|
12.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 8/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Diċembru 2011
dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Protokoll tal-2002 tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tiegħu
(2012/22/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Il-Protokoll tal-2002 tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974 (il-“Protokoll ta’ Ateni”) jirrappreżenta titjib kbir fis-sistema marbuta mar-responsabbiltà tat-trasportaturi u l-kumpens tal-passiġġieri li jinġarru bil-baħar. B’mod partikolari, dan jipprevedi responsabbiltà stretta tat-trasportatur inkluż assigurazzjoni obbligatorja, bid-dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-assiguraturi sa limiti speċifikati u regoli dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi. Għaldaqstant, il-Protokoll ta’ Ateni huwa konformi mal-għan tal-Unjoni li jittejjeb ir-reġim legali marbut mar-responsabbiltà tat-trasportaturi. |
|
(2) |
Il-Protokoll ta’ Ateni jimmodifika l-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974 (“il-Konvenzjoni ta’ Ateni”) u fl-Artikolu 15 jistabbilixxi li ż-żewġ strumenti għandhom jinqraw u jiġu interpretati flimkien bħala strument wieħed u uniku bejn il-Partijiet tal-Protokoll ta’ Ateni. |
|
(3) |
Il-maġġoranza tar-regoli tal-Protokoll ta’ Ateni ġew inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi ta’ passiġġieri bil-baħar fil-każ ta’ aċċidenti (1). Għalhekk l-Unjoni eżerċitat kompetenza fir-rigward tal-materji rregolati minn dak ir-Regolament. L-Istati Membri, madanakollu, jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Ateni, bħall-klawsola ta’ non-parteċipazzjoni li biha huma jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ responsabbiltà li huma ogħla minn dawk stipulati fl-ambitu tal-Protokoll ta’ Ateni. Il-materji tal-kompetenza tal-Istati Membri taħt il-Protokoll ta’ Ateni u dawk li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni huma interdipendenti. Għalhekk f’materji ta’ kompetenza tagħhom taħt il-Protokoll ta’ Ateni, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod koordinat, filwaqt li jikkunsidraw l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tagħhom. |
|
(4) |
Il-Protokoll ta’ Ateni huwa miftuħ għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni mill-Istati u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li huma kostitwiti minn Stati sovrani li ttrasferew il-kompetenza f’ċerti materji rregolati mill-Protokoll lil dawk l-Organizzazzjonijiet. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 17(2)(b) u l-Artikolu 19 tal-Protokoll ta’ Ateni, l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika jistgħu jikkonkludu l-Protokoll ta’ Ateni. |
|
(6) |
F’Ottubru 2006, il-Kumitat Legali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali adotta r-Riserva u l-Linji Gwida tal-IMO għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ateni (“il-Linji Gwida tal-IMO”) sabiex jiġu indirizzati ċerti materji fil-Konvenzjoni ta’ Ateni, bħal, b’mod partikolari l-kumpens għal ħsarat marbutin mat-terroriżmu. |
|
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 392/2009 jirriproduċi fl-annessi tiegħu id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-verżjoni kkonsolidata tal-Konvenzjoni ta’ Ateni kif emendata mill-Protokoll ta’ Ateni u l-Linji Gwida tal-IMO. |
|
(8) |
Skont it-termini tal-Artikolu 19 tal-Protokoll ta’ Ateni, l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika għandha tiddikjara, fil-mument tal-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni tagħha, il-punt safejn hija kompetenti fir-rigward tal-materji rregolati mill-Protokoll. |
|
(9) |
Konsegwentement, l-Unjoni, għandha taderixxi għall-Protokoll ta’ Ateni u tagħmel ir-riserva imniżżla fil-Linji Gwida tal-IMO. Il-fatt li ssir tali riserva m’għandux ikun interpretat bħala l-alterazzjoni tad-diviżjoni attwali tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni u l-kontrolli mill-awtoritajiet tal-Istat. |
|
(10) |
Ċerti dispożizzjonijiet taħt il-Protokoll ta’ Ateni jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE. Deċiżjoni separata li tirrigwarda dawk id-dispożizzjonijiet ser tiġi adottata b’mod parallel għal din id-Deċiżjoni. |
|
(11) |
L-Istati Membri li għandhom jirratifikaw jew jaderixxu għall-Protokoll ta’ Ateni għandhom, jekk possibbli, jagħmlu hekk simultanjament. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jikkondividu informazzjoni dwar l-istat tal-proċeduri ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni tagħhom sabiex jippreparaw safejn possibbli għad-depożitu simultanju tal-istrumenti ta’ ratifika jew ta’ adeżjoni tagħhom. Meta jkunu qegħdin jirratifikaw jew jaderixxu għall-Protokoll ta’ Ateni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riserva msemmija fil-Linji Gwida tal-IMO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Protokoll tal-2002 tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974 (il-“Protokoll ta’ Ateni”) b’dan hija approvata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ materji li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, bl-eżżezzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tiegħu.
It-test tal-Protokoll ta’ Ateni, għajr l-Artikoli 10 u 11, huwa riprodott fl-Anness.
Artikolu 2
1. Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta’ adeżjoni tal-Unjoni għall-Protokoll ta’ Ateni skont l-Artikoli 17(2)(c), 17(3) u 19 ta’ dak il-Protokoll.
2. Fil-mument meta jiġi ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni ta’ kompetenza li ġejja:
|
“1. |
L-Artikolu 19 tal-Protokoll ta’ Ateni tal-2002 għall-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974 jipprevedi li l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li huma kostitwiti minn Stati sovrani u li trasferew il-kompetenza f’ċerti materji rregolati minn dak il-Protokoll lilhom jistgħu jiffirmawh, bil-kondizzjoni li jagħmlu d-dikjarazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu. L-Unjoni ddeċidiet li taderixxi għall-Protokoll ta’ Ateni u għalhekk qed tagħmel din id-dikjarazzjoni. |
|
2. |
Il-Membri attwali tal-Unjoni Ewropa huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. |
|
3. |
Din id-dikjarazzjoni ma tapplikax fil-każ għal territorji tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li fihom ma japplikax it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u hija mingħajr preġudizzju għal dawk l-atti jew il-pożizzjonijiet li jistgħu jiġu adottati skont il-Protokoll mill-Istati Membri kkonċernati f’isem dawk it-territorji u fl-interess tagħhom. |
|
4. |
L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kkonferixxew il-kompetenza esklussiva lill-Unjoni fir-rigward tal-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 100 tat-TFUE. Tali miżuri ġew adottati fir-rigward tal-Artikoli 1 u 1(a), l-Artikolu 2(2), l-Artikoli 3 sa 16 u l-Artikoli 18, 20 u 21 tal-Konvenzjoni ta’ Ateni kif emendata bil-Protokoll ta’ Ateni u bid-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-IMO, permezz tar-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi ta’ passiġġieri bil-baħar fil-każ ta’ aċċidenti. |
|
5. |
L-eżerċizzju ta’ kompetenza li l-Istati Membri ttrasferixxew lill-Unjoni Ewropea skont it-TFUE, fin-natura tiegħu, huwa suġġett għal żvilupp kontinwu. Fil-qafas tat-TFUE, l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-punt safejn l-Unjoni Ewropea hija kompetenti. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea tirriserva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni f’dan is-sens, mingħajr ma dan jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ materji rregolati mill-Protokoll ta’ Ateni. L-Unjoni Ewropea ser tinnotifika d-dikjarazzjoni emendata lis-Segretarju-Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.”. |
3. Il-persuna jew il-persuni maħtura skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jagħmlu r-riserva msemmija fil-Linji Gwida tal-IMO meta jiddepożitaw l-istrument ta’ adeżjoni tal-Unjoni għall-Protokoll ta’ Ateni.
Artikolu 3
L-Unjoni għandha tiddepożita l-istrument ta’ adeżjoni tagħha għall-Protokoll ta’ Ateni sal-31 ta’ Diċembru 2011.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika ta’, jew tal-adeżjoni għall-Protokoll ta’ Ateni fi żmien raġonevoli u, jekk possibbli, sal-31 ta’ Diċembru 2011.
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riserva msemmija fil-Linji Gwida tal-IMO meta jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika ta’, jew ta’ adeżjoni għall-Protokoll ta’ Ateni.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
S. NOWAK
ANNESS
PROTOKOLL TAL-2002 GĦALL-KONVENZJONI TA’ ATENI DWAR IL-ĠARR BIL-BAĦAR TA’ PASSIĠĠIERI U L-BAGALJI TAGĦHOM, 1974
L-ISTATI PARTIJIET GĦAL DAN IL-PROTOKOLL,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li huwa mixtieq li tiġi riveduta l-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, li saret f’Ateni fit-13 ta’ Diċembru 1974, biex jiġi previst kumpens imsaħħaħ, tiġi introdotta responsabbiltà stretta, tiġi stabbilita proċedura simplifikata biex jiġu aġġornati ammonti tal-limitazzjoni, u biex tiġi żgurata l-assigurazzjoni obbligatorja għall-benefiċċju tal-passiġġieri,
FILWAQT LI JFAKKRU li l-Protokoll tal-1976 għall-Konvenzjoni jintroduċi d-Dritt Speċjali ta’ Ġbid bħala l-Unità tal-Kont minflok il-franki tad-deheb.
WARA LI NNOTAW li l-Protokoll tal-1990 għall-Konvenzjoni, li jipprevedi kumpens imsaħħaħ u proċedura simplifikata biex jiġu aġġornati ammonti tal-limitazzjoni, ma daħalx fis-seħħ,
QABLU kif ġej:
Artikolu 1
Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll:
|
1. |
“Konvenzjoni” tfisser it-test tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974. |
|
2. |
“Organizzazzjoni” tfisser l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. |
|
3. |
“Segretarju-Ġenerali” tfisser is-Segretarju-Ġenerali tal-Organizzazzjoni. |
Artikolu 2
L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni jinbidel bit-test li ġej:
|
“1. |
|
Artikolu 3
1. L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni huwa sostitwit bit-test li ġej:
“10. “Organizzazzjoni” tfisser l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.”.
2. It-test li ġej jinżied bħala l-Artikolu 1(11) tal-Konvenzjoni:
“11. “Segretarju-Ġenerali” tfisser is-Segretarju-Ġenerali tal-Organizzazzjoni.”.
Artikolu 4
L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni huwa sostitwit bit-test li ġej:
“Artikolu 3
Responsabbiltà tat-trasportatur
1. Għat-telf li ġarrab passiġġier minħabba mewt jew korriment ikkawżati minn inċident bil-bastiment, min iġorr għandu jkun obbligat sa tali punt li dak it-telf li ġarrab il-passiġġier f’kull okkażjoni separata ma jkunx aktar minn 250,000 unità tal-kont, sakemm min iġorr ma jġibx provi li l-inċident:
|
(a) |
kien riżultat ta’ att ta’ gwerra, ġlied, gwerra ċivili, reżistenzi jew fenomu naturali ta’ natura eċċezzjonali, inevitabbli u irreżistibbli; jew |
|
(b) |
kien ikkawżat totalment minn att jew ommissjoni bl-intenzjoni li terza parti tikkawża l-inċident. |
Jekk u sal-punt li t-telf jeċċedi l-ogħla limitu, min iġorr għandu jkun obbligat iktar sakemm ma jġibx provi li l-inċident li kkawża t-telf ġara mingħajr tort jew negliġenza min-naħa tiegħu.
2. Għat-telf li jġarrab passiġġier minħabba mewt jew korriment li mhux ikkawżat minn inċident bil-bastiment, min iġorr għandu jkun obbligat jekk l-inċident li wassal għat-telf kien tort jew minħabba negliġenza tiegħu. Ir-responsabbilta' biex jiġi ppruvat it-tort jew negliġenza għandha taqa’ fuq ir-rikorrent.
3. Għat-telf li jiġġarrab minħabba telf jew ħsara tal-bagalji fil-kabina, min iġorr għandu jkun obbligat jekk l-inċident li wassal għat-telf kien tort jew minħabba negliġenza tiegħu. It-tort jew in-negliġenza ta’ min iġorr għandhom jitqiesu għal telf ikkawżat minħabba inċident bil-bastiment.
4. Għat-telf li jiġġarrab minħabba telf jew ħsara lill-bagalji barra l-bagalji fil-kabini, min iġorr għandu jkun obbligat sakemm hu ma jġibx provi li l-inċident li wassal għat-telf ġara mingħajr ma kellu tort jew minħabba negliġenza min-naħa tiegħu.
5. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:
|
(a) |
“inċident bil-bastiment” ifisser meta bastiment jegħreq, jinqaleb, jaħbat jew jieqaf, ikun hemm splużjoni jew nar fuq il-bastiment, jew difett fil-bastiment; |
|
(b) |
“tort jew negliġenza ta’ min iġorr” tinkludi t-tort jew negliġenza tal-qaddejja ta’ min iġorr, li jaġixxu fl-iskop tal-impjieg tagħhom; |
|
(ċ) |
“difett fil-bastiment” tfisser kull ħsara, nuqqas jew nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti applikabbli dwar is-sigurtà fil-każ ta’ xi parti mill-bastiment jew it-tagħmir tiegħu meta jkunu użati biex jaħarbu, jiġu evakwati, jimbarkaw u jiżbarkaw il-passiġġieri; jew meta jkunu użati biex isuqu, idawru, ibaħħru b’mod sigur, jitqiegħed l-irmiġġ, jankraw, jaslu fi jew iħallu l-moll jew fejn ikunu ankrati, jew għall-kontroll tal-ħsara wara li jimtela bl-ilma; jew meta jkun użat biex jintefa’ tagħmir li jsalva l-ħajjiet; u |
|
(d) |
“it-telf” m’għandux jinkludi ħsarat severi ħafna jew tajbin ħafna. |
6. Ir-responsabbiltà ta’ min iġorr taħt dan l-Artiklu tirrigwarda biss it-telf li jinqala’ minħabba inċidenti li saru waqt il-ġarr. Ir-responsabbilta' biex ikun pruvat li l-inċident li wassal għat-telf ġara waqt il-ġarr, u l-kobor tat-telf, għandhom jaqgħu fuq ir-rikorrent.
7. L-ebda ħaġa f’din il-Konvenzjoni m’għandha tippreġudika kull dritt ta’ rikors minn min iġorr kontra terza parti, jew biex jiddefendi n-negliġenza kontributorja taħt l-Artikolu 6 ta’ din il-Konvenzjoni. L-ebda ħaġa f’dan l-Artikolu m’għandha tippreġudika kull dritt ta’ limitazzjoni taħt Artikoli 7 jew 8 ta’ din il-Konvenzjoni.
8. Meta jkun hemm preżunzjonijiet dwar tort jew negliġenza ta’ parti jew ir-responsabbilta' tal-provi tintefa’ fuq xi parti dawn m’għandhomx iżommu milli titqies evidenza favur dik il-parti.”.
Artikolu 5
It-test li ġej jinżied bħala l-Artikolu 4bis tal-Konvenzjoni:
“Artikolu 4bis
Assigurazzjoni obbligatorja
1. Meta passiġġieri jinġarru abbord bastiment reġistrat fi Stat Parti li hu reġistrat biex iġorr aktar minn tnax-il passiġġier, u din il-Konvenzjoni tapplika, kull min iġorr li fil-verita' jagħmel il-ġarr kollu jew parti minnu għandu jżomm assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja oħra, bħal garanzija ta’ bank jew istituzzjoni finanzjarja simili, biex ikopri r-responsabbiltà taħt din il-Konvenzjoni rigward mewt u korriment lill-passiġġieri. Il-limitu tal-assigurazzjoni obbligatorja jew xi sigurta' finanzjarja oħra m’għandhiex tkun inqas minn 250 000 unità tal-kont għal kull passiġġier f’kull okkażjoni distinta.
2. Ċertifikat li jiddikjara li dik l-assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja oħra qiegħda fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandu jinħareġ lil kull bastiment wara li l-awtorita' addattata ta’ Stat Parti tkun iddeterminat li l-ħtiġijiet ta’ paragrafu 1 intlaħqu. Fil-każ ta’ bastiment reġistrat fi Stat Parti, dak iċ-ċertifikat għandu jinħareġ jew ikun ċertifikat mill-awtorita' addattata tal-Istat tar-reġistru tal-bastiment; fil-każ ta’ bastiment mhux reġistrat fi Stat Parti jista’ jinħareġ jew ikun ċertifikat mill-awtorita' addattata ta’ kwalunkwe Stat Parti. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun forma tal-mudell mogħti fl-anness għal din il-Konvenzjoni u għandu jkun fih id-dettalji li ġejjin:
|
(a) |
l-isem tal-bastiment, numru distintiv jew ittri u l-port tar-reġistru; |
|
(b) |
l-isem u l-post prinċipali tan-negozju ta’ min iġorr li fil-fatt jagħmel il-vjaġġ kollu jew parti mill-vjaġġ; |
|
(ċ) |
in-numru ta’ identifikazzjoni IMO tal-bastiment; |
|
(d) |
tip u tul ta’ żmien tas-sigurta'; |
|
(e) |
l-isem u l-post prinċipali tan-negozju tal-assiguratur jew persuna oħra li tagħti sigurta' finanzjarja u, fejn jixraq, il-post tan-negozju fejn hi stabbilita l-assigurazzjoni jew xi sigurta' oħra finanzjarja; u |
|
(f) |
il-perjodu tal-validita' taċ-ċertifikat, li m’għandux ikun itwal mill-perjodu ta’ validita' tal-assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja oħra. |
|
3. |
|
4. Iċ-ċertifikat għandu jkun bil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat emittenti. Jekk il-lingwa użata mhix Ingliż, Franċiż jew Spanjol, it-test għandu jkun fih traduzzjoni f’waħda minn dawn il-lingwi, u, fejn l-Istat jiddeċiedi hekk, il-lingwa uffiċjali tal-Istat jista’ jitneħħa.
5. Iċ-ċertifikat għandu jinġarr abbord il-bastiment, u kopja tiegħu għandha titħalla mal-awtoritajiet li jżommu rekord tar-reġistru tal-bastiment jew, jekk il-bastiment mhux reġistrat fi Stat Parti, mal-awtorita' tal-Istat li ħareġ jew iċċertifika ċ-ċertifikat.
6. Assigurazzjoni jew sigurta' finanzjarja oħra m’għandhiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu jekk tieqaf milli, għal raġunijiet barra li jiskadi l-perjodu ta’ validita' tal-assigurazzjoni jew sigurta' speċifikata fiċ-ċertifikat, qabel ma jgħaddu tliet xhur mid-data li fiha jingħata avviż tat-tmiem tagħha lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 5, sakemm iċ-ċertifikat ma ngħatax lura lil dawn l-awtoritajiet u nħareġ ieħor ġdid fl-istess perjodu. Id-dispożizzjonijiet imsemmija qabel għandhom bl-istess mod japplikaw għal kull modifika li twassal biex l-assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja oħra ma tibqax tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ dan l-Artikolu.
7. L-Istat tar-reġistru tal-bastiment għandu, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, jiddetermina l-kondizzjonijiet dwar il-ħruġ u l-validita' taċ-ċertifikat.
8. L-ebda ħaġa f’din il-Konvenzjoni m’għandha tkun interpretata li qiegħda żżomm Stat Parti milli jserraħ fuq informazzjoni miksuba minn Stati oħra jew mill-Organizzazzjoni jew xi organizzazzjonijiet oħra internazzjonali marbuta mal-pożizzjoni finanzjarja tal-assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja oħra għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni. F’dawk il-każijiet, l-Istat Parti dependenti minn tali informazzjoni mhux eżentat mir-responsabbilta' tiegħu bħala Stat li joħroġ iċ-ċertifikat.
9. Ċertifikati maħruġa jew iċċertifikati taħt l-awtorita' ta’ Stat Parti għandhom ikunu aċċettati minn Stati Partijiet oħra għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni u għandhom jitqiesu minn Stati Partijiet li għandhom l-istess forza bħaċ-ċertifikati maħruġa minnhom, anki jekk maħruġa jew iċċertifikati fil-każ ta’ bastiment mhux reġistrat fi Stat Parti. Stat Parti jista’ meta jrid jitlob li jikkonsulta mal-Istat li ħarġu jew iċċertifikah jekk jemmen li l-assiguratur jew il-garantur imsemmi fiċ-ċertifikat tal-assigurazzjoni mhux finanzjarjament kapaċi jilħaq l-obbligi imposti b’din il-Konvenzjoni.
10. Kwalunkwe talba għall-kumpens koperta b’assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja skont dan l-Artikolu tista’ titressaq direttament kontra l-assiguratur jew xi persuna oħra li tipprovdi sigurta' finanzjarja. F’tali każ, l-ammont imniżżel fil-paragrafu 1 jgħodd bħala l-limitu tar-responsabbiltà tal-assiguratur jew persuna oħra li tagħti sigurta' finanzjarja, anke jekk min iġorr jew min qed jagħmel l-att tal-ġarr mhux intitolat għal-limitazzjoni ta’ responsabbiltà. Id-difensur jista’ jappella ulterjorment id-difiżi (ħlief falliment jew xoljiment) li min iġorr imsemmi fil-paragrafu 1 kien ikun intitolat biex jappella skont din il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, id-difensur jista’ jappella l-każ li l-ħsara ġrat minħabba n-nuqqas ta’ mġiba tajba intenzjonata tal-assiguratur, iżda d-difensur m’għandux jappella xi każ ieħor li hu seta’ kien intitolat biex jappella fil-passi li jieħu l-assiguratur kontra d-difensur. Id-difensur għandu fi kwalunkwe każ għandu dritt jitlob lil min iġorr u lil min qed jagħmel l-att tal-ġarr biex jidħlu fil-proċedimenti.
11. Kwalunkwe somma li tagħti l-assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja oħra miżmuma skont paragrafu 1 għandha tkun disponibbli esklussivament għas-sodisfazzjon tat-talbiet taħt din il-Konvenzjoni, u kwalunkwe ħlas li jsir ta’ dawk l-ammonti għandu jneħħi kull responsabbiltà li ġġib magħha din il-Konvenzjoni rigward l-ammont tas-somom imħallsa.
12. Stat Parti m’għandux iħalli bastiment bil-bandiera tiegħu li għalih japplika dan l-Artikolu biex jopera fi kwalunkwe ħin sakemm ma jkunx inħareġ ċertifikat taħt paragrafi 2 sa 15.
13. Soġġet għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Parti għandu jiżgura, permezz tal-liġi nazzjonali, li l-assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja oħra, safejn hu speċifikat fil-paragrafu 1, tkun fis-seħħ fil-każ ta’ kwalunkwe bastiment li hu liċenzjat biex iġorr aktar minn tnax-il passiġġier, kull fejn hu reġistrat, li jidħol jew jitlaq minn port fit-territorju tiegħu safejn tapplika din il-Konvenzjoni.
14. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ paragrafu 5, Stat Parti jista’ jgħarraf lis-Segretarju-Ġenerali li, għall-finijiet ta’ paragrafu 13, bastimenti mhumiex meħtieġa jġorru abbord jew jipproduċu ċ-ċertifikat meħtieġ fil-paragrafu 2 meta jidħlu jew jitilqu minn portijiet fit-territorju tiegħu, dejjem jekk l-Istat Parti li joħroġ iċ-ċertifikat ikun għarraf lis-Segretarju-Ġenerali li hu jżomm rekords f’format elettroniku, aċċessibbli għall-Istati Prtijiet kollha, li jiddikjara l-eżistenza taċ-ċertifikat u jippermetti lill-Stati Partijiet biex ikunu xolti mill-obbligi tagħhom taħt paragrafu 13.
15. Jekk l-assigurazzjoni jew xi sigurta' finanzjarja oħra ma tinżammx fir-rigward ta’ bastiment li għandu Stat Parti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu marbuta miegħu m’għandhomx japplikaw għal tali bastiment, iżda l-bastiment għandu jġorr ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet addattati tal-Istat tar-reġistru tal-bastiment, li jistqarr li l-bastiment huwa ta’ dak l-Istat u li r-responsabbiltà hi koperta bl-ammont preskritt skont paragrafu 1. Dak iċ-ċertifikat għandu kemm jista’ jkun isegwi l-mudell preskritt fil-paragrafu 2.”.
Artikolu 6
L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni jinbidel bit-test li ġej:
“Artikolu 7
Limitu ta’ responsabbiltà għal mewt u korriment
1. Ir-responsabbiltà ta’ min iġorr għal mewt jew korriment ta’ xi passiġġier taħt l-Artikolu 3 m’għandhiex taqbeż l-400 000 unità tal-kont għal kull passiġġier f’kull okkażjoni distinta. Meta, skont il-liġi tal-qorti li qed tismal-każ, il-ħsarat jitħallsu f’forma ta’ pagamenti perjodiċi tad-dħul, il-valur tal-kapital ekwivalenti ta’ dawk il-pagamenti m’għandux jaqbeż il-limitu msemmi.
2. Stat Parti jista’ jirregola permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali l-limitu ta’ responsabbiltà prevista fil-paragrafu 1, dment li dak il-limitu nazzjonali ta’ responsabbiltà, jekk hemm, mhux anqas minn dak previst fil-paragrafu 1. Stat Parti, li jagħmel użu mill-għażla prevista f’dan il-paragrafu previst, għandu jinforma lis-Segretarju-Ġenerali dwar il-limitu ta’ responsabbiltà adottat jew dwar il-fatt li m’hemm l-ebda wieħed.”.
Artikolu 7
L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni jinbidel bit-test li ġej:
“Artikolu 8
Limitu ta’ responsabbiltà għal telf ta’ jew ħsara lill-bagalji u lill-vetturi
1. Ir-responsabbiltà ta’ min iġorr għal telf ta’ jew ħsara lill-bagalji fil-kabina m’għandha fl-ebda każ tkun aktar minn 2,250 unità tal-kont għal kull passiġġier, kull vjaġġ.
2. Ir-responsabbiltà ta’ min iġorr għal telf ta’ jew ħsara lill-vetturi inkluż il-bagalji kollha li jinġarru fil- jew fuq il-vettura m’għandha fl-ebda każ tkun aktar minn 12,700 unità tal-kont għal kull vettura, kull vjaġġ.
3. Ir-responsabbiltà ta’ min iġorr għal telf ta’ jew ħsara lill-bagalji barra dawk imsemmija f’paragrafi 1 u 2 m’għandha fl-ebda każ tkun aktar minn 3,375 unità tal-kont għal kull passiġġier, kull vjaġġ.
4. Min iġorr u l-passiġġier jistgħu jaqblu li r-responsabbiltà ta’ min iġorr għandha tkun soġġetta għal tnaqqis li ma jaqbiżx it-330 unità tal-kont f’każ ta’ ħsara lil xi vettura u li ma jaqbiżx 149 unità tal-kont għal kull passiġġier f’każ ta’ telf ta’ jew ħsara lil xi bagalji oħra, liema somma trid titnaqqas mit-telf jew mill-ħsara.”.
Artikolu 8
L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni jinbidel bit-test li ġej:
“Artikolu 9
Unità tal-Kont u konverżjoni
1. Il-Unità tal-Kont imsemmija f’din il-Konvenzjoni hija d-Dritt Speċjali ta’ Ġbid kif imfisser fil-Fond Monetarju Internazzjonali. L-ammonti msemmija fl-Artikolu 3, paragrafu 1, l-Artikolu 4bis, paragrafu 1, l-Artikolu 7, paragrafu 1, u l-Artikolu 8 għandhom jiġu kkonvertiti fil-munita nazzjonali tal-Istat tal-qorti li qed tismal-każ skont il-valur ta’ dik il-munita b’referenza għad-Dritt Speċjali ta’ Ġbid fid-data tas-sentenza jew id-data maqbula mill-partijiet. Il-valur tal-munita nazzjonali, fil-każ tad-Dritt Speċjali ta’ Ġbid, ta’ Stat Parti li hu membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali, għandu jkun stmat skont il-metodu ta’ valutazzjoni applikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali fis-seħħ fid-data msemmija għall-operat u t-tranżazzjonijiet tiegħu. Il-valur tal-munita nazzjonali, skont id-Dritt Speċjali ta’ Ġbid, ta’ Stat Parti li mhux membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali, għandu jkun ikkalkulat b’mod determinat minn dak l-Istat Parti.
2. Madankollu, Stat li mhux membru tal-Fond Monetarju Internazzjonali u li l-liġi tiegħu ma tippermettix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ paragrafu 1 jista’, meta ssir ir-ratifika, tiġi aċċettata, approvata jew tissieħeb f’din il-Konvenzjoni jew fi kwalunkwe ħin wara dan, tiddikjara li dak il-Unità tal-Kont imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun daqs 15-il frank tad-deheb. Il-frank tad-deheb imsemmi f’dan il-paragrafu jikkorrispondi għal ħamsa u sittin milligramma u nofs ta’ deheb ta’ finezza milleżima ta’ disa’ mija. It-tisrif tal-frank tad-deheb fil-munita nazzjonali għandu jsir skont il-liġi tal-Istat konċernat.
3. Il-kalkulazzjoni msemmija fl-aħħar sentenza ta’ paragrafu 1, u l-konverżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir b’tali mod biex tesprimi fil-munita nazzjonali tal-Istati Partijiet, safejn hu possibbli, l-istess valur reali tal-ammonti fl-Artikolu 3, paragrafu 1, l-Artikolu 4bis, paragrafu 1, l-Artikolu 7, paragrafu 1 u l-Artikolu 8 bħalma kieku jirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel tliet sentenzi ta’ paragrafu 1. L-Istati għandhom jgħarrfu lis-Segretarju-Ġenerali dwar il-metodu ta’ kalkulazzjoni skont paragrafu 1, jew ir-riżultat tal-konverżjoni fil-paragrafu 2, kif jista’ jagħti l-każ, meta jiddepożitaw strument għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għal din il-Konvenzjoni u kull meta jkun hemm bidla fi kwalunkwe waħda minnhom.”.
Artikolu 9
L-Artikolu 16(3) tal-Konvenzjoni huwa sostitwit bit-test li ġej:
“3. Il-liġi tal-Qorti li qed tismal-każ għandha tirregola r-raġunijiet għas-sospensjoni u l-interruzzjoni tal-perijodi ta’ limitazzjoni, iżda fl-ebda każ m’għandha tittieħed azzjoni taħt din il-Konvenzjoni wara li jiskadi kwalunkwe wieħed minn dawn il-perjodi ta’ żmien li ġejjin:
|
(a) |
Perijodu ta’ ħames snin li jibda bid-data ta’ diżembark tal-passiġġier jew mid-data meta d-diżembark kollu jseħħ, liema minnhom hi aktar tard; jew, jekk aktar kmieni |
|
(b) |
perijodu ta’ tliet snin li jibda mid-data meta r-rikorrent kien jaf jew raġonevolment kellu jkun jaf bil-korriment, it-telf jew il-ħsara kkawżati bl-inċident.”. |
Artikolu 10
[mhux riprodott]
Artikolu 11
[mhux riprodott]
Artikolu 12
L-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni huwa sostitwit bit-test li ġej:
“Artikolu 18
Invalidità ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali
Kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali konkluża qabel ma jseħħ inċident li jkun ikkawża l-mewt jew il-korriment fuq il-persuna ta’ passiġġier jew it-telf jew il-ħsara lill-bagalji tal-passiġġier, intiża biex teħles kwalunkwe persuna responsabbli taħt din il-Konvenzjoni mir-responsabbiltà lejn il-passiġġier jew biex tippreskrivi limitu aktar baxx ta’ responsabbiltà minn dak iffissat f’din il-Konvenzjoni ħlief kif previst fl-Artikolu 8, paragrafu 4, u kull dispożizzjoni simili bil-għan li tneħħi r-responsabbiltà tal-prova minn fuq it-trasportatur jew mit-trasportatur prestanti, jew li jkollha l-effett li tnaqqas l-għażliet speċifikati fl-Artikolu 17, paragrafi 1 jew 2, għandha tiġi nulla u bla effett, iżda n-nullità ta’ dik id-dispożizzjoni m’għandhiex tagħmel bla effett il-kuntratt tal-ġarr li għandu jibqa’ soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.”.
Artikolu 13
L-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni huwa sostitwit bit-test li ġej:
“Artikolu 20
Ħsara nukleari
L-ebda responsabbiltà m’għandha tinħoloq taħt din il-Konvenzjoni għall-ħsara kkawżata minħabba inċident nukleari:
|
(a) |
jekk l-operatur ta’ installazzjoni nukleari hu responsabbli minn tali ħsara jew taħt il-Konvenzjoni ta’ Pariġi tad-29 ta’ Lulju 1960 dwar Responsabbiltà ta’ Parti Terża fil-Qasam tal-Enerġija Nukleari kif emendata bil-Protokoll Addizzjonali tat-28 ta’ Jannar 1964, jew il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-21 ta’ Mejju 1963 dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Ħsara Nukleari, jew xi emenda jew Protokoll marbut magħha li hu fis-seħħ; jew |
|
(b) |
jekk l-operatur ta’ installazzjoni nukleari jkun responsabbli għal dik il-ħsara permezz ta’ liġi nazzjonali li tkopri responsabbiltà għal dik il-ħsara, demnt li tali liġi tkun f’kull aspett favorevoli għal persuni li jistgħu jġarrbu ħsara bħal jew il-Konvenzjoni ta’ Pariġi jew ta’ Vjenna jew xi emenda jew Protokoll marbut magħha li hu fis-seħħ.”. |
Artikolu 14
Ċertifikat mudell
1. Iċ-ċertifikat mudell imniżżel fl-Anness għal dan il-Protokoll għandu jiġi inkorporat bħala anness għall-Konvenzjoni.
2. It-test li ġej huwa jinżied bħala l-Artikolu 1bis tal-Konvenzjoni:
“Artikolu 1bis
Anness
L-Anness għal din il-Konvenzjoni għandu jikkostitwixxi parti integrali mill-Konvenzjoni.”.
Artikolu 15
Interpretazzjoni u applikazzjoni
1. Il-Konvenzjoni u dan il-Protokoll, bejn il-Partijiet għal dan il-Protokoll, għandhom jinqraw u jiġu interpretati flimkien bħala strument uniku.
2. Il-Konvenzjoni kif riveduta b’dan il-Protokoll għandha tapplika biss għal talbiet li jirriżultaw minn okkorrenzi li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll għal kull Stat.
3. L-Artikoli 1 sa 22 tal-Konvenzjoni, kif riveduta permezz ta’ dan il-Protokoll, flimkien mal-Artikoli 17 sa 25 ta’ dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu, għandhom jikkostitwixxu u jissejħu l-Konvenzjoni ta’Ateni marbuta mal-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 2002.
Artikolu 16
It-test li ġej jinżied bħala l-Artikolu 22bis tal-Konvenzjoni:
“Artikolu 22bis
Klawżoli finali tal-Konvenzjoni
Il-klawżoli finali ta’ din il-Konvenzjoni għandhom ikunu l-Artikoli 17 sa 25 tal-Protokoll tal-2002 għall-Konvenzjoni ta’ Ateni marbuta mal-Ġarr ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom bil-Baħar, 1974. Referenzi f’din il-Konvenzjoni għal Stati Parti għandhom jitqiesu li jfissru referenzi għal Stati Parti għal dan il-Protokoll.”.
KLAWŻOLI FINALI
Artikolu 17
L-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni u l-adeżjoni
1. Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-iffirmar fil-Kwartieri tal-Organizzazzjoni mill-1 ta’ Mejju 2003 sat-30 ta’ April 2004 u għandu minn hemm ‘il quddiem jibqa’ miftuħ għal adeżjoni.
2. L-Istati jistgħu jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b’dan il-Protokoll billi:
|
(a) |
jiffirmaw mingħajr riżerva dwar ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni; jew |
|
(b) |
jiffirmaw soġġett għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni b’segwitu għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni; jew |
|
(ċ) |
adeżjoni. |
3. Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għandhom jiġu affettwati b’ depożitu strument għal dak il-għan mas-Segretarju-Ġenerali.
4. Kwalunkwe strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni depożitat wara d-dħul fis-seħħ ta’ xi emenda għal dan il-Protokoll fil-każ tal-Stati Partijiet kollha eżistenti, jew wara t-tlestija fil-miżuri kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ l-emenda fir-rigward ta’ dawk l-Istati Partijiet għandu jitqies li japplika għal dan il-Protokoll kif modifikat mill-emenda.
5. Stat m’għandux jesprimi l-kunsens tiegħu li jintrabat b’dan il-Protokoll sakemm, jekk ikun Parti minnu, jiddenunċja:
|
(a) |
il-Konvenzjoni ta’ Ateni Marbuta mal-Ġarr ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom bil-Baħar, magħmul f’Ateni fit-13 ta’ Diċembru 1974; |
|
(b) |
il-Protokoll għall-Konvenzjoni ta’ Ateni marbuta mal-Ġarr ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom bil-Baħar, magħmul f’Londra fid-19 ta’ Novembru 1976; u |
|
(ċ) |
il-Protokoll tal-1990 jemenda l-Konvenzjoni ta’ Ateni marbuta mal-Ġarr ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom bil-Baħar, magħmul f’Londra fid-19 ta’ Marzu 1990, |
b’effett minn meta dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ f’dak l-Istat, f’konformità mal-Artikolu 20.
Artikolu 18
Stati b’aktar minn sistema waħda ta’ liġi
1. Jekk Stat ikollu żewġ unitajiet territorjali jew aktar li fihom sistemi differenti ta’ liġijiet huma applikabbli fir-rigward tas-suġġetti trattati f’dan il-Protokoll, jista’ meta jsiru l-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni jiddikjara li dan il-Protokoll għandu jestendi għall-unitajiet territorjali tiegħu kollha jew biss għal waħda jew aktar minnhom, u jista’ jimmodifika din id-dikjarazzjoni billi jippreżenta dikjarazzjoni oħra fi kwalunkwe ħin.
2. Kwalunkwe tali dikjarazzjoni għandha tiġi nnotifikata lis-Segretarju-Ġenerali u għandha tiddkjara espressament l-unitajiet territorjali li għalihom japplika dan il-Protokoll.
3. Fir-rigward ta’ Stat Parti li għamel tali dikjarazzjoni:
|
(a) |
referenzi għall-Istat tar-reġistru tal-bastiment u, fir-rigward ta’ ċertifikat obbligatorju ta’ assigurazzjoni, lill-Istat emittenti jew ċertifikatur, għandu jiġi interpretat li qed jirreferi għall-unità territorjali rispettivament li fih hu rreġistrat il-bastiment u li joħroġ jew jiċċertifika ċ-ċertifikat; |
|
(b) |
referenzi għar-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali, limitu nazzjonali ta’ responsabbiltà u munita nazzjonali għandhom jiġu interpretati rispettivament bħala referenzi għar-rekwiżiti tal-liġi, il-limitu tar-responsabbiltà u l-munita tal-unità territorjali rilevanti; u |
|
(ċ) |
referenzi għall-qrati, u għas-sentenzi li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Istati Parti, għandhom jiġu interpretati bħala referenzi rispettivament għall-qrati tas-sentenzi li għandhom jiġu rikonoxxuti fihom, u għall-unità territorjali rilevanti. |
Artikolu 19
Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika
1. Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika, li hi kkostitwita minn Stati sovrani li trasferew il-kompetenza dwar ċerti materji rregolati b’dan il-Protokoll lil dik l-Organizzazzjoni, tista’ tiffirma, tirratifika, taċċetta, tapprova jew tissieħeb f’dan il-Protokoll. Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li hi Parti għall-Protokoll għandu jkollha d-drittijiet u l-obbligi ta’ Stat Parti, safejn l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandha kompetenza dwar materji irregolati b’dan il-Protokoll.
2. Fejn Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika teżerċita d-dritt tal-vot fi materji li dwarhom għandha kompetenza, hija għandu jkollha għadd ta’ voti ekwivalenti għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma Partijiet għal dan il-Protokoll u ttrasferewlha l-kompetenza dwar il-kwistjoni inkwistjoni. Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika m’għandhiex teżerċita d-dritt tagħha li tivvota jekk l-Istati Membri tagħha jeżerċitaw tagħhom, u viċi versa.
3. Fejn in-numru ta’ Stati Partijiet hu rilevanti f’dan il-Protokoll, inkluż iżda mhux limitat għall-Artikoli 20 u 23 ta’ dan il-Protokoll, l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika ma għandhiex titqies bħala Stat Parti flimkien mal-Istati Membri tagħha li huma Stati Partijiet.
4. Meta jsir l-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandha tagħmel dikjarazzjoni lis-Segretarju-Ġenerali li fiha tispeċifika l-materji irregolati b’dan il-Protokoll li fir-rigward tagħhom il-kompetenza tkun ġiet ittrasferita lil dik l-Organizzazzjoni mill-Istati Membri tagħha li huma firmatarji jew Partijiet għal dan il-Protokoll u kwalunkwe restrizzjoni oħra rilevanti rigward l-ambitu ta’ dik il-kompetenza. L-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandha tinnotifika minnufih lis-Segretarju-Ġenerali dwar kwalunkwe bidla fit-tqassim ta’ kompetenza, inklużi trasferimenti ġodda ta’ kompetenzi, speċifikati fid-dikjarazzjoni taħt dan il-paragrafu. KwKwalunkwe tali dikjarazzjoni għandha ssir disponibbli mis-Segretarju-Ġenerali skont l-Artikolu 24 ta’ dan il-Protokoll.
5. L-Istati Partijiet li huma Stati Membri ta’ Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li hi Parti għal dan il-Protokoll għandhom jitqiesu li għandhom kompetenza dwar il-materji kollha rregolati b’dan il-Protokoll li fir-rigward tagħhom trasferimenti ta’ kompetenza lill-Organizzazzjoni ma ġewx dikjarati speċifikament jew notifikati taħt il-paragrafu 4.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ
1. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ tnax-il xahar wara d-data li fiha 10 Stati jkunu jew iffirmawh mingħajr riżerva dwar ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni jew ikunu ddepożitaw strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni lis-Segretarju-Ġenerali.
2. Għal kwalunkwe Stat li jirratifika, jaċċetta, japprova jew jaderixxi għal dan il-Protokoll wara li jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għad-dħul fis-seħħ, dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data tad-depożitu minn tali Stat tal-istrument addattat iżda mhux qabel li dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ bi qbil mal-paragrafu 1.
Artikolu 21
Denunzja
1. Dan il-Protokoll jista’ jiġi denunċjat minn kull Stat Parti fi kwalunkwe ħin wara d-data li fiha dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ għal dak l-Istat.
2. Id-denunzja għandha tiġi affettwata billi jiġi ddepożitat strument għal dak il-għan mas-Segretarju-Ġenerali.
3. Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ tnax-il xahar, jew tali perijodu itwal kif jista’ jiġi speċifikat fl-istrument tad-denunzja, wara li jkun iddepożitat mas-Segretarju-Ġenerali.
4. Bħal fost Stati Partijiet għal dan il-Protokoll, id-denunzja minn kwalunkwe wieħed minnhom tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 25 tiegħu, ma għandhiex tiġi interpretata bi kwalunkwe mod bħala denunzja tal-Konvenzjoni kif riveduta b’dan il-Protokoll.
Artikolu 22
Reviżjoni u Emendi
1. L-Organizzazzjoni tista’ ssejjaħ Konferenza għall-fini li jiġi rivedut jew emendat dan il-Protokoll.
2. L-Organizzazzjoni għandha ssejjaħ Konferenza tal-Istati Partijiet għal dan il-Protokoll għar-reviżjoni jew l-emendar dan il-Protokoll fuq talba ta’ mhux inqas minn terz tal-Istati Partijiet.
Artikolu 23
Emenda tal-limiti
1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22, il-proċedura speċjali f’dan l-Artikolu għandha tapplika biss għall-finijiet li temenda l-limiti mniżżla fl-Artikolu 3, paragrafu 1, l-Artikolu 4bis, il-paragrafu 1, l-Artikolu 7, il-paragrafu 1 u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni kif rivedut b’ dan il-Protokoll.
2. Fuq talba ta’ mill-anqas nofs, iżda fl-ebda każ anqas minn sitta, l-Istati Partijiet għal dan il-Protokoll, kwalunkwe proposta biex jiġu emendati l-limiti, inkluż it-tnaqqis, speċifikat fl-Artikolu 3, paragrafu 1, l-Artikolu 4bis, paragrafu 1, l-Artikolu 7, paragrafu 1, u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni kif riveduta permezz ta’ dan il-Protokoll għandha tiġi ċċirkolata mis-Segretarju-Ġenerali lill-Membri kollha tal-Organizzazzjoni u lill-Istati Partijiet.
3. Kwalunkwe emenda proposta u ċċirkolata kif hawn fuq għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Legali tal-Organizzazzjoni (minn issa ‘l quddiem magħruf bħala “l-Kumitat Legali”) għall-konsiderazzjoni f’data ta’ mill-anqas sitt xhur wara d-data taċ-ċirkolazzjoni tagħha.
4. L-Istati Partijiet kollha għal din il-Konvenzjoni kif riveduta minn dan il-Protokoll, sew jekk humiex Membri tal-Organizzazzjoni jew le, għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-Kumitat Legali għall-konsiderazzjoni u l-adozzjoni tal-emendi.
5. L-emendi għandhom jiġu adottati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni kif riveduta b’dan il-Protokoll preżenti u jivvutaw fil-Kumitat Legali espandut kif previst fil-paragrafu 4, bil-kondizzjoni li tal-anqas nofs l-Istati Partijiet għal din il-Konvenzjoni kif riveduta b’dan il-Protokoll għandhom jiġu preżenti fil-ħin tal-votazzjoni.
6. Meta jaġixxi fuq proposta biex jemenda l-limiti, il-Kumitat Legali għandu jieħu kont tal-esperjenza ta’ inċidenti u, b’mod partikulari, l-ammont ta’ ħsara li tirriżulta minnhom, bidliet fil-valuri monetarji u l-effett tal-emenda proposta dwar l-ispejjeż tal-assigurazzjoni.
|
7. |
|
8. Kwalunkwe emenda adottata skont il-paragrafu 5 għandha tiġi nnotifikata mill-Organizzazzjoni lill-Istati Partijiet. L-emenda għandha titqies li ġiet aċċettata fi tmiem il-perijodu ta’ tmintax-il xahar wara d-data tan-notifika, sakemm f’dak il-perijodu mhux anqas minn kwart tal-Istati li kienu Stati Partijiet fil-ħin tal-adozzjoni tal-emenda jkunu għarrfu lis-Segretarju-Ġenerali li huma ma jaċċettawx l-emenda, f’liema każ l-emenda tiġi rrifjutata u m’għandux ikollha effett.
9. Emenda li titqies li ġiet aċċettata f’konformità mal-paragrafu 8 għandha tidħol fis-seħħ tmintax-il xahar wara l-aċċettazzjoni tagħha.
10. L-Istati Partijiet kollha għandhom ikunu marbuta bl-emenda, sakemm ma jiddenunċjawx dan il-Protokoll skont l-Artikolu 21(1) u (2) tal-anqas sitt xhur qabel mal-emenda tidħol fis-seħħ. TTali denunzja għandu jkollha effett meta l-emenda tidħol fis-seħħ.
11. Meta emenda tkun ġiet adottata iżda l-perijodu ta’ tmintax-il xahar għall-aċċettazzjoni tagħha ma jkunx skada, Stat li jsir Stat Parti matul dak il-perjodu għandu jkun marbut bl-emenda jekk din tidħol fis-seħħ. Stat li jsir Stat Parti wara dak il-perijodu għandu jkun marbut b’emenda li tkun ġiet aċċettata skont il-paragrafu 8. Fil-każijiet imsemmija f’dan il-paragrafu, Stat ikun marbut b’emenda meta dik l-emenda tidħol fis-seħħ, jew meta dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ għal dak l-Istat, jew aktar tard.
Artikolu 24
Depożitorju
1. Dan il-Protokoll u kwalunkwe emenda adottata taħt l-Artikolu 23 għandhom ikunu depożitati mas-Segretarju-Ġenerali.
2. Is-Segretarju-Ġenerali għandu:
|
(a) |
jinforma lill-Istati kollha li ffirmaw jew aderixxu għal dan il-Protokoll dwar:
|
|
(b) |
jinbagħtu kopji ċċertifikati veri ta’ dan il-Protokoll lill-Istati kollha li ffirmaw jew jaderixxu għal dan il-Protokoll. |
3. Malli dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ, it-test għandu jintbagħat mis-Segretarju-Ġenerali lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti għar-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
Artikolu 25
Lingwi
Dan il-Protokoll huwa stabbilit f’oriġinal uniku bil-lingwa Għarbija, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol, kull test huwa awtentiku ugwalment.
MAGĦMUL F’LONDRA, l-ewwel ta’ Novembru, elfejn u tnejn.
LI KIENU XHIEDA TIEGĦU sottoskritti, awtorizzati debitament mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom għal dan il-fini, iffirmaw dan il-Protokoll.