29.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Diċembru 2011

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kummerċ ta’ partijiet u komponenti ta’ vetturi bil-mutur bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa

(2012/106/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-dawl tal-importanza ekonomika għall-Unjoni tal-esportazzjonijiet ta’ vetturi bil-mutur u l-partijiet u l-komponenti tagħhom lill-Federazzjoni Russa, u bħala riżultat tan-negozjati fir-rigward tal-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazjoni Dinija tal-Kummerċ (WTO), kif riflessa fir-rapport tal-Parti ta’ Ħidma għal din l-adeżjoni, ir-reġim ta’ investiment fis-settur awtomobilistiku applikat mill-Federazzjoni Russa, kif emendat fl-24 ta’ Diċembru 2010, jista’ jibqa’ jkun applikat sal-1 ta’ Lulju 2018 taħt ċerti kundizzjonijiet.

(2)

Hemm riskju li r-reġim ta’ investiment fis-settur awtomobilistiku tal-Federazzjoni Russa jista’ jirriżulta fid-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-partijiet u l-komponenti tal-vetturi bil-mutur mill-Unjoni minħabba l-obbligi imposti fuq l-investituri taħt dak ir-reġim li jilħqu ir-rekwiżiti tal-kontenut lokali u tal-lokalizzazzjoni tal-produzzjoni.

(3)

Fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa fid-WTO, il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Ftehim fuq kummerċ ta’ partijiet u komponenti ta’ vetturi bil-mutur bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa (“il-Ftehim”) li jistabbilixxi mekkaniżmu kompensatorju li jiżgura li l-importazzjonijiet tal-partijiet u l-komponenti tal-vetturi bil-mutur mill-Unjoni lejn il-Federazzjoni Russa ma jonqsux b’riżultat tal-applikazzjoni tar-reġim ta’ investiment fis-settur awtomobilistiku.

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat. Il-Ftehim għandu japplika fuq bażi provviżorja, pendenti l-għeluq tal-proċeduri għal konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kummerċ ta’ partijiet u komponenti ta’ vetturi bil-mutur bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, huwa b’dan awtroizzat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtroizzat jinnomina il-persuna/i li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Skont l-Artikolu 13(3), tal-Ftehim, għandu jkun applikat provviżorjament, mid-data tas-sħubija tal-Federazzjoni Russa fid-WTO, pendenti l-għeluq tal-proċeduri għal konklużjoni ta’ dan il-Ftehim. (1)

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul f’Ġinevra, l-14 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOGAJ


(1)  Id-data minn meta il-Ftehim ser jiġi applikat proviżorjament ser tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.