10.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Diċembru 2011

li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk

(2012/15/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218 (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea (1),

Billi:

(1)

Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) ilu japplika b’mod provviżorju mit-28 ta’ Frar 2011, konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE (2),

(2)

Bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2011, konformement mal-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew fl-14 ta’ Diċembru 2011 ivvota biex ma jagħtix il-kunsens tiegħu li l-Kunsill jikkonkludi l-Protokoll,

(3)

Għalhekk jeħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE tiġi revokata u li r-Renju tal-Marokk jiġi nnotifikat dwar it-tmiem tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll, konformement mal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/491/UE dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk b’dan qed tiġi revokata.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar persuna/i awtorizzata/i biex tinnotifika/jinnotifikaw lir-Renju tal-Marokk, konformement mal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, li l-Unjoni Ewropea ma għadhiex biħsiebha ssir parti għall-Protokoll. Dik in-notifika għandha ssir fil-forma ta’ ittra.

It-test tal-ittra huwa anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ST 18774/11 PECHE 411 — COM(2011) 939 finali.

(2)  ĠU L 202, 5.8.2011, p. 1.


ANNESS

Sinjur/Sinjura,

B’referenza għall-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk, li ġie inizjalat fil-25 ta’ Frar 2011, mill-applikazzjoni provviżorja tiegħu, kif miftiehem fl-Artikolu 12 tal-Protokoll u li daħal fis-seħħ permezz tal-iffirmar tal-Protokoll miż-żewġ Partijiet fit-13 ta’ Lulju 2011:

L-Unjoni Ewropea b’dan tinnotifika lir-Repubblika tal-Marokk li, f’konformità mal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, ma għadhiex biħsiebha ssir parti għall-Protokoll imsemmi hawn fuq.

Sinjur/Sinjura, jekk jogħġbok aċċetta l-assigurazzjoni tal-ogħla konsiderazzjoni tiegħi.

F’isem l-Unjoni Ewropea,

K. OSTRZYNIEWSKA