9.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 36/29


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Frar 2012

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-miżuri ta’ emerġenza biex jikkumbattu, fl-2011, il-marda vesikolari tal-ħnieżer fl-Italja u d-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 577)

(It-testi bit-Taljan u bil-Litwan biss huma awtentiċi)

(2012/72/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Il-marda vesikulari tal-ħnieżer hija marda virali infettiva tal-ħnieżer li xxekkel il-kummerċ u l-esportazzjoni għall-pajjiżi terzi.

(2)

Id-deni klassiku tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva tal-ħnieżer u tal-ħnieżer selvaġġi li xxekkel il-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjoni għall-pajjiżi terzi.

(3)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-marda vesikulari tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinfirex f’irziezet oħra tal-ħnieżer f’dak l-Istat Membru, iżda wkoll fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(4)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-marda vesikulari tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinfirex f’irziezet oħra tal-ħnieżer f’dak l-Istat Membru, kif ukoll fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew il-prodotti, is-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-marda vesikolari tal-ħnieżer (2) tistipula miżuri li f’każ ta’ tifqigħa għandhom jiġu implimentati immedjatament mill-Istati Membri b’urġenza sabiex jiġi evitat aktar tixrid tal-vajrus.

(6)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda tal-infafet vesikolari (deni klassiku) tal-ħnieżer (3) tistipula l-miżuri li jridu jiġu applikat immedjatament fil-każ ta’ tifqigħa mill-Istati Membri biex jipprevjenu li l-vajrus jinxtered aktar.

(7)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistabbilixxi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta’ ċerti miżuri għall-qerda tal-mard li jittieħed elenkat fl-Artikolu 3(1).

(8)

L-Artikolu 3(6) l-ewwel inċiż tad-Deċiżjoni 2009/470/KE jistabbilixxi r-regoli dwar il-perċentwali tal-ispejjeż imġarrba mill-Istat Membru li tista’ tkun koperta mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(9)

Il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-miżuri ta’ emerġenza għall-qerda ta’ mard li jittieħed elenkat fl-Artikolu 3(1) huwa suġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (4).

(10)

Seħħew tifqigħat tal-marda vesikulari tal-ħnieżer fl-Italja fl-2011. L-awtoritajiet tal-Italja infurmaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali bil-miżuri applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-notifikazzjoni u l-eradikazzjoni tal-marda u r-riżultati tagħhom.

(11)

Seħħew tifqigħat tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja fl-2011. L-awtoritajiet tal-Litwanja infurmaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali tal-miżuri applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-notifikazzjoni u l-eradikazzjoni tal-marda u r-riżultati tagħhom.

(12)

L-awtoritajiet tal-Italja u l-Litwanja għaldaqstant issodisfaw l-obbligi tekniċi u amministrattivi kollha tagħhom fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(13)

F’dan l-istadju, l-ammont eżatt tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni ma’ tistax tiġi ddeterminata billi l-informazzjoni pprovduta fuq l-ispiża tal-kumpens u fuq in-nefqa operattiva hija biss stima. Minħabba dan l-ammont kbir involut, l-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi ffissat għal-Litwanja.

(14)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Italja

1.   Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Italja għan-nefqa li ġarrab dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri skont l-Artikolu 3(2) u (6) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, fil-ġlieda kontra l-marda vesikolari tal-ħnieżer fl-Italja fl-2011.

2.   L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi ffissat f’deċiżjoni sussegwenti li għandha tiġi adottata mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lil-Litwanja

1.   Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lil-Litwanja għan-nefqa li ġarrab dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri skont l-Artikolu 3(2) u (6) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, fil-ġlieda kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja fl-2011.

2.   L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi ffissat f’deċiżjoni sussegwenti li għandha tiġi adottata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE.

Artikolu 3

Arranġamenti għall-ħlas

L-ewwel ħlas parzjali ta’ EUR 700 000,00 għandu jitħallas bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.

(3)  ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5.

(4)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.