30.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 346/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1389/2011

tad-19 ta’ Diċembru 2011

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“Il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 1631/2005 (2) il-Kunsill impona miżuri definittivi ta’ antidumping li jikkonsistu f’dazji individwali li jvarjaw minn 7,3 % għal 40,5 % b’dazju li jifdal ta’ 42,6 % (3) fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ).

(2)

Bir-Regolament (KE) Nru 855/2010 (4) il-Kunsill baxxa d-dazju individwali applikat għal kumpanija waħda minn 14,1 % għal 3,2 %.

2.   Talba għal reviżjoni

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (5) tal-miżuri ta’ antidumping definittivi fis-seħħ, fis-6 ta’ Lulju 2010 il-Kummissjoni irċeviet talba għal bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Ir-reviżjoni tressqet mill-Kunsill Ewropew tal-Industrija tal-Kimka ("CEFIC") f’isem il-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f’dan il-każ ta’ aktar minn 90 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-aċidu triklorojsoċjanuriku ("l-applikanti").

(4)

It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri probabbli tirriżulta f’kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara lill-Industrija tal-Unjoni.

3.   Bidu

(5)

Wara li ddeterminat, wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni ħabbret fis-6 ta’ Ottubru 2010, il-bidu ta’ din ir-reviżjoni ta’ skadenza, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, f’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6) (“l-Avviż ta’ bidu”).

4.   L-investigazzjoni

4.1.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(6)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni (PIR) kien mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010. Il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-aspetti ta’ ħsara ġiet analizzata matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat-tmien tal-PIR (il-perjodu kkunsidrat).

4.2.   Il-partijiet milquta mill-investigazzjoni

(7)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikanti, lill-produttur l-ieħor magħruf tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi, lill-utenti magħrufa li huma milquta, kif ukoll lir-rappreżentanti tar-RPĊ bil-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza.

(8)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Avviż ta’ bidu. Il-partijiet kollha interessati li talbu seduta ta’ smigħ u wrew li kien hemm raġunijiet speċifiċi l-għala għandhom jinstemgħu, ngħataw seduta ta’ smigħ.

(9)

Fid-dawl tal-għadd apparentament kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ u importaturi mhux relatati fl-Unjoni, ġie ppjanat it-teħid ta’ kampjuni għal dawn il-partijiet fl-avviż ta’ bidu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(10)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni jkunx meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-partijiet imsemmija hawn fuq intalbu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, jippreżentaw irwieħhom fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ bidu u jipprovdu l-informazzjoni mitluba fl-Avviż ta’ bidu lill-Kummissjoni.

(11)

L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ ma kkoopera fl-investigazzjoni.

(12)

Fir-rigward tal-importaturi, għadd żgħir ta’ kumpaniji ppreżentaw irwieħhom fil-bidu iżda irtiraw il-kooperazzjoni tagħhom fl-istadji ta’ wara.

(13)

Il-Kummissjoni bagħtet il-kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li kienu milquta qabel ma skada ż-żmien stabbilit fl-Avviż ta’ bidu. Waslu tweġibiet mit-tliet produtturi magħrufa tal-Unjoni u minn żewġ utenti.

(14)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dumping u ħsara li tirriżulta minnu u tal-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika twettqu fl-istabbilimenti taż-żewġ produtturi ewlenin tal-Unjoni:

Fluidra (Inquide Sau), Passeig de Sanllehy, 25, 08213 Polinya (Barcelona), Spanja;

Ercros (Aragonesas), Avenida Diagonal 595, Barcelona, Spanja.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(15)

Il-prodott milqut mir-reviżjoni preżenti huwa l-aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu ("TCCA"), magħruf ukoll bħala “simklosene” skont l-isem internazzjonali mhux tad-ditta (INN), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċjiet CN ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (Kodiċijiet TARIC 2933698070 u 3808942020), u li joriġina mir-RPĊ.

(16)

It-TCCA huwa prodott kimiku użat bħala diżinfettant u bliċer organiku ġenerali li fih il-klorur, użat b’mod partikolari bħala diżinfettant tal-ilma fis-swimming pools. Jinbiegħ bħala trab, żibeġ, pilloli jew ċippijiet. Il-forom kollha tat-TCCA u l-preparazzjonijiet minnu għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi (kompożizzjoni kimika) u użi (diżinfettant), kollha huma maħsuba għall-istess użu u għalhekk jitqiesu bħala prodott wieħed.

(17)

L-investigazzjoni attwali kkonfermat li l-prodott ikkonċernat, kif prodott u mibjuh mill-produtturi esportaturi lejn l-Unjoni, huwa simili f’dawk li huma karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, kif ukoll f’dawk li huma l-użi tiegħu, għall-prodott magħmul u mibjuh mill-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u mill-produttur fil-pajjiż analogu kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll f’dawk ta’ esportazzjoni. Għalhekk, huma kkunsidrati bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TAD-DUMPING

1.   Kummenti preliminari

(18)

B’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, saret reviżjoni biex jiġi ddeterminat jekk li l-iskadenza tal-miżuri eżistenti twassalx gћal tkomplija jew gћal rikorrenza tad-dumping.

(19)

Kif ġie spjegat hawn fuq, ebda wieħed mit-30 produttur esportatur li ġew ikkuntattjati ma ppreżenta ruħhu matul l-eżerċizzju ta’ teħid ta’ kampjuni jew għamlu lilhom inffushom magħrufa matul l-investigazzjoni.

(20)

Billi l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ ma kkoopera, ir-riżultati dwar il-probabbiltà tal-issoktar jew rikorrenza tad-dumping iserħu fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri d-data tal-Eurostat, it-talba ta’ reviżjoni u l-istatistika uffiċjali tar-RPĊ dwar l-esportazzjoni.

(21)

Barra minn hekk, id-data mibgħuta mill-produttur esportatur li kkoopera fil-pajjiż analogu, il-Ġappun, intużat biex jinstab il-valur normali.

2.   Id-dumping ta’ importazzjonijiet matul il-PIR

2.1.   Pajjiż analogu

(22)

Billi r-RPĊ hija ekonomija fi tranżizzjoni, u peress, b’konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali irid jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur normali kostrutt miksub f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa (il-pajjiż analogu), jew abbażi tal-prezz mill-pajjiż analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni Ewropea, jew fejn dawn ma jistgħux jiġu ddeterminati, fuq xi bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b’mod xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġini ta’ profitt raġonevoli.

(23)

Fl-Avviż ta’ bidu l-Kummissjoni ħabbret li l-Ġappun kien intuża fl-investigazzjoni ta’ qabel bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq xierqa għall-fini li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-RPĊ u li kien għad hemm il-ħsieb li jerġa’ jintuża l-Ġappun għal dan il-għan. Matul din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni sar kuntatt ma’ produtturi f’pajjiżi oħra b’ekonomija tas-suq bħall-Istati Uniti tal-Amerika u t-Tajwan u ntalbet il-kooperazzjoni tagħhom. Iżda l-kooperazzjoni waslet biss minn produttur esportatur wieħed fil-Ġappun.

(24)

Għalhekk il-Ġappun tqies bħala pajjiż analogu xieraq. F’dan ir-rigward, ma wasal ebda kumment jew oġġezzjoni mill-partijiet interessati dwar jekk dan il-pajjiż kienx xieraq.

2.2.   Valur normali

(25)

Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni li waslet mill-produttur esportatur li kkoopera fil-pajjiż analogu, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew li jitħallsu fis-suq domestiku fil-Ġappun għal prodotti simili li nstab li jinbiegħu fl-andament normali tal-kummerċ.

(26)

L-ewwel ġie stabbilit għall-produttur esportatur fil-Ġappun jekk il-bejgħ domestiku totali tiegħu tal-prodott simili lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk kienx jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni. Il-bejħ domestiku tal-produttur esportatur li kkoopera fil-Ġappun instab li kien rappreżentattiv matul il-PIR.

(27)

Sussegwentement, ġie eżaminat il-bejgħ domestiku biex jiġi ddeterminat jekk sarx fl-andament normali tan-negozju ("OCOT"), skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(28)

Billi l-bejgħ kollu fis-suq domestiku tqies li sar bi profitt, il-valur normali ġie ibbażat fuq il-medja differenzjata tal-prezz domestiku attwali matul il-PIR.

2.3.   Prezz ta’ esportazzjoni

(29)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit fuq id-data tal-Eurostat.

2.4.   It-tqabbil

(30)

It-tqabbil bejn il-medja differenzjata tal-valur normali u l-medja differenzjata tal-prezz ta’ esportazzjoni sar fuq il-bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li jaffetwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezz. Għal dan il-għan, saru aġġustamenti biex jitqiesu d-differenzi fl-ispejjeż ta’ trasport u tal-assigurazzjoni.

2.5.   Marġni ta’ dumping

(31)

Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-medja differenzjata tal-valur normali tqabblet mal-medja differenzjata tal-prezz ta’ esportazzjoni. Abbażi tal-metodoloġija hawn fuq imsemmija, il-marġini ta’ dumping stabbilit jammonta għal 75 %.

3.   L-iżvilupp tal-importazzjonijiet kieku jitħassru l-miżuri

3.1.   Kumment preliminari

(32)

Apparti l-analiżi tal-eżistenza tad-dumping matul il-PIR, il-probabbiltà ta’ ssoktar tad-dumping ġiet eżaminata wkoll.

(33)

F’dan ir-rigward ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-kapaċità ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ, il-ġibda tas-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi tar-RPĊ u l-esportazzjonijiet tagħhom lejn pajjiżi terzi.

3.2.   Il-kapaċità ta’ riżerva tal-produtturi esportaturi tar-RPĊ

(34)

Fin-nuqqas ta’ aktar informazzjoni dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni, l-analiżi saret b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fit-talba ta’ reviżjoni.

(35)

Skont it-talba ta’ reviżjoni, bir-rati taħt l-40 %, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni fir-RPĊ baqgħat baxxa matul il-perjodu kkunsidrat. Minħabba kapaċità ta’ produzzjoni enormi u domanda domestika baxxa jidher li hemm aktar minn 180 000 tunnellata ta’ kapaċità ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ li tista’ tiġi esportata. Dan huwa daqs il-konsum tal-Unjoni ta’ madwar 44 000 tunnellata fil-PIR.

3.3.   Il-Ġibda tas-suq tal-Unjoni

(36)

Il-Ġibda tas-suq tal-Unjoni tidher fil-fatt li l-impożizzjoni tad-dazji antidumping ma ħonqitx l-espansjoni tal-esportazzjonijiet tar-RPĊ lejn l-Unjoni. Għalkemm matul il-perjodu 2007-2009 il-volumi ta’ importazzjoni kienu f’livell iktar baxx meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri, il-volumi ta’ importazzjoni fil-PIR kienu ogħla minn dak il-livell, u laħqu 22 696 tunnellata.

(37)

Minkejja ż-żieda fil-prezz medju ta’ importazzjoni matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet baqgħu kostantement taħt dawk tal-industrija tal-Unjoni.

(38)

Il-fatt li l-importazzjonijiet tar-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat żdiedu matul il-PIR għal livell li kien ogħla minn dak ta’ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali juri li għad hemm interess mir-RPĊ fis-suq tal-Unjoni.

3.4.   Prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

(39)

L-istatistika tar-RPĊ dwar l-esportazzjoni ġiet analizzata fir-rigward tal-volumi u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni Ċiniża lejn pajjiżi terzi oħrajn. Skont din l-istatistika, 24 % tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ fl-2010 kienu maħsubin għas-suq tal-Unjoni. Il-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-UE fil-livell FOB kienu kemm kemm ogħla mill-prezzijiet ta’ esportazzjoni għall-bqija tad-dinja. Iżda, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni jew data fit-talba ta’ reviżjoni dwar l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi oħra, mhux possibbli li jitqabblu dawk il-prezzijiet fil-livell CIF mal-prezz medju tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-fatt li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi huma bħala medja iktar baxxi mill-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni jista’ jidher bħala indikazzjoni li s-suq tal-Unjoni huwa suq attraenti għall-esportaturi tar-RPĊ u li l-esportazzjonijiet x’aktarx li jkomplu jiżdiedu jekk jitneħħew il-miżuri.

4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ ssoktar jew rikorrenza tad-dumping

(40)

Fid-dawl tas-sejbiet deskritti hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-esportazzjonijiet mir-RPĊ għadhom oġġett ta’ dumping u li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni jekk jitneħħew il-miżuri antidumping attwali. Tabilħaqq, meta jitqiesu l-kapaċità ta’ riżerva attwali fir-RPĊ u l-ġibda tas-suq tal-Unjoni, u abbażi ta’ paragun bejn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-UE u dawk lejn pajjiżi terzi, x’aktarx li l-volum ta’ esportazzjonijiet tar-RPĊ ta’ dumping lejn l-Unjoni jiżdiedu sostanzjalment kieku jitħallew jiskadu l-miżuri.

D.   IS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(41)

Il-prodott ikkonċernat huwa mmanifatturat ġewwa l-Unjoni minn tliet kumpaniji. Għalhekk dawn huma meqjusin li jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku (minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-industrija tal-Unjoni").

2.   Kumment preliminari

(42)

Id-data nkisbet mill-istatistika tal-Eurostat, mit-talba ta’ reviżjoni, mit-tweġibiet tal-kwestjonarju u mit-tagħrif miġbur matul iż-żjarat ta’ verifika.

(43)

L-indikaturi ekonomiċi li jikkonċernaw il-produzzjoni, il-kapaċità, ir-rata ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum ta’ bejgħ, is-sehem tas-suq u l-impjieg jirreferu għad-data pprovduta mit-tliet produtturi tal-Unjoni. L-indikaturi l-oħra kollha jirreferu għad-data pprovduta mill-applikanti biss, minħabba l-kooperazzjoni limitata ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni li ma kienx applikant fir-reviżjoni attwali. Meta wieħed iqis li l-applikanti kienu jirrappreżentaw 90 % tal-produzzjoni tal-Unjoni fil-PIR, id-data tagħhom tqieset rappreżentattiva tal-industrija tal-Unjoni għall-fini ta’ din ir-reviżjoni. Id-data miksuba mill-applikanti biss ġiet ivverifikata fuq il-post.

(44)

Data marbuta mas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll mal-konsum tista’ tingħata biss taħt forma ta’ indiċi, u dan biex tinżamm il-konfidenzjalità skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. U dan minħabba l-fatt li dawn l-indikaturi ekonomiċi jirrigwardaw żewġ produtturi biss, jew f’xi każijiet, tliet produtturi, li wieħed minnhom huwa biss marġinalment attiv fis-settur.

(45)

F’Ġunju 2009, wieħed mill-applikanti għalaq wieħed miż-żewġ impjanti tiegħu u minn dakinhar waqqaf il-produzzjoni u ta issensja lill-impjegati kollha. Għal bidu l-impjant imsemmi nżamm miftuh għal ftit xhur, iżda mbagħad ingħalaq definittivament f’Jannar 2010. Dan kellu impatt mhux ħażin fuq numru ta’ indikaturi bħall-konsum, il-volum ta’ produzzjoni u l-produttività, kif jiġi spjegat aktar ’il quddiem fil-premessi (47) u (62).

3.   Il-konsum fis-suq tal-Unjoni

(46)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-volumi ta’ bejgħ tat-tliet produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u ta’ data dwar l-importazzjoni mill-Eurostat.

(47)

Bejn l-2007 u l-2009 l-konsum tal-Unjoni ta’ TCCA naqas b’19 % qabel ma rkupra fil-PIR fuq livell li jaqbeż b’6 % dak miksub fl-2007. Għas-snin 2008 u 2009 din it-tendenza tista’ tiġi spjegata b’taħlita ta’ effetti ta’ domanda iktar baxxa, minħabba l-kriżi ekonomika globali, u provvista ristretta, minħabba l-għeluq ta’ sit ta’ produzzjoni fl-2009 (ara l-premessa (45)). Il-livell ogħla ta’ konsum tal-Unjoni miksub fil-PIR huwa marbut fil-biċċa l-kbira tiegħu mal-irkupru mill-kriżi ekonimika u ż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ.

Tabella 1

Konsum tal-Unjoni

 

2007

2008

2009

PIR

Konsum tal-Unjoni (MT)

Indiċi (2007 = 100)

100

93

81

106

4.   Volum u sehem mis-suq ta’ importazzjonijet oġġett ta’ dumping mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(48)

It-tendenzi fil-volumi u l-ishma tas-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ jidhru hawn taħt. L-ishma kwantittattivi u tas-suq li ġejjin huma ibbażati fuq l-istatistika dwar l-importazzjoni tal-Eurostat billi ebda produttur/esportatur tar-RPĊ ma kkoopera f’din ir-reviżjoni.

(49)

Il-kwantitajiet ta’ TCCA importati mir-RPĊ naqsu kemm kemm fl-2008 u l-2009. Dan it-tnaqqis fl-importazzjonijiet ġie segwit minn żieda sinifikanti fil-PIR (aktar minn 35 % meta mqabbel mal-2009). Fl-istess waqt, l-importazzjonijiet tar-RPĊ baqgħu jżidu s-sehem tas-suq tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 2

Volumi ta’ importazzjoni u ishma tas-suq RPĊ

 

2007

2008

2009

PIR

Volumi ta’ importazzjoni f’MT

17 957

17 298

16 645

22 696

Indiċi (2007 = 100)

100

96

93

126

Ishma tas-suq (Meded)

40 %-50 %

40 %-50 %

45 %-55 %

50 %-60 %

5.   Tendenzi fil-prezzjijiet ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u twaqqiegħ tal-prezz

5.1.   Tendenzi fil-prezzijiet

(50)

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ urew żieda kostanti ta’ 11,3 %. Min-naħa, din it-tendenza tista’ tiġi attribwita għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-element ta’ materja prima ewlenija li bdew tilgħin b’mod aktar sostanzjali fl-2009 u matul il-PIR. Min-naħa l-oħra, hija tista’ tirrifletti sa ċertu punt varjazzjoni fit-taħlita tal-prodott (7).

Tabella 3

Prezz ta’ unità RPĊ

 

2007

2008

2009

PIR

EUR/MT

1 048

1 052

1 163

1 167

Indiċi (2007 = 100)

100

100,4

111

111,3

5.2.   It-twaqqigħ tal-prezz

(51)

B’mod ġenerali, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tar-RPĊ baqgħu taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu. Biex issib kemm kien it-twaqqigħ tal-prezz il-Kummissjoni bbażat il-kalkolu tagħha fuq il-medja tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni CIF tar-RPĊ miksuba mill-Eurostat. Il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat tqabblu mal-medja differenzjata tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni aġġustat għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. It-tqabbil wera li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’iktar minn 10 %, mingħajr ma jitqies id-dazju antidumping fis-seħħ.

6.   Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

(52)

Il-volum u l-ishma tas-suq ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn matul il-perjodu kkunsidrat jidhru fit-tabella hawn taħt. Id-data rispettiva hija bbażata fuq ċifri tal-Eurostat:

Tabella 4

Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra (volum u sehem tas-suq)

 

2007

2008

2009

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (MT)

501

239

296

378

Sehem tas-suq ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (Meded)

Taħt it-2 %

Taħt it-2 %

Taħt it-2 %

Taħt it-2 %

(53)

F’termini ta’ volum u sehem tas-suq, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra kienu negliġibbli matul il-perjodu kkunsidrat. L-importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-Amerika, pajjiż ieħor suġġett għal miżura antidumping, waqfu għal kollox matul il-perjodu kkunsidrat.

7.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(54)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċijiet kollha rilevanti li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

7.1.   Produzzjoni

(55)

Kien hemm tnaqqis serju fil-produzzjoni mill-2009 ‘l quddiem wara l-kriżi ekonomika globali u l-għeluq ta’ faċilità ta’ produzzjoni f’Ġunju 2009, meta l-produzzjoni minn dan l-impjant waqfet għal kollox (ara l-premessa (45) hawn fuq).

Tabella 5

Produzzjoni tal-Unjoni

 

2007

2008

2009

PIR

Indiċi ta’ Volum ta’ Produzzjoni tal-Unjoni (2007 = 100)

100

95,2

66,5

70,7

7.2.   Kapaċità u rati tal-użu tal-kapaċità

(56)

Il-kapaċità ta’ produzzjoni mxiet bl-istess tendenza tal-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Iżda l-użu tal-kapaċità kien influwenzat b’mod pożittiv matul il-PIR minn xi titjib fil-proċess.

(57)

B’riżultat tal-għeluq ta’ impjant fl-Unjoni fl-2009 (ara l-premessa (45) hawn fuq), id-data miġbura għall-PIR hija limitata għall-kapaċità tal-impjant li fadal.

Tabella 6

Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità tal-Unjoni

 

2007

2008

2009

PIR

Indiċi tal-kapaċità ta’ produzzjoni

(2007 = 100)

100

101,5

91,0

80,6

L-użu tal-kapaċità

Indiċi (2007 = 100)

100

93,4

72,8

86,9

7.3.   Stokks

(58)

Dan l-indikatur kien ibbażat fuq l-informazzjoni mibgħuta mill-applikanti, għar-raġunijiet kif spjegat fil-premessa (54) hawn fuq. L-investigazzjoni fil-bini tal-kumpanija żvelat konsum ta’ TCCA li jsegwi skema ripetuta skont l-istaġun, bil-prodott ikkonċernat li jintuża l-aktar fis-sajf. Dan għandu impatt fuq il-varjazzjoni fil-livell ta’ stokkijiet matul is-sena kollha: l-istokkijiet jilħqu l-ogħla punt tagħhom fiż-żmien tax-xitwa u jonqsu b’mod konsiderevoli fil-perjodu tas-sajf. Għas-snin 2007-2009 iċ-ċifri jirrappreżentaw il-livell tal-istokkijiet fil-31 ta’ Diċembru tas-sena partikolari. Iżda ċ-ċifra għall-PIR turi l-livell tal-istokkijiet fit-30 ta’ Ġunju 2010, iż-żmien tas-sena bl-ogħla użu ta’ stokkijiet. Għalhekk, dan l-indikatur ma jippermettix tqabbil xieraq bejn il-PIR u l-bqija tal-perjodu kkonċernat u minħabba f’hekk mhuwiex meqjus rilevanti biex issir stima tal-ħsara.

7.4.   Volum ta’ bejgħ

(59)

Il-kriżi ekonomika kellha influwenza negattiva fuq il-volum ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. Iż-żieda matul il-PIR tista’ tiġi attribwita l-aktar għaż-żieda ta’ konsum tal-Unjoni minħabba rkupru mir-riċessjoni wara l-kriżi ekonomika.

Tabella 7

Bejgħ

 

2007

2008

2009

PIR

Volum

Indiċi (2007 = 100)

100

92

73

91

7.5.   Is-sehem tas-suq

(60)

Matul il-perjodu kkunsidrat l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tirkupra s-sehem tas-suq tagħha, li naqas b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 8

Sehem tas-suq tal-Unjoni

 

2007

2008

2009

PIR

Sehem tas-suq tal-Unjoni (Meded)

55 %-65 %

50 %-60 %

45 %-55 %

45 %-55 %

7.6.   Impjiegi u pagi

(61)

L-impjiegi fis-settur naqsu fl-UE matul il-perjodu kkunsidrat, b’mod partikolari wara l-għeluq ta’ waħda mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni (ara l-premessa (45) hawn fuq). Minħabba f’hekk, l-ispejjeż ta’ pagi fil-livell tal-industrija tal-Unjoni naqsu wkoll. Il-medja tal-pagi għal kull impjegat baqgħet relattivament stabbli matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 9

Impjiegi

 

2007

2008

2009

PIR

Impjegati

Indiċi (2007 = 100)

100

98,7

84,1

74,2

Pagi għal kull impjegat

Indiċi (2007 = 100)

100

104,6

105,7

106,0

7.7.   Il-produttività

(62)

Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala produzzjoni fis-sena għal kull persuna impjegata, żviluppat b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat, u wriet tnaqqis f’daqqa ta’ madwar 20 % fl-2009. Dan kien minħabba r-riorganizzazzjoni meħtieġa wara l-għeluq tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni, bil-produzzjoni sospiża għal 6 xhur fl-2009 sakemm l-impjant ingħalaq f’Jannar 2010 (ara l-premessa (45) hawn fuq). Il-produttività mbagħad irkuprat matul il-PIR, għalkemm għall-ewwel sitt xhur kienet influwenzata parzjalment mit-tendenzi negattivi fl-2009.

Tabella 10

Produttività

 

2007

2008

2009

PIR

Produttività

Indiċi (2007 = 100)

100

96,5

79,2

95,3

7.8.   Prezzijiet tal-bejgħ

(63)

Il-prezzijiet medji ta’ unità ta’ TCCA fl-UE (kif jidher fit-tabella hawn taħt) żdiedu ftit bejn l-2007 u l-2009, biex marru lura għal-livell tal-2007 matul il-PIR. Sa ċertu punt iż-żieda 2007-2009 hija marbuta mal-effett tat-taħlit tal-prodott (ara n-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna fil-paġna 10).

Tabella 11

Prezz tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni

 

2007

2008

2009

PIR

Prezz medju ta’ unità —

Indiċi (2007 = 100)

100

104,6

111,4

103,1

7.9.   Kapaċità ta’ profitt

(64)

Il-kapaċità ta’ profitt mill-bejgħ tat-TCCA fl-UE żviluppat b’mod negattiv mill-2007 ‘l hawn, b’telf sinifikanti fl-2009. Din il-prestazzjoni baxxa wieħed irid jaraha f’rabta mal-għeluq f’dik is-sena ta’ wieħed mill-postijiet ta’ produzzjoni minn produttur tal-Unjoni. Fil-PIR, il-kapaċità ta’ profitt resqet naqra lejn il-pożittiv, għalkemm il-livell ta’ profitt kien ħafna iktar baxx mil-livell ta’ profit normali (jiġifieri 10 % (8)) li normalment jinkiseb f’dan is-settur ta’ attivtà. Dan juri li l-industrija tal-Unjoni għada f’qagħda finanzjarja dgħajfa.

Tabella 12

Kapaċità ta’ profitt

 

2007

2008

2009

PIR

Kapaċità ta’ profitt (medda)

– 10 % sa 0 %

– 10 % sa 0 %

– 20 % sa – 10 %

0 % sa 10 %

7.10.   Investimenti u dħul fuq l-investimenti

(65)

Ma kienx hemm xi nfiq kapitali ewlieni matul il-perjodu kkunsidrat. Iċ-ċifri indiċizzati li jidhru fit-tabella juru l-investimenti li saru biex jitjiebu l-kapaċità ta’ profitt u l-proċess ta’ produzzjoni. L-indiċijiet għad-dħul fuq l-investimenti jimxu bl-istess tendenza bħall-kapaċità ta’ profitt.

Tabella 13

Investimenti

 

2006

2007

2008

PIR

Investimenti netti

Indiċi (2007 = 100)

100

158

32

23

Dħul fuq l-investimenti (medda)

– 10 % sa 0 %

– 10 % sa 0 %

– 20 % sa – 10 %

0 % sa 10 %

7.11.   Likwidità

(66)

Il-likwidità baqgħet pożittiva matul il-perjodu kkunsidrat, għajr għall-2009, li matulha kellhom jiġu rkuprati spejjeż żejda ta’ ristrutturazzjoni minħabba l-għeluq ta’ wieħed mill-postijiet ta’ produzzjoni (ara l-premessa (45) hawn fuq). L-iżvilupp tal-likwidità kien id f’id mal-iżvilupp tal-kapaċità ta’ profitt.

Tabella 14

Likwidità

 

2007

2008

2009

PIR

Likwidità (medda)

0 % sa 10 %

0 % sa 10 %

– 10 % sa 0 %

5 % sa 15 %

7.12.   Id-daqs tal-marġni tad-dumping

(67)

Id-dumping mir-RPĊ kompla matul il-PIR f’livell li huwa ‘l fuq sew mil-livell attwali ta’ miżuri. Barra minn hekk, minħabba l-kapaċità ta’ riżerva u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni tal-marġnijiet attwali ta’ dumping ma jistax jitqies bħala negliġibbli.

7.13.   Irkupru minn dumping fil-passat

(68)

Miżuri antidumping ġew imposti f’Ottubru 2005. Meqjusal-qagħda ġenerali tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll l-importazzjonijiet mir-RPĊ fil-perjodu mill-2007 sal-PIR, jista’ jiġi konkluż li l-industrija tal-Unjoni għadha ma rkupratx għal kollox minn dawn l-effetti minkejja l-miżuri ta’ antidumping fis-seħħ.

7.14.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(69)

Bosta indikaturi tal-ħsara żviluppaw b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat. Meqjusal-qagħda tal-produtturi tal-Unjoni li b’mod ġenerali dejjem tmur għall-agħar, l-industrija tal-Unjoni titqies li ġarrbet ħsara materjali matul il-perjodu kkunsidrat.

8.   Impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u fatturi oħra

8.1.   L-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ

(70)

Kif stabbilit fil-premessa (49), l-importazzjonijiet tat-TCCA mir-RPĊ żdiedu b’mod sinifikanti bejn l-2007 u l-PIR, kemm f’termini ta’ volum kif ukoll ta’ sehem tas-suq. Instab ukoll twaqqigħ ta’ prezz sinifikanti (ara premessa (51)). L-influss massiva bla waqfien ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ seħħet f’kuntest ta’ konsum tal-Unjoni li dejjem jiżdied b’mod ġenerali fil-perjodu kkunsidrat, li fil-PIR laħaq livell ogħla b’6 % minn dak miksub fl-2007, minkejja tnaqqis bejn l-2007 u l-2009. Kif jidher mill-qagħda tal-industrija tal-Unjoni li dejjem qed tiħżien, kienu l-iktar l-importazzjonijiet mir-RPĊ li bbenefikaw miż-żieda fil-konsum.

8.2.   L-impatt ta’ fatturi oħra

(71)

Il-Kummissjoni analizzat jekk xi fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ setgħax ikollhom effett fuq il-ħsara bla waqfien imġarrba mill-produtturi tal-Unjoni.

(72)

Flimkien mal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ, x’aktarx li l-prestazzjoni nieqsa tal-industrija tal-Unjoni fi swieq terzi, fejn ukoll kellha kompetizzjoni mir-RPĊ, u fis-suq tal-Istati Uniti b’mod partikolari, kellha impatt negattiv fuq il-produzzjoni tal-Unjoni. Iżda, ħafna mill-attività tal-produtturi tal-Unjoni hija diretta lejn is-suq tal-Unjoni, u dan jillimita sa ċertu punt l-impatt potenzjali tal-esportazzjonijiet imnaqqsa.

(73)

Il-kriżi ekonomika wkoll kellha impatt negattiv fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, u dan wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni u l-istrutturar ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni. Madankollu, l-impatt tal-kriżi ekonomika kien limitat fiż-żmien (parti mill-2008 u l-2009), filwaqt li l-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kompliet tmur għall-agħar matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Barra minn hekk, l-iżviluppi fil-PIR wrew li l-industrija tal-Unjoni fil-fatt bdiet tirkupra parzjalment. Għalhekk jista’ jitqies li l-impatt tal-kriżi ekonomika kien sinifikanti f’dan il-każ, għalkemm ma kkawżax interruzzjoni bejn ir-rabta ta’ kawża u effett bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

8.3.   Konklużjoni

(74)

Id-dumping bla waqfien tal-importazzjonijiet mir-RPĊ flimkien mal-kriżi ekonomika biddlu l-proċess ta’ rkupru u aċċentwaw id-diffikultajiet tal-industrija tal-Unjoni. Għalkemm xi fatturi kkontribwixxew għat-tiħżin fil-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ebda wieħed minnhom ma kien biżżejjed biex ikisser ir-rabta ta’ kawża u effett bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. Bis-saħħa ta’ dawn ir-raġunijiet jista’ jiġi konkluż li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ kienu ta’ ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

E.   IL-PROBABBILTÀ TAL-KONTINWAZZJONI TAL-ĦSARA

1.   Kummenti preliminari

(75)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ġew ivvalutati sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ tkomplija tal-ħsara.

(76)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-effett probabbli fuq l-industrija tal-Unjoni tal-iskadenza tal-miżuri li qegħdin fis-seħħ, il-fatturi li ġejjin tqiesu li kienu skont l-elementi deskritti fil-qosor tal-probabbiltà ta’ tkomplija ta’ dumping.

2.   Volumi u prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

(77)

L-importazzjonijiet tat-TCCA mir-RPĊ, jirrappreżentaw madwar 98 % tal-importazzjonijiet kollha lejn l-UE, baqgħu jżidu s-sehem tas-suq tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat, u laħqu iktar minn 50 % matul il-PIR. L-investigazzjoni wriet li dawn l-importazzjonijiet saru bi prezzijiet ta’ dumping b’marġini sostanzjali ta’ dumping. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ baqgħu taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’mod stabbli matul il-perjodu kollu, u waqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni b’aktar minn 10 % (mingħajr ma jitqiesu l-miżuri fis-seħħ).

3.   Kapaċità ta’ riżerva fis-suq tar-RPĊ

(78)

Kif diġà msemmi fil-premessi (34) u (35), l-analiżi tal-kapaċitajiet disponibbli fir-RPĊ wriet li l-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni baqa’ baxx matul il-perjodu kkunsidrat. Minn stima tal-kapaċità ta’ produzzjoni żejda nstab li din kienet ogħla minn dik tas-suq tal-Unjoni b’aktar minn tliet darbiet. Fl-istess waqt, skont tagħrif li wasal fit-talba ta’ reviżjoni, kien hemm biss suq limitat għall-prodott ikkonċernat fir-RPĊ.

4.   Ġibda tas-suq tal-Unjoni

(79)

Fid-dawl tat-tendenzi ta’ importazzjoni dejjem jikbru u l-kapaċitajiet ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ, l-UE x’aktarx li tattira aktar importazzjonijiet mir-RPĊ fil-ġejjieni. Il-fatt li s-suq tal-Unjoni huwa attraenti għall-esportaturi tar-RPĊ huwa ppruvat mill-iżviluppi fl-2009, meta l-produzzjoni mnaqqsa fl-UE, kienet riżultat tal-istrutturazzjoni mill-ġdid tas-settur, tpattiet parzjalment mill-importazzjonijiet żejda mir-RPĊ.

(80)

Din is-sitwazzjoni tista’ tkompli tiggrava minħabba l-fatt li, fis-suq tal-Istati Uniti tal-Amerika, dan l-aħħar ġew estiżi l-miżuri attwali ta’ antidumping fuq t-TCCA mir-RPĊ. Għalhekk wieħed jistenna li l-iskadenza tal-miżura AD fl-UE twassal biex is-suq tal-Unjoni jkun komparattivament aktar attraenti.

5.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tal-ħsara

(81)

L-industrija tal-Unjoni kienet ilha ġġarrab l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping għal diversi snin u għadha s’issa f’qagħda ekonomika prekarja.

(82)

Kif stabbilit hawn fuq, l-investigazzjoni wriet li s-sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni kompliet matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, it-tkomplija tal-ħsara hija fiha nnifisha indikatur qawwi li l-ħsara x’aktarx se tkompli fil-ġejjieni u dan jindika li l-miżuri għandhom jinżammu.

(83)

Minħabba l-kapaċità ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ u l-ġibda tas-suq tal-Unjoni, jekk il-miżuri jitneħħew x’aktarx li tkompli t-tendenza dejjem tikber li permezz tagħha l-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet oġġett ta’ dumping iwaqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni.

(84)

Jekk il-miżuri fis-seħħ ma jiġux estiżi, il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni tmur għall-agħar u tiġi mhedda l-eżistenza nfisha tagħha. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li hemm probabbiltà ċara ta’ tkomplija ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni, ġaladarba jitneħħew il-miżuri eżistenti.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

1.   Introduzzjoni

(85)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, kien meħtieġ li jiġi analizzat jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping attwali imorrux kontra l-interess tal-Unjoni fl-intier tagħha. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament tal-bosta interessi involuti, jiġifieri dawk tal-produtturi, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

(86)

F’investigazzjonijiet preċedenti tqies li l-adozzjoni ta’ miżuri ma kinitx kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-investigazzjoni preżenti hija reviżjoni, li b’hekk tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri antidumping diġà huma fis-seħħ, jippermetti l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv mhux dovut fuq il-partijiet milquta mill-miżuri antidumping attwali.

(87)

Fuq din il-bażi ġie eżaminat, jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ tkomplija ta’ dumping u ta’ ħsara, jista’ jiġi konkluż b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.

2.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(88)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni stabbiliti fil-premessa (66) hawn fuq, u bi qbil mal-argumenti li jirfdu l-probabbiltà tat-tkomplija ta’ ħsara kif spjegat fil-premessi (78) sa (81), jista’ jitqies li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ twassal għal aktar ħsara fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tat-TCCA tal-Unjoni, li sofriet mill-effett ta’ ħsara tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u li marret għall-agħar minħabba l-kriżi ekonomika mondjali.

(89)

Qiegħed jitqies li t-tkomplija tal-miżuri tkun ta’ benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni, li f’dan il-każ tkun tista’ tirkupra mill-effett ta’ ħsara ta’ dumping aggravat mill-kriżi ekonomika. Kuntrarjament, il-waqfien tal-miżuri jġib fi tmiem l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni u b’hekk jhedded serjament il-vijabilità tagħha, u, minħabba f’hekk, ipoġġi l-eżistenza tagħha fil-periklu, biex b’hekk tonqos il-provvista u l-kompetizzjoni fis-suq.

3.   L-interessi tal-importaturi u l-utenti

(90)

L-utenti, l-importaturi u l-proċessuri u l-atturi kollha magħrufa li huma eqreb l-istadji finali tal-produzzjoni tal-industrija tat-TCCA ġew ikkuntattjati.

(91)

Żewġ utenti biss ippreżentaw irwieħhom u t-tnejn li huma esprimew l-appoġġ tagħhom għat-tkomplija tal-miżuri fis-seħħ. It-tnejn sostnew li t-tkomplija tal-miżuri ma tħallix impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni, iżda li, għall-kuntrarju, tipprovdi lill-industrija utenti b’firxa usa’ ta’ fornituri li jikkompetu fi prezzijiet tas-suq. Billi ebda parti oħra ma ppreżentat ruħha f’dan il-każ, ma hemmx xhieda li turi li ż-żamma tal-miżuri antidumping fil-każ attwali jista’ jkollha effett serju fuq l-importaturi u l-utenti fl-Unjoni.

4.   Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(92)

It-tkomplija tal-miżuri tista’ tkun mistennija li tgħin lill-industrija tal-Unjoni, b’effetti ta’ benefiċċji konsegwenti fuq il-kondizzjonijiet kompetittivi fis-suq tal-Unjoni u t-tisħiħ tas-settur wara l-kriżi ekonomika u l-istrutturar mill-ġdid. Barra minn hekk, it-tkomplija tal-miżuri tista’ tkun mistennija li tibbenefika lill-utenti u l-importaturi billi żżomm firxa wiesgħa ta’ fornituri fis-suq tal-Unjoni.

(93)

B’kunsiderazzjoni għal fatturi kollha ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hija li ma hemm ebda raġuni kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri msemmija.

G.   MIŻURI ANTIDUMPING

(94)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti. Dawn ingħataw ukoll perjodu ta’ żmien biex jibagħtu l-kummenti tagħhom wara dan l-iżvelar. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti kienu debitament ikkunsidrati, fejn kien hemm bżonn.

(95)

Minn dak li ntqal fuq jirriżulta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, li l-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tat-TCCA għandhom jinżammu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv antidumping huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu, magħruf ukoll bħala “simklosene” skont l-isem internazzjonali mhux tad-ditta (INN), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċjiet CN ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (Kodiċijiet TARIC 2933698070 u 3808942020), u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti mmanifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Rata tad-dazju antidumping

Kodiċi addizzjonali TARIC

Hebei Jiheng Chemical Co. Limited

8,1  %

A604

Puyang Cleanway Chemicals Limited

7,3  %

A628

Heze Huayi Chemical Co. Limited

3,2  %

A629

Zhucheng Taisheng Chemical Co. Limited

40,5  %

A627

Il-kumpaniji l-oħra kollha

42,6  %

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. Jekk ma tiġix ippreżentata fattura ta’ dan it-tip, gћandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli gћall-kumpaniji l-oћra kollha.

4.   Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KOROLEC


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 261, 7.10.2005, p. 1.

(3)  Id-dazji jvarjaw minn 7,3 % (Puyang) għal 8,1 % (Hebei), 14,1 % (Heze), 40,5 % (Zhucheng) u 42,6 % (produtturi esportaturi oħra).

(4)  ĠU L 254, 29.9.2010, p. 1.

(5)  ĠU C 104, 23.4.2010, p. 15.

(6)  ĠU C 270, 6.10.2010, p. 7.

(7)  Il-prodott ikkonċernat huwa mmanifatturat b’modi differenti li jaqgħu taħt żewġ kategoriji: min naħa waħda prodotti f’għamla ta’ żibeċ jew trab u min-naħa l-oħra pilloli. Il-prezzijiet tal-pilloli huma ogħla mill-prezzijiet tal-prodotti f’għamla ta’ żibeġ u/jew trab. Dan ifisser li l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jvarjaw skont il-varjazzjoni fil-kompożizzjoni tat-taħlita tal-prodott. Fi kliem ieħor, taħlita tal-prodott li fiha proporzjon ogħla ta’ pilloli tkun iktar għalja minn taħlita ta’ prodott li apparagun fiha prodotti aktar f’għamla ta’ żibeġ u ta’ trab.

(8)  Ara l-marġini ta’ profitt qabel it-taxxa fil-Premessa 181 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 538/2005 (ĠU L 89, 8.4.2005, p. 4).


ANNESS

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali għandha tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) skont il-format li ġej:

1.

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li tkun qiegħda toħroġ il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, li l-firma tiegħi tidher taħt, niċċertifika li l-(volum) ta’ aċidu triklorojsoċjanuriku mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi TARIC addizzjonali) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.

Data u firma”.