31.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 154/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Mejju 2012

li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta’ skart radjutattiv mil-Faċilitajiet Interim ta’ Ħżin għall-Iskart u Fjuwil Użat tal-Livell Intermedjarju fis-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley, il-Punt C, f’Somerset, ir-Renju Unit, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

(Il-verżjoni Ingliża biss hija awtentika)

2012/C 154/01

Il-valutazzjoni hawn taħt hija mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom, bla ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni addizzjonali li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja.

Fis-27 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet minn għand il-Gvern tar-Renju Unit, Dejta Ġenerali li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv mil-Faċilitajiet Interim ta’ Ħżin għall-Iskart u Fjuwil Użat tal-Livell Intermedjarju fis-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley, il-Punt C, f’Somerset, ir-Renju Unit, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom.

Abbażi ta’ din id-dejta, u wara li kkonsultat mal-Grupp ta' Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni tagħha kif ġej:

(1)

Id-distanza mis-sit għall-eqreb Stati Membri hija 185 km għal Franza u 250 km għar-Repubblika tal-Irlanda.

(2)

Taħt kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, ir-rilaxx ta’ effluwenti likwidi u gassużi radjuattivi aktarx li ma jwassalx għall-esponiment tal-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor li huwa sinifikanti mil-lat sanitarju.

(3)

Skart sekondarju solidu ta’ radjuattività ta' livell baxx jinħażen temporanjament fuq is-sit qabel ma jiġi trasferit għal faċilitajiet ta' rimi awtorizzati mill-awtoritajiet regolatorji tar-Renju Unit. Skart solidu mhux radjuattiv jew materjali residwi ser jiġu rilaxxati għar-rimi bħala skart konvenzjonali jew għall–użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ skont il-kriterji li huma konsistenti mad-Direttiva 96/29/Euratom.

(4)

Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li aktarx jaslu għand il-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mill-aspett sanitarju.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni ta' pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv ikun f'liema forma jkun, li joriġina mill-Faċilitajiet Interim ta’ Ħżin għall-Iskart u l-Fjuwil Użat ta’ Livell Intermedjarju fis-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley, il-Punt C, f’Somerset, ir-Renju Unit, kemm matul it-tħaddim normali kif ukoll f’każ ta’ inċident tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, mhijiex tali li tista’ twassal għal kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta' Stat Membru ieħor li tista' tkun sinifikanti mill-perspettiva sanitarja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni