21.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 338/51 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1358/2011 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-14 ta’ Diċembru 2011
li temenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9)
(BĊE/2011/26)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment l-Artikolu 19.1 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 19.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipola illi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista’ jitlob li istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri jżommu riżervi minimi f’kontijiet mal-BĊE u ma’ banek ċentrali nazzjonali għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika monetarja u li r-regolamenti dwar il-kalkolu u d-determinazzjoni tar-riżervi minimi meħtieġa jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kunsill Governattiv. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi (BĊE/2003/9) (1) jistabbilixxi, inter alia, il-kategoriji ta’ istituzzjonijiet soġġetti għal rekwiżiti tar-riżerva u l-proporzjoni tar-riżerva applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ obbligazzjonijiet. |
(3) |
Fit-8 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar miżuri msaħħa addizzjonali għall-appoġġ ta’ kreditu biex jappoġġaw is-self tal-banek u l-likwidità fis-suq tal-flus taż-żona tal-euro. Peress illi mhuwiex meħtieġ illi s-sistema tar-riżerva minima tal-BĊE tiġi applikata l-istess bħal ma jsir taħt ċirkostanzi normali sabiex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet tas-suq tal-flus, sabiex tkun tista’ tissaħħaħ il-provvista ta’ likwidità lil kontropartijiet għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huwa meħtieġ illi jitnaqqas il-proporzjon tar-riżerva għal 1 %. Ir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) għandu għalhekk jiġi emendat, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għal Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9)
L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) huwa mibdul b’li gej:
“2. Proporzjon ta’ riżerva ta’ 1 % għandu japplika għall-obbligazzjonijiet l-oħra kollha inklużi fil-bażi tar-riżerva.”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. L-Artikolu 1 għandu japplika mill-perjodu taż-żamma li jibda fit-18 ta’ Jannar 2012.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-14 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.