26.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Jannar 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2008/855/KE fir-rigward tal-bgħit ta’ ċertu laħam u ċerti prodotti tal-laħam lil Stati Membri oħra minn stabbilimenti fiż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tagħha

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 181)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/40/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/855/KE tat-3 ta' Novembru 2008 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer f'ċerti Stati Membri (3) tistipula ċerti miżuri ta' kontroll għad-deni klassiku tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew reġjuni tagħhom elenkati fl-Anness ma' dik id-Deċiżjoni.

(2)

L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2008/855/KE jipprovdi li l-Istati Membri kkonċernati miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness għandhom jiżguraw li ebda kunsinja ta’ laħam frisk tal-majjal minn stabbilimenti li jinsabu fiż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness, u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam ma jintbagħtu minn dawk iż-żoni lejn l-Istati Membri l-oħra.

(3)

Il-Parti III ta’ dak l-Anness bħalissa telenka t-territorju kollu tar-Rumanija.

(4)

Ir-Rumanija pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li s-sitwazzjoni tad-deni klassiku tal-ħnieżer f’dak l-Istat Membru marret għall-aħjar b’mod sinifikanti mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2008/855/KE.

(5)

Ir-Rumanija talbet li l-bgħit lill-Istati Membri oħra ta' laħam tal-majjal u preparazzjonijiet tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom laħam frisk minn majjali miżmumin f’dak l-Istat Membru jkun permess, kemm-il darba s-sigurtà ta’ dawk il-komoditajiet hija żgurata permezz ta’ sistema ta’ kanalizzazzjoni.

(6)

Tali sistema tkun tikkonsisti f’stabbilimenti jew f’unità epidemjoloġika waħda jew aktar li topera sistema ta’ ġestjoni ta’ bijosiġurtà komuni u katina stabbilita ta’ forniment, biex ikun żgurat status ta’ saħħa distint għad-deni klassiku tal-ħnieżer għas-subpopolazzjoni tal-majjali miżmumin hemm. Dawn l-istabbilimenti jew l-unitajiet epidemjoloġiċi jinsabu f’żoni fejn jitħaddmu s-sorveljanza, il-kontroll u l-miżuri ta' bijosigurtà.

(7)

L-istabbilimenti li jappartjenu għas-sistema ta’ kanalizzazzjoni u l-istabbilimenti li jipproduċu, jaħżnu u jipproċessaw il-laħam frisk tal-majjal u tal-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom dan il-laħam għandhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti u notifikati lill-Kummissjoni, kemm-il darba jissodisfaw l-kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/855/KE.

(8)

Barra minn hekk, il-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta’ dan il-laħam u l-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom dan il-laħam għandhom iseħħu separatament minn dak ta' prodotti oħra li jikkonsistu minn jew fihom laħam minn majjali li ġejjin minn stabbilimenti barra mis-sistema ta’ kanalizzazzjoni lokalizzati f’żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/855/KE.

(9)

Sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-laħam, il-prodotti tal-laħam u l-preparazzjonijiet tal-laħam manifatturati taħt is-sistema ta’ kanalizzazzjoni, għandhom jitwettqu spezzjonijiet regolari mill-awtorità kompetenti fl-istabbilimenti li jifformaw parti mis-sistema ta’ kanalizzazzjoni.

(10)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda tal-infafet vessikolari (deni klassiku) tal-ħnieżer (4), tistabbilixxi għadd ta' kontrolli minimi tal-Unjoni għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer. Dik id-Direttiva tistabbilixxi li, hekk kif ikun hemm konferma li seħħ każ primarju tad-deni klassiku tal-ħnieżer ta’ ħnieżer selvaġġi, sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-mard, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha immedjatament tordna numru ta' miżuri dettaljati f'dik id-Direttiva.

(11)

L-ispezzjonijiet regolari mwettqa mill-awtorità kompetenti fl-istabbilimenti li jifformaw parti mis-sistema ta’ kanalizzazzjoni għandhom jivverifikaw b'mod partikolari li dawk il-miżuri huma applikati b'mod effettiv.

(12)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/106/KE tal-1 ta' Frar 2002 li tapprova Manwal Djanjostiku li jwaqqaf proċeduri djanjostiċi, metodi tal-kampjunar u kriterji għall-istima tat-testijiet fil-laboratorju għall-konferma tad-deni klassiku tal-ħnieżer (5) tidentifika l-proċeduri tat-teħid ta' kampjuni l-aktar xierqa u l-kriterji ta’ valutazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju għal dijanjożi xierqa ta’ din il-marda f’sitwazzjonijiet differenti. Għalhekk dawk il-proċeduri u l-kriterji għandhom jintużaw matul l-ispezzjonijiet regolari mill-awtorità kompetenti fl-istabbilimenti li jifformaw parti mis-sistema ta’ kanalizzazzjoni.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (6) jipprovdi li l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ laħam frisk jitwettqu f’konformità mal-Anness I tiegħu. Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll li l-marki tas-saħħa jridu jkunu stampati meta l-kontrolli uffiċjali ma jkunux identifikaw xi nuqqasijiet li jistgħu jagħmlu l-laħam mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Konsegwentement, laħam frisk manifatturat taħt is-sistema ta’ kanalizzazzjoni għandu, sabiex ikun jista’ jintbagħat fi Stati Membri oħra, jkun immarkat b'timbru tas-saħħa stabbilit fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (7) jipprovdi li operaturi tan-negozji tal-ikel ma għandhomx jintroduċu fis-suq prodotti ta’ oriġini tal-annimali trattati fi stabbiliment soġġett għall-approvazzjoni skont ir-Regolament, sakemm ma jkollhomx marka tas-saħħa applikata skont ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jew, meta dak ir-Regolament ma jipprovdix għall-applikazzjoni tal-marka tas-saħħa, marka ta’ identifikazzjoni applikat skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004. Il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li fihom il-laħam tal-majjal manifatturati taħt sistema ta’ kanalizzazzjoni għandhom għalhekk ikunu immarkati b'marka ta' identifikazzjoni provduta fit-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, sabiex ikun permess għall-bgħit lil Stati Membri oħra.

(15)

L-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) għamel spezzjoni fir-Rumanija f'Lulju 2011. Ġew deskritti għadd ta’ nuqqasijiet sinifikattivi fl-implimentazzjoni tal-programm għall-kontroll u l-monitoraġġ tad-deni klassiku tal-ħnieżer kif ukoll fis-sistema ta’ kanalizzazzjoni proposta mir-Rumanija. Madankolllu, il-konklużjoni tar-rapport kienet li l-implimentazzjoni ta’ tali sistema f’dak l-Istat Membru għandha l-potenzjal li tiffunzjona b’mod effettiv wara li jkunu saru xi emendi relattivi. Ir-rapport tal-FVO għamel rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib ta’ dawn in-nuqqasijiet mill-awtoritajiet Rumeni. Wara il-verifika, ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni li n-nuqqasijiet identifikati matul il-verifika tranġaw wara l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni li jindirizzahom. Il-Kummissjoni eżaminat dawn il-korrezzjonijiet u tikkunsidra li dawn huma suffiċjenti biex is-sistema ta’ kanalizzazzjoni tiffunzjona b’mod effttiv.

(16)

Barra minn hekk, il-programm għall-kontroll u l-monitoraġġ tad-deni klassiku tal-ħnieżer ippreżentat mir-Rumanija kien approvat għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sal-31 ta' Diċembru 2012 permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/807/UE tat-30 ta' Novembru 2011 li tapprova programmi annwali u multiannwali u l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-eradikazjzoni, il-kontroll u l-monitoraġġ ta' ċertu mard u żoonożi tal-annimali ppreżentati mill-Istati Membri għall-2012 u s-snin ta’ wara (8). Skont dak il-programm u fil-kuntest tal-pjan ta’ azzjoni msemmi hawn fuq, ir-Rumanija implimentat miżuri ta' sorveljanza addizzjonali fir-rigward tad-deni klassiku tal-ħnieżer b'riżultati favorevoli.

(17)

Fid-dawl tad-dejta disponibbli, huwa xieraq li jkun permess il-bgħit lejn Stati Membri oħra ta’ laħam tal-majjal frisk u l-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew li fihom tali laħam minn ħnieżer miżmumin fir-Rumanija skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, kemm-il darba s-sistema ta’ kanalizzazzjoni proposta minn dak l-Istat Membru hija stabbilita.

(18)

Id-Deċiżjoni 2008/855/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(19)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 8c li ġej qed jiddaħħal fid-Deċiżjoni 2008/855/KE:

“Artikolu 8c

Il-bgħit tal-laħam frisk tal-majjal u l-preparazzjonijiet tal-laħam lil Stati Membri oħra u l-prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom tali laħam miż- żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness

1.   B’deroga mill-Artikolu 7(1), l-Istati Membri kkonċernati miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness jistgħu jawtorizzaw il-bgħit ta’ laħam frisk tal-majjal u prodotti tal-laħam u preparazzjonijiet tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam, lejn l-Istati Membri oħra kemm-il darba dawn:

(a)

jkunu ġejjin minn ħnieżer li nżammu sa mit-twelid fl-istabbilimenti:

(i)

li huma approvati għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti u nnotifikati minnha lill-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra;

(ii)

li jimplimentaw pjan ta’ bijosigurtà approvat mill-awtorità kompetenti;

(iii)

li jkunu daħlu biss ħnieżer minn stabbilimenti:

approvati f'konformità ma' din id-Deċiżjoni jew

lokalizzati f’żoni mhux elenkati fl-Anness u mhux soġġetti għal xi restrizzjonijiet għad-deni klassiku tal-ħnieżer f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni matul perjodu ta’ sitt xhur qabel l-introduzzjoni tal-ħnieżer; il-perjodu ta’ qabel id-data tal-approvazzjoni tal-istabbiliment f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni huwa inkluż f’dan il-perjodu ta’ sitt xhur;

(iv)

li huma regolarment spezzjonati mill-awtorità kompetenti f’intervalli ta’ mhux aktar minn tliet xhur; matul tali spezzjonijiet l-awtorità kompetenti għandha ta’ mill-inqas:

issegwi l-linji ta’ gwida stipulati fil-Kapitolu III tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE;

twettaq eżami kliniku skont il-proċeduri ta’ kontroll u teħid ta’ kampjuni stipulati fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE;

tivverifika li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni inċiż u fir-raba' sas-seba' inċiż tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2001/89/KE jiġu applikati effettivament;

immedjatament tissospendi jew tirtira l-approvazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità;

(v)

fejn l-annimali kienu soġġetti għall-ittestjar tal-laboratorju għad-deni klassiku tal-ħnieżer li jkun ta riżultati negattivi fuq kampjuni meħuda skont il-proċeduri tat-teħid ta’ kampjun stabbiliti fil-pjan ta’ sorveljanza għad-deni klassiku tal-ħnieżer implimentat mill-awtorità kompetenti għal perjodu ta’ mill-inqas ta’ sitt xhur qabel iċ-ċaqliq għall-biċċerija msemmija fil-punt (b);

(vi)

li huma lokalizzati fiċ-ċentru ta’ żona b’radius ta’ mill-inqas 10 km li fih l-annimali fl-istabbiliment tal-ħnieżer kienu soġġetti għall-ittestjar tal-laboratorju għad-deni klassiku tal-ħnieżer li jkun ta riżultati negattivi fuq kampjuni meħuda skont il-proċeduri tat-teħid ta’ kampjun stabbiliti fil-pjan ta’ sorveljanza għad-deni klassiku tal-ħnieżer għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur qabel iċ-ċaqliq għall-biċċerija msemmija fil-punt (b);

(vii)

li huma lokalizzati f’pajjiż li fih;

jiġi implimentat programm għall-kontroll u l-monitoraġġ tad-deni klassiku tal-ħnieżer approvat mill-Kummissjoni;

l-inċidenza u l-prevalenza tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħnieżer domestiċi u slavaġ naqqsu b’mod sinifikattiv;

l-ebda evidenza tal-virus tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-majjali ma nstabet f’dawn l-aħħar 12-il xahar;

(b)

kienu manifatturati f’biċċeriji, f’impjanti tal-qtugħ jew fi stabbilimenti tal-ipproċessar:

(i)

li huma approvati għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti u nnotifikati minnha lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra;

(ii)

fejn il-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar tal-laħam frisk u l-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam jikkonsistu minn jew fihom tali laħam eliġibbli għall-bgħit lil Stati Membri oħra jitwettqu separatament mill-produzzjoni, il-ħżin u l-ipproċessar ta’ prodotti oħra li jikkonsistu minn jew fihom laħam frisk jew preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn jew fihom laħam li ġej minn majjali li joriġinaw jew ġejjin minn stabbilimenti barra dawk approvati skont l-punt (a)(i).

2.   Il-laħam frisk tal-majjal imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun immarkat kif stipulat fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

Il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mmarkati kif stipulat fit-Taqsima 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 302, 13.11.2008, p. 19.

(4)  ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5.

(5)  ĠU L 39, 9.2.2002, p. 71.

(6)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(7)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(8)  ĠU L 322, 6.12.2011, p. 11.