7.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 377/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Novembru 2012

dwar il-pjan modifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv mill-Impjant tal-Enerġija Nukleari Bugey-2 (Reatturi 2, 3, 4 u 5), li jinsab fi Franza, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

2012/C 377/01

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom, u hija bla ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li għandha titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fl-20 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern ta’ Franza, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, Dejta Ġenerali dwar il-pjan modifikat għar-rimi tal-iskart radjuattiv mill-Impjant tal-Enerġija Nukleari Bugey-2 (Reatturi 2, 3, 4 u 5).

Abbażi ta’ din id-dejta, u wara li kkonsultat il-Grupp ta' Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanzi bejn l-Impjant tal-Enerġija Nukleari Bugey-2 (Reatturi 2, 3, 4 u 5) u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor huma ta' 117-il km għall-Italja u 226 km għall-Ġermanja.

2.

Il-modifikazzjoni ppjanata tikkonċerna talba biex jinkiseb tnaqqis ġenerali fil-limiti awtorizzati tar-rimi għall-effluwenti radjuattivi likwidi u gassużi, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġu ddefiniti limiti addizzjonali għar-rimi tal-karbonju-14.

3.

Waqt kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, il-modifikazzjoni ppjanata ma twassalx għal esponiment sinifikanti, mil-lat tas-saħħa, tal-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor.

4.

Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li aktarx jaslu għand il-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor minħabba l-modifikazzjoni ppjanata ma jkunux sinifikanti mil-lat tas-saħħa.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan modifikat għar-rimi ta' skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li jirriżulta mill-Impjant tal-Enerġija Nukleari Bugey-2 (Reatturi 2, 3, 4 u 5), li jinsab fi Franza, kemm waqt it-tħaddim normali kif ukoll fil-każ ta' aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x'aktarx li ma tirriżultax f'kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta' Stat Membru ieħor.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati aktar. B'mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva Nru 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva Nru 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva Nru 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.