17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/200


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2010

(2012/576/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Istitut (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0132/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 173.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.



17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/201


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi l-kummenti li huma parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Istitut (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1922/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0132/2012),

A.

billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (“l-Istitut”) kien stabbilit fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1922/2006 u kiseb l-indipendenza tiegħu fil-15 ta’ Ġunju 2010,

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

C.

billi l-baġit kumplessiv għall-Istitut għas-sena finanzjarja 2010 kien ta’ EUR 6 500 000; billi l-baġit tal-Istitut hu ffinanzjat għal kollox mill-kontribut tal-Unjoni;

1.

Jilqa’ l-ewwel rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut, għas-sena finanzjarja 2010;

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.

Jinnota li l-Istitut ingħata awtonomija amministrattiva u finanzjarja fil-15 ta’ Ġunju 2010;

3.

Jemmen li għandha tiġi kkunsidrata l-amalgamazzjoni tal-Istitut mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni u jonqsu l-ispejjeż;

4.

Jaċċerta mir-rapport annwali ta’ attività (AAR) tal-Istitut li mill-1 ta’ Jannar sal-15 ta’ Ġunju 2010 d-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), id-DĠ li taħtu jaqa’ l-Istitut, kellu r-responsabilità tal-ġestjoni finanzjarja f’isem l-Istitut, b’mod partikolari, għall-persunal u n-nefqa amministrattiva, u li f’dak il-perjodu, id-DĠ EMPL għamel ħlasijiet għal ammont totali ta’ EUR 846 876,91;

5.

Jirrikonoxxi mill-AAR li fiż-żmien limitat ta’ sitt xhur bejn l-adozzjoni tal-Programm ta’ Ħidma Annwali 2010 u l-kisba tal-indipendenza amministrattiva u finanzjarja, l-Istitut kellu rata ta’ eżekuzzjoni tal-baġit ta’ 65 % f’termini ta’ approprjazzjonijiet impenjati u 26 % f’termini ta’ approprjazzjonijiet imħallsa; jistieden lill-Istitut jieħu passi immedjati biex jiżgura rata ta’ eżekuzzjoni tal-baġit sodisfaċenti fil-futur;

6.

Jinnota mill-AAR tal-Istitut li waqt ir-reviżjoni tal-abbozz tal-baġit tiegħu għas-sena finanzjarja 2010, il-Bord ta’ Tmexxija enfasizza żewġ żbilanċi baġitarji li jammontaw għal żbilanċ totali ta’ EUR 415 000:

żbilanċ baġitarju ta’ EUR 195 000 taħt it-Titolu II, li kien relatat man-nefqa iktar baxxa milli suppost fl-ispejjeż tal-kiri għaliex il-Gvern Litwan kopra l-ispejjeż tal-kirja tal-bini tal-Istitut fil-Litwanja għall-ewwel sentejn ta’ attività tiegħu;

żbilanċ baġitarju ta’ EUR 220 000 taħt it-Titolu III minħabba n-nefqa iktar baxxa milli suppost li fil-fatt kienet mistennija fl-infiq relatat mal-operazzjonijiet;

jinnota li f’Ottubru 2010 l-Bord ta’ Tmexxija qabel li ma jallokax dawn il-fondi ffriżati lill-Istitut; jistieden lill-Istitut biex jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjoni meħuda fir-rigward ta’ dawk il-fondi ffriżati;

Il-kontabilità

7.

Jistabbilixxi li fl-2010 l-Istitut iddefinixxa r-responsabilitajiet tal-atturi finanzjarji rigward il-membri tal-persunal u żviluppa ċirkwiti finanzjarji għall-impenji; jinnota, barra minn hekk, li l-Istitut innomina l-atturi finanzjarji kollha u ddefinixxa r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom sa tmiem l-2010;

8.

Jinnota mill-AAR tal-Istitut li d-Direttur tiegħu ddelega s-setgħa ta’ Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni lill-Kap tal-Amministrazzjoni għal ammont massimu ta’ EUR 500 000 għat-Titoli I u II, u b’limitazzjoni ta’ sena għat-Titolu III; jieħu nota wkoll li kien innominat sostitut għall-Uffiċjal tal-Kontabilità;

9.

Jaċċerta mill-AAR li, sa tmiem l-2010, kienu stabbiliti u bdew jiġu implimentati proċeduri għall-oqsma amministrattivi li ġejjin: il-missjonijiet, il-ġestjoni tal-ilmenti, il-mistoqsijiet u r-risposti dwar l-akkwist, il-VAT, il-kontabilità ta’ kwalità, ir-rikonċiljazzjoni bankarja, l-operazzjonijiet ta’ ħlas, l-impenji u l-ħlasijiet u li ġew żviluppati u implimentati politika dwar it-telekomunikazzjoni u qafas għar-reġistrazzjoni ta’ dokumenti;

L-akkwist pubbliku

10.

Josserva li fl-2010, twettqu 63 operazzjoni ta’ akkwist u kienu ffirmati kuntratti għas-servizzi akkwistati; jinnota li l-ammont ikkuntrattat totali kien ta’ EUR 1 974 626;

11.

Jistabbilixxi mill-AAR li kien hemm żewġ diffikultajiet maġġuri fil-proċess ta’ akkwist:

il-perjodu ta’ żmien disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ akkwist kien qasir ħafna u dan qiegħed f’riskju l-eżekuzzjoni ta’ studji ppjanati u l-baġit rilevanti,

in-nuqqas ta’ appoġġ ikkwalifikat għall-Unità tal-Operazzjonijiet, fejn il-maġġoranza tal-persunal ftit jew xejn kellha għarfien ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku;

b’konsegwenza, dawn il-komplikazzjonijiet ħolqu ċertu dewmien u numru ta’ proċeduri ta’ akkwist kellhom ikunu kanċellati, u kaġun ta’ dan il-parti l-kbira tal-impenn baġitarju kienet riportata għall-2011; jistieden għalhekk lill-Istitut itejjeb is-sitwazzjoni u jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda;

12.

Jinnota wkoll li 85 % tal-kuntratti akkwistati, EUR 1 628 122, kienu relatati ma’ servizzi ta’ appoġġ għall-attivitajiet operazzjonali, u li l-ammont li jibqa’, EUR 292 504 (15 %), kien għal prodotti u servizzi akkwistati ta’ appoġġ għall-attivitajiet amministrattivi;

Ir-riżorsi umani

13.

Jieħu nota mill-AAR tiegħu li l-Istitut irrekluta 23 Aġent Temporanju u 6 Aġenti Kuntrattwali, u laħaq 92,3 % mill-objettiv tiegħu għat-Tabella tal-Persunal;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa li jimtlew il-karigi vakanti kollha li huma meħtieġa għall-funzjonament effikaċi tal-Istitut u għat-twettiq tal-miri ddikjarati tiegħu;

Il-prestazzjoni

15.

Jinnota li, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament li jistabilixxi l-Istitut (KE) Nru 1922/2006, l-Istitut kellu jikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti tal-kisbiet tiegħu sat-18 ta’ Jannar 2010; jirrikonoxxi mill-AAR li l-Bord tat-Tmexxija ppospona l-evalwazzjoni ex post ladarba l-Istitut ma’ kienx operattiv sa mit-19 ta’ Jannar 2010, iżda ddeċieda li jikkummissjona evalwazzjoni ex ante fl-2010 u evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu sal-2013; jitlob lill-Istitut jikkomunika immedjatament ir-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni ex ante lill-awtorità ta’ kwittanza;

16.

Jirrikonoxxi li l-Istitut, appoġġat mid-DĠ EMPL, nieda f’Diċembru 2010 speċifikazzjonijiet għat-tieni evalwazzjoni ex ante tal-EIGE li tiffoka fuq l-objettivi u l-operazzjonijiet speċifiċi tal-Istitut;

17.

Jistieden lill-Istitut biex jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-eżekuzzjoni ta’ dawk l-evalwazzjonijiet u dwar il-konklużjonijiet rispettivi tagħhom;

18.

Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri li l-ħidma tal-Istitut hi ta’ importanza ewlenija għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Unjoni; jinnota għalhekk li rapporti futuri għandhom jiżvelaw fid-detall jekk l-attività tal-Istitut hix qed tixxekkel minn diffikultajiet fi kwalunkwe stadju tal-proċedura baġitarja;

19.

Jinnota li, fi żmien ta’ kriżi ekonomika u awsterità, hu ta’ importanza vitali li l-Istitut Ewropew joffri l-aħjar valur għall-flus mingħajr ma jipperikola l-implimentazzjoni b’suċċess tal-mandat importanti tiegħu;

Is-sit

20.

Jinnota mill-AAR tal-Istitut li fl-1 ta’ Marzu 2010 l-persunal tal-Istitut kien rilokat mill-post temporanju fi Brussell għas-sit permanenti tiegħu f’Viljnjus, il-Litwanja;

Il-verifika interna

21.

Jinsab infurmat mill-Istitut li l-ewwel awditjar mis-Servizz tal-Awditjar Intern se jitwettaq fl-2012;

22.

Jaċċerta mill-AAR li l-OLAF żar l-Istitut u pprovda l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ għall-persunal dwar il-prinċipji tal-verifika u l-istandards ta’ kontroll intern f’Novembru 2010; jirrikonoxxi barra minn hekk li ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-Istitut tħejja fl-2010 u ġie addottat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Istitut fis-26 ta’ Jannar 2011;

23.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (5) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 173.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 403, 30.12.2006, p. 9.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0164 (ara l-paġna 388 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).