5.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 158/2 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-31 ta’ Mejju 2012
li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv mill-Faċilità tal-Estrazzjoni tal-Uranju tal-Minjiera ta’ Talvivaara, fil-Finlandja, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom
2012/C 158/02
Il-valutazzjoni hawn taħt hija mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom, bla ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni addizzjonali li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja.
Fil-15 ta' April 2011, f'konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern tal-Finlandja, Dejta Ġenerali li tirrigwarda l-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-Faċilità tal-Estrazzjoni tal-Uranju tal-Minjiera ta’ Talvivaara, fil-Finlandja.
Abbażi ta’ din id-dejta u ta’ tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Ġunju 2011 u li l-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew fit-12 u fis-27 ta’ Diċembru 2011, u wara li kkonsultat il-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni tagħha kif ġej:
1. |
Id-distanza bejn is-sit u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ, l-Isvezja, hija ta' 280 km. L-eqreb pajjiż ġar huwa r-Russja b’distanza ta’ 96 km. |
2. |
Il-Faċilità tal-Estrazzjoni tal-Uranju mhix se tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni ta' rilaxx fir-rigward ta' effluwenti radjuattivi likwidi. F’kundizzjonijiet ta’ tħaddim normali, ir-rilaxx ta’ effluwenti radjuattivi likwidi mhux se jseħħ. |
3. |
F’kundizzjonijiet ta' tħaddim normali, ir-rilaxx ta’ effluwenti radjuattivi mill-ajru ma jwassalx għal esponiment tal-popolazzjoni ta' Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż ġar li jkun sinifikanti mill-aspett sanitarju. |
4. |
F'każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jirriżultaw minn inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x'aktarx jilħqu l-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż ġar ma jkunux sinifikanti mill-aspett sanitarju. |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv ikun f'liema forma jkun, li joriġina mill-Faċilità tal-Estrazzjoni tal-Uranju tal-Minjiera ta’ Talvivaara, fil-Finlandja, kemm f’kundizzjonijiet ta’ tħaddim normali kif ukoll f’każ ta’ inċident tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, mhijiex tali li tista’ twassal għal kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiż ġar, li tista' tkun sinifikanti mill-aspett sanitarju.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2012.
Għall-Kummissjoni
Günther OETTINGER
Membru tal-Kummissjoni