Danimarka mbagħad issottomettiet iktar informazzjoni b’ittri rreġistrati bħala li ġew irċevuti fil-11, is-17 u t-18 ta’ Marzu 2011 u fis-6 u l-14 ta’ April 2011. Fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Marzu 2011, id-Danimarka infurmat lill-Kummissjoni li partijiet mill-pjan ta’ ristrutturar (il-“kard TV2 Alene”, spjegat iktar ‘l isfel) ma kinux ser jiġu implimentati. Fis-17 u t-18 ta’ Marzu u fis-6 u l-14 ta’ April 2011, id-Danimarka pprovdiet dejta finanzjarja emendata li ħadet inkunsiderazzjoni din l-emenda.

(15)

Għandu jiġi nnutat wkoll li fl-24 ta’ Marzu 2009, Viasat Broadcasting UK Ltd resqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna ta’ salvataġġ quddiem il-Qorti ta’ Prim’ Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (issal-Qorti Ġenerali) (6). Barra minn hekk, fil-15 ta’ Mejju 2009, Viasat Broadcasting UK Ltd talbet lill-Kummissjoni biex tibda proċeduri skont l-Artikolu 108(2) TFUE sabiex tiġi rrevokata d-deċiżjoni dwar l-għajnuna ta’ salvataġġ (7). Dawn l-azzjonijiet jikkonċernaw deċiżjoni differenti u ma jipprekludux lill-Kummissjoni milli jkollha l-fehma tagħha fuq il-pjan ta’ ristrutturar. Madankollu, b’ordni ddatata s-17 ta’ Mejju 2010, il-proċeduri fil-kawża tal-qorti ġew sospiżi sakemm l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali fil-każ tar-ristrutturar (8).

(16)

Fl-14 ta’ Diċembru 2009, MTG/Viasat għamlu ilment fejn allegaw li d-Danimarka qiegħda tikser inter alia l-Artikoli 106 u 102 TFUE bl-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent għal TV2.

II.   IL-BENEFIĊJARJA: TV2 DANMARK A/S

(17)

TV2 Danmark A/S ġiet inkorporata fl-2003 bħala kumpanija b’responsabbiltà limitata privata proprjetà sħiħa tal-Istat Daniż. Il-kumpanija ħadet f’idejha l-attivitajiet tal-istituzzjoni pubblika awtonoma TV2, li nħolqot fl-1986. Danmark A/S għandha interessi f’diversi kumpaniji differenti li jinvolvu sussidjarji tagħha kollha kemm huma, assoċjati, impriżi konġunti u ishma minoritarji. TV2 Danmark A/S (minn hawn ‘il quddiem “TV2”) hija l-kumpanija holding tal-Grupp TV2 u topera l-kanal televiż ta’ servizz pubbliku TV2 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-kanal ewlieni”).

(18)

Mudell tan-negozju kurrenti: Storikament, il-kanal ewlieni TV2 kien iffinanzjat mid-drittijiet tal-liċenzja tat-televiżjoni u dħul mir-reklamar. Madankollu, għalkemm il-kanali reġjonali għadhom qed jiġu ffinanzjati parzjalment b’dan il-mod, il-finanzjament tal-liċenzja tat-televiżjoni għall-kanal ewlieni ntemm fl-Lulju 2004 u baqa’ biss il-finanzjament permezz tad-dħul mir-reklamar. Dan id-dħul mir-reklamar bħalissa huwa l-uniku sors ta’ dħul għall-kanal ewlieni, ħlief għall-profitti mill-kanali kummerċjali. Bħalissa TV2 ma hijiex qed titħalla timponi drittijiet ta’ abbonament għall-kanal ewlieni tagħha.

(19)

Obbligi ta’ servizz pubbliku: L-Artikolu 38a(1) tal-Att dwar ix-Xandir Daniż jistabbilixxi obbligu ta’ servizz pubbliku għal TV2 u jgħid li “l-attivitajiet ta’ programmar ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu pprovduti lill-pubbliku ġenerali skont il-prinċipji msemmijin fl-Artikolu 10”. Dawn l-obbligi globali huma ssupplimentati b’deskrizzjonijiet iktar iddettaljati fil-liċenzja ta’ servizz pubbliku u l-addenda tagħha.

(20)

Il-Kummissjoni aċċettat (9), u fuq dan il-punt ingħatat raġun mill-Qorti Ġenerali (10), li l-kanal ewlieni ta’ TV2 jissodisfa obbligu ta’ servizz pubbliku. L-attività ta’ servizz pubbliku ta’ TV 2 tammonta għal iktar minn […] (*1) tal-ispejjeż tagħha (11).

(21)

Il-kanal ewlieni TV2 għandu obbligu ta’ servizz pubbliku ieħor li jxandar programmi reġjonali skont il-punt 2.5 tal-liċenzja ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 (12). Il-kontenut reġjonali huwa prodott mill-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2. It-tmien stazzjonijiet reġjonali huma indipendenti minn TV2. Dawn huma rregolati mill-Artikoli 31 et seq. tal-Att dwar ix-Xandir Daniż (13). It-tmien stazzjonijiet TV2 reġjonali għandhom kull wieħed Bord ta’ Rappreżentanti, li l-kompożizzjoni tiegħu jirrifletti varjetà wiesgħa ta’ aspetti tal-kultura u l-komunità reġjonali. TV2 ma tistax tipparteċipa f’dawn il-Bordijiet ta’ Rappreżentanti. L-operazzjonijiet reġjonali huma fdati b’attivitajiet ta’ servizz pubbliku skont l-Artikoli 31 et seq. tal-Att dwar ix-Xandir Daniż u l-ipprogrammar tagħhom għandu jenfasizza affiljazzjoni reġjunali. L-attivitajiet tagħhom huma ffinanzjati primarjament mid-drittijiet tal-liċenzja (14). TV2 għandha obbligu li tittrażmetti dawn il-programmi reġjunali fi “twieqi” fil-fluss tal-ipprogrammar normali tat-TV2 (15). TV2 ma għandha l-ebda influwenza fuq il-format tat-TV magħżul, pereżempju biex tiġi żgurata l-koerenza mal-ipprogrammar ġenerali tat-TV fuq il-kanal ewlieni. Bejn il-programmi nazzjonali u reġjunali, TV2 tittrażmetti reklami li huma intiżi għas-suq reġjunali, u żżomm id-dħul mir-reklamar.

(22)

Obbligu ta’ trażmissjoni: Bħalissa, il-kanal ewlieni huwa kopert b’obbligu ta’ trażmissjoni skont l-Artikolu 6 tal-Att dwar ix-Xandir Daniż, li jgħid li distributuri SMATV (inklużi distibuturi tal-kejbil kummerċjali) għandhom jagħtu aċċess għall-kanali msemmijin fid-dispożizzjoni (jiġifieri TV2 u DR) fil-pakketti kollha tagħhom (16).

Distributuri tat-TV li jużaw is-satellita bħala pjattaforma ta’ distribuzzjoni ma kinux obbligati li jinkludu l-kanal ewlieni ta’ TV2 fil-pakketti ta’ programmi, imma għażlu li jagħmlu hekk billi l-kanal huwa popolari ħafna (17).

(23)

Id-distribuzzjoni tat-televiżjoni fid-Danimarka: It-televiżjoni fid-Danimarka hija ddistribwita f’ħames modi differenti, skont il-mezzi alternattivi ta’ kif wieħed jirċievi sinjal televiżiv. Dawn huma distribuzzjoni bil-kejbil (distributuri YouSee u Stofa), SMATV (distribuzzjoni tal-kejbil lokali), distribuzzjoni permezz ta’ dixx tas-satellita (Viasat u Canal Digital), distribuzzjoni bil-broadband (IPTV) u distribuzzjoni terrestri. Mill-1 ta’ Novembru 2009, is-sinjal terrestri analoġiku ntefa u s-sinjali tat-TV terrestri ġew iddiġitalizzati. Il-kumpanija Boxer rebħet is-sejħa għal offerti biex taġixxi bħala gwardjana kummerċjali u hija responsabbli għat-trażmissjoni ta’ kanali bbażati fuq abbonament permezz tan-netwerk terrestri. Bħalissa il-kanal ewlieni TV2 jixxandar “Free to air” (FTA) mingħajr ma jiġu imposti drittijiet ta’ abbonament biex wieħed jarah (18).

(24)

Attivitajiet ta’ TV2: TV2 hija attiva primarjament fix-xandir u fil-bejgħ ta’ reklamar tat-TV. Hija takkwista u tbigħ ukoll drittijiet awdjoviżivi fi swieq internazzjonali (pereżempju Euro 2008 jew il-Logħob Olimpiku) li hija stess tista’ xxandar jew terġa’ tbiegħ. TV2 topera kważi esklużivament fis-suq tax-xandir tat-TV u swieq relatati tal-medja oħrajn fid-Danimarka. Il-kanal ewlieni ta’ TV2, flimkien ma’ Danmarks Radio (impriża pubblika li hija ffinanzjata esklużivament bi dritt tal-liċenzja u topera żewġ kanali tas-servizz pubbliku), huwa l-ikbar kanal tat-TV.

Il-kanal ewlieni ta’ TV2 bħalissa jikkompeti fis-suq tar-reklamar tat-TV ma’, pereżempju, il-kanali ta’ Viasat TV3 u TV3+. Viasat hija l-proprjetà ta’ Swedish Modern Times Group A/S (MTG), li hija attiva wkoll bħala distributur fis-settur tas-satellita. TV2 tikkompeti wkoll għad-dħul mir-reklamar ma’ SBS A/S, li hija proprjetà ta’ ProSiebenSat Ġermaniża. Il-kanali TV bi ħlas ta’ TV2 bħal TV2 Zulu u TV2 Charlie, jikkompetu ma’ kanali kummerċjali oħrajn fis-suq bl-ingrossa għad-distribuzzjoni fil-pakketti ta’ kanali TV bi ħlas.

(25)

Operazzjonijiet kummerċjali: TV2 topera numru ta’ kanali kummerċjali mhux ta’ servizz pubbiku, inklużi TV2 Zulu, TV2 Charlie, TV2 Film u TV2 News. Għandha wkoll 50 % tal-proprjetà f’TV2 Sports. TV2 Zulu, TV2 Charlie, TV2 Film u TV2 News huma ffinanzjati permezz ta’ abbonamenti u reklamar, filwaqt li TV2 Film hija ffinanzjata esklużivament permezz ta’ abbonamenti.

(26)

Kif irrikonoxxiet id-Danimarka (19) u TV2 Danmark A/S u l-kompetitur tagħha Viasat (20), l-operazzjoni tal-kanal ewlieni hija vitali biex jintlaħaq id-dħul iġġenerat mill-kanali kummerċjali.

(27)

TV2 ilha obbligata mill-2001 li iżżomm il-kontijiet tal-attivitajiet kummerċjali u pubbliċi tagħha separati, ara l-Ordni Nru 740 (21). Il-kontijiet jiġu vverifikati minn awdituri esterni.

(28)

Negozju ieħor: Barra minn hekk, TV2 Danmark A/S għandha diversi sussidjarji jew hija parti minn numru ta’ impriżi konġunti relatati mat-TV fil-kontenut u r-radju, u qabel kellha wkoll netwerk ta’ trażmissjoni tax-xandir (Broadcast Service Denmark (BDS), DTT/Digi-TV, 4M u Fordelingsnet) ma’ DR. Skont informazzjoni pprovduta mid-Danimarka, Broadcast Service Denmark hija l-fornitur ewlieni tax-xandir Daniż fir-rigward tal-ippjanar, il-kostruzzjoni, l-operazzjoni u s-servizz ta’ netwerks ta’ trażmissjoni. In-netwerk ta’ trażmissjoni kien proprjetà konġunta ta’ Danske Radio u TV2 direttament jew permezz ta’ sħubiji fi komproprjetà (Fordelingsnet, 4M, Digi-TV). Madankollu TV2 biegħet l-ishma tagħha f’dan in-netwerk bħala parti mir-ristrutturar tagħha.

(29)

Kawżi ta’ antitrust nazzjonali dwar TV2: Il-Kummissjoni tinnota li l-aġir ta’ TV2 fis-suq tar-reklamar qed jiġi investigat mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Daniżi. Fil-21 ta’ Diċembru 2005, ittieħdet deċiżjoni mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni Daniż li TV2 kienet kisret l-Artikolu 102 TFUE, u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali korrispondenti, billi użat skontijiet li jżidu l-lealtà fis-suq tar-reklamar. Din id-deċiżjoni ġiet annullata mit-Tribunal tal-Appelli tal-Kompetizzjoni fl-1 ta’ Novembru 2006, imma mbagħad ġiet ikkonfermata fl-appell fil-Qorti Superjuri tad-Danimarka tal-Lvant fit-22 ta’ Ġunju 2009. Ġie ppreżentat appell fil-Qorti Suprema li kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Superjuri fit-18 ta’ Marzu 2011. Din il-kawża segwiet kawża preċedenti mid-29 ta’ Novembru 2000 fejn il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Daniż iddeċieda li l-iskontijiet ta’ TV2 fl-2000 kienu abbuż minn pożizzjoni dominanti.

III.   KAWŻI LEGALI PENDENTI OĦRAJN LI JINVOLVU LIL TV2

(30)

L-appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ TV2 minn fondi pubbliċi qabel l-inkorporazzjoni tagħha u r-rikapitalizzazzjoni sussegwenti tagħha kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2004 u tat-2 ta’ Frar 2005, rispettivament (22). Fl-ewwel deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli lil TV2 f’ammont ta’ DKK 628.1 miljun. Id-Danimarka ordnat l-irkupru mill-benefiċjarja tal-għajnuna bl-imgħax, u rkuprat DKK 1 050 miljun minn TV2. It-tieni deċiżjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet għar-rikapitalizzazzjoni, li kienet tikkonsisti minn injezzjoni kapitali ta’ DKK 440 miljun u tpartit ta’ dejn-ekwità ta’ DKK 394 miljun, f’termini tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

(31)

Fit-22 ta’ Ottubru 2008, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni (23). Fl-24 ta’ Settembru 2009 (24) il-Qorti Ġenerali ħarġet ordni dwar id-deċiżjoni ta’ rikapitalizzazzjoni, u ddikjarat li ma kienx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, billi d-deċiżjoni ta’ rikapitalizzazzjoni – li kienet ibbażata fuq id-deċiżjoni ta’ rkupru – kienet ibbażata fuq premessi li ma kinux għadhom jeżistu u għalhekk kienet nieqsa minn kull sustanza u tifsir. Il-Qorti kkunsidrat li ż-żewġ deċiżjonijiet kienu jikkostitwixxu żewġ aspetti tal-istess kwistjoni legali.

(32)

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kawża ta’ hawn fuq saret b’mod parallel ma’ din il-proċedura, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża ta’ hawn fuq ser tiġi adottata fl-istess ħin bħal din id-Deċiżjoni.

IV.   IL-PJAN TA’ RISTRUTTURAR

1.   Il-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturar oriġinali

(33)

Kif ntqal fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna ta’ salvataġġ ta’ DKK 1 000 miljun matul l-2008, TV2 Danmark kellha problemi serji ta’ likwidità serji minħabba investimenti qawwija, b’mod partikolari f’operazzjoni tar-radju, inqas dħul milli mistenni mir-reklamar u spejjeż ta’ imgħax ogħla. Dawn il-bżonnijiet ta’ likwidità ma setgħux jiġu sodisfatti permezz ta’ self minn kredituri privati (banek). Wara d-deċiżjoni ta’ għajnuna ta’ salvataġġ, id-Danimarka nnotifikat pjan ta’ ristrutturar fit-terminu ta’ sitt xhur stipulat fil-Linji Gwida.

(34)

Il-pjan ta’ ristrutturar mibgħut mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Frar 2009 segwa ftehim fost maġġoranza kbira ta’ partiti politiċi Daniżi fuq addendum għall-Ftehim fuq il-Politika tal-Medja għall-2007–2010, li sar pubbliku fid-9 ta’ Jannar 2009.

(35)

Fin-notifika tagħha tal-4 ta’ Frar 2009, id-Danimarka nnotifkat diversi miżuri ta’ għajnuna ta’ ristrutturar, għaliex, skont id-Danimarka, il-likwidità għal żmien qasir u l-problemi tad-dejn identifikati fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna ta’ salvataġġ tal-Kummissjoni baqgħu jeżistu. Dawk il-problemi wasslu għall-kwalifika ta’ TV2 Danmark A/S bħala impriża f’diffikultà fit-tifsira tal-Linji Gwida (25), li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, ma kellhiex għalfejn twarrab minnha u li, skont id-Danimarka, tibqa’ valida anke wara li TV2 irċeviet l-għajnuna ta’ salvataġġ. Dan jista’ jintwera bid-dejta msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali (26).

(36)

Iktar tard fil-proċeduri, u b’mod partikolari bħala reazzjoni għall-kummenti ta’ terzi, id-Danimarka pprovdiet studju ieħor ta’ PWC aġġornat fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ TV2. Id-dejta aġġornata tinsab miġbura fil-qosor fit-tabella ta’ hawn taħt (27).

Żvilupp ta’ TV2 Danmark A/S

Fiġuri ewlenin

DKK miljun

 

2006

2007

2008

2009

Profitt qabel it-taxxa

142

– 213

18

–28

Fatturat

1 980

2 251

2 206

2 029

Fluss nett ta’ kontanti

79

– 550

–73

–60

Dejn li jipproduċi mgħax nett

232

564

622

659

Imposti netti tal-imgħax

10

19

41

31

Valur nett tal-assi

815

598

616

601

Skont id-Danimarka, il-problemi ta’ TV2 jirriżultaw inter alia minn kanal ta’ servizz pubbliku li qed jagħmel dejjem inqas qligħ (28) mingħajr mudell ta’ negozju sostenibbli u ċertu telf li jirriżulta minn investimenti li ma kinux ta’ suċċess.

(37)

Telf: Billi d-dħul mir-reklamar kien inqas minn dak ibbaġitjat, flimkien ma’ sensiela ta’ investimenti ħżiena (partikolarment TV2 Radio), TV2 Danmark A/S kellha telf sinifikanti fl-2007 (DKK 214 miljun, qligħ mill-ekwità -36 %). Barra minn hekk, fl-aħħar ta’ Marzu 2008, il-projezzjoni tar-riżultat finanzjarju tal-2008 kienet ta’ telf qabel it-taxxa ieħor sa DKK […] miljun, għalkemm il-projezzjoni kienet ikkunsidrata bħala sensittiva ħafna għall-iżviluppi tas-suq tar-reklamar. Bl-istess mod, il-kumpanija għamlet telf fl-2009.

(38)

Fatturat/sehem mis-suq: Il-kanal ewlieni ta’ TV2 ġarrab tnaqqis mis-sehem fis-suq fis-snin qabel l-għajnuna ta’ salvataġġ, u dan għadu qed jiġri. It-tneħħija tal-vantaġġ tan-negozju storiku meta ntfiet it-TV terrestri analoġika u bl-introduzzjoni tad-DTT (televiżjoni terrestri diġitali) wassal għal distribuzzjoni iktar ugwali ta’ opportunitajiet minn Novembru 2009. It-tneħħija tal-obbligu ta’ trażmissjoni (ara l-premessa 52 iktar ‘il quddiem) hija mistennija li twassal għal iktar telf tas-sehem fis-suq. Mill-2003 sal-2009, is-sehem mis-suq “kummerċjali” tal-kanal ewlieni ta’ TV2 (persuni bejn il-21 u l-50 sena, li kummerċjalment huwa l-grupp l-iktar interessanti ta’ spettaturi) kien diġà niżel b’19 % minn 56.2 % għal 45.6 % (29). Is-sehem mis-suq kummerċjali ta’ TV2 huwa mistenni li jkun […]% fl-2013 (30).

(39)

Dejn tiela/fluss ta’ kontanti/spejjeż tal-imgħax: Kif wieħed jista’ jara mit-tabella, id-dejn li jipproduċi mgħax nett ta’ TV2 Danmark A/S żdied b’mod kostanti minn DKK 232 miljun fl-2006 għal DKK 622 miljun fl-2008 (qabel il-bejgħ tan-netwerk u l-ħlas lura tal-maġġoranza tad-dejn, id-dejn li jipproduċi mgħax nett ġie bbaġitjat f’DKK […] miljun fl-2010). It-tabella turi wkoll li TV2 Danmark A/S kellha fluss ta’ kontanti negattiv, djun qed jikbru, spejjeż ta’ mgħaxijiet qed jikbru, u valur ta’ assi nett li kien qed jonqos matul il-perijodu mill-31 ta’ Diċembru 2006–31 ta’ Diċembru 2009.

(40)

Analiżi tal-aħjar każ/l-agħar każ: Il-pjan ta’ ristrutturar oriġinali fih xenarju każ-bażi, l-agħar-każ u l-aħjar-każ bil-kalkoli ta’ sensittività. Dan jistrieħ fuq previżjonijiet tas-suq li huma eżoġini għall-kumpanija (kif ikkumpilati minn PriceWaterhouseCoopers). Ix-xenarji jipprevedu tkabbir tal-PDG reali, u minn dak jirriżulta tkabbir (jew tnaqqis) stmat fis-suq tar-reklamar tat-TV li, flimkien ma’ projezzjonijiet tas-sehem mis-suq, jirrendi l-projezzjonijiet tad-dħul mir-reklamar tat-TV. Fil-każ-bażi, hemm żieda żgħira fil-PDG ([…]% għall-2009 u l-2010, […]% għall-2011 u […]% għall-2012). Is-suq tar-reklamar tat-TV kien previst għal […] bejn l-2009 u l-2012 minn DKK […] miljun għal DKK […] miljun f’dak il-perijodu ([…]%). Ix-xenarju tal-agħar każ ra inqas tkabbir pożittiv f’PDG reali (żero fl-2009 u l-2010 u żieda ta’ […]% u […]% fl-2011 u 2012 rispettivament), u […] f’nefqa tar-reklamar minn DKK […] miljun fl-2009 għal DKK […] miljun fl-2012 ([…]%). Ix-xenarju tal-aħjar każ jipprevedi tkabbir tal-PDG kemxejn ikbar milli x-xenarju bażi u għalhekk żieda żgħira fis-suq tar-reklamar tat-TV minn DKK […] miljun fl-2009 għal DKK […] miljun fl-2012 ([…]%). Flimkien ma’ telf ipproġettat ta’ sehem mis-suq, id-dħul mir-reklamar ta’ TV2 kienu proġettati għal […] b’[…]%, […]% u […]% għax-xenarji bażi, l-agħar każ u l-aħjar każ matul il-perijodu 2009–2012, ekwivalenti għal […] ta’ […]%, […]% u […]%.

(41)

Id-dħul mir-reklamar ta’ TV2 kiber b’rata medja (ġeometrika) ta’ 1,9 % matul il-perijodu 1999–2009 b’devjazzjoni standard ta’ 12 % (31). Għalhekk, minħabba s-sensittività taċ-ċiklu tan-negozju tad-dħul mir-reklamar ta’ TV2 u l-prospetti ekonomiċi ġenerali fiż-żmien tal-valutazzjoni, il-projezzjonijiet ta’ PWC għall-perijodu 2009–2012 ma jistgħux jiġu miċħudin bħala irraġonevoli.

(42)

Ir-rapport ta’ PWC ġie aġġornat f’Settembru 2009 biex jiġu kkunsidrati l-aspettattivi l-iktar riċenti fir-rigward tad-dħul mir-reklamar, u pprovda għal xenarju agħar minn dak mistenni fix-xenarju bażi (32). Is-suq tar-reklamar tat-TV naqas fl-2009 b’18.7 % pparagunat mal-2008 (33). Id-dħul mir-reklamar ta’ TV2 naqas b’4 % fl-2008 (DKK 1 667 miljun għal DKK 1 597 miljun) u b’24 % iktar fl-2009 (DKK 1 597 miljun għal DKK 1 220 miljun) (34).

(43)

Id-Danimarka tissottometti li d-diffikultajiet ta’ TV2 huma r-riżultat ta’ dejn ikkawżat minn investimenti kbar fis-snin preċedenti, inċertezza dwar l-eżitu ta’ każ ta’ għajnuna mogħtija mill-istat pendenti rigward TV2 u, mhux l-inqas, mudell ta’ negozju għall-kanal ta’ servizz pubbliku li huwa bbażat fuq dħul mir-reklamar biss. L-operazzjonijiet tar-radju kkawżaw, b’mod partikolari, telf sinifikanti mill-bidu fl-2007. F’April 2008 ġie deċiż li jingħalqu l-operazzjonijiet tar-radju.

(44)

Nuqqas ta’ finanzjament estern mill-banek: Il-pjan ta’ ristrutturar iqis id-dubji li l-bankiera ta’ TV2 għandhom dwar il-mudell ta’ negozju kurrenti tal-kanal ewlieni u dwar l-eżitu possibbli ta’ każijiet legali li għadhom għaddejjin fir-rigward ta’ għajnuna fil-passat lil TV2. Il-pjan ta ristrutturar jillimita l-espożizzjoni tar-riskju tal-banek lill-kumpanija permezz ta’ iktar tnaqqis ta’ self kurrenti jew faċilitajiet ta’ kreditu. Id-Danimarka pprovdiet evidenza li fit-22 ta’ April 2009, wara l-pubblikazzjoni tal-kontijiet tal-kumpanija, il-bank ewlieni tal-kumpanija […] talab li jnaqqas il-faċilità ta’ self u kreditu fil-konfront tal-kumpanija (35).

(45)

TV2 għaddiet minn diffikultajiet fl-ipotekar tal-stabbiliment tagħha f’Odense u rrapportat tnaqqis mhux biss fil-valur tal-bini imma anke l-ipoteka potenzjali (36). Fl-aħħar nett, TV2 akkwistat self ta’ DKK 80 miljun mill-bank Nordea, li kien inqas milli mistenni. Id-Danimarka wara pprovdiet informazzjoni aġġornata fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess tal-banek li jipprovdu self kummerċjali. Minn din l-informazzjoni wieħed jista’ jara li l-ebda bank ikkuntattjat ([…], […], […] u […]) ma kkunsidra lil TV2 affidabbli mil-lat ta’ kreditu. Dan kien dovut għall-aspettattivi dwar l-iżvilupp tas-suq tar-reklamar, li huwa l-uniku sors ta’ dħul ta’ TV2. Il-kapaċità ta’ qligħ ta’ TV2 tpoġġa fid-dubju, u l-każijiet legali pendenti tqiesu bħala fattur ta’ riskju addizzjonali (37).

2.   Deskrizzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar nofitikat oriġinarjament u l-emendi tiegħu

(46)

Il-pjan ta’ ristrutturar kif innotifikat għal TV2 japplika bejn l-4 ta’ Frar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2012. Kien immirat biex jindirizza d-dgħufiji tan-negozju ta’ TV2, b’mod partikolari żbilanċ lejn dejn għal żmien qasir fil-karta tal-bilanċ u mudell ta’ negozju għall-kanal ta’ servizz pubbliku li jitqies mhux sostenibbli minħabba li jiddependi fuq finanzjament permezz ta’ dħul mir-reklamar sensittiv għaċ-ċikli. Il-pjan kellu l-ħames komponenti ewlenin li ġejjin: i) ristrutturar finanzjarju li jaffettwa l-karta ta’ bilanċ, ii) ristrutturar operattiv, iii) finanzjament ġdid tal-kanal ta’ servizz pubbliku TV2 bl-introduzzjoni ta’ mudell ta’ negozju ġdid, iv) miżuri ta’ għajnuna u v) miżura/i ta’ kumpens.

(47)

Il-miżuri ta’ ristrutturar finanzjarju kellhom jikkonsistu primarjament f’dawn l-erba’ elementi: bejgħ ta’ 50 % tal-interess proprjetarju fin-netwerk ta’ trażmissjoni tax-xandir BSD (38), ipotekar tal-istabbiliment tan-negozju f’Odense (Kvaegtorvet), li kien mistenni li jiġġenera DKK […] miljun, posponiment u tnaqqis progressiv ta’ investimenti kapitali ppjanati u t-tneħħija ta’ interessi minoritarji miżmumin f’ċerti kumpaniji attivi fis-setturi tal-midja adjaċenti, […], Momondo, […] u […]. Dawk il-miżuri kienu mistennija li jġibu dħul ta’ iktar minn DKK […] miljun, li parti minnhom kellha tintuża biex tnaqqas is-self fuq żmien qasir.

(48)

Il-miżuri operattivi ta’ ristrutturar jespandu fuq il-miżuri li jiffrankaw l-ispejjeż li jiswew DKK 280 miljun li nbdew diġà fl-2008, u jinkludu l-għeluq ta’ East Production u l-integrazzjoni tagħha f’TV2, l-għeluq jew tnaqqis tal-interess ta’ TV2 fi […] u iżjed iffrankar ta’ spejjeż f’ammont ta’ DKK 40 miljun. Barra minn hekk, TV2, wara n-notifika, irnexxielha tintroduċi iktar iffrankar ta’ spejjeż fi pjan adottat fit-30 ta’ Marzu 2009, li jinkludi tnaqqis f’investimenti kapitali għall-2009 b’DKK 30 miljun, kif ukoll iktar tnaqqis ta’ spiża rikorrenti li ammonta għal DKK 97 miljun (39).

(49)

Miżura ġdida ta’ finanzjament (l-imposta tal-utent finali(40) hija intiża biex tkabbar is-sorsi ta’ dħul stabbli għall-kanal ta’ servizz pubbliku ta’ TV2. Id-deċiżjoni rigward dan kienet ġiet adottata fi ftehim tad-9 ta’ Jannar 2009 bejn il-partiti politiċi ewlenin dwar emenda għall-Ftehim fuq il-Politika tal-Midja għall-2007–2010.

(50)

Il-ġbir ta’ drittijiet ta’ abbonament: Il-mudell ta’ negozju għall-kanal ewlieni għandu jkun sostenibbli billi TV2 titħalla tintroduċi imposti tal-utent finali, jiġifieri drittijiet ta’ abbonament, għall-finanzjament tal-kanal ta’ servizz pubbliku mill-1 ta’ Jannar 2010. Barra minn hekk, TV2 ser tkompli tirċievi dħul mir-reklamar.

(51)

Id-drittijiet ser jiġu imposti mid-distributuri fuq l-utenti finali. L-imposta li għandu jħallas l-utent finali ma tiġix ffissata mill-Gvern, imma tiġi miftiehma permezz ta’ negozjati kummerċjali normali bejn TV2 u d-distributuri (jiġifieri għal DTT Boxer). TV2 tistenna li l-prezz fix-xahar impost minn TV2 lid-distributur ikun madwar DKK 10–12 (eskluża l-VAT) għal kull dar (41). L-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent mill-2012 għandha l-għan li tħalli biżżejjed żmien għad-djar li bħalissa huma mgħammra b’apparat bit-teknoloġija MPEG 2 li jista’ jirċievi TV diġitali terrestri “free-to-air” (DR1, DR2 and TV2) biex jaqilbu għal apparat format-MPEG 4. Id-Danimarka tipprevedi li l-introduzzjoni ta’ dan l-element tal-pjan ta’ ristrutturar ser iġib lura l-vijabilità fit-tul ta’ TV2. TV2 tipprevedi żieda stmata ta’ DKK […] miljun fi dħul mill-imposti tal-utenti fl-2012 (42).

(52)

Mhux ser ikun hemm att leġiżlattiv li ser iġiegħel lid-distributuri li jinkludu TV2 fil-pakketti tagħhom. Għall-kuntrarju, l-obbligu ta’ trażmissjoni eżistenti ser jitħassar mal-introduzzjoni tal-imposti tal-utent (43). Dan isegwi minn kliem il-Kapitolu 6, l-Artikolu 38a(2) tal-Att dwar ix-Xandir Daniż kurrenti, li jgħid li jekk il-Ministru tal-Kultura jippermetti lil TV2 li timponi drittijiet fuq l-utent, l-istatus tal-obbligu ta’ trażmissjoni għandu jintemm. Fi kliem ieħor, l-obbligu ta’ trażmissjoni jieqaf awtomatikament bl-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent. Huwa mistenni li l-kanal ewlieni ta’ TV2 ser jitqassam de facto min-netwerks tal-kejbil u assoċjazzjonijiet tal-antenna bl-istess mod kif isir illum. L-istruttura tal-pakkett jista’ jinbidel mid-distributuri, b’TV2 tibdel kanal bi ħlas eżistenti.

(53)

Oriġinarjament kien antiċipat li jkun hemm eċċezzjonijiet għall-possibbiltà li jinġabru imposti mill-utent finali u li TV2 ma tagħmilx imposti fuq utenti finali li ma jirċevux xi kanal ta’ TV bi ħlas ieħor (magħruf bħala s-sistema tal-kard Alone TV2). Dan kien ikun ifisser li l-utenti finali li jirċievu biss kanali free-to-air (FTA) xorta jistgħu jibqgħu jaraw TV2 mingħajr ħlas. Mandankollu, din il-possibbiltà, li kienet tinsab fl-abbozz tal-proposta mill-Ministeru tal-Kultura tat-18 ta’ Novembru 2010, mhux ser tiġi implimentata. Għaldaqstant, TV2, mill-2012, ser titlob ħlas mill-utenti finali kollha li jixtiequ jirċievu TV2 biex jaraw il-kanal ta’ servizz pubbliku. Il-possibbilità li jiġu imposti drittijiet fuq l-utenti finali teħtieġ bidla fil-kundizzjonijiet tal-liċenzja ta’ TV2 li ser jagħmel il-Ministeru tal-Kultura.

(54)

Il-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati oriġinarjament: Kif innotifikat oriġinarjament, tliet miżuri b’total ta’ massimu ta’ DKK 1 375 miljun kienu previsti biex jakkumpanjaw ir-ristrutturar. Dawn kienu:

self subordinat ta’ DKK 300 miljun,

il-ħruġ ta’ garanzija għall-bejgħ tan-netwerk ta’ trażmissjoni tax-xandir għal ammont ta’ bejgħ mistenni ta’ DKK 475 miljun, u

faċilità ta’ kreditu temporanju ta’ ammont iniżjali ta’ DKK 600 miljun jekk TV2 ma tkunx tista’ tikseb finanzjament estern.

(55)

Id-Danimarka qalet li r-rati tal-imgħax u d-drittijiet ta’ garanzija għandhom ikunu simili ma’ dawk ta’ impriżi b’saħħithom. Dawn il-miżuri qatt ma ġew implimentati. Iktar dettalji jinsabu fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (44).

(56)

Il-faċilità ta’ kreditu ta’ għajnuna ta’ salvataġġ ta’ DKK 1 000, kif awtorizzata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Awwissu 2008, tibqa’ fis-seħħ.

(57)

Id-Danimarka bagħtet informazzjoni fuq l-ispejjeż tar-ristrutturar u toffri f’dan ir-rigward żewġ għażliet ta’ kalkolu differenti. L-ewwel nett targumenta li r-ristruturar ta’ TV2 huwa ristrutturar finanzjarju fejn l-ispejjeż biex jiġi eliminat in-nuqqas ta’ likwidità huma fil-fatt spejjeż ta’ ristrutturar, jiġifieri spejjeż biex tiġi żgurata l-vijabilità fit-tul. Id-Danimarka tikkunsidra li huma x’inhuma dawn l-ispejjeż, TV2 nnifisha jkollha tħallashom kollha. Ir-raġuni għal dan hija li d-Danimarka tassumi li sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-miżuri kollha ta’ għajnuna jew ma jkunux ġew implimentati, jew inkella jkunu ġew imħallsin għal kollox (45). Id-Danimarka tgħid ukoll li fil-każ speċjali tar-ristrutturar ta’ TV2, l-iffrankar tal-ispejjeż għandu jkun aċċettabbli wkoll bħala spejjeż ta’ ristrutturar, billi l-iffrankar tal-ispejjeż huwa intiż mhux biss biex tiżdied il-kompetittività, imma biex tiġi żgurata l-vijabilità finanzjarja ta’ TV2 mil-lat purament kummerċjali (46). Alternattivament, kalkolu iktar tradizzjonali tal-ispejjeż ta’ ristrutturar, fejn l-iffrankar tal-ispejjeż ma huwiex inkluż iwassal għal iffukar fuq spejjeż straordinarji ta’ darba li jkunu saru, li d-Danimarka telenka bħala DKK […] miljun għall-ispejjeż ta’ tranżazzjonijiet għan-netwerk ta’ trażmissjoni, l-ispejjeż assoċjati mat-trasferiment lil TV bi ħlas (imposti tal-utenti) u spejjeż legali u ta’ konsulenza kif ukoll spejjeż għat-terminazzjoni tal-kuntratti tal-persunal (47).

(58)

Bħala miżura ta’ kumpens, TV2 oriġinarjament impenjat ruħha li ma tiftaħx kanali ta’ xandir tat-TV ġodda matul il-perijodu tar-ristrutturar, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2012. Id-Danimarka tindika li dan huwa sagrifiċċju mill-kumpanija, billi kanali ġodda jagħmlu lil TV2 tiddependi inqas minn dħul mir-reklamar. Fid-dinja diġitali, l-ispettaturi huma indirizzati b’mod iktar frekwenti permezz ta’ kanali speċjalizzati tal-ispettaturi, u TV2 tgħid li l-kompetituri tagħha qed jiftħu kanali ġodda matul dan il-perijodu.

(59)

Fir-rigward ta’ kemm idum il-pjan ta’ ristrutturar, li ġie innotifikat li kien ser idum sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-awtoritajiet Daniżi ssottomettew li huwa fl-interess ta’ TV2 li l-għajnuna mill-Istat tiġi ssostitwita qabel, biex b’hekk il-perijodu ta’ ristrutturar ikun jista’ jintemm f’data iktar bikrija jekk ikun possibbli (48).

3.   Iktar żviluppi matul il-proċess ta’ ristrutturar

(60)

Kif stipulat fil-pjan ta’ ristrutturar, TV2 biegħet in-netwerk tax-xandir tagħha fit-30 ta’ Settembru 2010 lill-kumpanija Svediża Teracom AB, il-proprjetarja ta’ Boxer. Ir-rikavat mill-bejgħ għal TV2 huwa ta’ madwar DKK 640 miljun qabel it-taxxa, li ntuża biex inaqqas id-dejn ta’ TV2.

(61)

TV2 setgħet tipoteka wkoll l-istabbiliment tan-negozju tagħha f’Odense, imma b’rata iktar baxxa milli antiċipat oriġinarjament. Minflok DKK […] miljun, kisbet ipoteka ta’ DKK 80 miljun biss.

(62)

Fl-4 ta’ Ottubru 2010, TV2 ħallset lura l-ġbid kollu tagħha mill-faċilità ta’ kreditu temporanju, li kien awtorizzat fid-deċiżjoni ta’ għajnuna ta’ salvataġġ tal-Kummissjoni. B’kollox, TV2 kienet ġibdet DKK 223 miljun mill-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ. Fl-aħħar tal-2008, jiġifieri matul is-sitt xhur tal-perijodu tal-għajnuna ta’ salvataġġ, TV2 kienet ġibdet 208 miljuni (49). Fid-dawl tal-bejgħ tan-netwerk ta’ trażmissjoni, li kien iktar ta’ suċċess milli stmat fil-pjan ta’ ristrutturar, id-Danimarka bagħtet dawn il-figuri emendati li ġejjin fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ TV2 (ibbażati fuq l-abbonamenti mal-kanal ewlieni) (50).

DKK miljun

 

Realizzat

2009

Stmat

2010

Previst

2011

Previst

2012

Previst

2013

Dħul

2 029

2 147

(…)

(…)

(…)

Spejjeż

–1 910

–1 974

(…)

(…)

(…)

EBIT

–2

25

(…)

(…)

(…)

Profitt qabel it-taxxa, attivitajiet li jkomplu

–28

42

(…)

(…)

(…)

Profitt qabel it-taxxa, attivitajiet li ma jkomplux

1

397

(…)

(…)

(…)

Profitt wara t-taxxa

–14

353

(…)

(…)

(…)

Ekwità fl-aħħar tas-sena

601

952

(…)

(…)

(…)

Dejn li jipproduċi imgħax nett fl-aħħar tas-sena

659

–84

(…)

(…)

(…)

(63)

Fit-13 ta’ Ottubru 2010, […] offra li jipprovdi lil TV2 b’faċilitajiet ta’ kreditu addizzjonali li jiswew DKK […] miljun. Dan kellu jżid il-faċilitajiet fit-tul ta’ TV2’s b’[…] minn […] miljun għal DKK […] miljun (51). Madankollu, l-offerta hija suġġetta għal dawn iż-żewġ kundizzjonijiet:

(a)

[…]

(b)

[…].

(64)

Fuq dik il-bażi, TV2 tistenna li jkollha faċilitajiet finanzjarji fil-firxa ta’ madwar DKK […]–[…] miljun sal-aħħar tal-2012. Din tikkonsisti f’DKK […]–[…] miljun u l-faċilitajiet ta’ kreditu esterni addizzjonali ta’ DKK […] miljun (52).

(65)

Id-Danimarka tipprovdi wkoll dejta fuq l-istruttura kapitali ta’ TV2. Minħabba problemi f’li tirċievi finanzjament estern, li min-naħa tagħhom huma dovuti għall-inċertezza dwar il-każijiet legali pendenti u l-mudell ta’ negozju ta’ TV2 li huwa sensittiv għad-dħul mir-reklamar, id-Danimarka argumentat li TV2 għandha tiddependi inqas fuq id-dejn milli fuq l-ekwità. Il-Kummissjoni tosserva wkoll diskrepanzi bejn l-grad ta’ finanzjament ta’ ekwità ta’ TV2 ipparagunat ma’ dawk pari tagħha.

(66)

B’mod iktar speċifiku, l-istruttura kapitali tista’ tiġi vvalutata f’termini ta’ proporzjon ta’ solvenza, jiġifieri l-proporzjon ta’ ekwità kontabbli mat-total tal-karta ta’ bilanċ. PWC (l-impriża ta’ konsulenza finanzjarja tad-Danimarka) turi li l-proporzjon ta’ solvenza medja (medjana) tal-pari ta’ TV2 hija madwar […]% ([…]% fl-aħħar tal-2009) (53). Il-proporzjon ta’ solvenza medja tal-parti ta’ TV2 huwa inqas b’mod sinifikanti mill-proporzjon tas-solvenza li TV2 hija mistennija li jkollha fit-tmien tal-perijodu ta’ ristrutturar. Wara l-bejgħ tan-netwerk tat-trażmissjoni, il-proporzjon tas-solvenza ta’ TV2 huwa […]% fl-aħħar tal-2010. Huwa previst li jilħaq […]% fl-aħħar tal-2011 u […]% fl-aħħar tal-2012. Skont l-aħħar previżjonijiet sottomessi minn TV2, il-proporzjon ta’ dejn nett (dejn li jipproduċi mgħax fuq EBITDA) għandu jkun bejn wieħed u ieħor […] fl-aħħar tal-2010, […] fl-aħħar tal-2011 u […] fl-2012. Id-dejn nett medju (medjan) fuq il-proporzjon ta’ ekwità fl-aħħar tal-2009 huwa […] ([…]) għal kampjun ta’ pari ta’ TV2 (54).

4.   Impatt tal-parametri finanzjarji ġodda fuq il-pjan ta’ ristrutturar innotifikat

(67)

Id-Danimarka kkonfermat li l-ebda waħda mit-tliet miżuri ta’ għajnuna oriġinarjament proposti fil-pjan ta’ ristrutturar qatt ma ġiet implimentata, imma d-Danimarka stenniet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-obbligu ta’ waqfien totali tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (55). Madankollu, fid-dawl ta’ żviluppi riċenti, huma rilevanti biss il-faċilità ta’ self u ta’ kreditu skont il-pjan ta’ ristrutturar kif inhu bħalissa (56). Saret irrilevanti u inoperabbli l-miżura ta’ għajnuna notifikata fir-rigward tal-bejgħ tan-netwerk tax-xandir (57), billi l-bejgħ sar b’suċċess mingħajr garanzija fis-seħħ (58). Fil-frattemp, teżisti biss bħalissal-faċilità ta’ kreditu temporanju.

Minħabba l-pożizzjoni finanzjarja mtejba ta’ TV2 wara l-bejgħ tan-netwerk tax-xandir, id-Danimarka qalet li l-miżuri kollha ta’ għajnuna jistgħu jiġu aboliti b’kundizzjoni waħda li l-pjan ta’ ristrutturar jiġi approvat (inkluża l-possibbiltà ta’ implimentazzjoni ta’ imposti tal-utent finali) u li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni fil-każijiet ta’ għajnuna mill-istat “antiki” li ma jinvolvux xi ħlas lura addizzjonali ta’ għajnuna mill-Istat lill-Gvern Daniż (59). F’xenarju bħal dan, TV2 tgħid li ser ikollha biżżejjed finanzjament sal-2012, meta l-ħlasijiet tal-abbonament fuq il-kanal ewlieni ser jiġu implimentati (60). Il-pjan ta’ ristrutturar bħala tali ma huwiex irtirat. Fir-rigward tal-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ li għadha fis-seħħ, TV2 bħalissa ma tistax tiġbed flus minnha, għaliex il-kundizzjonijiet (bżonn ta’ likwidità ċertifikat ikkonfermat minn espert) ma humiex sodisfatti (61).

(68)

Fil-pjan oriġinali ta’ ristrutturar, id-Danimarka kienet impenjat ruħha li TV2 ma tiftaħx kanali tax-xandir tat-TV ġodda. Dak l-impenn kien ġie kkjarifikat wara biex ikopri wkoll il-kanali tar-radju, imma l-awtoritajiet Daniżi huma tal-fehma li din il-miżura ta’ kumpens għandha tieqaf meta l-miżuri kollha ta’ għajnuna jiġu rrevokati, billi huma jikkunsidraw dawn bħala t-tmien tal-perijodu ta’ ristrutturar (62). Matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-Gvern Daniż iddeċieda li jqiegħed kanal tar-radju ta’ servizz pubbliku f’sejħa għal offerti (63). L-għan ta’ dan il-kanal tar-radju ġdid huwa li jistabbilixxi kompetizzjoni fis-suq tar-radju Daniż għall-ipprogrammar ta’ servizz pubbliku li, bħalissa, huwa ddominat mix-xandar pubbliku DR li għandu kważi 80 % tas-sehem tal-udjenza. TV2 oriġinarjament kellha ħsieb li tipparteċipa f’din is-sejħa għal offerti, fejn offerta setgħet issir biss wara li jkunu ġew fi tmiem il-miżuri ta’ għajnuna. Madankollu, matul l-investigazzjoni d-Danimarka kkonfermat li TV2 ma hijiex ser tiparteċipa f’din is-sejħa għal offerti minħabba l-investigazzjoni li għaddejja tal-Kummissjoni (64).

(69)

TV2 tgħid li sakemm jibqgħu pendenti kawżi legali, il-proporzjonijiet ta’ qligħ biss huma punt ta’ riferiment adegwat għall-valutazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ TV2 fir-rigward tal-kompetituri tagħha. Madankollu, TV2 tirrikonoxxi li l-proporzjonijiet kapitali (bħall-proporzjon ta’ solvenza) ikollhom sinifikat biss meta l-inċertezzi tal-mudell ta’ negozju u l-kwistjonijiet legali ikun ġew solvuti (65). Il-Gvern Daniż esprima l-intenzjoni tiegħu li TV2 ma għandiex tkun ikkapitalizzata żżejjed u tkun lesta li tintroduċi miżuri biex dan l-għan jintlaħaq ladarba l-imposti tal-utent finali jiġu introdotti fl-2012. Il-Gvern Daniż, bħala proprjetarju ta’ TV2, ser jiżgura li ladarba tiġi introdotta l-imposta tal-utent u s-sitwazzjoni finanzjarja tiġi nnormalizzata, TV2 ser ikollha struttura kapitali li tikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-suq normali.

(70)

Għal dak l-iskop, id-Danimarka hija impenjata li tqabbad espert finanzjarju indipendenti fl-aħħar tal-2012 jew kmieni fl-2013 biex jagħmel analiżi tal-istruttura kapitali ta’ TV2 u jqabbilha mal-istruttura kapitali ta’ kumpaniji tal-midja rilevanti oħrajn. Jekk l-istruttura kapitali ta’ TV2 tiddevja b’mod sinifikanti mill-medjan jew il-medja tal-grupp ta’ pari rilevanti, il-Gvern Daniż daħal f’impenn li jaġġusta l-istruttura kapitali fil-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali f’April 2013, biex tiġi rrettifikata s-sitwazzjoni. Jekk hemm raġunijiet sostanzjali sabiex ma tiġix aġġustata l-istruttura kapitali, il-Gvern Daniż ser jinnotifika lill-Kummissjoni b’emenda għall-pjan ta’ ristrutturar. Il-Gvern Daniż huwa impenjat li jikseb ir-ristrutturar tal-bażi kapital bi ħlasijiet ta’ dividendi li għandhom jiġu adottati fl-Assemblea Ġenerali f’April 2013, u mhux biż-żieda tad-dejn ta’ TV2, u b’hekk tespandi l-karta ta’ bilanċ.

(71)

Id-Danimarka impenjat ruħha wkoll li tissottometti l-analiżi lill-Kummissjoni, flimkien mal-pjanijiet tal-Gvern biex jaġixxi skont l-analiżi, fil-ħin, qabel il-laqgħa ta’ April 2013.

V.   SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ TAL-KUMMISSJONI TAT-2 TA’ LULJU 2009

(72)

Fid-deċiżjoni biex tinbeda l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni sabet li s-self u l-garanzija notifikati fil-pjan ta’ ristrutturar kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE, issa 107(1) TFUE, u eżaminat il-kompatibbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar skont l-Artikolu 87(3)(c) KE, issa 107(3)(c) TFUE, flimkien mal-Linji Gwida ta’ ristrutturar tal-Kummissjoni (66). Madankollu, il-Kummissjoni stiednet kummenti dwar jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 tat-Trattat KE (107 TFUE) kinitx tostakola l-eżekuzzjoni tal-kompitu tax-xandir ta’ servizz pubbliku fdat lil TV2.

(73)

Il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar notifikat fir-rigward ta’ dan li ġej:

Filwaqt li għalissa taċċetta biss li TV2 Danmark A/S kienet impriża f’diffikultà fit-tifsira tal-Linji Gwida, il-Kummissjoni talbet kummenti peress li l-kompetituri ta’ TV2 kienu indikaw li l-problemi tal-fluss ta’ kontanti kienu kkawżati minnha stess, setgħu faċilment jissolvew u ma affettwawx il-vijabilità fundamentali tal-kumpanija. Il-kompetituri qalu wkoll li TV2 għamlet profitt fl-2008.

Barra minn hekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni li pjan ta’ ristrutturar għandu jinvolvi l-abbandun ta’ attivitajiet li jibqgħu strutturalment jagħmlu t-telf anke wara r-ristrutturar (67), il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-miżuri fil-pjan ta’ ristrutturar setgħux jippermettu lil TV2 tagħmel qligħ fuq bażi awtonoma. Il-Kummissjoni lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tikkorrobora l-validità tal-assunzjonijiet tas-suq ġenerali li kien hemm wara l-pjan (pereżempju żviluppi fis-suq tar-reklamar, tkabbir tal-PDG, iż-żamma minn TV2 ta’ ishma tal-udjenza).

Minħabba s-sitwazzjoni ekonomika li fiha qed jiġi varat il-pjan ta’ ristrutturar, iż-żmien twil tiegħu tpoġġa fid-dubju

Barra minn hekk, billi implimentazzjoni ta’ suċċess tal-miżuri ta’ ristrutturar finanzjarji u operattivi inklużi fil-pjan ta’ ristrutturar sal-2010–2011 tista’ tirrendi mhux meħtieġa l-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent fuq il-kanal TV2 biex tiġi żgurata l-vijabilità fit-tul ta’ TV2 Danmark A/S, u peress ma kienx hemm valutazzjoni tal-effetti ta’ dawn l-imposti fuq il-kompetizzjoni, tqajmet il-kwistjoni jekk hijiex xierqa l-introduzzjoni gradwali awtomatika ta’ dawn l-imposti sal-2012, li ġiet deċiża diġà.

Il-Kummissjoni wriet it-tħassib tagħha dwar jekk il-miżura ta’ kumpens waħdanija ta’ waqfien mal-varar ta’ kanali TV ġodda hijiex proporzjonata mal-għajnuna, daqs u importanza relattiva ta’ TV2 Danmark A/S fis-swieq fejn hija attiva (68).

Il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni jekk l-għajnuna, lil hinn mil-kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ ristrutturar, tistax tintuża biex tiffinanzja aġir tas-suq aggressiv.

VI.   SOMMARJU TAL-FEHMIET TAL-AWTORITAJIET DANIŻI

(74)

Għandu jiġi nnutat li fis-sommarju li ġej tal-kummenti tad-Danimarka u ta’ terzi, ma ġie riprodott l-ebda kumment fir-rigward tal-operazzjoni tas-sistema tal-kard Alene ta’ TV2, billi din il-parti tal-pjan ta’ ristrutturar mhux ser tiġi implimentata.

TV2 hija impriża f’diffikultà

(75)

L-awtoritajiet Daniżi jsostnu li TV2 hija impriża f’diffikultà, kif jidher f’rapport ta’ PWC (69), li wara ġie aġġornat (70). Baqgħu wkoll b’dik il-fehma f’reazzjoni għall-kummenti ta’ terzi (71).

(76)

Skont rapport ta’ PWC li sar ftit qabel n-notifika ta’ ristrutturar, TV2 ma tistax tirkupra permezz tar-riżorsi proprji tagħha jew bil-finanzjament tas-suq. Id-Danimarka ssostni wkoll li l-pjan ta’ ristrutturar sottomess mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq assunzjonijiet u xenarji realistiċi, filwaqt li juri li l-vijabilità fit-tul tal-kumpanija ser tiġi rrestawrata għal li kienet. Madankollu, is-suq tar-reklamar iddeterjora fir-rigward tax-xenarju bażi tal-pjan ta’ ristrutturar. Is-suq tar-reklamar naqas bi 19 % fl-ewwel nofs tal-2009 u d-dħul mir-reklamar ta’ TV2 naqas b’24 % fl-2009. Il-miżuri ta’ ristrutturar ser jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr, ħlief għall-introduzzjoni ta’ imposti tal-utenti, fejn diffikultajiet operattivi u tekniċi jeħtieġu posponiment sal-2012. Barra minn hekk, f’sottomissjoni sussegwenti, id-Danimarka, li għal darb’oħra bbażat ruħha fuq projezzjonijiet ta’ PWC, stqarret li l-previżjoni kienet fil-fatt iddeterjorat mill-pjan ta’ ristrutturar oriġinali u li l-EBIT ta’ TV2 fl-2009 kien ta’ DKK […] miljun inqas milli stmat fil-pjan ta’ ristrutturar (72). Id-Danimarka tindika wkoll li, kif ġie ppruvat bi stqarrijiet minn diversi banek, il-kumpanija ma tistax takkwista fondi esterni għaliex il-banek għandhom dubju fuq il-mudell ta’ negozju għall-kanal ewlieni, ma tantx għandhom fiduċja fid-dħul mir-reklamar ċikliku bħala sors ta’ dħul u jaraw bħala problematiċi l-inċertezzi ġejjin minn kawżi legali pendenti.

(77)

Il-miżuri ta’ ristrutturar operattivi u finanzjarji huma analizzati bħala li huma l-massimu li jistgħu jittieħdu mingħajr ma tiġi kompromessal-kwalità tal-ipprogrammar fil-kanal tas-servizz pubbliku ta’ TV2. Il-miżura ser iġġiegħel lil TV2 li tisfrutta aħjar l-assi tagħha biex b’hekk tnaqqas l-għajnuna għall-minimu meħtieġ.

(78)

Billi l-bejgħ tan-netwerk ta’ xandir safa’ iktar ta’ suċċess milli antiċipat, il-Gvern wara ta assigurazzjonijiet li l-miżuri kollha ta’ għajnuna setgħu jitħassru u ma jiġux implimentati ladarba l-Kummissjoni tapprova l-pjan ta’ ristrutturar u l-kawża dwar l-għajnuna mill-istat pendenti tad-19 ta’ Mejju 2004 tiġi rranġata mingħajr ħlasijiet lura ogħla (73).

Imposti tal-utent finali

(79)

Imposti tal-utent, li ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istat, jipprovdu dħul operattiv iktar stabbli u jagħtu assigurazzjonijiet lill-banek dwar il-mudell tan-negozju ta’ TV2. Bħala riżultat tar-ristrutturar, il-marġni EBIT tal-kumpanija inġenerali jkun allegatament bejn […] u […]%, li jippermettilha tiġġestixxi l-fondi tagħha stess.

(80)

Għalkemm ma huwiex possibbli li jiġi previst tibdil fil-prezzijiet u l-istruttura tal-pakketti ta’ distributur, l-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent għal TV2 ma għandhiex twassal għal finanzjament indirett minn, jew tnaqqis ta’ kapaċità għal, kompetituri ta’ TV2. Dan il-finanzjament ġdid jitqies bħala bidla fil-linja bażi tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament fit-tul ta’ TV2 li jpoġġi lil TV2 fuq l-istess livell mal-kompetituri tagħha (74).

Miżuri ta’ kumpens

(81)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li l-miżura ta’ kumpens proposta ta’ waqfien bil-varar ta’ kanali tax-xandir TV ġodda (issa anki kanali tar-radju) tikkostitwixxi sagrifiċċju reali għal TV2 Danmark A/S, minħabba l-interess tagħha fi strateġija ta’ diversifikazzjoni biex iżżomm is-sehem globali tagħha, it-telf ta’ dħul imġarrab u l-vantaġġ ta’ min jibda l-ewwel li dan jagħti lill-kompetituri, li bħalissa qed ivaraw kanali ġodda u ser jibqgħu jagħmlu hekk. Id-Danimarka wara kienet tal-fehma li l-miżura għandha tieqaf meta jkunu tħassru l-miżuri kollha ta’ għajnuna, jiġifieri mid-data ta’ din id-Deċiżjoni.

(82)

Fir-rigward tal-idea ssuġġerita fid-deċiżjoni tal-ftuħ – li l-kapaċità ta’ TV2 tiġi emendata għax-xandir ta’ kontenut premium – id-Danimarka tindika li l-obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 ikopri l-isports, inklużi avvenimenti sportivi ewlenin, u għajnuna għall-produzzjoni tal-films. Barra minn hekk, id-Danimarka targumenta li l-kuntratti standard jipprekludu lil TV2 milli tassenja drittijiet lil terzi, li jostakola l-irkantar.

Bażi legali

(83)

Id-Danimarka tikkunsidra li l-proċess ta’ ristrutturar jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Madankollu, id-Danimarka tirrikonoxxi li skont l-projezzjonijiet ta’ dħul ta’ PWC, il-kanal ewlieni xorta jibqa’ jagħmel telf wara t-tmiem tal-perijodu ta’ ristrutturar (75). Id-Danimarka ssostni li TV2 hija obbligata li twettaq missjoni ta’ servizz pubbliku, li ma tistax tonqos milli twettaqha. Din is-sitwazzjoni speċjali ta’ TV2, minħabba l-missjoni ta’ servizz pubbliku tagħha, għandha tiġi kkunsidrata meta jiġi vvalutat il-każ skont il-Linji Gwida ta’ salvataġġ u ristrutturar jew l-Artikolu 106(2) TFUE. Ikun kummerċjalment bla skop li jingħalaq il-kanal ta’ servizz pubbliku, billi jipprovdi sinerġiji sinifikanti bejn il-kanali ewlenin u dawk speċjalizzati.

VII.   SOMMARJU TAL-FEHMIET TA’ PARTIJIET TERZI INTERESSATI

TV2

(84)

Fil-kummenti tagħha, TV2 l-ewwel tirreferi inġenerali għal dak li tikkunsidra li huma l-punti prinċipali fil-valutazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

Obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 u l-bażi legali

(85)

TV2 ssostni li l-attività prinċipali tagħha qiegħda fl-obbligi estensivi u għaljin ta’ servizz pubbliku li jirregolaw il-kanal ewlieni tal-impriża. TV2 tgħid li din l-attività bħalissa tgħodd għal iktar minn […]% tal-ispejjeż tal-kanal ewlieni.

(86)

TV2 tirriferi għad-deċiżjoni politika li wasslet għas-sitwazzjoni kurrenti. Il-Gvern Daniż u l-partiti li appoġġjaw il-Ftehim fuq il-Politika tal-Midja kurrenti ftehmu li skont il-pjan ta’ ristrutturar, il-kumpens pubbliku ma jiġix introdott għall-ispejjeż li tagħmel TV2 biex tissodisfa l-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha. Min-naħa l-oħra, ġie deċiż li jiġi introdott mudell ta’ negozju bbażat fuq is-suq sostenibbli għal TV2 li jiżgura li l-impriża tista’ tikkompeti fis-swieq rilevanti minkejja l-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha, deċiżjoni li ġiet milqugħa minn TV2. TV2 targumenta li l-element l-iktar importanti f’dan il-kuntest hija t-tneħħija tal-projbizzjoni preċedenti fuq il-ġbir ta’ imposti tal-utent għall-kanal tas-servizz pubbliku ewlieni, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2012. TV2 ssostni li l-għajnuna ma tinvolvix vantaġġi operattivi jew kummerċjali, imma sempliċiment tiżgura li TV2 tkun tista’ tuża l-għażliet ta’ finanzjament miftuħin għall-kompetituri tagħha. TV2 targumenta li l-kanal ewlieni tagħha ma jistax jitqies b’mod iżolat, billi kemm il-kanal ewlieni kif ukoll il-kanali speċjalizzati jirfdu r-riżultat finanzjarju tal-grupp. Fi kwalunkwe każ, TV2 ma tistax tonqos milli tissodisfa l-missjoni ta’ servizz pubbliku tagħha, li għandha tiġi rrikonoxxuta meta jiġu applikati l-Linji Gwida jew l-Artikolu 106(2) TFUE.

Is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni

(87)

TV2 tinnota li minkejja l-fatt li tiddomina s-suq tar-reklamar tat-televiżjoni Daniż, il-kompetizzjoni f’dan is-suq hija b’saħħitha u kkaratterizzata mill-preżenza ta’ gruppi multinazzjonali finanzjarjament robusti. TV2 issostni wkoll li l-kompetituri ewlenin tagħha ma humiex ipprojbiti milli jidħlu fis-suq, billi jvarjaw numru ta’ kanali ġodda fis-suq televiżiv Daniż (pereżempju SBS 6 (Pro 7), TV3 Puls (MTG) u Canal 9 (Bonnier).

(88)

Barra minn hekk, fir-rigward tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq televiżiv Daniż, TV2 tgħid li kellha tnaqqis sinifikanti fl-ishma kemm tas-suq kif ukoll tal-udjenza (76), li […], inter alia minħabba li ntefa s-sinjal analoġiku f’Novembru 2009. TV2 targumenta wkoll li l-projbizzjoni fuq il-varar ta’ kanali televiżivi ġodda sal-2012 ser tnaqqas iktar il-kompetittività ta’ TV2 u b’hekk iddgħajjef l-impriża.

(89)

Fir-rigward tas-suq tat-TV bi ħlas, TV2 issemmi li l-grupp ma għandux pożizzjoni dominanti f’dan is-suq, filwaqt li tinnota wkoll li l-uniku kanal televiżiv kummerċjali Daniż ewlieni li ma joperax fis-suq huwa l-kanal ta’ servizz pubbliku ta’ TV2. Barra minn hekk, TV2 tistma li l-kanali speċjalizzati bħalissa għandhom sehem ta’ madwar […]% tas-suq tat-TV bi ħlas, u tistenna li s-sehem mis-suq totali tal-istazzjon għandu jitla’ għal madwar […]–[…]% ladarba TV2 tkun tista’ tibda tiġbor imposti tal-utent għall-kanal tas-servizz pubbliku ewlieni fl-2012.

Impriża f’diffikultà/tul taz-zmien tal-pjan ta’ ristrutturar

(90)

TV2 tindika li ma setgħet tikseb l-ebda self mill-banek u lanqas ma kien ħafif li tikseb ipoteka għall-proprjetà tagħha f’Kvaegtorvet. TV2 tindika li l-inċertezza li tirriżulta inter alia mill-kawżi ta’ għajnuna mill-Istat miftuħin ipprekludiet lill-banek milli jipprovdu l-finanzjament meħtieġ. TV2 tikkunsidra li t-tul taz-zmien tal-pjan ta’ ristrutturar huwa xieraq u tindika li kwalunkwe titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ser jaffettwa biss il-ġbid tagħha mill-faċilità ta’ kreditu, u mhux il-mudell ta’ negozju tagħha, li għandu jiżgura li TV2 tagħmel qligħ fi żmien medju u fit-tul.

Imposti tal-utent finali

(91)

TV2 targumenta li l-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent finali għall-kanal tas-servizz pubbliku ewlieni ma tfissirx għajnuna mill-Istat, imma sempliċiment tagħti lill-kanal l-istess opportunitajiet bħall-kompetituri tagħha biex jintużaw l-iktar mezzi konvenzjonali tas-suq għall-operat fis-suq, jiġifieri li jintalab ħlas mill-utenti li jagħżlu li jużaw is-servizzi tagħha. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni tista’ tiġi rrimedjata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Skont TV2, l-imposta tal-utent finali, fost elementi oħrajn tal-pjan ta’ ristrutturar, ma twassal għal ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti. TV2 targumenta f’dan ir-rigward li l-pjan ser jiżgura li l-grupp TV2, partikolarment il-kanal tas-servizz pubbliku ewlieni, ikollu l-likwidità meħtieġa sakemm jiġu introdotti l-imposti tal-utent finali. TV2 tgħid ukoll li introduzzjoni alternattiva mill-ġdid ta’ finanzjament ibbażat mhux fuq is-suq bħala kumpens ta’ servizz pubbliku ma jkunx aħjar mill-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent finali fl-ambitu tad-dritt fuq l-għajnuna mill-Istat.

Miżuri ta’ kumpens

(92)

TV2 tenfasizza li huwa veru sagrifiċċju għaliha li ma titħalliex tivvara kanali ġodda. Hija tindika li bil-bidla għad-diġitali u bil-bejgħ tan-netwerk tagħha, hija titlef il-vantaġġ li gawdiet sa issa permezz tal-komproprjetà tagħha tan-netwerk. B’risposta għad-domanda li tiftaħ id-deċiżjoni ta’ jekk il-bejgħ ta’ ċerti programmi lil terzi jew restrizzjonijiet fuq ix-xandir (pereżempju l-isports) għandhomx jiġu kkunsidrati, TV2 tirrispondi li l-kuntratti standard jipprojbixxu lil TV2 milli tassenja drittijiet lil terzi. Jifformaw parti mill-ipprogrammar ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 stejjer fittizji (fiction) u l-isports Daniż.

SBS

(93)

SBS ma tarax għalfejn sensiela ta’ deċiżjonijiet possibbilment ħżiena ta’ maniġment għandhom iwasslu għal bidla fil-mudell ta’ finanzjament b’effetti ta’ distorsjoni sinifikanti fuq il-kompetizzjoni. SBS tgħid li apparti deċiżjonijiet ta’ investiment ħżiena, TV2 kellha riżultati pożittivi fil-perijodu 2004-2008 u tgawdi pożizzjoni dominanti fis-suq tar-reklamar tat-TV. Barra minn hekk temmen li l-pjan ta’ ristrutturar imur lil hinn sew minn dak li huwa meħtieġ. Il-valur preżenti nett tad-dritt li jiġu imposti drittijiet tal-utent finali huwa ferm ikbar mill-aqwa ekwità stmata kif identifikat fid-deċiżjoni tar-rikapitalizzazzjoni. SBS tqajjem ukoll il-punt li l-għajnuna mogħtija lill-kanali reġjonali fil-forma ta’ drittijiet ta’ liċenzji ta’ madwar DKK 400 miljun fis-sena għandha tiġi inkluża fil-valutazzjoni tal-impatt tal-pjan ta’ ristrutturar.

Impriża f’diffikultà

(94)

SBS tgħid li la TV2, u l-ebda waħda mis-sussidjarji tagħha, ma hija eliġibbli għall-għajnuna skont il-linji gwida ta’ ristrutturar. F’dan ir-rigward, SBS tindika li TV2 Denmark, fl-ewwel rapport tagħha ta’ nofs is-senagħall-2009, kellha ekwità netta ta’ DKK 644.9 miljun, u li l-kumpanija ma tissodisfax il-kriterji għall-proċeduri ta’ insolvenza. Kwalunkwe telf li jirriżulta mill-obbligu tas-servizz pubbliku għandu jiġi analizzat skont l-Artikolu 106(2) TFUE, li ma ġiex invokat mill-Gvern Daniż.

(95)

SBS targumenta li l-allokazzjoni tal-ispiża fost il-partijiet differenti tal-grupp TV2 għandha tiġi vvalutata sewwa, speċjalment billi l-ispejjeż tal-kanali speċjalizzati huma baxxi ħafna meta mqabblin ma’ dawk tal-kompetituri. Il-kanal ewlieni kien ikkunsidrat bħala operazzjoni waħedha li setgħet tagħmel qligħ bi standards ta’ prezzijiet xierqa.

(96)

SBS ssostni li l-Grupp TV2 għamel il-qligħ fil-perijodu 2004–2008, jekk l-attivitajiet li jagħmlu telf, issa abbandunati, bħal TV2 Radio u l-impatt tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni jitneħħew mix-xena. Fi kwalunkwe każ, TV2 tista’ tagħmel il-qligħ, pereżempju, billi tnaqqas l-ispejjeż.

(97)

Barra minn hekk, SBS tikkritika l-analiżi tas-suq li għamlet id-Danimarka. B’mod partikolari SBS ma taqbilx mal-prospetti għas-suq tar-reklamar, li huwa mistenni li jikber mill-2010 (77).

(98)

SBS tgħid li l-pjan ta’ ristrutturar, jekk ser jiġi verament approvat, għandu jkun limitat għaż-żmien li hemm bżonn biex jinbiegħu l-assi sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ likwidità.

Imposti tal-utent finali

(99)

SBS tgħid li l-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent finali fil-prattika ser ikollhom l-istess effett bħal żieda fid-drittijiet tal-liċenżja, u għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-istat skont il-Kawża C-206/06 Essent Netwerk Noord BV. Hemm differenzi sinifikanti mill-Kawża C-345/02 (Pearle), għaliex il-miżura kienet ġiet introdotta fuq l-inizjattiva biss tad-Danimarka u TV2, u peress li d-drittijiet tal-utent ma humiex iddedikati għal finijiet speċifiċi magħżulin mill-ispettaturi.

(100)

SBS tenfasizza l-importanza li jiġu analizzati l-imposti tal-utent finali fil-qafas tal-għajnuna ta’ ristrutturar. Ftehim biex jiġu introdotti imposti tal-utent finali x’aktarx jaffettwa l-aġir tas-suq ta’ TV2 u dak ta’ partijiet terzi rilevanti bħal banek, mid-data tal-approvazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar iktar milli mid-data ta’ implimentazzjoni tal-imposti tal-utent finali. Ikkritikat ukoll il-fatt li ma hemm l-ebda limitu fuq l-ammont ta’ imposti tal-utent finali li TV2 tista’ tiġbor, u lanqas kundizzjonijiet rigward l-użu tiegħu. L-imposti tal-utent finali jistgħu jintużaw ukoll biex jiffinanzjaw attivitajiet kummerċjali.

(101)

SBS tgħid ukoll li l-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent finali ma jistgħux jiġu rrikonċiljati mal-kunċett ta’ servizz pubbliku. Dan ifisser li l-għajnuna ta’ ristrutturar bħala tali ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 106(2) TFUE sakemm ma jitwarrbux il-pjanijiet għall-imposti tal-utent. SBS tgħid ukoll li l-effetti antikompetittivi tal-imposti tal-utenti huma ċari, u b’mod partikolari jistgħu jwasslu biex ċerti operaturi jkollhom iħallu s-suq u TV2 tkun tista’ tinvesti b’mod iktar aggressiv fil-kontenut il-ġdid. Din hija ħaġa ħażina, b’mod partikolari għaliex TV2 hija eċċezzjonali billi għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tar-reklamar.

Miżuri ta’ kumpens

(102)

SBS tgħid li hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens stretti biżżejjed. Għalhekk tissuġġerixxi li, l-ewwel nett, TV2 ma għandhiex titħalla tintroduċi imposti tal-utent. It-tieni nett, sejħiet għal offerti pubbliċi għandhom jiġu introdotti biex jiġu żgurati prezzijiet ta’ trasferiment intern iktar korretti meta programmi jinbiegħu minn TV2 lis-sussidjarji tagħha. It-tielet nett, kanali reġjunali ta’ TV2 jistgħu jiġu ttrasferiti lil Danmarks Radio, billi l-kanali reġjonali jirċievu ammonti sostanzjali ta’ għajnuna mill-Istat u għaliex djar li jħallsu dritt ta’ liċenzja u li jirċievu wkoll TV bi ħlas ikunu qed iħallsu darbtejn għall-kanali reġjonali ta’ TV2. Ir-raba’ nett, TV2 għandha tkun meħtieġa mhux biss li ma tvarax kanali kummerċjali ġodda, imma anke li tbiegħ tal-inqas ftit mill-kanali eżistenti. Fl-aħħar nett, TV2 għandha tiġi obbligata li tippermetti reklamar fuq in-netwerk tagħha minn operaturi kompetituri.

(103)

SBS tissuġġerixxi wkoll li numru ta’ salvagwardji għandhom ikunu fis-seħħ biex jiġi żgurat li TV2 ma tużax l-għajnuna u/jew imposti tal-utent li jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-ewwel nett, id-Danimarka ma għandhiex titħalla tapplika imposti tal-utenti diskriminatorji. It-tieni nett, TV2 ma għandhiex titħalla tinkludi l-kanal ewlieni ma’ kanali oħrajn fis-suq ta’ distribuzzjoni, u TV2 għandha tiġi obbligata li tipprovdi TV2 bħala kanal għalih waħdu. It-tielet nett, TV2 għandha tiġi pprojbita milli tuża l-għajnuna jew imposti tal-utenti għal kwalunkwe attività ħlief għall-kanal ewlieni, u milli toħloq prezzijiet ta’ dumping fis-suq tar-reklamar. Ir-raba’ nett, TV2 għandha tiġi obbligata li timpenja ruħha li ma tużax skontijiet mhux trasparenti.

MTG/Viasat (Viasat)

Impriża f’diffikultà

(104)

Viasat issostni li TV2 ma hijiex impriża f’diffikultà, u tindika b’mod partikolari l-profitt fl-2008. Sostniet li TV2 issa tista’ tagħmel qligħ fil-futur, u tirreferi inter alia għall-profitt ta’ TV2 fl-ewwel nofs tal-2009 (fejn ġie previst profitt ta’ DKK 249 miljun qabel it-taxxa). Fid-dawl tal-informazzjoni sussegwenti li TV2 fil-fatt ġarbet telf fl-2009, Viasat tikkunsidra dan it-telf minuri bħala assoċjat mat-tnaqqis kumplessiv fis-suq tar-reklamar ta’ 18.7 % pparagunat mal-2008. Juri li TV2 issa rrnexxielha taġġusta l-ispejjeż tagħha mal-ambjent kummerċjali u finanzjarju kurrenti. Fir-rigward tat-telf fl-2007, Viasat tindika li dawn huma dovuti l-iktar għal TV2 Radio, li sussegwentement inbiegħ. TV2 kellha tnaqqis fil-fatturat fl-2008, imma l-maġġoranza tal-impriżi ġralhom hekk, u TV2 xorta rrnexxielha żżid il-profitti ta’ qabel it-taxxa tagħha.

(105)

Viasat issostni li ma hemmx evidenza ta’ bżonnijiet ta’ fluss ta’ kontanti għal żmien qasir. Għall-kuntrarju, TV2 riċentement nefqet ammont konsiderevoli fuq akkwisti ta’ films ġodda, u żiedet l-ispejjeż tagħha, li, skont Viasat huwa dovut għal żieda fl-istokk ta’ pprogrammar tagħha, żieda fl-ispiża fil-qasam ta’ stejjer fittizji ġenerali u investiment żejjed fi stejjer fittizji Daniżi għaljin (78).

(106)

F’iktar dettall, Viasat tenfasizza li għalkemm parti kbira tad-dejn li jipproduċi mgħax ta’ TV2 għadu għal żmien qasir, dan ma huwiex problema sakemm TV2 tkun tista’ terġa’ tiffinanzjah. L-ispejjeż finanzjarji ta’ TV2 naqsu fl-2009 minn DKK 49.2 miljun għal DKK 19-il miljun. TV2 nefqet ukoll fondi sostanzjali fuq l-akkwist ta’ kontentut ġdid. Barra minn hekk, il-fluss negattiv ta’ kontanti fil-perijodu 2006–2008 kien dovut prinċiplament għal attivitajiet ta’ investiment kbar mhux tas-soltu, u mhux spejjeż relatati mal-attivitajiet operattivi ta’ TV2. Il-fluss negattiv ta’ kontanti seta’ b’hekk jiġi eliminat bil-posponiment jew it-tnaqqis ta’ investimenti. Fl-istess sens, ir-raġuni għaliex TV2 kellha żieda fid-dejn tagħha kienet li TV2 investiet b’mod qawwi matul l-2006–2008.

(107)

Viasat tindika wkoll li l-piż tal-imgħax jidher li naqas mill-2008. Viasat tiddubita wkoll jekk TV2 sabitx problemi biex tikseb self billi jidher li TV2 ippruvat tikseb self minn Danske Bank biss. Barra minn hekk, dan ġara fi żmien meta kien iktar diffiċli li jinkiseb self milli huwa issa.

(108)

Fir-rigward tal-fatturi eżoġeni, Viasat taqbel mal-assunzjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ tkabbir ta’ 1,02 % PDG kull sena. Viasat tinnota b’mod speċjali li l-previżjoni dwar it-tkabbir tas-suq tar-reklami li saret minn PWC, li fuqha joqgħod il-Gvern Daniż, hija sostanzjalment iktar konservattiva minn dawk magħmulin minn oħrajn, speċjalment previżjonijiet magħmulin minn impriżi li huma attivi fis-suq. Fil-kummenti tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ, Viasat tipprovdi l-previżjoni tagħha stess għall-grupp TV2 għall-perijodu 2009–2019 (rapport minn Audon Partners), li turi li TV2 mhux ser tiġi kkundannata tfalli fi żmien qasir jew medju.

(109)

Fir-rigward tal-qligħ li jagħmel il-kanal ta’ servizz pubbliku, Viasat tenfasizza li l-Grupp TV2 jikkonsisti minn sinerġiji tali li huwa impossibbli li jiġi kkunsidrat l-qligħ ta’ kull attività f’iżolament. Għalhekk il-kanal ewlieni ma għandux jiġi vvalutat minn perspettiva li qiegħed waħdu. Minkejja dan, il-prezz ta’ trasferiment bejn TV2 u l-kanali speċjalizzati huwa diffettuż billi l-prezz huwa orħos mill-ispiża b’mod sinifikanti. Viaset tipprovdi kalkoli tal-qligħ fejn l-ispejjeż jitqassmu skont il-fatturat tal-kanali. Viasat tgħid ukoll li meta mqabbla mal-prestazzjoni ta’ kumpaniji tal-midja paragunabbli, il-prestazzjoni finanzjarja tal-kanali speċjalizzati tissuġġerixxi b’mod qawwi li r-rappurtar issegmentat fil-grupp TV2 għandu jiġi injorat. Fl-aħħar nett Viasat tirrimarka li TV2 għandha tirkanta id-dritt li terġa’ tittrażmetti l-programmi l-iktar attraenti tagħha, bl-eskużjoni ta’ avvenimenti sportivi, pereżempju id-drama, stejjer fittizji u d-dokumentarji, biex tagħti spinta lill-profitti għall-kanal ewlieni. Viasat tibża’ wkoll li l-għajnuna tista’ tintuża għal aġir fis-suq aggressiv u tgħid li TV2 fil-passat investiet fl-akkwist ta’ sensiliet tad-drama billi għamlet offerti ikbar mill-kompetituri, għolliet il-prezzijiet għall-aħbarijiet TV2 u kkonċediet skontijiet.

Imposti tal-utent finali

(110)

Jekk il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li hemm bżonn ta’ għajnuna, dik l-għajnuna għandu jkollha fil-mira l-problema immedjata, jiġifieri l-fluss tal-kontanti, iktar milli l-operazzjonijiet. Dan iffisser li TV2 ma għandhiex titħalla ssir kanal tat-TV bi ħlas, billi jkun biżżejjed li tiġi pprovduta b’faċilità ta’ kreditu. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent ser tipprovdi fondi lil TV2 li bihom tkun tista’ tkompli b’aġir abbużiv fis-suq tar-reklamar, u jkun hemm riskju li telimina l-kompetituri mis-suq. Viasat tiddubita wkoll jekk l-iskema hijiex konformi mal-obbligu ta’ servizz pubbliku universali ta’ TV2.

(111)

Viasat tenfasizza primarjament l-impatt antikompetittiv tal-imposti tal-utent, għaliex dan ser jixpruna l-programmi tal-operaturi oħrajn lejn pakketti ta’ programmi iktar għoljin li jwassalhom jitilfu d-dħul minn abbonamenti u reklamar.

Miżuri ta’ kumpens

(112)

Barra minn hekk, Viasat issostni li l-miżuri ta’ kumpens ssuġeriti fil-fatt ma humiex sagrifiċċju, billi fi kwalunkwe każ ma hemmx post għal iktar kanali. Kif intqal iktar ‘il fuq, Viasat tirrimarka li TV2 għandha tirkanta d-dritt għar-ritrażmissjoni tal-iktar programmi attraenti tagħha (bl-esklużjoni ta’ avvenimenti sportivi), pereżempju id-drama, stejjer fittizji u dokumentarji, biex tagħti spinta lill-profitti għall-kanal ewlieni.

Bażi legali

(113)

Fl-aħħar nett, Viasat tgħid ukoll li ma huwiex probabbli li l-Artikolu 106(2) jista’ jiġi invokat mill-Gvern Daniż.

Boxer TV A/S (Boxer)

(114)

Boxer tgħid li l-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent ser jirrimedjaw parzjalment is-sitwazzjoni antikompetittiva preżenti fejn Boxer, kuntrarjament għal kwalunkwe fornitur ta’ pjattaforma ieħor, ma tistax tuża kummerċjalment il-fatt li xxandar TV2. Boxer tissuġġerixxi li l-prezz ta’ TV2 għandu jkun suġġett għal kontroll, jew politiku jew mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

Partijiet oħrajn

(115)

Fir-rigward tal-għajnuna ta’ ristrutturar, ċerti partijiet jiddubitaw jekk TV2 hijiex f’diffikultà (ASK) u jekk il-miżuri ta’ kumpens f’suq saturat humiex dgħajfin wisq (FDA). Madankollu, uħud jistqarru li jekk il-kumpanija hija f’diffikultà, jistgħu jiġu kkunsidrati imposti tal-utenti (DI, TDC). Uħud jikkunsidraw il-perijodu ta’ ristrutturar bħala twil wisq (Discovery). Oħrajn jgħidu li jekk TV2 ser tkun kumpanija ekonomikament stabbli sal-2012, ma għandhiex titħalla tintroduċi l-imposti tal-utenti.

(116)

Dwar l-imposti tal-utenti: Ċerti partijiet (Langkilde, MTV Networks AB, FDA, Discovery, Stofa) jissottomettu li l-imposti tal-utent ser iwasslu biex kanali żgħar jispiċċaw barra mill-pakketti tat-TV bi ħlas eżistenti jew il-klijenti jkollhom iħallsu iktar.

(117)

Ċerti partijiet jemmnu li imposta tal-utent finali ta’ DKK 25 hija għolja wisq (FDA, TDC). FDA taħseb ukoll li l-ġbir ta’ dawn l-imposti tal-utent finali ma huwiex kumpatibbli mar-rwol ta’ TV2 bħala xandar ta’ servizz pubbliku.

VIII.   VALUTAZZJONI SKONT IR-REGOLI TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

1.   Kamp ta’ applikazzjoni tal-valutazzjoni

(118)

Kif wieħed jista’ jara mis-sottomissjoni tad-Danimarka, il-pjan ta’ ristrutturar innotifikat ma ġiex irtirat. Id-Danimarka tistqarr li ma hemm l-ebda bżonn għal miżuri ta’ għajnuna u li kull miżura ta’ għajnuna ser titħassar ladarba l-pjan ta’ ristrutturar, inklużi l-imposti tal-utent finali, ikun ġie approvat u TV2 ma tkunx meħtieġa li tagħmel ħlasijiet addizzjonali li jirriżultaw miż-żewġ investigazzjonijiet ta’ qabel tal-Kummissjoni li jinvolvu TV2 (79). Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni għadha ma rċevietx konferma inkundizzjonata mid-Danimarka li dawn il-miżuri ma għadhomx parti mill-pjan ta’ ristrutturar u għalhekk ma għadhomx fl-ambitu tal-investigazzjoni formali tal-Kummissjoni.

(119)

L-unika eċċezzjoni hija l-garanzija proposta tal-bejgħ tan-netwerk tax-xandir, li mhux ser jimmaterjalizza billi dan il-bejgħ diġà sar u għalhekk ma għadux rilevanti għal-każ. Il-Kummissjoni ma għadhiex tikkunsidra din il-miżura bħala notifikata.

(120)

Għalhekk, f’dan li ġej, il-Kummissjoni xorta ser tivvaluta l-miżuri notifikati li fadal (self u faċilitajiet ta’ kreditu temporanji u ta’ ristrutturar) kif ukoll il-faċilità ta’ kreditu mill-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna ta’ salvataġġ, li tibqa’ fis-seħħ.

2.   Il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE

(121)

L-Artikolu 107(1) TFUE jgħid:

“Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(122)

Sabiex l-Artikolu 107(1) TFUE jkun applikabbli, hemm bżonn li jkun hemm miżura ta’ għajnuna imputabbli lill-Istat li tingħata minn riżorsi tal-istat, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq komuni billi tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lil ċerti impriżi. L-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għall-miżuri inkwistjoni hija eżaminata hawn isfel.

2.1.   Riżorsi tal-istat

Faċilità ta’ self/kreditu

(123)

Is-self subordinat u l-faċilitajiet ta’ kreditu temporanji mill-għajnuna ta’ salvataġġ oriġinali u skont il-pjan ta’ ristrutturar (80) jinvolvu fondi rrilaxxati mill-Gvern bil-ftehim ma’ Folketinget mill-baġit ġenerali tad-Danimarka, b’hekk jikkostitwixxu riżorsi tal-istat.

(124)

Id-Danimarka tissottometti li r-rati tal-imgħax u l-imposti huma dawk applikati fis-suq għal impriżi b’saħħithom. Fl-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet lil impriża f’diffikultà bħal TV2, id-Danimarka qed tabbanduna r-riżorsi tal-istat. Ir-raġuni hija li kreditur privat jieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet finanzjarji ta’ TV2 u jew assolutament ma jislifx jew jagħti faċilità ta’ kreditu, jew jagħmel hekk b’rati li huma ogħla minn dawk għal kumpaniji f’saħħithom.

Imposti tal-utent finali

(125)

Il-Kummissjoni tqis li d-dritt mogħti lil TV2 li timponi imposti tal-utent finali mill-2012 ma jikkostitwixxix riżorsi tal-istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. L-imposti tal-utent finali huma ta’ oriġini privata (81) u jitħallsu direttament mill-konsumaturi lid-distributur bħala remunerazzjoni biex jaraw il-kanal TV2. TV2 ikollha tidħol f’negozjati kummerċjali normali mad-distributur biex ikollha l-kanal tagħha inkluż f’pakkett diġitali u biex taqbel fuq remunerazzjoni aċċetabbli. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li ġġiegħel lid-distributur ikollu l-kanal ewlieni TV2 fil-pakkett tiegħu, billi l-obbligu ta’ trażmissjoni ta’ bħalissa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Att dwar ix-Xandir Daniż ser jitħassar mal-introduzzjoni tas-sistema ta’ imposti tal-utenti finali. U lanqas ma huma l-imposti tal-utent finali, jew l-ammont tagħhom, taħt il-kontroll permanenti tal-Gvern, jew disponibbli għalih (82). Il-Gvern ma huwiex involut fi kwalunkwe ffissar ta’ prezz, li hija deċiżjoni kummerċjali minn TV2, u lanqas ma jiġbor l-imposti għal TV2 jew b’xi mod jikkontrollahom jew jiddisponi minnhom.

(126)

L-imposti tal-utent ma jistgħux jiġu jitqiesu ndaqs mal-impożizzjoni ta’ drittijiet tal-liċenzja, kif issostni SBS. SBS targumenta li l-imposti tal-utent fil-prattika ser ikollhom l-istess effett għad-djar bħal żieda fid-dritt tal-liċenzja, billi l-pakketti ta’ operazzjoni tad-distributuri dejjem ser jinkludu TV Danmark. Dan l-element obbligatorju, flimkien mal-fatt li l-imposti tal-utent jistgħu jiġu emendati biss permezz ta’ emenda leġiżlattiva (83), għandu jikkwalifikahom bħala għajnuna tal-istat (84). F’dan ir-rigward, SBS tikkwota l-ġurisprudenza tal-Qorti f’Essent Netwerks (85).

(127)

Madankollu, kuntrarjament għall-arranġament tad-dritt tal-liċenzja ta’ qabel fid-Danimarka, li l-Kummissjoni kienet tassew qieset bħala għajnuna legali (86), l-utenti finali ma humiex legalment obbligati jħallsu l-imposti, imma jħallsu r-remunerazzjoni bħala parti mill-arranġament kontrattwali li jidħlu fih volontarjament. L-imposti lanqas ma huma miġburin minn istituzzjoni pubblika kif kien il-każ għad-dritt tal-liċenzja, imma mill-operatur privat Boxer u distributuri privati oħrajn fuq pjattaformi oħrajn. L-Istat mhu ser ikun involut fl-ebda azzjoni ta’ infurzar f’każijiet fejn utenti ma jħallsux l-imposti; id-distributur ikollu jiftaħ kawża ċivili biex jikseb il-ħlas.

(128)

Il-fatt li TV2 tingħata d-dritt li timponi drittijiet ta’ abbonament permezz ta’ bidla fil-liċenzja mogħtija mill-Ministeru tal-Kultura mhux biżżejjed biex jitqies li hemm involuti riżorsi tal-istat. Ma huwiex każ ta’ intervent tal-istat li jwassal għal telf ta’ riżorsi tal-istat. F’dak ir-rigward, ir-referenza minn SBS għall-kawża Essent Netwerks ma hijiex rilevanti. Il-paragrafu 73 tas-sentenza kkwotata tistabbilixxi distinzjoni bejn is-sitwazzjoni f’Essent u dik fil-kawża Pearle (87), billi jingħad li f’tal-ewwel, l-imposta inkwistjoni kienet inerenti f’politika ddeterminata mill-awtoritajiet. Biex issir distinzjoni bejn il-kawżi, il-Qorti f’Essent tirriferi għall-introduzzjoni tal-imposta mil-leġiżlatura, imma ma tistipulax li kull intervent mill-istat bil-leġiżlazzjoni awtomatikament iwassal għal involviment tar-riżorsi tal-istat. Dan huwa ċar mis-sentenza Essent innifisha msemmija, billi l-punt 75 ta’ dik is-sentenza tiddistingwi iktar il-każ mill-kawża Preussen Elektra, li kienet tinvolvi att leġiżlattiv (u fejn instab li ma kien hemm l-ebda għajnuna mill-istat involuta) li obbliga l-fornituri tal-elettriku li jixtru elettriku prodott fiż-żona tagħhom ta’ provvista minn sorsi li jiġġeddu bi prezz minimu. Il-Qorti tgħid li f’Essent, l-impriżi inkwistjoni kienu nħatru biex “jamministraw riżorsi tal-istat”, kuntrarjament għas-sitwazzjoni f’Preussen Elektra (88). Fil-każ inkwistjoni, TV2 ma hijiex tiġi mitluba mill-Istat biex tamministra riżorsa tal-istat. Il-bidla fil-liċenzja timplimenta biss dritt diġà eżistenti għal sors addizzjonali ta’ dħul (għal-leġiżlazzjoni, ara l-Artikolu 38a(2) tal-Att dwar ix-Xandir Daniż).

(129)

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-ispejjeż tal-utent finali ma jinvolvux riżorsi tal-istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2.2.   Vantaġġ selettiv

(130)

Ir-riżorsi tal-istat involuti jagħtu vantaġġ ekonomiku lil TV2 billi l-istess strumenti finanzjarji bil-kundizzjonijiet tas-suq jattiraw spiża ikbar għal self, jew drittijiet ogħla, jekk kwalunkwe operatur tas-suq jaqbel li jagħmel iktar fondi disponibbli lill-benefiċjarju fl-ammont previst. Skont l-evidenza sottomessa mid-Danimarka, ħadd ma kien lest jagħmel dan.

2.3.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

(131)

Dawn ir-riżorsi ser jippermettu lil TV2 li tkompli topera fi swieq fejn bħalissa hija attiva. Dawn is-swieq jinkludu suq(swieq) għax-xiri u l-bejgħ ta’ drittijiet tax-xandir, is-suq(swieq) għal servizzi ta’ TV bi ħlas u s-suq għar-reklamar tat-TV fid-Danimarka. F’dawk is-swieq, TV2 tikkompeti ma’ xandara oħrajn bħal SBS jew Viasat, fost l-oħrajn. Isegwi li meta TV2 tiġi ffavorita, l-għajnuna inkwistjoni toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni f’dawk is-swieq.

(132)

Is-swieq affettwati, bħax-xiri u l-bejgħ ta’ drittijiet ta’ xandir u rriklamar tat-TV għal prodotti minn Stati Membri oħrajn intiżi għall-bejgħ fid-Danimarka, huma suġġetti għall-kummerċ bejn l-Istati Membri (89). Barra minn hekk, ċerti kompetituri ta’ TV2 Danmark A/S ixandru l-kanali tagħhom mir-Renju Unit u/jew huma sussidjarji ta’ gruppi inkorporati fi Stati Membri oħrajn, li d-deċiżjoni tagħhom jibqgħux jew iżidux l-attività tagħhom fis-suq Daniż tista’ tkun influwenzata mill-għajnuna ppjanata. Għalhekk l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni taffettwa, jew tirriskja li taffettwa, mudelli tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(133)

Billi japplika l-Artikolu 107(1) TFUE, il-pakkett ta’ għajnuna ta’ ristrutturar għandu jiġi vvalutat f’termini tal-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern.

3.   Obbligu ta’ waqfien

(134)

Id-Danimarka rrispettat l-obbligu ta’ waqfien imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (90), billi nnotifkat l-miżuri ta’ għajnuna skont il-pjan ta’ ristrutturar u sal-lum għadha ma implimentathomx. L-implimentazzjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ kienet awtorizzata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Awwissu 2008.

4.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-istat mas-suq intern

4.1.   Bażi legali

(135)

Il-kompatibbiltà tal-miżuri ser jiġu vvalutati skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE flimkien ma’ “il-Linji Gwida”. L-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE għall-miżuri inkwistjoni fir-rigward tal-finanzjament tax-xandir tas-servizz pubbliku ma hijiex analizzata. Filwaqt li d-diffikultajiet finanzjarji ta’ TV2 joriġinaw l-iktar mill-provvista tal-kanal ta’ servizz pubbliku u n-nuqqas ta’ mudell ta’ negozju b’sorsi ta’ dħul stabbli, il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat ma humiex limitati għall-għoti ta’ servizz pubbliku, imma huma mmirati lejn TV2 bħala grupp, jiġifieri inklużi l-attivitajiet kummerċjali tagħha. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi ma argumentawx fid-dettall li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat kienu kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) TFUE u l-Kummissjoni ma rċevitx biżżejjed informazzjoni li tippermettilha tagħmel il-valutazzjoni skont l-Artikolu 106(2) TFUE flimkien mal-Komunikazzjoni tax-Xandir (91).

(136)

Il-Linji Gwida jipprovdu għall-possibbiltà li tingħata għajnuna ta’ salvataġġ bħala assistenza temporanja għal impriżi f’diffikultà fil-pendenza tal-preparazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar jew biex tiġi indirizzata kriżi ta’ likwidità akuta. Skont il-punt 26 tal-Linji Gwida, l-iskadenza biex tispiċċa l-għajnuna hija estiża sakemm il-Kummissjoni tkun wasslet għad-deċiżjoni tagħha fuq il-pjan. Il-fatt li l-faċilità tal-għajnuna ta’ salvataġġ għadha fis-seħħ għal TV2 jikkonforma ma’ dik l-istipulazzjoni billi TV2 ssottomettiet pjan ta’ ristrutturar qabel l-iskadenza.

(137)

L-għajnuna ta’ ristrutturar għandha tkun ibbażata fuq pjan fattibbli, koerenti u estensiv biex terġa’ lura l-vijabilità fit-tul tal-impriża fi żmien raġonevoli. Ir-ristrutturar normalment jinvolvi l-elementi li ġejjin: ir-ristrutturar tal-aspetti kollha tal-funzjonament tal-kumpanija, ir-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-impriża, inkluż l-irtirar minn attivitajiet li jħallu t-telf u ristrutturar finanzjarju. Madankollu, jekk jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat, l-operazzjonijiet ta’ ristrutturar ma jistgħux jiġu limitati biex jagħmlu tajjeb għat-telf fil-passat mingħajr ma jiġu ttrattati r-raġunijiet. Barra minn hekk, ir-ristrutturar għandu jiġi ffinanzjat tal-inqas parzjalment mir-riżorsi proprji tal-kumpanija. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu adottati miżuri ta’ kumpens biex jiġu mminimizzati l-effetti ta’ distorsjoni tal-għajnuna. Il-Kummissjoni ser teżamina f’dan li ġej jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.

4.2.   Eliġibbiltà - Impriża f’diffikultà

(138)

Skont il-punt 9 tal-Linji Gwida, impriża tkun f’diffikultà meta ma tkunx tista’, jew permezz tar-riżorsi tagħha proprji jew b’fondi li tkun tista’ tikseb mill-proprjetarji/azzjonisti tagħha, biex twaqqaf telf li, mingħajr l-intervent minn barra ta’ awtoritajiet pubbliċi, ċertament jikkundannawha li tfalli fin-negozju. Il-punt 11 tal-Linji Gwida jsemmi ċerti kriterji li skont dawn impriża tkun f’diffikultà, anke fejn l-ebda kriterju minn punt 10 tal-Linji Gwida ma jkun preżenti. Il-punt 11 jistipula li “fi kwalunkwe każ, impriża f’diffikultà hija eliġibbli biss meta, b’mod li jista’ jiġi ppruvat, ma tkunx tista’ tirkupra permezz tar-riżorsi tagħha proprji jew b’fondi li tikseb mill-proprjetarji/azzjonisti tagħha jew minn sorsi tas-suq”.

(139)

Il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li fiż-żmien tan-notifika tal-pjan ta’ ristrutturar, TV2 kienet tikkostitwixxi impriża f’diffikultà bħal din. Dan wieħed jista’ jarah mill-fiġuri fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u iktar importanti, mill-figuri prodotti fil-premessi 36–42 ta’ din id-deċiżjoni, li ġew sottomessi iktar tard f’Jannar 2010 u li tiddeskrivi kumpanija bit-telf, ishma mis-suq li qed jonqsu, dejn dejjem tiela’ u b’mod partikolari flussi negattivi tal-kontanti minħabba dħul mir-reklamar li qed jonqos, investimenti ħżiena u żieda fl-imposti fuq l-imgħaxijiet. Filwaqt li wara veru rriżulta li l-kumpanija kienet, kif stmaw il-kompetituri, għamlet profitt fl-2008 (l-istima sal-aħħar ta’ Marzu 2008 xorta indikat lejn […] DKK […] miljun), dan il-profitt kien żgħir, u fih innifsu ma jibdilx il-konstatazzjoni li l-kumpanija ma setgħetx tkompli l-operazzjonijiet tagħha mingħajr finanzjament estern. Il-faċilitajiet ta’ kreditu privati għad-dispożizzjoni tal-kumpanija kienu għal żmien qasir u setgħu jiġu rtirati fi kwalunkwe żmien. Il-kumpanija kellha bżonn kbir ta’ likwidità li ma setgħetx tissodisfa bir-riżorsi tagħha proprji.

(140)

Lanqas ma setgħet tikseb finanzjament estern. Kien hemm perikolu li krediti għal żmien qasir jiġu rtirati. Kif intqal diġà fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-bank ta’ finanzjament ewlieni ta’ TV2, […], talab li jnaqqas il-faċilitajiet ta’ self u kreditu tiegħu fl-2008. Minbarra l-problemi ta’ TV2, li inkludew anke l-ipotekar tal-istabbiliment tagħha stess f’Odense, id-Danimarka pproduċiet evidenza li banek oħrajn kienu rrifjutaw li jipprovdu lil TV2 b’self għal żmien twil (ara l-premessi 44 et seq ta’ din id-Deċiżjoni). Il-banek indikaw id-dgħufiji fil-fluss tad-dħul ċikliku ta’ TV2 ibbażat fuq dħul mir-reklamar, li bħala mudell tan-negozju ġie kkunsidrat bħala insostenibbli. Kawżi legali pendenti żiedu mal-problemi. Minħabba f’hekk, il-finanzjament ta’ TV2 xaqleb dejjem iktar lejn passiv għal żmien qasir u għalhekk kien fraġli. Fi kliem ieħor, TV2 ma setgħetx, fit-tifsira tal-punt 11 tal-Linji Gwida, tirkupra mis-sitwazzjoni bl-użu ta’ fondi akkwistabbli minn sorsi tas-suq.

(141)

Is-sottomissjonijiet tal-kompetituri ma jpoġġux fid-dubju dawn il-konstatazzjonijiet. Għall-kompletezza, għandu jingħad li l-Linji Gwida ma jeħtiġux li l-kumpanija tkun attwalment fi proċeduri ta’ insolvenza. Għall-kuntrarju, tista’ tingħata għajnuna – taħt kundizzjonijiet stretti – preċiżament sabiex dan jiġi evitat.

(142)

Fir-rigward tal-argumenti tal-kompetituri li TV2 hija kumpanija li tagħmel qligħ, jew tista’ tibda tagħmel qligħ, ir-riżultati msemmijin iktar ‘il fuq għal TV2 juru li l-kumpanija għamlet profitt fl-2008, imma kuntrarjament għal dak li Viasat kienet stmat, għamlet telf fl-2009 ta’ DKK 27 miljun, li ddevja b’mod sinifikanti mill-previżjoni ta’ Viasat ta’ DKK 249 miljun fi profitt. Il-profitt għall-2010 huwa stmat ukoll li huwa ferm iżgħar minn dak li assumiet Viasat. Il-Kummissjoni ma sabitx żbalji fil-metodoloġiji użati minn TV2 u l-konsulent tagħha PWC (ara wkoll il-premessa 41 ta’ din id-Deċiżjoni).

(143)

Fir-rigward tal-istudju tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ TV2 li Viasat issottomettiet u li għamlu l-imseħbin Audon (92), li skont dawn TV2 setgħet tikseb kreditu, ir-reazzjonijiet tal-banek juru li l-pożizzjoni reali hija differenti. Barra minn hekk, l-analiżi hija bbażata biss fuq figuri u assunzjonijiet li ma ġewx ivveifikati ma’ TV2. Uħud mill-figuri huma maqtugħin mir-realtà, kif jista’ jidher mill-figuri għall-2009 u l-2010. Ir-rapport innifsu jenfasizza li din ma hijiex analiżi fuq skala sħiħa (għaliex għal raġunijiet ovvji ma ġie stabbilit l-ebda kuntatt ma’ TV2) u l-mudell użat għandu l-limitazzjonijiet tiegħu għal dik ir-raġuni (93).

(144)

Il-fatt li l-kumpanija ġibdet ferm inqas mill-faċilità ta’ kreditu ta’ għajnuna ta’ salvataġġ milli setgħet ma jfissirx li ma tistax titqies bħala impriża f’diffikultà. Tkun konstatazzjoni assurda li benefiċjarju jiġi skwalifikat mill-għajnuna ta’ salvataġġ u ristrutturar mill-eliġibbiltà għall-għajnuna jekk miżuri tal-iffrankar u miżuri oħrajn previsti fil-pjan ta’ ristrutturar jirriżultaw wara li jkunu ta’ suċċess, u jgħinu lill-kumpanija biex tittratta l-problemi finanzjarji tagħha l-iktar bl-użu tar-riżorsi tagħha. Madankollu, dan jista’ jwassal għar-riżultat li fi żmien partikolari għajnuna mill-Istat li tkun għaddejja ma tkunx iktar meħtieġa, li ser jiġi diskuss iktar ‘il quddiem (ara l-premessa 149). Fi kwalunkwe każ, il-faċilità ta’ kreditu kienet dejjem mibnija b’mod li l-kumpanija seta’ jkollha aċċess għaliha fil-każ ta’ bżonn ċertifikat. Dan sar sabiex l-għajnuna tinżamm għall-minimu, u l-aġir ta’ TV2 biex tipprova tilħaq il-proċess ta’ ristrutturar kemm jista’ jkun possibbli bl-użu tar-riżorsi tagħha proprji jikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit.

(145)

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-allegazzjonijiet numerużi minn Viasat u SBS li s-sitwazzjoni finanzjarja dgħajfa ta’ TV2 ġabitha b’idejha stess minħabba deċiżjonijiet ħżiena ta’ maniġment jew investimenti ħżiena huma irrilevanti għall-eliġibbiltà tagħha skont il-Linji Gwida, li ma jistaqsux għall-kawża tal-problemi finanzjarji tal-benefiċjarju tal-għajnuna, imma iridu biss jaċċertaw li l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa verament impriża f’diffikultà.

(146)

F’dan ir-rigward, il-kompetituri sostnew ukoll li l-problemi ta’ TV2 fil-biċċa l-kbira ġejjin mill-kanal tas-servizz pubbliku u li aġġustamenti ta’ spiża interna u prezzijiet ta’ trasferiment jistgħu jirrimedjaw din is-sitwazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax dan l-argument bħala rilevanti f’sitwazzjoni fejn l-għajnuna tmur għall-grupp bħala tali, inklużi l-operazzjonijiet kummerċjali. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li TV2 għandha kontijiet separati u vverifikati għas-servizz pubbliku u attivitajiet oħrajn, u politika ta’ trasferiment ta’ prezzijiet dokumentata u vverifikata bi sħiħ, li hija relattivament sempliċi, trasparenti u timmira biex tagħti stampa preċiża tal-attivitajiet differenti bbażati fuq trasferiment ta’ prezzijiet bil-kundizzjonijiet tas-suq.

(147)

Fuq dawn il-fatturi eżoġeni, Viasat taqbel mal-assunzjoni ta’ tkabbir ta’ PDG ta’ 1.02 %. Fuq l-iżvilupp tas-suq tar-reklamar, il-partijiet jaqblu li d-dħul mir-reklamar ta’ TV2 naqas b’19 % fl-2008. Madankollu, Viasat u SBS jinterpretaw ħażin il-previżjoni tad-Danimarka fuq l-iżvilupp futur tas-suq tar-reklamar. Kuntrarjament għal dak li fehmu, id-Danimarka ma pprevedietx li s-suq tar-reklamar jaqa’ b’10 % kull sena fil-perijodu 2009–2013, imma qalet sempliċiment li s-suq tar-reklamar kien […].

(148)

Fir-rigward tal-argument li d-drittijiet tal-liċenzja mogħtija lill-istazzjonijiet tax-xandir reġjunali messhom ġew inklużi fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ TV2, il-Kummissjoni tqis li d-drittijiet tal-liċenzja jiffinanzjaw il-produzzjoni tal-programmi tax-xandara reġjunali u huma rilevanti biss f’dak ir-rigward. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tinnota li l-istazzjonijiet reġjunali ta’ TV2 huma indipendenti minn TV2 u huma suġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom skont Att dwar ix-Xandir Daniż, li għalihom jirċievu finanzjament ta’ liċenzja. Fir-rigward tal-argument ta’ SBS li l-ispettaturi ser iħallsu darbtejn għall-programm, għandu jiġi enfasizzat li wieħed mill-ħlasijiet – id-drittijiet tal-abbonament għall-kanal ewlieni ta’ TV2 – jirriżulta mill-għażla tal-klijent u nstab li ma jinvolvi l-ebda għajnuna mill-Istat. Fi kwalunkwe każ, intwera iktar ‘il fuq li TV2 bħala grupp kien impriża f’diffikutà li kienet qed tbati minn bżonnijiet ta’ finanzjament kbar, billi ma setgħet tikseb l-ebda finanzjament estern mill-banek. Dan inkluda kull benefiċċju potenzjali li jirriżulta mill-obbligi tagħha li xxandar dawn il-programmi.

(149)

Madankollu, is-sitwazzjoni mwiegħra ta’ TV2 inbiddlet bil-bejgħ tan-netwerk ta’ trażmissjoni tax-xandir. Bir-rikavat mill-bejgħ tan-netwerk tax-xandir, TV2 setgħet tħallas lura parti mid-dejn tagħha, u l-prospett finanzjarju sar ferm iktar pożittiv, kif jidher mill-figuri fil-premessi 62–64 ta’ din id-Deċiżjoni. Ix-xejriet fis-suq tar-reklamar huma wkoll iktar pożittivi (94). TV2 setgħet tħallas lura is-self tagħha mill-istat meħud mill-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ. Bla ħsara għall-eżitu tal-każijiet tal-għajnuna mill-istat pendenti u l-approvazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, TV2 tistenna li jkollha biżżejjed finanzjament sa Jannar 2012 meta l-imposti tal-abbonament ser jiġu implimentati (95).

(150)

Minħabba dik is-sitwazzjoni ġdida, il-Kummissjoni ma tqisx li TV2 għadha tista’ tiġi kklassifikata bħala impriża f’diffikultà. Għalhekk, ma hemm l-ebda bżonn ta’ miżura ta’ għajnuna għajr għall-approvazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u għandha titħassar il-faċilità ta’ kreditu u tas-self mhux implimentata notifikata li hemm fil-pjan ta’ ristrutturar. Għall-istess raġuni, il-faċilità ta’ għajnuna eżistenti taħt id-deċiżjoni ta’ għajnuna ta’ salvataġġ għandha tispiċċa wkoll.

4.3.   Ir-restawr tal-vijabilità fit-tul

(151)

Bis-saħħa tal-punt 34 tal-Linji Gwida, l-għoti tal-għajnuna għandu jseħħ biss jekk jiġi implimentat pjan ta’ ristrutturar li għandu jirrestawra l-vijabilità lill-kumpanija fuq skala ta’ żmien raġonevoli. Il-pjan ta’ ristrutturar jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-kumpanija bħala li ġew ikkawżati b’attivitajiet ġodda li ma pprovdewx qligħ, u li l-kanal ta’ servizz pubbliku dejjem iżjed ma kienx qed jagħmel profitt. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-pjan ta’ ristrutturar jindirizza b’mod adegwat dawn il-kwistjonijiet.

(152)

Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ta’ ristrutturar jipprovdi għal miżuri finanzjarji u ta’ ristrutturar operattiv li, flimkien ma’ mudell ta’ negozju emendat, ser jippermetti lill-kumpanija biex tieqaf fuq saqajha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel nett tinnota li r-rekwiżit fil-pjan ta’ ristrutturar biex jinbiegħu l-assi rriżulta fil-bejgħ b’suċċess tan-netwerk ta’ xandir, li pprovda TV2 b’fondi suffiċjenti biex tħallas lura d-dejn tagħha. Ħallset lura wkoll l-għajnuna meħuda mill-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ fl-4 ta’ Ottubru 2010. Il-kumpanija nnifisha tgħid li issa għandha biżżejjed mezzi biex tinqeda fil-perijodu sakemm l-imposti tal-utent finali jiġu adottati (96). Miżuri oħrajn fil-forma ta’ ffrankar tal-ispejjeż ser jikkontribwixxu wkoll għall-vijabilità fit-tul tal-impriża (ara l-premessi 47 u 48 iktar ‘il fuq).

(153)

Il-kumpanija qiegħda wkoll tirrinunzja l-attivitajiet tagħha li jagħmlu t-telf; fl-2008, biegħet l-operazzjoni tar-radju li kienet qed tagħmel it-telf lill-grupp SBS.

(154)

Il-kumpanija hija mistennija li ssolvi l-problemi strutturali li jwasslu għall-bżonnijiet tal-likwidità tagħha billi titħalla timponi drittijiet ta’ abbonament minn Jannar 2012. In-nuqqas li l-kanal ta’ servizz pubbliku jagħmel il-qligħ huwa dovut għall-fatt li jiddependi fuq sors ta’ dħul wieħed fil-forma ta’ dħul mir-reklamar, li huwa ċikliku u sensittiv għall-klima ekonomika. Dan jidher ukoll mir-reazzjonijiet tal-banek, li rrifjutaw li jipprovdu finanzjament minħabba t-tħassib tagħhom dwar xejriet fis-suq tar-reklamar u dubji dwar il-kapaċità ta’ qligħ ta’ TV2. Il-mudell ta’ negozju l-ġdid ser jipprovdi lil TV2 b’bażi ta’ dħul iktar stabbli billi jiġu imposti drittijiet ta’ abbonament biex wieħed ikun jista’ jara l-kanal ewlieni tagħha. TV2 ipprevediet dħul addizzjonali mill-imposti tal-utent finali ta’ DKK […] miljun fl-2012. Tipprevedi wkoll profitti għall-grupp ta’ […] fl-2012. Il-Kummissjoni tinnota li minbarra […], it-tieni sors ta’ dħul fil-forma ta’ imposti tal-utent finali ser jirrendi lill-kumpanija inqas vulnerabbli għal tnaqqis f’attivitajiet ċikliċi. Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri biex jintlaħaq dan it-tibdil joriġinaw fil-pjan ta’ ristrutturar innifsu u mhux minn fatturi esterni.

(155)

It-tul ta’ żmien oriġinarjament innotifikat tal-pjan ta’ ristrutturar sal-31 ta’ Diċembru 2012 ikopri perijodu ta’ kważi erba’ snin. Dan il-perijodu ntgħażel għaliex il-Gvern Daniż emmen li bl-introduzzjoni ta’ mudell ġdid tan-negozju u l-ewwel esperjenzi tiegħu fil-prattika, il-banek jerġgħu jkunu lesti għal darba oħra jisilfu l-flus lil TV2, jiġifieri l-perijodu ntgħażel biex ikun twil biżżejjed li tinkiseb din l-esperjenza. Madankollu, peress li l-għajnuna kollha ser tiġi rrevokata mal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni (ara iktar ‘il fuq), il-Gvern Daniż issa jikkunsidra li l-perijodu ta’ ristrutturar għandu jispiċċa mar-revoka tal-miżuri kollha tal-għajnuna.

(156)

Il-Kummissjoni għandha fehma differenti. Skont il-Linji Gwida, ir-ristrutturar għandu jirriżulta li l-kumpanija terġa’ lura għall-vijabilità fit-tul. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-perijodu ta’ ristrutturar idum sal-mument meta l-kumpanija tkun implimentat l-miżuri ta’ ristrutturar kollha biex tiġi żgurata din il-vijabilità fit-tul. Filwaqt li l-miżuri kollha tal-għajnuna mill-Istat ser jieqfu minnufih mal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, ma huwiex iggarantit minn dan il-mument ir-restawr tal-vijabilità fit-tul lil TV2 sakemm din ma jkollhiex mudell tan-negozju sostenibbli. Dan il-mudell ta’ negozju ser jiġi stabbilit biss bl-introduzzjoni tal-imposti tal-utent finali. L-introduzzjoni ta’ imposti tal-utent finali hija wkoll il-miżura ta’ ristrutturar ewlenija li tindirizza direttament l-iktar kawża serja tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ TV2. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-perijodu ta’ ristrutturar jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2012, jew fil-mument meta TV2 tkun tista’ timponi drittijiet ta’ abbonament mill-utent finali, jekk dan iseħħ qabel il-31 ta’ Diċembru 2012. Bħalissa jidher li TV2 hija legalment intitolata li timponi drittijiet tal-utent biss meta l-liċenzja tagħha tkun inbidlet (filwaqt li l-Att dwar ix-Xandir Daniż diġà jipprovdi possibbilità għal TV2 li timponi drittijiet tal-utent finali, dan ma huwiex permess fil-liċenza kurrenti).

4.4.   Evitar ta’ distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni

(157)

Skont il-punt 38 tal-Linji Gwida, biex jiġi żgurat li l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ jiġu mminimizzati kemm jista’ jkun, sabiex l-effetti pożittivi insegwiti jkunu ikbar minn dawk negattivi, għandhom jittieħdu miżuri ta’ kumpens. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu t-tneħħija ta’ assi jew tnaqqis fil-kapaċità jew il-preżenza fis-suq. Skont il-punt 40 tal-Linji Gwida, għandhom ikunu fi proporzjon mal-effetti ta’ distorsjoni tal-għajnuna u l-importanza relattiva tal-impriża fis-swieq tagħha.

(158)

Fil-prinċipju, l-impenn li ma jinfetħu l-ebda kanali ġodda (jiġifieri li tiġi limitata l-preżenza fis-suq), jista’ jitqies bħala miżura ta’ kumpens, billi teskludi lil TV2 milli tikkompeti għal klijenti ġodda u għaldaqstant jibbenefikaw l-kompetituri tagħha. Il-ftuħ ta’ kanali kummerċjali ġodda jkun ta’ benefiċċju għal TV2 għaliex il-kanali jiġu ffinanzjati minn sors ta’ dħul sod ibbażat fuq drittijiet ta’ abbonamenti li ma humiex ċikliċi, u għaliex jipprovdu d-dħul meħtieġ għall-grupp biex parzjalment jiġu kkontrobilanċjati r-riżultati negattivi mill-kanal tas-servizz pubbliku. Skont l-analiżi tas-suq ipprovduta fil-pjan ta’ ristrutturar, is-suq tat-TV bil-ħlas qed jikber (97). Madankollu, il-kompetituri ta’ TV2 jargumentaw li l-għażla li jinfetħu kanali kummerċjali ġodda ma kinitx disponibbli għal TV2, fi kwalunkwe każ, billi s-suq kien saturat.

(159)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-kompetituri ta’ TV2 innifishom varaw kanali fl-2009 (SBS varat 6erene, Canal Digital ser tvara kanal sportiv, Viasat varat kanal fit-23 ta’ Marzu 2009, u l-grupp TV4 varat Canal 9 fl-Lulju 2009).

(160)

Id-Danimarka kkonfermat ukoll li minħabba r-ristrutturar, TV2 ser tiġi prekluża milli tvara kanali tar-radju (98). Dan l-impenn huwa rilevanti ħafna billi ser ikun hemm proċedura ta’ sejħa għal offerti għal-liċenzja ta’ operazzjoni għall-istazzjoni tar-radju ġdid FM 4. Id-Danimarka oriġinarjament esprimiet interess fil-parteċipazzjoni possibbli ta’ TV2 f’din is-sejħa għal offerti, imma wara kkonfermat li tali offerta ma saritx minħabba l-investigazzjoni pendenti tal-Kummissjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, minkejja l-fatt li pjanijiet għal dan kienu diġà saru. Fi kliem ieħor, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-kompetituri, l-impenn li ma jinfetħux kanali ġodda kien wera li kien sinifikanti u jikkostitwixxi sagrifiċċju għall-kumpanija. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-impenn huwa importanti fid-dawl tal-punt 46 tal-Linji Gwida, li jgħid li l-għajnuna ma għandiex tintuża għall-finanzjament ta’ investiment ġdid li ma huwiex essenzjali biex tiġi rrestawrata l-vijabilità tal-impriża.

(161)

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-miżuri ta’ kumpens proposti huma fi proporzjon mal-effetti ta’ distorsjoni tal-miżuri ta’ għajnuna. Għandu jiġi indikat li dawn il-miżuri kollha jintemmu mad-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li l-ebda miżura ta’ għajnuna ta’ ristrutturar notifikata ma kienet jew ser tkun implimentata. Kif wieħed jista’ jara mill-premessi 150 et seq. il-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ ser tiġi mħassra wkoll mal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Dan iffisser li l-kumpanija ma hija ser tirċievi l-ebda għajnuna mill-Istat. Iżda l-ħlasijiet attwali magħmulin skont il-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ kienu limitati (DKK 223 miljun meħudin mid-DKK 1 000 miljun disponibbli). Il-biċċa l-kbira mill-għajnuna kienet attwalment meħuda bħala għajnuna ta’ salvataġġ (DKK 208 mill-223 miljun kienu ttieħdu sal-aħħar tal-2008, jiġifieri fil-perijodu ta’ sitt xhur ta’ salvataġġ) u l-fondi kollha attwalment meħudin mill-faċilità ta’ kreditu diġà tħallsu lura lill-Istat. L-ammont attwali lanqas ma huwa meħud mill-faċilità ta’ kreditu – DKK 223 miljun – eċċessiv fid-dawl tal-fatturat tal-2008 ta’ TV2 ([…]%). Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li huwa meħtieġ li titlob iktar miżuri ta’ kumpens mid-Danimarka u l-benefiċjarja tal-għajnuna. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni ma tara l-ebda ħtieġa għal iżjed miżuri ta’ kumpens, kif issuġġerit mill-kompetituri.

(162)

Madankollu, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-proposta mid-Danimarka li l-impenn għandu jieqaf meta l-miżuri kollha ta’ għajnuna ikunu ġew fi tmiem (99). L-ewwel nett, id-Danimarka nnifisha stipulat perijodu ta’ ristrutturar itwal, sal-31 ta’ Diċembru 2012. It-tieni nett, il-Linji Gwida mkien ma jistipulaw li t-tul tal-miżura ta’ kumpens għandu jkun identiku mal-preżenza tal-miżuri ta’ għajnuna li jkunu għaddejjin. It-tielet nett, il-pjan ta’ ristrutturar huwa bbażat fuq il-premessa li huwa biss meta jiġu introdotti l-imposti tal-utent finali fl-2012 li l-kumpanija ser ikollha aċċess għall-finanzjament estern; hemm biss tiġi rrestawrata l-vijabilità fit-tul. Id-Danimarka nnifisha argumentat li l-miżuri ta’ għajnuna, inkluż il-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ li għadha fis-seħħ, ikun hemm bżonnhom biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ likwidità sakemm jidħol fis-seħħ mudell ta’ negozju iktar stabbli għal kanal ta’ servizz pubbliku. Għalhekk, il-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ kellha l-funzjoni li żżomm il-kumpanija tiffunzjona sakemm beda jiġi applikat mudell ġdid ta’ negozju. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni ma tarax li l-impenn ta’ miżura ta’ kumpens tista’ tispiċċa bit-tmiem tal-għajnuna jew id-data ta’ din id-Deċiżjoni. Iżda l-Kummissjoni tikkunsidra li huwa fattibbli li l-obbligu li ma jiġux varati kanali ġodda jista’ jispiċċa f’data iktar kmieni milli t-tmiem tal-perijodu tal-pjan ta’ ristrutturar (il-31 ta’ Diċembru 2012), jiġifieri meta l-imposti tal-utent finali ikun ġew introdotti (permezz tal-bidla fil-liċenzja) u TV2 tkun tista’ tiġborhom.

4.5.   Għajnuna limitata għall-minimu.

(163)

Skont il-punt 43 tal-Linji Gwida, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna għandhom ikunu limitati għall-minimu strett tal-ispejjeż ta’ ristrutturar meħtieġa sabiex ir-ristrutturar ikun jista’ jsir. L-idea wara din id-dispożizzjoni hija li l-kumpanija, fl-aħħar tar-ristrutturazzjoni, ma jkollhiex likwidità fl-eċċess li tkun tista’ tuża għal aġir aggressiv fis-suq. Il-benefiċjarji huma mistennija li jagħmlu kontribut sinifikanti għall-pjan ta’ ristrutturar mir-riżorsi tagħhom stess, inkluż il-bejgħ ta’ assi li ma humiex essenzjali għas-sopravivenza tal-impriża. Kontribuzzjoni bħal din għandha tkun reali, u ma għandhiex tinkludi profitti għall-futur mistennija bħall-fluss tal-kontanti. Għandha tkun għolja kemm jista’ jkun, tal-inqas 50 % għall-impriżi l-kbar. Il-Kummissjoni tikkunsidra TV2 bħala impriża kbira fit-tifsira tal-Linji Gwida.

(164)

Il-Kummissjoni m’għandhiex l-istess fehma tal-Gvern Daniż li kwalunkwe spiża tkun xi tkun, b’mod partikolari miżuri li jiffrankaw l-ispejjeż, awtomatikament tikkwalifika bħala miżuri ta’ ristrutturar. Kumpanija jista’ jkollha tagħmel nefqa biex tiffranka l-ispejjeż. L-iffrankar tal-ispejjeż kif deskritt mid-Danimarka f’dan il-każ fih inifsu ma jirrappreżentax spiża ta’ ristrutturar. Id-Danimarka tipprovdi lista ta’ spejjeż ta’ ristrutturar “klassiċi”, li jikkonsistu minn DKK […] miljun u li jkopru l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni relatata mal-bejgħ tan-netwerk ta’ trażmissjoni (DKK […] miljun), spejjeż assoċjati mat-trasferiment lejn mudell ġdid ta’ negozju (DKK […]-[…] miljun) u spejjeż tal-persunal għat-terminazzjoni ta’ kuntratti, drittijiet legali u ta’ konsulenza (DKK […] miljun). Il-Kummissjoni taċċetta dawn l-ispejjeż bħala spejjeż ta’ ristrutturar.

(165)

Skont il-prattika kostanti tal-Kummissjoni, l-ispejjeż tar-ristrutturar jinkludu l-ispejjeż straordinarji kollha magħmulin sabiex l-impriża terġa’ tkun vijabbli, imma mhux l-ispejjeż operattivi regolari magħmulin fil-perijodu ta’ ristrutturar. Madankollu, il-każ preżenti jirrigwarda l-bżonn ta’ likwidità ta’ kumpanija biex tkun tista’ tgħaddi fil-perijodu tranżitorju sakemm mudell ta’ negozju ġdid sostenibbli jkun fis-seħħ. Kif ingħad iktar ‘il fuq, TV2 kellha bżonn ġenwin ta’ finanzjament, billi ma kellhiex aċċess għal finanzjament estern. F’dan il-każ speċjali li jinvolvi ristrutturar finanzjarju pur sakemm il-kumpanija tibdel għal pjan ta’ negozju iktar stabbli, il-Kummissjoni tista’ taċċetta wkoll dan il-bżonn ta’ finanzjament bħala li jikkostitwixxi spiża ta’ ristrutturar. Kienet il-faċilità ta’ kreditu tad-deċiżjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ (DKK 1 000 miljun) li pprovdiet l-ilqugħ temporanju meħtieġ biex jiġi kopert dan in-nuqqas finanzjarju. Madankollu, din il-faċilità kienet tranżitorja biss u seta’ jkun hemm aċċess għaliha biss meta TV2 setgħet turi bżonn ta’ finanzjament kif iċċertifikat minn awditur estern. Fl-aħħar mill-aħħar, TV2 ma ġibdietx wisq mill-faċilità ta’ kredtu ([…]% biss minnha). Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-kreditu miġbud (DKK […] miljun) inġibed matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni ta’ għajnuna ta’ salvataġġ tal-Kummissjoni, jiġifieri, fil-perijodu ta’ salvataġġ ta’ sitt xhur qabel ma ġie sottomess il-pjan ta’ ristrutturar.

(166)

TV2 kkontribwixxiet għal dawn l-ispejjeż ta’ ristrutturar permezz tal-bejgħ ta’ assi, bil-bejgħ ta’ netwerk ta’ xandir fl-ammont ta’ DKK 640 miljun, u permezz ta’ finanzjament estern billi ipotekat l-istabbiliment tagħha f’Odense għal DKK 80 miljun. Il-kontribuzzjoni ta’ DKK 720 miljun hija ferm iktar mil-limitu ta’ 50 % għall-impriżi l-kbar. Kif intqal iktar ‘il fuq, TV2 użat ir-rikavat mill-bejgħ tan-netwerk biex tnaqqas id-dejn tagħha. Il-flus minfuqin b’dan il-mod ma jistgħux jintużaw għal finijiet oħrajn. Barra minn hekk, kif jidher ċar minn dak li ntqal, il-miżuri kollha ta’ għajnuna ser jispiċċaw mid-data ta’ din id-deċiżjoni u l-ebda miżura ta’ għajnuna ġdida kif innotifikata taħt il-pjan ta’ ristrutturar ma hija ser tiġi introdotta (ara l-premessa 150 ta’ din id-Deċiżjoni). Għalhekk, skont il-punt 45 tal-Linji Gwida, ma hemm l-ebda perikolu ta’ għajnuna li taqbeż dik li kienet meħtieġa li tibqa’ fil-kumpanija.

4.6.   Kundizzjonijiet oħrajn

(167)

Skont il-punt 46 tal-Linji Gwida, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ miżuri addizzjonali mill-Istat Membru sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni kuntrarja għall-interess komuni.

(168)

Il-Kummissjoni tinnota l-argumenti mressqin mid-Danimarka matul l-investigazzjoni formali kollha, u l-intenzjoni espressa mill-benefiċjarja tal-għajnuna fid-dokumenti tal-appoġġ li l-pjan ta’ ristrutturar għandu jippermetti lil TV2 tuża opportunitajiet tan-negozju bħall-pari tagħha u timponi imposti ta’ abbonament. Id-Danimarka u TV2 jindikaw ukoll li l-ilqugħ ta’ ekwità għolja ta’ bħalissa ta’ TV2 ma’ proporzjonijiet ta’ solvenza (u dejn li jipproduċi mgħax nett) li huma ogħla (iktar baxxi) b’mod sinifikanti minn dawk ta’ kompetituri, huwa meħtieġ biss minħabba l-inċertezzi tal-kawżi tal-għajnuna mill-Istat pendenti u l-mudell tan-negozju. Kemm TV2 kif ukoll id-Danimarka jesprimu rieda ġenerali biex iġibu l-istruttura tal-kapital skont dik tal-pari ta’ TV2 ladarba jingħalqu l-investigazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat.

(169)

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ma tara l-ebda bżonn għal TV2 li jkollha struttura kapitali li hija differenti minn dik tal-pari tagħha ladarba l-mudell tan-negozju u l-kawżi legali pendenti jkunu ġew solvuti. Strutturi kapitali bbażati fuq ekwità (artifiċjalment) għolja huma ta’ vantaġġ għall-kumpanija għaliex tkun tista’ tiġbed finanzjament b’rati relattivament baxxi. Daqstant ieħor importanti, TV2 għandha ġġib l-istruttura kapitali tagħha lura għal livell li jiżgura li l-kompetizzjoni ma jkollhiex distorsjoni. Il-Kummissjoni tixtieq li TV2 terġa’ lura għal struttura kapitali normali billi tagħmel ħlasijiet ta’ dividendi lill-Istat, iktar milli tespandi b’mod aggressiv il-karta tal-bilanċ tagħha bil-finanzjament tad-dejn.

4.7.   Monitoraġġ u rapport annwali

(170)

Skont il-punti 49 u 50 tal-Linji Gwida, id-Danimarka hija impenjata li tissottometti rapporti lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-approvazzjoni tal-għajnuna.

4.8.   Kwistjonijiet antitrust

(171)

Il-Kummissjoni tinnota li wieħed mill-kompetituri ta’ TV2 ippreżenta lment anti-trust dwar l-introduzzjoni ppjanata ta’ imposti tal-utent finali. Il-Kummssjoni hija konsapevoli li aspetti ta’ għajnuna li jiksru dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat li ma jkunux dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jkunu marbutin b’mod tant indissolubbli mal-għan tal-għajnuna li jkun impossibbli li jiġu vvalutati separatament (100). Il-Qorti enfasizzat li l-obbligu li jiġi żgurat li r-regoli tal-għajnuna mill-Istat jiġu applikati b’mod konsistenti ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat huwa iktar u iktar meħtieġ meta dawk id-dispożizzjonijiet isegwu wkoll għanijiet ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni. Iżda, il-ġurisprudenza tal-Qorti tirrikonoxxi li l-għajnuna mill-istat u proċeduri antitrust huma proċeduri indipendenti rregolati b’regoli speċifiċi. Il-Qorti qalet li “meta tieħu deċiżjoni fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tistenna l-eżitu ta’ proċedura parallela mibdija skont ir-Regolament Nru [1], ladarba tiġi għall-konklużjoni, ibbażata fuq analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni u mingħajr żball manifest fil-valutazzjoni tal-fatti, li min jirċievi l-għajnuna ma jkunx qed jikser l-Artikoli [101 u 102 TFUE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (101). Għaldaqstant, il-każ antitrust ma għandux għalfejn ikun formalment magħluq għall-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat.

(172)

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li fil-każ kurrenti ma hijiex l-għajnuna nnifisha (il-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ), imma element ieħor tal-pjan ta’ ristrutturar (l-imposti tal-utent finali), li huwa l-kawża tal-ilment antitrust. L-imposti tal-utent finali ser jiġu introdotti kmieni fl-2012, jiġifieri wara li tkun tneħħiet il-faċilità ta’ għajnuna, permezz ta’ emenda skont il-kundizzjonijiet tal-liċenzja ta’ TV2. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-biċċa l-kbira tal-għajnuna meħuda seħħet matul il-perijodu ta’ salvataġġ u kienet awtorizzata fid-deċiżjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Awwissu 2008, u li l-għajnuna kollha ser titneħħa meta din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ.

(173)

Jekk l-ilment antitrust, jew il-kummenti ta’ terzi f’din il-proċedura, għandu jinftiehem ukoll bħala ilment kontra li TV2 issir kanal ta’ TV bi ħlas, biżżejjed jingħad li s-sempliċi introduzzjoni ta’ imposti tal-utent għall-kanal ewlieni ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-leġiżlazzjoni antitrust. Meta l-kanal ewlieni ta’ TV2 isir kanal ta’ TV bi ħlas, dan iwwassal għad-dħul fis-suq tat-TV bi ħlas ta’ dak il-kanal. Id-dħul tal-kanal ewlieni ta’ TV2 x’aktarx ser jaffettwa biss kompetituri attivi f’dak is-suq, u pereżempju, iwassal għall-ħruġ ta’ xi parteċipanti minn dak is-suq (il-pakketti ta’ TV bi ħlas rispettivi), jew ikollhom iraħħsu l-prezzijiet tagħhom. Madankollu, dawn l-effetti huma effetti normali tad-dħul fis-suq ta’ kompetitur vijabbli. Is-sempliċi fatt li l-imposti tal-utent huma introdotti, u dan ser iżid il-kompetizzjoni, ma jiksirx, b’hekk, l-Artikoli 102 u 106 TFUE.

(174)

Min għamel l-ilment, u xi kompetituri oħrajn fil-kummenti ta’ terzi, jargumentaw li l-introduzzjoni ppjanata tal-kard “TV2 Alene” ikollha effetti antikompetittivi li jiffavorixxu wkoll lid-distributur Boxer. Fi ftit kliem, il-mudell TV2 Alene kien iffisser li l-klijenti jirċievu TV2 b’xejn jekk il-klijent ma jixtrix servizzi oħrajn ta’ TV bi ħlas. Skont min qed jagħmel l-ilment, il-kard TV Alene jkollha b’hekk effett ta’ disinċentiv fuq klijenti li qed jippjanaw li jixtru TV bi ħlas, għad-detriment tal-kompetituri ta’ TV2. Billi d-Danimarka rtirat il-kard TV Alene ssuġġerita, argumenti dwar jekk kinitx tikser ir-regoli antitrust huma mingħajr rilevanza u, għaldaqstant, ma jirrigwardawx il-legalità tal-pjan ta’ ristrutturar.

(175)

Fir-rigward tal-biża’ ta’ uħud mill-kompetituri li l-għajnuna bħala tali tista’ tiġi użata għal aġir aggressiv fis-suq, il-Kummissjoni ssostni li ma hemmx indikazzjonijiet li l-għajnuna mill-Istat innifisha twassal għal ksur ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-TFUE jew twassal lil TV2 biex awtomatikament taġixxi b’mod antikompetittiv.

Konklużjoni

(176)

Il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ ristrutturar notifikat jikkonforma mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE flimkien mal-Linji Gwida tas-salvataġġ u ristrutturar tal-Kummissjoni, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(177)

Billi l-kumpanija hija f’kundizzjoni finanzjarja aħjar wara l-bejgħ tan-netwerk ta’ xandir, il-Kummissjoni tikkonstata li l-ebda miżura ta’ għajnuna mill-pjan ta’ ristrutturar (faċilità ta’ self u ta’ kreditu) ma għandha tiġi implimentata u li l-faċilità ta’ kreditu fis-seħħ (kif awtorizzata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 287/09 tal-4 ta’ Awwissu 2008) għandha titħassar b’effett immedjat mid-data ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tinnota li l-garanzija notifikata oriġinarjament għall-bejgħ ta’ netwerk ta’ xandir ma għadhiex rilevanti, minħabba l-bejgħ komplut tan-netwerk mingħajr il-garanzija.

(178)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll l-impenn tad-Danimarka li l-miżura ta’ kumpens li ma tvarax l-ebda kanal ta’ xandir ġdid ikopri kemm il-kanali tat-televiżjoni kif ukoll tar-radju. Din il-miżura għandha tibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2012 jew, jekk min jirċievi l-għajnuna jkun jista’ jimponi imposti tal-utent finali qabel dik id-data, sal-introduzzjoni tal-imposti tal-utenti finali. L-introduzzjoni tal-imposti tal-utent finali hija kkunsidrata li hija l-mument meta TV2 hija legalment intitolata biex titlob din ir-remunerazzjoni.

(179)

Il-Kummissjoni tinnota l-impenn tad-Danimarka li tqabbad espert finanzjarju indipendenti biex jipparaguna l-istruttura kapitali ta’ TV2 ma’ dawk ta’ kumpaniji tal-midja oħrajn u biex taġġusta l-istruttura kapitali jekk tiddevja b’mod sinifikanti mill-medjan jew mill-medja tal-grupp ta’ pari rilevanti. Jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex ma jiġix aġġustat il-kapital, il-Gvern Daniż jista’ jinnotifika bidla fil-pjan ta’ ristrutturar lill-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Bla ħsara għall-konformità sħiħa mal-pjan ta’ ristrutturar kif innotifikat fl-4 ta’ Frar 2009 u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2, 3 u 4, il-faċilità li d-Danimarka tat lil TV2 u li kienet awtorizzata bħala għajnuna ta’ salvataġġ mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Awwissu 2008 hija kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Mid-data ta’ din id-Deċiżjoni, il-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ li d-Danimarka tat lil TV2 u li kienet awtorizzata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Awwissu 2008 għandha titħassar. L-ebda miżura oħra ta’ għajnuna nnotifikata mid-Danimarka lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Frar 2009 ma tista’ tiġi implimentata.

Artikolu 3

Il-miżura ta’ kumpens proposta mid-Danimarka li tipprojbixxi lil TV2 milli tiftaħ kanali tax-xandir tat-televiżjoni jew tar-radju ġodda għandha tibqa’ fis-seħħ sat-tmien innotifikat tal-perijodu ta’ ristrutturar, nhar il-31 ta’ Diċembru 2012. Madankollu, jekk TV2 titħalla toġbor drittijiet ta’ abbonament (imposti tal-utent finali) qabel dik id-data, l-obbligu li ma jinfetħux kanali tar-radju u tat-televiżjoni ġodda ma jibqax jeżisti minn dik id-data.

Artikolu 4

Il-Gvern Daniż għandu jqabbad espert finanzjarju indipendenti fl-aħħar tal-2012 jew kmieni fl-2013 biex jagħmel analiżi tal-istruttura kapitali ta’ TV2 u jqabbilha mal-istruttura kapitali ta’ kumpaniji tal-medja rilevanti oħrajn. Jekk l-istruttura kapitali ta’ TV2 tiddevja b’mod sinifikanti mill-medjan jew mill-midja tal-grupp ta’ pari rilevanti, il-Gvern Daniż għandu jaġġusta l-istruttura kapitali fil-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali f’April 2013, sabiex tiġi rettifikata kull devjazzjoni bħal din.

Artikolu 5

Id-Danimarka għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri meħudin għall-konformità magħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tal-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, sostanzjalment, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat KE meta jkun xieraq.

(2)   ĠU C 207, 2.9.2009, p. 2.

(3)   ĠU C 9, 14.1.2009, p. 2.

(4)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(6)  Kawża T-114/09, Viasat Broadcasting UK Ltd vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

(7)  Din it-talba tirrigwarda fil-biċċa l-kbira l-kwistjoni jekk TV2 hijiex impriża f’diffikultà u, fi grad ferm inqas, l-kwistjoni jekk użatx l-għajnuna għal għanijiet antikompetittivi.

(8)  Ordni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża T-114/09.

(9)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/217/KE, tad-19 ta’ Mejju 2004, fuq miżuri implimentati mid-Danimarka għal TV2 Danmark.

(10)  Kawża T-309/04, TV2 Danmark vs Il-Kummissjoni [2008], Gabra p. II-2935, paragrafi 101 et seq.

(*1)  Dejta li hija kunfidenzjali hija indikata fit-test tad-Deċiżjoni bi […].

(11)  Ittra minn TV2 tat-2 ta’ Ottubru 2009.

(12)  Awtorizzazzjoni tas-17 ta’ Diċembru 2009, sottomessa bħala Anness 1 mas-sottomissjoni tad-Danimarka tad-9 ta’ Settembru 2009.

(13)  Att Nru 477 tas-6 ta’ Mejju 2010

(14)  Skont il-Ftehim tal-Medja għall-2007–2010, id-dħul mid-drittijiet tal-liċenzja annwali ammonta għal DKK 428.4 miljun fl-2010.

(15)  Ittra mid-Danimarka tad-29 ta’ Jannar tal-2010, pp.13 et seq. u l-Anness 8 tagħha.

(16)  Ara l-Anness 5 man-notifika mid-Danimarka, p. 2, u l-ittra mid-Danimarka tat-3 ta’ Frar 2011, p. 7. SMATV tfisser Satellite Master Antenna Television (Televiżjoni tal-Antenna Prinċipali tas-Satellita), u tirriferi għal sistema li tuża sinjali multipli tas-satellita u tax-xandir biex toħloq sinjal tal-kejbil integrat għad-distribuzzjoni lil netwerk tal-kejbil.

(17)   “Memorandum ta’ informazzjoni fuq il-Proġett MUX” mibgħut mid-Danimarka, p. 32.

(18)  Id-distributuri ma jħallsux abbonament tal-kanal tat-TV għal TV2 fis-settur tal-kejbil lanqas (ara l-Anness 5 man-notifika tad-Danimarka, p. 3). Skont dak id-dokument, id-distributuri jimponu biss spejjeż ta’ distribuzzjoni flimkien ma’ drittijiet lill-proprjetarji tad-dritt tal-awtur.

(19)  Ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Settembru 2009, pp. 10–11.

(20)  Ittra minn Viasat tat-2 ta’ Ottubru 2009, paragrafu 114.

(21)  Ordni Nru 740 tal-21 ta’ Awwissu 2001 fuq iż-żamma ta’ kontijiet separati tal-attivitajiet tas-servizz pubbliku u l-attivitajiet l-oħra kollha ta’ Danmark’s Radio u TV2, adottata għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/52/KE (ĠU L 193, 29.7.2000, p. 75).

(22)  Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2005/217/KE (ĠU L 85, 23.3.2006, p. 1) u l-każ N 313/04 (ĠU C 172, 12.7.2005, p. 3).

(23)  Kawża T-309/04, tat-22 ta’ Ottubru 2008, paragrafi 101 et seq.

(24)  Kawża T-12/05, Ordni tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-24 ta’ Settembru 2009.

(25)  Deċiżjoni dwar l-għajnuna ta’ salvataġġ, paragrafi 7, 8, 10 u 39.

(26)  Ara l-paragrafi 10–15 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009, ibbażata fuq l-Anness 3 tan-notifika oriġinali.

(27)  Anness 2 tal-ittra mid-Danimarka tad-29 ta’ Jannar 2010 li tipprovdi analiżi aġġornata ta’ PWC tal-21 ta’ Jannar 2010. Il-figuri stmati dakinhar għall-2009 hawnhekk qed jiġu aġġornati bl-użu tal-eżiti attwali pprovduti minn TV2 bħala anness għal ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Lulju 2010.

(28)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009, paragrafu 11, li tipprovdi l-figuri fuq il-kontribuzzjoni tad-diversi attivitajiet ta’ TV2 u t-telf tal-kanal ta’ servizz pubbliku matul perijodu mill-2008 (DKK […] miljuni) sal-2013 (DKK […] miljun).

(29)  L-Anness 1 mas-sottomissjoni tad-Danimarka tad-29 ta’ Jannar 2010 u s-sottomissjoni ta’ TV2 “‘Status tal-pożizzjoni finanzjarja u likwidità ta’ TV2”, p. 1.

(30)  Kummenti minn TV2 lill-Kummissjoni Ewropea datati 25 ta’ Awwissu 2009.

(31)  Kummenti minn TV2 lill-Kummissjoni Ewropea bid-data tal-25 ta’ Awwissu 2009.

(32)  Ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Settembru 2009, Anness 2 - rapport aġġornat ta’ PWC.

(33)  Ittra minn Viasat tas-26 ta’ Mejju 2010, p. 2 b’referenza għan-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna lid-DRRB. Il-valur tas-suq tar-reklamar kien DKK 1 903 miljun fl-2009, ipparagunat ma’ DKK 2 341 miljun fl-2008. Ara wkoll r-rapport ta’ PWC aġġornat, ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Settembru 2009, Anness 2.

(34)  Kummenti minn TV2 lill-Kummissjoni Ewropea bid-data tal-25 ta’ Awwissu 2009 (p. 20) u l-Anness 1 għas-sottomissjoni tad-Danimarka tal-29 ta’ Jannar 2010, “Status tal-pożizzjoni finanzjarja u likwidità” punt 5, sottomessi minn TV2.

(35)  Dan ġie ikkonfermat minn […] bil-miktub f’ittra datata l-24 ta’ April 2009.

(36)  Ittra mid-Danimarka tad-29 ta’ Jannar 2010, Anness 1 “Status tal-pożizzjoni finanzjarja u likwidità ta’ TV2”, punt 4.

(37)  Ittra mid-Danimarka tad-29 ta’ Jannar 2010, Anness I, sottomissjoni minn TV2 “Status tal-pożizzjoni finanzjarja u likwidità ta’ TV2”, punt 4.

(38)  L-ishma ta’ TV2 f’Digi-TV mhux ser jinbiegħu, il-parteċipazzjonijiet diretti u l-ishma f’Fordelingsnet u 4M biss. Ara l-memorandum ta’ informazzjoni mid-Danimarka, “Proġett MUX”.

(39)  Dan it-tnaqqis jinkludi l-kanċellazzjoni ta’ investiment f’kanal ġdid fl-2009/2010. Ara l-ittra mid-Danimarka tal-20 ta’ Mejju 2009.

(40)  Minn hawn ‘il quddiem imsejħa wkoll “dritt tal-abbonament” jew kultant “dritt tal-utent għal żmien qasir”.

(41)  Ittra mid-Danimarka tal-11 ta’ Marzu 2011, Anness li fih ftehim ġdid tal-midja. L-awtoritajiet Daniżi jindikaw li TV2 qed tikkunsidra dritt tal-abbonament iktar baxx milli dak oriġinarjamnet previst ta’ DKK 25. TV2 tindika imposta fix-xahar ta’ bejn DKK 10–12.

(42)  Ittra mid-Danimarka tas-17 ta’ Marzu 2011. p. 3. Ibbażat fuq dritt fix-xahar stmat ta’ DKK 12.

(43)  Notifika mid-Danimarka tal-4 ta’ Frar 2009, p. 6.

(44)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009, paragrafu 20.

(45)  Ittra mid-Danimarka tat-3 ta’ Frar 2011, p. 2.

(46)  Għalhekk id-Danimarka tqis li l-ispejjeż kollha elenkati fl-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2010 huma spejjeż ta’ ristruturar rilevanti, jiġifieri DKK […] miljun flimkien ma’ spejjeż addizzjonali għall-ipoteka. It-tabella f’dik l-ittra mill-Kummissjoni kkoreġiet xi ftit pożizzjonijiet minn sottomissjoni li saret qabel mid-Danimarka kif riprodotta fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fit-2 ta’ Lulju 2009.

(47)  Ittra mid-Danimarka tat-3 ta’ Frar 2011, p. 6 u l-Annex 1, li ġie emendat parzjalment wara fir-rigward tal-ispiża ta’ introduzzjoni tas-sistema ta’ imposti tal-utent finali b’ittra tas-17 ta’ Marzu 2011.

(48)  Notifika mid-Danimarka tal-4 ta’ Frar 2009, p. 8.

(49)  Ittra mid-Danimarka tad-29 ta’ Jannar 2010, Anness 1 “Status tal-pożizzjoni finanzjarja u likwidità ta’ TV2”, fl-aħħar tal-punt 3.

(50)  Ittra mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010, emendata wara b’figuri sottomessi fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2011. Il-previżjoni għall-2011 tieħu inkunsiderazzjoni li s-sistema tal-kard Alone ta’ TV2 kienet ġiet ċeduta u rriżultat f’rata inqas ta’ penetrazzjoni fid-djar. Il-figuri jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-imposti tal-utenti finali li kienu inqas minn dawk oriġinarjament previsti ta’ DKK […] u dħul mir-reklamar ogħla milli mistenni. Il-figuri jinkludu d-dħul mill-abbonament għall-kanal ewlieni fl-2012 kif ukoll l-ispejjeż ta’ tranżizzjoni għal TV bi ħlas fl-2011.

(51)  Ittra mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010, pp. 2 et seq.

(52)  Ittra mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010, Anness 1 Pjan ta’ ristrutturar TV2, fl-aħħar tal-p. 2.

(53)  Ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Lulju 2010, Anness Kwistjonijiet finanzjarji TV2.

(54)  Ittra mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010, Anness I, Pjan ta’ ristrutturar TV2, u aġġornament b’emejl mid-Danimarka tas-6 ta’ April 2011.

(55)  Ittra mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010. B’mod partikolari, ma ħarġet l-ebda garanzija.

(56)  Ittra mid-Danimarka tat-3 ta’ Frar 2011.

(57)  Ittra mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010, p. 2.

(58)  Id-Danimarka kienet spjegat fil-laqgħa mal-Kummissjoni f’Settembru 2010 u tennietha fl-ittra tal-15 ta’ Ottubru li TV2 ma kellha l-ebda pretensjoni legali skont il-garanzija, u li kienet sempliċiment proposta suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, u ma kinitx tinvolvi r-riżorsi tal-istat billi ma kinitx torbot lill-Gvern Daniż.

(59)  Ittri mid-Danimarka tat-28 ta’ Jannar 2011 u tal-15 ta’ Ottubru 2010. L-ittra tal-15 ta’ Ottubru tirriferi biss għad-deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2004.

(60)  Pjan ta’ ristrutturar TV2, Anness I tal-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2010. TV2 tissottometti li l-ewwel żewġ miżuri ta’ għajnuna antiċipati fil-pjan ta’ ristrutturar ma għadhomx validi minħabba l-bejgħ tan-netwerk ta’ trażmissjoni. Fir-rigward tal-faċilità ta’ kreditu TV2 temmen li għandha biżżejjed finanzjament sal-2012 meta jkunu ġew implimentati ħlasijiet ta’ abbonament fuq il-kanal ewlieni. B’referenza għall-faċilità ta’ kreditu ta’ DKK […] miljun, TV2 fl-istess ħin tikkonferma li l-ebda waħda mill-miżuri ta’ għajnuna fil-pjan ta’ ristrutturar ma ġew implimentati. Għalhekk x’aktarx TV2 qed tirreferi għall-faċilità ta’ għajnuna ta’ salvataġġ oriġinali.

(61)  Għal deskrizzjoni iktar iddetaljata, ara N 287/08, paragrafi 13 et seq., partikolarment il-paragrafu 17.

(62)  Emejl mid-Danmarka tal-24 ta’ Frar 2011.

(63)  Id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti jinsabu fi: http://www.bibliotekogmedier.dk/medieomraadet/radio/fm-4/udbud. Ara wkoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 2011 fi SA.32019, Kanal tar-Radju Daniż FM4.

(64)  Emejl mid-Danimarka tal-24 ta’ Frar 2011.

(65)  Ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Lulju 2010, Anness, Kwistjonijiet finanzjarji TV2.

(66)  Ara n-nota ta’ qiegh il-paġna 4.

(67)  Linji Gwida, punti 34–36.

(68)  Linji Gwida, punti 38–40.

(69)  Ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Settembru 2009, p. 10, li tirreferi għan-notifika datata l-4 ta’ Frar 2009 u l-argumenti għan-notifika tal-għajnuna ta’ salvataġġ.

(70)  Anness II tal-ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Settembru 2009.

(71)  Ittra mid-Danimarka tad-29 ta’ Jannar 2010.

(72)  Ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Settembru 2009, p. 14.

(73)  Ittra mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010.

(74)  Ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Settembru 2009, p. 16.

(75)  Ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Settembru 2009, pp. 10 u 11.

(76)  Ara premessa 38.

(77)  SBS, f’paġna 13 tal-ittra tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2009, tgħid li xejn ma hu probabbli tnaqqis fid-dħul mir-reklamar ta’ 10 % fis-sena. Madankollu, kif ser naraw iktar ‘il quddiem, dan jidher li huwa bbażat fuq malintiż tar-rapport ta’ PWC, li ma jindikax tnaqqis annwali ta’ 10 %.

(78)  Ittra minn Viasat tas-26 ta’ Mejju 2010, p. 4.

(79)  Ittri mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010 u t-28 ta’ Jannar 2011.

(80)  Dan ġie vvalutat diġà fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 287/08 tal-4 ta’ Awwissu 2008.

(81)  Għal ħlasijiet bejn impriżi privati ara l-Kawża C-379/98, Preussen Elektra [2001], ECR p. I-2009. F’din il-kawża, l-Istat impona l-ħlas ta’ ċertu prezz minimu, filwaqt li fil-kawża inkwistjoni l-Gvern Daniż qed iħalli lil TV2 timponi drittijiet tal-utenti bl-istess mod bħal kompetituri tagħha.

(82)  Kawża C-83/98 P, Franza v. Il-Kummissjoni [2000] ECR p. I-3271, paragrafi 48 u 50, Kawża T-358/94, Air France vs Il-Kummissjoni, ECR p. II-2109.

(83)  SBS qed tirreferi għall-bidla leġiżlattiva li kienet il-mudell antiċipat fiż-żmien meta SBS ssottomettiet il-kummenti tagħha. Madankollu, il-Gvern Daniż ma għadux fi ħsiebu li jemenda l-Att dwar ix-Xandir, imma jkun hemm sempliċiment bidla fil-liċenzja. Għaldaqstant, qed jisfrutta possibbiltà li diġà hija antiċipata fl-Artikolu 38a(2) tal-Att dwar ix-Xandir Daniż kurrenti, jiġifieri li l-kumpanija hija intitolata li timponi drittijiet ta’ abbonament jekk il-Ministeru tal-Kultura jiddeċiedi hekk u jibdel il-liċenza f’dan is-sens.

(84)  Ittra minn SBS tat-2 ta’ Ottubru 2009, pp. 19–22.

(85)  Kawża C-206/06, Essent Netwerk Noord BV a.o. v Aluminium Delfzijl BV, [2008] ECR p.II-5497.

(86)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/217/KE (ĠU L 85, 23.3.2006, p. 1), skont il-paragrafu 57, sostnuta fuq dan il-punt mill-Kawżi T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04, TV2 Danmark a.o. v Il-Kummissjoni, paragrafi 158 et seq.

(87)  C-345/02, Pearle u oħrajn [2008], ECR p. I -7139.

(88)  F’C-206/06 (ara n-nota 85 ta’ qiegħ il-paġna iktar ‘il fuq), il-Qorti tistabbilixxi fil-paragrafi 66 u 47 li l-imposta addizzjonali inkwistjoni hija imposta reali, li l-eċċess tagħha għandu jitħallas mir-riċevent lill-Ministru (ara l- paragrafu 67 u deskrizzjoni tal-liġi fil-punt 19 tas-sentenza).

(89)  Fir-rigward tal-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet Daniżi jidhru li huma tal-istess fehma, ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Daniża (Konkurrencestyrelsen) tal-21.12.2005, Journal nr. 3/1120-0301-0095/SEK/SCL.

(90)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(91)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għax-xandir tas- servizz pubbliku (ĠU C 257, 27.10.2009, p. 1).

(92)  Ittra minn Viasat tat-2 ta’ Ottubru 2009, Anness 14, “Konstatazzjonijiet dwar analiżi tal-klassifika tal-kreditu ta’ TV2 Denmark”.

(93)  Ittra minn Viasat tat-2 ta’ Ottubru 2009, Anness 14, p. 13.

(94)  Skont l-ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Lulju 2010, Anness “Kwistjonijiet finanzjarji TV2”, p. 7 kien previst tnaqqis ta’ 5 % fis-suq tar-reklamar għall-2010, imma issa Zenith Optimedia tipprevedi żieda ta’ 1 %.

(95)  Ittra mid-Danimarka tad-9 ta’ Lulju 2010, “Kwistjonijiet finanzjarji TV2”, p. 4.

(96)  Ittra mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010, Anness 1, dokumenti TV2, fl-aħħar tal-punt 2.

(97)  Notifika tal-4 ta’ Frar 2009.

(98)  Emejl mid-Danimarka tal-24 ta’ Frar 2011.

(99)  Ittra mid-Danimarka tat-28 ta’ Jannar 2011 u emejl mid-Danimarka tal-15 ta’ Ottubru 2010.

(100)  Ara l-Kawża C-225/91, Matra, ECR p. I-3203, paragrafu 41, b’referenza għall-Kawza 74/76, Iannelli vs Meroni [1977], ECR p. I-557.

(101)  Kawża C-225/91, Matra, op. cit., paragrafi 44 u 45. Is-sentenza tirreferi għar-Regolament 17, li issa ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 2 p. 205-229), u għall-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KE, issal-Artikoli 101 u 102 TFUE.